Language of document : ECLI:EU:T:2015:777

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

13 ta’ Ottubru 2015

Kawża T‑103/13 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Giorgio Cocchi

u

Nicola Falcione

“Appell – Appell Inċidentali – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijet – Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali – Proposti ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizzi – Att li ma jikkawżax preġudizzju – Inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza – Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tal-11 ta’ Diċembru 2012, Cocchi u Falcione vs Il-Kummissjoni (F‑122/10, ĠabraSP, EU:F:2012:180), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal tas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Dicembru 2012, Cocchi u Falcione vs Il-Kummissjoni (F‑122/10) hija annullata sa fejn din tiddikjara ammissibbli u fondata t-talba għall-annullament tal-atti (ikklassifikati, f’din is-sentenza, bħala “deċiżjonijiet”) tat-12 u tat-23 ta’ Frar 2010, indirizzati mill-Kummissjoni Ewropea, rispettivament, lil Nicola Falcione u lil Giorgio Cocchi, inkwantu dawn l-atti rtiraw il-proposti, magħmula lil G. Cocchi u lil N. Falcione, filwaqt li indikaw ir-riżultat, fi snin ta’ servizz pensjonabbli addizzjonali li jista’ jiġġenera trasferiment eventwali tad-drittijiet għall-pensjoni tagħhom. L-appell inċidentali huwa miċħud. Ir-rikors ippreżentat minn G. Cocchi u N. Falcione quddiem it-Tribunal tas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F‑122/10 huwa miċħud, sa fejn huwa intiż għall-annullament tal-atti tat-12 u tat-23 ta’ Frar 2010, indirizzati mill-Kummissjoni, rispettivament, lil N. Falcione u lil G. Cocchi, sa fejn dawn l-atti rtiraw il-proposti, magħmula lil G. Cocchi u lil N. Falcione, filwaqt li indikaw ir-riżultat, fi snin tas-servizz pensjonabbli addizzjonali li jista’ jiġġenera trasferiment eventwali tad-drittijiet għall-pensjoni tagħhom. G. Cocchi u N. Falcione għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom ta’ din l-istanza, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif ukoll dawk relatati mal-appell inċidentali. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-appell. G. Cocchi u N. Falcione kif ukoll il-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz fid-dawl tat-trasferiment tal-iskema tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizzi tal-Unjoni – Esklużjoni – Deċiżjoni li tagħti rikonoxximent tas-snin ta’ servizz adottati fil-każ ta’ trasferiment ta’ kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba – Inklużjoni

(Artikolu 91(1)tar-Regolamenti tal-Persunal u Artikolu 11(2) tal-Anness VIII)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Kompetenza tal-qorti tal-Unjoni – Opinjoni konsultattiva – Esklużjoni

(Artikolu 270 TFUE; Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal)

3.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Trasferiment tal-iskema tal-Unjoni – Possibbiltà mogħtija lill-persuna kkonċernata sabiex twettaq trasferiment tad-drittijiet tagħha għall-pensjoni miksuba – Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz li ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju – Assenza ta’ effett

(Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal)

4.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Proposta ta’ rimbors ta’ parti mill-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba trasferita fi skema tal-Unjoni – Esklużjoni

(Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u Artikolu 11(2) tal-Anness VIII)

1.      Proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz, ikkomunikata lil uffiċjal fid-dawl tat-trasferiment tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni Ewropea tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ sistema oħra, ma tipproduċix effetti legali vinkolanti li jaffettwaw direttament u immedjatament is-sitwazzjoni legali tad-destinatarju tagħha, billi tbiddel, b’mod ikkaratterizzat, is-sitwazzjoni legali tiegħu. Għaldaqstant, hija ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Konformement mal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, id-determinazzjoni effettiva tan-numru ta’ snin ta’ servizz irrikonoxxuti lill-uffiċjal li jkun talab it-trasferiment għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba preċedentement taħt skema oħra sseħħ neċessarjament wara t-twettiq konkret tat-trasferiment, “fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit”. Għalhekk, ma jistax jitqies li proposta ta’ ffissar tas-snin ta’ servizz li, min-natura tagħha stess, tiġi kkomunikata preċedement għal dan it-trasferiment, tista’ twettaq din id-determinazzjoni.

In-numru ta’ snin ta’ servizz li għandhom jiġu rrikonoxxuti jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-metodu ta’ konverzjoni fi snin ta’ servizz tal-kapital li jirrappreżentaw id-drittijiet preċedenti, previst mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni adottati mill-istituzzjoni inkwistjoni konformement mal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fil-fatt, hija d-deċiżjoni adottata ladarba jkun twettaq it-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-persuna kkonċernata qabel id-dħul tagħha fis-servizz li tikkonstitwixxi att li jikkawża preġudizzju u li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament konformement mal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 60, 62, 65 u 66)

2.       L-Artikolu 270 TFUE ma jagħtix lill-qorti tal-Unjoni l-kompetenza li tagħti opinjonijiet konsultattivi, imma biss dik li taqta’ kull tilwima bejn l-Unjoni u l-uffiċjali tagħha fil-limiti u fil-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal.

Issa, huma preċiżament ir-Regolamenti tal-Persunal li jipprevedu, fl-Artikolu 91(1) tagħhom, li rikors għal annullament jista’ biss jirrigwarda att li jikkawża preġudizzju. Jekk l-att li kontrih ikun ġie ppreżentat ir-rikors ma jkunx jikkawża preġudizzju lir-rikorrent, ir-rikors ikun inammissibbli. L-interess eventwali tiegħu li l-kwistjoni mressqa tiġi deċiża fuq il-mertu permezz tar-rikors tiegħu hija, f’dan ir-rigward, irrilevanti.

(ara l-punti 70 u 71)

3.      Li wieħed jammetti li proposta ta’ ffissar tas-snin ta’ servizz fid-dawl ta’ trasferiment għall-iskema tal-Unjoni tad-drittijiet ta’ pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni ma tikkonstiwixxix att li jikkawża preġudizzju, ma jfissirx li l-uffiċjal ikkonċernat jiġi mċaħħad mill-possibbiltà ta’ trasferiment li jagħti l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tal-Regolamenti tal-Persunal. Din tfisser, sempliċement, li l-uffiċjal għandu jagħzel jekk jixtieqx jeżerċita d-dritt li jkun ingħata f’din id-dispożizzjoni jew le, mingħajr ma jkun jista’ jitlob lill-qorti tal-Unjoni tieħu pożizzjoni rigward l-interpretazzjoni u l-evalwazzjoni, fil-każ tiegħu, ta’ din id-dispożizzjoni u ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni adottati għall-implementazzjoni tiegħu.

(ara l-punt 85)

4.       Fil-kuntest tal-proċedura ta’ trasferiment tad-drittijiiet għall-pensjoni, prevista fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, proposta ta’ rimbors ta’ parti mill-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba minn skema oħra, trasferita fi skema ta’ pensjoni tal-Unjoni, ma hijiex att li jikkawża preġudizzju sa fejn hija tirrigwarda r-rimbors tal-eċċess lill-persuna kkonċernata tal-kapital li jiġi transferit.

Fil-fatt, l-eċċess eventwali rimborsabbli huwa marbut man-numru ta’ snin ta’ servizz li jkun ser jiġi rrikonoxxut lill-persuna kkonċernata u mar-rata tal-konverżjoni tal-kapital tas-snin ta’ servizz.

(ara l-punt 100)