Language of document : ECLI:EU:C:2016:674

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja)

13 ta’ Settembru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 20 TFUE – Ċittadin ta’ Stat terz li għandu l-kustodja ta’ wild ta’ età żgħira, ċittadin tal-Unjoni – Dritt ta’ residenza fl-Istat Membru li tiegħu l-wild huwa ċittadin – Kundanni kriminali tal-ġenitur tal-wild – Deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-ġenitur li għandha bħala konsegwenza t-tkeċċija indiretta tal-wild ikkonċernat”

Fil-Kawża C‑304/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) [qorti superjuri (awla tal-immigrazzjoni u tal-ażil), ir-Renju Unit], permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ġunju 2014, fil-proċedura

Secretary of State for the Home Department

vs

CS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, C. Toader, D. Šváby, F. Biltgen u C. Lycourgos, Presidenti tal-Awla, A. Rosas (Relatur), E. Juhász, A. Borg Barthet, M. Safjan, M. Berger, A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal CS, minn R. Husain, QC, L. Dubinsky, avukat, u M. P. Tridimas, barrister, rappreżentanti ta’ D. Furner, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt u J. Beeko, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, barrister,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u M. Wolff, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, kif ukoll minn K. Pawłowska u M. Pawlicka, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Martínez del Peral u C. Tufvesson, kif ukoll minn M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE.

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ tilwima bejn CS, ċittadina ta’ Stat terz, omm ta’ wild ta’ età zgħira, ċittadin tal-Unjoni li għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru li dejjem irrisjeda fih u s-Secretary of State for the Home Department (ministru tal-intern, ir-Renju Unit), dwar deċiżjoni li permezz tagħha l-persuna interessata ġiet imkeċċija mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għal Stat terz, minħabba l-preċedenti kriminali tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 5 p. 46, u rettifiki, ĠU 2004, L 229, p. 35, u ĠU 2005, L 197, p. 34), intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi:

“1.               Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

2.      “Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ moviment liberu u residenza li l-persuni kkonċernati jista’ jkollhom, l-Istat Membru ospitanti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-persuni li ġejjin:

a)      kwalunkwe membri oħrajn tal-familja, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-punt 2 ta' l-Artikolu 2 li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’ residenza [...];

[...]

L-Istat Membru ospitanti għandu jaffettwa eżami estensiv taċ-ċirkostanzi personali u għandu jiġġustifika kwalunkwe tiċħid ta’ dħul jew ta’ residenza lil dawn in-nies.”

 Id-dritt tar-Renju Unit

 Il-Liġi dwar il-Fruntieri

4        Skont l-Artikolu 32(5) tal-UK Borders Act 2007 (il-liġi tal-2007 dwar il-fruntieri, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-fruntieri”), meta persuna li ma hijiex ċittadin Brittaniku tinstab ħatja fir-Renju Unit ta’ ksur u hija kkundannata għal priġunerija ta’ mill-inqas tnax-il xahar, il-ministru tal-intern għandu jadotta deċiżjoni ta’ tkeċċja fil-konfront tagħha.

5        Mill-Artikolu 33 tal-Liġi dwar il-fruntieri jirriżulta li, tali obbligu huwa eskluż meta t-tkeċċija, skont id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, tal-persuna kkundannata:

“(a)               tikser id-drittijiet li għandha persuna skont il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jew

(b)      tikser l-obbligi tar-Renju Unit skont il-konvenzjoni li tirrigwarda l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 189, p. 150, Nru 2545 [1954]); jew

(c)      tikser id-drittijiet li għandha l-persuna li wettqet ir-reat skont it-Trattati tal-Unjoni Ewropea.”


 Ir-Regolament dwar l-Immigrazzjoni

6        Skont l-Artikolu 15A(4A), tal-Immigration (European Economic Area) Regulations 2006 [regolament tal-2006 dwar l-immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea)], kif emendat fis-sena 2012 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-Immigrazzjoni”), li jieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124), persuna li tissodisfa l-kriterji previsti f’dan l-Artikolu 15A(4A), tibbenefika minn “dritt ta’ residenza dderivat fir-Renju Unit”.

7        Madankollu, skont l-Artikolu 15A(9), ta’ dan ir-regolament, persuna li normalment tibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat skont, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 15A(4A), ma tibbenefikax minn dan id-dritt “meta [l-Ministru tal-Intern] ikun ħa deċiżjoni skont l-Artikolu [19(3)(b) tal-Artikolu 20(1), jew tal-Artikolu 20A(1) tar-Regolament dwar l-Immigrazzjoni]”.

8        Skont l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, il-ministru tal-intern jista’ jirrifjuta li jagħti, li jirrevoka jew li jirrifjuta li jġedded ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, permess ta’ residenza, dokument li juri r-residenza permanenti jew permess ta’ residenza permanenti “jekk ir-rifjut jew ir-revoka hija ġġustifikata minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika”.

9        Skont l-Artikolu 20(6) tar-Regolament dwar l-Immigrazzjoni, tali deċiżjoni għandha tittieħed skont l-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament.

10      L-Artikolu 21A tar-Regolament dwar l-Immigrazzjoni japplika verżjoni emendata tal-parti 4 ta’ dan ir-regolament għal deċiżjonijiet meħuda fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ drittijiet ta’ residenza dderivati. L-Artikolu 21A(3)(a) tal-imsemmi regolament japplika din il-Parti 4 bħallikieku “ir-riferimenti għal element iġġustifikat minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika skont l-Artikolu 21 jirreferu, minflok, għal element li ‘jikkontribwixxi għall-interess ġenerali’”.

11      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li huwa possibbli li jiġi rrifjutat dritt ta’ residenza dderivat lil persuna li normalment tista’ tingħata dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C 34/09, EU:C:2011:124), meta dan jikkontribwixxi għall-interess ġenerali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      CS, ċittadina ta’ Stat terz, iżżewget ma’ ċittadin Britanniku fis-sena 2002. F’Settembru 2003, ingħatat viża abbażi taż-żwieġ tagħha u daħlet b’mod regolari fir-Renju Unit, bl-awtorizzazzjoni li tibqa’ hemm sal-20 ta’ Awwissu 2005. Fil-31 ta’ Ottubru 2005, irċiviet permess ta’ residenza għal żmien indeterminat f’dan l-Istat Membru.

13      Matul is-sena 2011, twieled wild minn dan iż-żwieġ, fir-Renju Unit. CS ingħatat waħedha il-kustodja effettiva ta’ dan il-wild, ċittadin Britanniku.

14      Fl-21 ta’ Marzu 2012, CS instabet ħatja ta’ reat. Fl-4 ta’ Mejju ta’ wara, hija ġiet ikkundannata għal piena ta’ tnax il-xahar priġunerija.

15      Fit-2 ta’ Awwissu 2012, CS ġiet innotifikata li, minħabba l-kundanna tagħha, hija setgħet titkeċċa mir-Renju Unit. Fit-30 ta’ Awwissu 2012, CS applikat għall-ażil f’dan l-Istat Membru. Din it-talba ġiet eżaminata mill-awtorità nazzjonali kompetenti, jiġifieri mill-ministru tal-intern.

16      Fit-2 ta’ Novembru 2012, CS ġiet illiberata wara li skontat il-piena ta’ priġunerija tagħha u, fid-9 ta’ Jannar 2013, il-ministru tal-intern ċaħad it-talba għall-ażil ippreżentata mill-persuna kkonċernata. Id-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ CS mir-Renju Unit lejn Stat terz ittieħdet abbażi tal-Artikolu 32(5) tal-Liġi dwar il-fruntieri. CS ikkontestat l-imsemmija deċiżjoni billi eżerċitat id-dritt ta’ rikors tagħha quddiem il-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) [qorti tal-ewwel istanza (awla tal-immigrazzjoni u tal-ażil) ir-Renju Unit]. Fit-3 ta’ Settembru 2013, ir-rikors ta’ CS intlaqa’ minħabba li t-tkeċċija tal-persuna kkonċernata twassal għal ksur tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, tal-Artikoli 3 u 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tal-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, kif ukoll tat-Trattati.

17      Fid-deċiżjoni tagħha, il-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) [qorti tal-ewwel istanza (awla tal-immigrazzjoni u tal-ażil)] ikkonstatat li, f’każ ta’ adozzjoni ta’ miżura ta’ tkeċċija fir-rigward ta’ CS, l-ebda membru ieħor tal-familja ma seta’ jieħu ħsieb il-wild tagħha fir-Renju Unit, b’tali mod li dan kien ikollu jsegwi lil ommu fl-Istat ta’ oriġini tagħha. Peress li rreferiet għad-drittijiet tal-wild CS, marbuta maċ-ċittadinanza Ewropea tiegħu, skont l-Artikolu 20 TFUE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124), din il-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet li “ċittadin tal-Unjoni Ewropea ma jistax jitkeċċa b’mod impliċitu mit-territorju tal-Unjoni Ewropea, fi kwalunkwe ċirkustanza. [...], [li] dan l-obbligu ma fih l-ebda eċċezzjoni, ikun xi jkun, inkluż meta [...] il-ġenituri għandhom preċedenti kriminali, [...] [u li] konsegwentement, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija inkwistjoni ma hijiex konformi mad-dritt, għaliex tikser id-drittijiet li għandu l-wild skont l-Artikolu 20 TFUE”.

18      Il-Ministru tal-Intern ġie awtorizzat jappella quddiem l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) [qorti superjuri (awla tal-immigrazzjoni u tal-ażil), ir-Renju Unit]. Huwa sostna li l-qorti tal-ewwel istanza wettqet żball ta’ liġi meta laqgħet ir-rikors ta’ CS, b’mod partikolari fl-evalwazzjonijiet tagħha dwar id-drittijiet li l-wild tagħha jgawdi skont l-Artikolu 20 TFUE, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124), u d-drittijiet idderivati li tgawdi CS. Il-ministru tal-intern sostna b’mod partikolari li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li CS titkeċċa lejn l-Istat ta’ oriġini tagħha, anki jekk dan iċaħħad lill-wild tagħha, ċittadin tal-Unjoni, mit-tgawdija ġenwina tas-sustanza tad-drittijiet marbuta ma dan l-istatus.

19      Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) [qorti superjuri (awla tal-immigrazzjoni u tal-ażil)] iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1) Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 20 TFUE, jipprekludi Stat Membru milli jkeċċi mit-territorju tiegħu lejn pajjiż li ma huwiex membru tal-Unjoni, ċittadin li ma huwiex membru tal-Unjoni li huwa l-ġenitur u għandu l-kustodja effettiva ta’ wild li huwa ċittadin ta’ dan l-Istat Membru (u, konsegwentement, ċittadin tal-Unjoni), meta dan iċaħħad lill-wild ċittadin tal-Unjoni mit-tgawdija ġenwina tas-sustanza td-drittijiet tiegħu jew tagħha bħala ċittadin tal-Unjoni Ewropea?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva [għall-ewwel domanda], f’liema ċirkustanzi tali tkeċċija tkun permessa skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva [għall-ewwel domanda], sa liema punt, jekk dan huwa l-każ, l-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva [2004/38] jagħtu informazzjoni għar-risposta [għat-tieni domanda]?”

 Fuq id-domandi preliminari

20      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi t-tkeċċija mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għal Stat terz, ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat li ġie suġġett għal kundanna kriminali għal reat ta’ ċerta gravità, filwaqt li dan għandu l-kustodja effettiva ta’ wild ta’ età żgħira, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, li huwa jirrisjedi fih sa minn twelidu mingħajr ma eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, meta t-tkeċċija prevista timponi fuq dan il-wild it-tluq mit-territorju tal-Unjoni, b’hekk iċċaħħdu mit-tgawdija ġenwina tas-sustanza tad-drittijiet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni.

 Fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni

21      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Benefiċjarji”, dan japplika għal kull ċittadin tal-Unjoni li “li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom.”

22      Konsegwentement, l-imsemmija direttiva ma tapplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat qatt ma eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu u dejjem irrisjeda fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità (ara s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 39). Sa fejn ċittadin tal-Unjoni ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, lanqas membru tal-familja tiegħu ma jaqa’ taħt dan il-kunċett peress li d-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva lill-membri tal-familja ta’ benefiċjarju ta’ din id-direttiva ma humiex drittijiet mogħtija direttament lil dawn il-membri iżda huma drittijiet idderivati, miksuba fil-kwalità tagħhom ta’ membri tal-familja tal-benefiċjarju (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 42; tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 55, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et, C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 31).

23      It-tieni nett, fir-rigward l-Artikolu 20 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li, bħall-wild ta’ nazzjonalità Britannika ta’ CS, ma jkunx eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu ma tistax, minħabba dan il-fatt biss, tiġi ekwiparata għal sitwazzjoni purament interna, jiġifieri sitwazzjoni li ma tippreżenta ebda element ta’ rabta ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 46 ; tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 61, kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 43).

24      Fil-fatt, il-wild ta’ CS, bħala ċittadin ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 20(1) TFUE, igawdi mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri, u għalhekk jista’ jinvoka, inkluż fil-konfront tal-Istat Membru li għandu n-nazzjonalità tiegħu, drittijiet marbuta ma’ tali status (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, EU:C:2011:277, punt 48; tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 63, kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 44).

25      Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea dritt fundamentali u individwali li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għar-restrizzjonijiet stabbiliti mit-Trattat u miżuri adottati bil-għan tal-applikazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal, C‑162/09, EU:C:2010:592, punt 29, u tas-16 ta’ Ottubru 2012, L-Ungerija vs. Is-Slovakkja, C‑364/10, EU:C:2012:630, punt 43).

26      B’hekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 42 tas-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124), l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali li għandhom bħala effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija ġenwina tas-sustanza ta’ drittijiet, mogħtija mill-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni.

27      Mill-banda l-oħra, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jagħtu l-ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ Stati terzi (sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 66, u tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et, C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 34).

28      Fil-fatt, id-drittijiet eventwali mogħtija liċ-ċittadini ta’ Stati terzi mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma humiex drittijiet proprji għal dawn iċ-ċittadini, iżda drittijiet idderivati minn dawk li minnhom igawdi ċ-ċittadin tal-Unjoni. L-għan u l-ġustifikazzjoni tal-imsemmija drittijiet idderivati huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut tar-rikonoxximent tagħhom huwa ta’ natura li jippreġudika, b’mod partikolari, il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni (sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punti 67 u 68, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et, C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 35).

29      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li jeżistu sitwazzjonijiet partikolari ħafna fejn, id-dritt sekondarju relatat mad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ Stati terzi ma huwiex applikabbli u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma għamilx użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, madankollu dritt ta’ residenza għandu jingħata lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin, peress li jkun hemm ksur tal-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jekk, bħala konsegwenza tar-rifjut ta’ tali dritt, l-imsemmi ċittadin jiġi obbligat, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fl-intier tiegħu, filwaqt li jiġi mċaħħad mit-tgawdija ġenwina tas-sustanza tad-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punti 43 u 44 ; tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punti 66 u 67 ; tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 71 ; tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et, C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 36, kif ukoll tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa u Moudoulou, C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 32).

30      Is-sitwazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma kkaratterizzati mill-fatt li, anki jekk huma rregolati minn leġiżlazzjoni li taqa’ a priori taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, jiġifieri, il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ Stati terzi barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt idderivat li, taħt ċerti ċirkustanzi, jipprevedu l-għoti ta’ tali dritt, dawn is-sitwazzjonijiet għandhom madankollu relazzjoni intrinsika mal-libertà ta’ moviment ta’ u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni, li tipprekludi li dan id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza jiġi rrifjutat lil dawn iċ-ċittadini fl-Istat Membru fejn jirrisjedi dan iċ-ċittadin, sabiex din il-libertà ma tiġix ippreġudikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 72, u tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et, C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 37).

31      F’dan il-każ, il-wild ta’ CS, bħala ċittadin tal-Unjoni, jibbenefika mid-dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Unjoni u kull limitazzjoni għal dan id-dritt taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

32      Issa, restrizzjoni għad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni tista’ tirriżulta fit-tkeċċija ta’ omm dan il-wild, li għandha l-kustodja effettiva tiegħu, fejn l-imsemmi wild jista’ jkun obbligat, fil-fatt, jakkumpanjaha, u għalhekk li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat fl-intier tiegħu. F’dan is-sens, it-tkeċċija ta’ omm l-istess wild iċċaħħdu mit-tgawdija ġenwina tas-sustanza tad-drittijiet, madankollu, mogħtija lilu mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

33      Konsegwentement, għandu jiġu kkunsidrat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tirriżulta fiċ-ċaħda għall-wild ta’ CS tat-tgawdija ġenwina tas-sustanza tad-drittijiet mogħtija lilu mill-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni u, għaldaqstant, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

 Fuq il-possibbiltà ta’ introduzzjoni ta’ limitazzjonijiet għad-dritt ta’ residenza dderivat li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE

34      Il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidra li t-twettiq ta’ reat kriminali jista’ jneħħi kawża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124). Filwaqt li, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li dan il-prinċipju japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan jista’ jiġi suġġett għal limitazzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ CS minħabba l-aġir kriminali gravi jikkorrispondi għal raġuni ta’ ordni pubbliku, sakemm dan l-aġir jirrappreżenta theddida ċara għal interess leġittimu ta’ dan l-Istat Membru, jiġifieri r-rispett tal-koeżjoni soċjali u tal-valuri tas-soċjetà tiegħu. Għalhekk, fid-deċiżjoni li ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn CS mill-kundanna tagħha ta’ piena ta’ priġunerija, l-imsemmi gvern irrileva li, f’dan il-każ, il-Court of Appeal (England & Wales) (Criminal Division) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales) (taqsima kriminali), Renju Unit] irrikonoxxiet il-gravità tal-ksur imwettaq mill-persuna interessata.

35      F’dan il-kuntest, il-Gvern tar-Renju Unit jirrileva li l-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38 jirregolaw il-possibbiltà għall-Istati Membri, li jkeċċu mit-territorju tagħhom ċittadin tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jkun wettaq reat kriminali. Issa, ir-rifjut ta’ rikonoxximent tal-possibbiltà ta’ introduzzjoni ta’ limitazzjonijiet għad-dritt ta’ residenza dderivat li jirriżulta direttament mill-Artikolu 20 TFUE u tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ tkeċċija jimplika li Stat Membru ma jkunx jista’ jkeċċi ċittadin ta’ Stat terz ħati ta’ tali reat jekk dan ikun il-ġenitur ta’ wild, ċittadin tal-Unjoni, li jirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-livell ta’ protezzjoni mit-tkeċċija mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, ikun iktar għoli għal ċittadin ta’ Stat terz li huwa benefiċjarju ta’ dritt ta’ residenza dderivat milli għal ċittadin tal-Unjoni. Għaldaqstant, Stat Membru għandu jkun intitolat li jidderoga mid-dritt ta’ residenza dderivat li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE u jkeċċi mit-territorju tiegħu tali ċittadin ta’ Stat terz fil-każ ta’ ksur kriminali ta’ ċerta gravità, anki jekk dan jimplika li l-wild ikkonċernat ikollu jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, sakemm tali deċiżjoni tkun proporzjonata u tirrispetta d-drittijiet fundamentali.

36      Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 20 TFUE ma jaffettwax il-possibbiltà għall-Istati Membri li jinvokaw eċċezzjoni marbuta, b’mod partikolari, maż-żamma tal-ordni pubbliku u mal-protezzjoni tas-sigurtà interna. Madankollu, sa fejn is-sitwazzjoni ta’ CS taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tagħha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), liema artikolu għandu jinqara flimkien mal-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-wild, rikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punti 53 u 54).

37      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, bħala ġustifikazzjoni ta’ deroga għad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-membri tal-familja tagħhom, il-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” u ta’ “sigurtà pubblika” għandhom jinftiehmu b’mod restrittiv u li l-portata tagħhom ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membri mingħajr kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn, 41/74, EU:C:1974:133, punt 18 ; tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, EU:C:1977:172, punt 33 ; tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punti 64 u 65 ; tas-27 ta’ April 2006, Il‑Kummissjoni vs. Il-Ġermanja, C‑441/02, EU:C:2006:253, punt 34, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs. Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑50/06, EU:C:2007:325, punt 42).

38      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fi kwalunkwe każ, il-kunċett ta’ “ordni pubbliku” jippreżupponi, l-eżistenza, minbarra mit-tifxkil ta’ ordni pubbliku li jinvolvi kull ksur tal-liġi, ta’ theddida ġenwina, attwali u serja, li għandha impatt fuq interess fundamentali tas-soċjetà.

39      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “sigurtà pubblika”, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kunċett ikopri s-sigurtà interna ta’ Stat Membru u s-sigurtà esterna tiegħu u li, għalhekk, il-preġudizzju għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi essenzjali kif ukoll is-sopravivenza tal-popolazzjoni, bl-istess mod bħar-riskju ta’ disturb serju tar-relazzjonijiet esterni jew tal-koeżistenza paċifika tal-popli, jew inkella l-preġudizzju għall-interessi militari, jistgħu jaffettwaw is-sigurtà pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punti 43 u 44, kif ukoll tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punti 65 u 66). Il-Qorti ddeċidiet ukoll li l-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mat-traffiku ta’ drogi fi grupp organizzat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punti 45 u 46) jew kontra t-terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal, C‑100/01, EU:C:2002:712, punti 12 u 35) hija kompriża fil-kunċett ta’ “sigurtà pubblika”.

40      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li, sakemm id-deċiżjoni ta’ tkeċċija hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ theddida ġenwina, attwali u biżżejjed serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, inkunsiderazzjoni tar-reati kriminali mwettqa minn ċittadin ta’ Stat terz li għandu l-kustodja esklużiva ta’ wlied, ċittadini tal-Unjoni, tali deċiżjoni tista’ tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni.

41      Mill-banda l-oħra, din il-konklużjoni ma tistax tinsilet b’mod awtomatiku abbażi tal-preċedenti kriminali tal-persuna interessata biss. Din tista’ tirriżulta biss, jekk ikun il-każ, minn evalwazzjoni konkreta mwettqa mill-qorti nazzjonali taċ-ċirkustanzi attwali u rilevanti tal-każ fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-aħjar interess tal-wild u tad-drittijiet fundamentali li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza.

42      Għalhekk, din l-evalwazzjoni trid tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-aġir personali tal-individwu kkonċernat, it-tul u l-legalità tar-residenza tal-persuna interessata fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, in-natura u l-gravità tar-reat imwettaq, il-livell ta’ periklu attwali tal-persuna interessata għas-soċjetà, l-età tal-wild inkwistjoni u l-istat ta’ saħħa tiegħu, kif ukoll is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tiegħu.

43      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-adozzjoni mill-Ministru tal-Intern ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija fir-rigward ta’ ċittadin ta’ Stat ieħor minbarra r-Renju Unit, misjub ħati ta’ reat u kkundannat għal priġunerija ta’ mill-inqas tnax-il xahar hija mandatorja, ħlief jekk din lid-deċiżjoni “tikser id-drittijiet tal-kriminal ikkundannat skont it-Trattati tal-Unjoni”.

44      Għalhekk, din il-leġiżlazzjoni tidher li qiegħda tistabbilixxi rabta sistematika u awtomatika bejn il-kundanna kriminali tal-persuna kkonċernata u l-miżura ta’ tkeċċija applikabbli għaliha jew, fi kwalunkwe każ, teżisti preżunzjoni li l-persuna kkonċernata għandha titkeċċa mir-Renju Unit.

45      Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 40 sa 42 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ preċedenti kriminali biss ma tistax, minnha nnifisha, tiġġustifika deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ natura tali li ċċaħħad lill-wild ta’ CS mit-tgawdija ġenwina tas-sustanza tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin.

46      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, l-ewwel nett, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk l-aġir ta’ CS jew ir-reat li hija wettqet, tikkostitwixxi theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà jew tal-Istat Membru ospitanti, li tista’ tiġġustifika deċiżjoni ta’ tkeċċija mir-Renju Unit għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà pubblika.

47      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li trid tistabbilixxi, minn naħa, il-livell ta’ periklu għas-soċjetà tal-aġir kriminali ta’ CS u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi eventwali li tali aġir jista’ jkollu fuq l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika tal-Istat Membru kkonċernat.

48      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni li għandha tagħmel, il-qorti tar-rinviju għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza tagħhom, b’mod partikolari, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punt 52) u tiżgura li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

49      F’dan il-każ, fl-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, għandu jittieħed inkunsuderazzjoni l-aħjar interess tal-wild. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-età tiegħu, għas-sitwazzjoni tiegħu fl-Istat Membru kkonċernat, u għall-livell ta’ dipendenza fuq il-ġenitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ewropew tad-Drittijiet tal-Bniedem, 3 ta’ Ottubru 2014, Jeunesse vs. Il-Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2014:1003JUD001273810, § 118).

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jimponi t-tkeċċija mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għal Stat ieħor, ta’ ċittadin ta’ tali Stat li ġie suġġett għal kundanna kriminali, filwaqt li dan għandu l-kustodja effettiva ta’ wild ta’ età żgħira, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, li huwa jirrisjedi fih sa minn twelidu mingħajr ma eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, meta t-tkeċċija tal-persuna interessata timponi fuq dan il-wild it-tluq mit-territorju tal-Unjoni,u b’hekk iċċaħħdu mit-tgawdija ġenwina tas-sustanza tad-drittijiet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni. Madankollu, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, Stat Membru jista’ jadotta miżura ta’ tkeċċija sakemm din tkun ibbażata fuq l-aġir personali ta’ dan iċ-ċittadin ta’ Stat terz, li għandu jikkostitwixxi theddida ġenwina, attwali u gravi biżżejjed li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, u li tistrieħ fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi differenti inkwistjoni, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jimponi t-tkeċċija mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għal Stat ieħor, ta’ ċittadin ta’ tali Stat li ġie suġġett għal kundanna kriminali, filwaqt li dan għandu l-kustodja effettiva ta’ wild ta’ età żgħira, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, li huwa jirrisjedi fih sa minn twelidu mingħajr ma eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, meta t-tkeċċija tal-persuna interessata timponi fuq dan il-wild it-tluq mit-territorju tal-Unjoni, u b’hekk iċċaħħdu mit-tgawdija ġenwina tas-sustanza tad-drittijiet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni. Madankollu, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, Stat Membru jista’ jadotta miżura ta’ tkeċċija sakemm din tkun ibbażata fuq l-aġir personali ta’ dan iċ-ċittadin ta’ Stat terz, li għandu jikkostitwixxi theddida ġenwina, attwali u gravi biżżejjed li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, u li tistrieħ fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi differenti inkwistjoni, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.