Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Latvja) fid9 ta’ Ġunju 2023 – SIA “A” vs C, D, E

(Kawża C365/23, Arce )1

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Augstākā tiesa (Senāts)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SIA “A”

Konvenut: C, D, E

Domandi preliminari

Kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi għas-sostenn tal-iżvilupp u tal-karriera ta’ sportiv konkluż bejn, minn naħa, kummerċjant li jeżerċita l-attività professjonali tiegħu fil-qasam tal-iżvilupp u tat-taħriġ tal-isportivi u, min-naħa l-oħra, minuri rrappreżentat mill-ġenituri tiegħu li, meta ġie konkluż il-kuntratt, ma kienx impjegat fil-qasam tal-isport inkwistjoni, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ?1

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, id-Direttiva 93/13 tipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tinterpreta l-leġiżlazzjoni li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt nazzjonali b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi japplikaw ukoll għal tali kuntratti?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda, qorti nazzjonali tista’, konformement mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13, twettaq eżami tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tipprovdi li, bħala korrispettiv għal provvista ta’ servizzi, speċifikati fil-kuntratt, għas-sostenn tal-iżvilupp u tal-karriera fi sport partikolari, iż-żagħżugħ sportiv jintrabat li jħallas remunerazzjoni li tikkorrispondi għal 10 % tad-dħul li huwa jirċievi matul il15-il sena sussegwenti, u ma tqisx il-klawżola inkwistjoni bħala dispożizzjoni li n-natura inġusta tagħha ma hijiex suġġetta għal evalwazzjoni, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, għandu jiġi kkonstatat li klawżola kuntrattwali ġiet abbozzata b’lingwaċċ sempliċi u ċar fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 fejn din tipprovdi li, bħala korrispettiv għal provvista ta’ servizzi, speċifikati fil-kuntratt, għas-sostenn tal-iżvilupp u tal-karriera ta’ sportiv, iż-żagħżugħ sportiv jintrabat li jħallas remunerazzjoni li tikkorrispondi għal 10 % tad-dħul li huwa jirċievi matul il15-il sena sussegwenti, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, meta ġiet konkluż il-kuntratt, iż-żagħżugħ sportiv ma kellux informazzjoni ċara dwar il-valur tas-servizz ipprovdut u dwar l-ammont li kellu jħallas bħala korrispettiv għal dan is-servizz, b’mod li jippermettilu jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi li dan seta’ jkollu għalih?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, għandu jiġi kkonstatat li klawżola kuntrattwali li tipprovdi li, bħala korrispettiv għal provvista ta’ servizzi, speċifikati fil-kuntratt, għas-sostenn tal-iżvilupp u tal-karriera ta’ sportiv, iż-żagħżugħ sportiv jintrabat li jħallas remunerazzjoni li tikkorrispondi għal 10 % tad-dħul li huwa jirċievi matul il15-il sena sussegwenti, tikkostitwixxi, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, klawżola li toħloq żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, għad-detriment tal-konsumatur, peress li skont din id-dispożizzjoni, il-valur tas-servizz ipprovdut ma huwiex marbut mal-ispiża sostnuta mill-konsumatur?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ħames domanda, deċiżjoni ta’ qorti tkun kuntrarja għall-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jekk tnaqqas l-ammont li l-konsumatur jista’ jintalab iħallas lill-fornitur tas-servizz għall-ammont tal-ispejjeż effettivi sostnuti mill-fornitur tas-servizz fil-provvista tas-servizzi lill-konsumatur konformement mal-kuntratt?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tielet domanda, jekk klawżola kuntrattwali li tipprovdi li, bħala korrispettiv għal provvista ta’ servizzi, speċifikati fil-kuntratt, għas-sostenn tal-iżvilupp u tal-karriera ta’ sportiv, iż-żagħżugħ sportiv jintrabat li jħallas remunerazzjoni li tikkorrispondi għal 10 % tad-dħul li huwa jirċievi matul il 15-il sena sussegwenti, ma tkunx suġġetta għal eżami tan-natura inġusta fid-dawl tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, qorti nazzjonali tista’, meta tikkonstata li l-ammont tar-remunerazzjoni huwa manifestament sproporzjonat meta mqabbel mal-kontribuzzjoni pprovduta mill-fornitur ta’ servizzi, tikkonstata madankollu li l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni hija inġusta abbażi tad-dritt nazzjonali?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għas-seba’ domanda, f’każ ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 8a tad-Direttiva 93/13, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 8a ta’ din id-direttiva fir-rigward tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istat Membru konformement mal-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva u, fl-affermattiv, il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali hija limitata mill-informazzjoni pprovduta minn dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 8a tad-Direttiva 93/13 meta l-Istat Membru jkun indika li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma tmurx lil hinn mill-istandards minimi stabbiliti mill-imsemmija direttiva?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda, liema rilevanza għandha tingħata, fid-dawl tal-Artikolu 17(1), moqri flimkien mal-Artikolu 24, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 fid-dritt nazzjonali, għall-fatt li, meta ġie konkluż il-kuntratt għall-provvista ta’ servizzi msemmi iktar ’il fuq għal perijodu ta’ 15-il sena, iż-żagħżugħ sportiv kien minuri, u għaldaqstant, il-kuntratt ġie konkluż mill-ġenituri tiegħu f’ismu, u ġie stabbilit l-obbligu li huwa jħallas remunerazzjoni li tikkorrispondi għal 10 % tad-dħul kollu li huwa jirċievi matul il15-il sena sussegwenti?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda, fid-dawl tal-fatt li l-attivitajiet sportivi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm ksur tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 17(1), moqri flimkien mal-Artikolu 24(2), tal-Karta, fil-każ ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi għal perijodu ta’ 15-il sena konkluż ma’ żagħżugħ sportiv, li huwa minuri, liema kuntratt ġie konkluż mill-ġenituri tiegħu f’ismu, u li jipprovdi li l-minuri għandu obbligu li jħallas remunerazzjoni li tikkorrispondi għal 10 % tad-dħul kollu li huwa jirċievi matul il-15-il sena sussegwenti?

____________

1 L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100