Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Latvja) fid-9 ta’ Marzu 2021 – SIA “Ogres HES” vs Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija, Ekonomikas ministrija, Finanšu ministrija

(Kawża C-152/21)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Augstākā tiesa (Senāts)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent u appellant fl-appell inċidentali: SIA “Ogres HES”

Konvenut u appellant fl-appell: Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija

Partijiet oħra fil-proċedura: Ekonomikas ministrija, Finanšu ministrija

Domandi preliminari

L-obbligu skont liema l-operatur pubbliku għandu jixtri l-elettriku minn produtturi li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq, billi japprofittaw mill-obbligu skont liema l-konsumatur finali għandu jħallas prezz proporzjonali għall-konsum, għandu jitqies bħala intervent tal-Istat jew bħala għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE?

Il-kunċett ta’ “liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku” għandu jiġi interpretat fis-sens li wieħed jista’ jqis li l-liberalizzazzjoni tkun diġà seħħet fid-dawl ta’ ċerti elementi ta’ kummerċ ħieles, bħal kuntratti konklużi mill-operatur pubbliku ma’ fornituri ta’ Stati Membri oħrajn? Jista’ wieħed iqis li l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku tibda minn meta l-liġi tagħti lil parti mill-utenti tal-elettriku (bħall-utenti tal-elettriku konnessi man-network tat-trasport jew l-utenti tal-elettriku mhux residenzjali konnessi man-network ta’ distribuzzjoni) id-dritt li jibdlu l-fornitur tal-elettriku? L-evoluzzjoni tar-regolamentazzjoni tas-suq tal-elettriku fil-Latvja, b’mod partikolari s-sitwazzjoni qabel is-sena 2007, għandha effett fuq l-evalwazzjoni tal-għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-elettriku, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE (risposta għall-ewwel domanda)?

Jekk ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li l-għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-elettriku ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-fatt li r-rikorrenti attwalment topera f’suq tal-elettriku lliberalizzat u li l-ħlas tad-danni jagħtiha, preżentement, vantaġġ meta mqabbla ma’ operaturi oħrajn fis-suq inkwistjoni jwassal sabiex id-danni jiġu assimilati mal għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE?

Jekk ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li l-għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-elettriku tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, it-talba tar-rikorrenti intiża li tikseb kumpens għad-danni għat-telf subit minħabba l-eżerċizzju inkomplet tad-dritt legali għal ħlas ogħla għall-elettriku prodott għandha, fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat previst fl-Artikolu 107 TFUE, tiġi assimilata għal talba ta’ għoti ta’ għajnuna mill-Istat ġdida jew għal talba għal ħlas ta’ parti tal-għajnuna mill-Istat mhux miġbura qabel?

Jekk ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun fis-sens li t-talba tar-rikorrenti għandha titqies fil-kuntest taċ-ċirkustanzi preċedenti bħala talba ta’ ħlas ta’ parti mill-għajnuna mill-Istat mhux miġbura qabel, mill-Artikolu 107(1) TFUE jirriżulta li, biex issir deċiżjoni preżentement dwar il-ħlas ta’ tali għajnuna mill-Istat, huwa neċessarju li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni attwali tas-suq u li tittieħed inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni fis-seħħ (inklużi restrizzjonijiet attwali fil-qasam ta’ kumpens żejjed)?

Il-fatt li, kuntrarjament għall-impjanti tal-enerġija idroelettrika, l-impjanti tal-enerġija eolika jkunu bbenefikaw, fil-passat, minn għajnuna kompleta huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE?

Il-fatt li hija biss parti mill-impjanti tal-enerġija idroelettrika li bbenefikaw minn għajnuna inkompleta li hija fil-preżent ikkumpensata huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE?

L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis 1 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kriterji previsti għall-għajnuna de minimis huma applikabbli għall-għajnuna inkwistjoni f’din il-kawża sa fejn l-ammont tal-għajnuna ma jaqbiżx il-limitu de minimis? L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1407/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’din il-kawża, il-fatt li t-telf inkwistjoni jiġi kklassifikat bħala għajnuna de minimis jista’ jagħti lok għal kumulu pprojbit, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.43140 sabiex jiġi evitat kumpens żejjed?

Jekk l-għoti/il-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat huwa stabbilit f’din il-kawża, l-Artikolu 1(b) u (c) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 2 , għandu jiġi interpretat fis-sens li ċirkustanzi bħal dawk ikkonstatati f’din il-kawża jikkorrispondu mal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat ġdida, u mhux mal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat eżistenti?

Jekk ir-risposta għad-disa’ domanda hija fl-affermattiv, l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrenti hijiex assimilata għall-għoti ta’ għajnuna eżistenti tat-tip imsemmi fl-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament 2015/1589 jimplika li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss id-data tal-ħlas effettiv tal-għajnuna bħala l-bidu tad-dekorrenza ta’ preskrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2015/1589?

Jekk l-għoti/il-pagament ta’ għajnuna mill-Istat huwa stabbilit, l-Artikolu 108(3) TFUE u l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/1589 għandhom jiġu interpretati fis-sens li modalitajiet ta’ notifika tal-għajnuna mill-Istat bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża huma ġġustifikati meta l-qorti nazzjonali tilqa’ talba għad-danni bil-kundizzjoni li tkun ġiet irċevuta deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkun awtorizzat l-għajnuna, u li hija tordna lill-Ministeru għall-Ekonomija li jinnotifika lill-Kummissjoni l-għajnuna għall-attivitajiet kummerċjali f’terminu ta’ xahrejn sa mid-data tal-għoti tas-sentenza?

Il-fatt li jintalbu danni minn awtorità pubblika (il-Kummissjoni Regolatorja tas-Servizzi Pubbliċi) li qatt ma kellha tkun responsabbli għall-ħlas ta’ tali spejjeż u li l-baġit tagħha jinkludi t-tariffi tal-Istat imħallsa mill-fornituri ta’ servizzi pubbliċi tas-setturi rregolati, li huma intiżi biss li jiġi żgurat il-funzjonament tal-awtorità regolatorja, huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE?

Modalitajiet ta’ kumpens bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża huma kompatibbli mal-prinċipji li jirregolaw is-setturi rregolati li huma stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, inklużi l-Artikolu 12 u l-premessa 30 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi 3 , kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi 4 ?

____________

1     ĠU 2013, L 352, p. 1.

2     ĠU 2015, L 248, p. 9.

3     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29¸p. 337.

4     ĠU 2009, L 337, p. 37, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 8.