Language of document : ECLI:EU:C:2021:316

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

22 ta’ April 2021 (*)

“Appell – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Ġlieda kontra t-terroriżmu – Miżuri restrittivi adottati kontra ċerti persuni u entitajiet – Iffriżar ta’ fondi – Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Artikolu 1(3), (4) u (6) – Regolament (KE) Nru 2580/2001 – Artikolu 2(3) – Żamma ta’ organizzazzjoni fil-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi – Kundizzjonijiet – Deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti – Persistenza tar-riskju ta’ involviment f’attivitajiet terroristiċi – Bażi fattwali tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi – Deċiżjoni ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni nazzjonali li ġġustifikat l-inklużjoni inizjali – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża C‑46/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑25 ta’ Jannar 2019,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen u S. Van Overmeire, bħala aġenti,

rikorrent,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.‑L. Desjonquères, B. Fodda u J.‑L. Carré, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Kurdistan Workers’ Party (PKK), irrappreżentat minn A. M. van Eik, u T. D. Buruma, advocaten,

rikorrent fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Tricot, J. Norris u T. Ramopoulos, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat inizjalment minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn P. Nevill, barrister, sussegwentement minn F. Shibli u S. McCrory, bħala aġenti, assistiti minn P. Nevill, barrister,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, A. Kumin, T. von Danwitz (Relatur) u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Novembru 2018, PKK vs Il-Kunsill (T‑316/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:788), li permezz tagħha din annullat:

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/521 tas‑26 ta’ Marzu 2015 li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/483/PESK (ĠU 2015, L 82, p. 107);

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1334 tal‑31 ta’ Lulju 2015 li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/521 (ĠU 2015, L 206, p. 61); u

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1426 tal-4 ta’ Awwissu 2017 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2017/154 (ĠU 2017, L 204, p. 95),

(iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”); kif ukoll

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 125/2014 tal‑10 ta’ Frar 2014 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 714/2013 (ĠU 2014, L 40, p. 9);

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 790/2014 tat‑22 ta’ Lulju 2014 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 125/2014 (ĠU 2014, L 217, p. 1);

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/513 tas‑26 ta’ Marzu 2015 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 790/2014 (ĠU 2015, L 82, p. 1);

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1325 tal‑31 ta’ Lulju 2015 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/513 (ĠU 2015, L 206, p. 12);

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2425 tal‑21 ta’ Diċembru 2015 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1325 (ĠU 2015, L 334, p. 1);

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1127 tat‑12 ta’ Lulju 2016 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2425 (ĠU 2016, L 188, p. 1);

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/150 tas‑27 ta’ Jannar 2017 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1127 (ĠU 2017, L 23, p. 3); u

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1420 tal‑4 ta’ Awwissu 2017 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/150 (ĠU 2017, L 204, p. 3),

(iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“regolamenti kontenzjużi”), sa fejn dawn id-deċiżjonijiet u regolamenti (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kontenzjużi”) jikkonċernaw il-Kurdistan Workers’ Party (PKK).

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

2        Fit‑28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1373(2001) li tistabbilixxi strateġiji wiesgħa sabiex tiġġieled bil-mezzi kollha kontra t-terroriżmu u, b’mod partikolari, il-ġlieda kontra l-iffinanzjar tiegħu. Il-punt 1(c) ta’ din ir-riżoluzzjoni jipprevedi, b’mod partikolari, li l-Istati kollha għandhom jiffriżaw mingħajr dewmien il-fondi u assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra tal-persuni li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi, jew li jiffaċilitaw jew jipparteċipaw fihom, tal-entitajiet li jappartjenu lil dawn il-persuni jew li huma kkontrollati minnhom, kif ukoll tal-persuni u tal-entitajiet li jaġixxu f’isem dawn il-persuni u entitajiet jew fuq struzzjoni tagħhom.

3        L-imsemmija riżoluzzjoni ma tipprevedix lista ta’ ismijiet ta’ persuni li fil-konfront tagħhom għandhom jiġu applikati dawn il-miżuri restrittivi.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK

4        Sabiex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fis‑27 ta’ Diċembru 2001, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217).

5        L-Artikolu 1(1), (3), (4) u (6) ta’ din il-pożizzjoni komuni huwa redatt kif ġej:

“1.      Din il-Pożizzjoni Komuni taħdem flimkien mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli li ġejjin lill-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fl-Anness.

[…]

3.      Għall-fini ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, att terroristiku għandu jfisser wieħed minn dawn l-azzjonijiet intenzjonati li ġejjin, li, jista’ joħloq dannu lil pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali, definit bħala offiża kontra ċ-ċittadini, fejn imwettaq bi skop li:

(i)      jintimida serjament lill-popolazzjoni, jew

(ii)      jostakola organizzazzjoni governattiva jew internazzjonali li twettaq jew tastjeni mit-twettiq ta’ att, jew

(iii)      tgħarraq serjament jew tkisser il-politika, il-liġi kostituzzjonali, l-istrutturi ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiż jew organizzazzjonijiet internazzjonali:

(a)      attakk fuq il-ħajja ta’ persuna li jista’ jikkaġuna l-mewt;

(b)      attakki fuq l-integrità fiżika tal-persuna;

(ċ)      is-sekwestru jew it-teħid ta’ ostaġġi;

(d)      toħloq distruzzjoni estensiva lil faċilita governattiva jew pubblika, sistema ta’ trasport, facilità infrastrutturali, li tinkludi sistema informattiva, [pjattaforma fissa li tkun tinsab fuq il-blata kontinentali,] post pubbliku jew proprjeta privata, x’aktarx li jqiegħed ħajja umana jew tirriżulta f’telf ekonomiku akbar;

(e)      is-sekwestru ta’ ajruplan, vapur jew mezz ieħor ta’ trasport pubbliku jew ta’ merkanzija;

(f)      il-fabbrikar, il-pussess, l-akkwist, it-trasport, il-provvista jew l-użu ta’ armi, splussivi jew ta’ armi nukleari, bioloġiċi jew kimiċi, kif ukoll ir-riċerka dwar armi bioloġiċi jew kimiċi u l-iżvilupp tagħhom;

(g)      ir-rilaxx ta’ sustanzi perikolużi, jew [il-ħolqien ta’] nirien, splużjonijiet jew għargħar liema effett jipperikola l-ħajja umana;

(h)      jinterferixxi jew ifixkel il-provvista (jew fornitura) ta’ ilma, enerġija jew riżors naturali u fundamentali, liema effett jipperikola l-ħajja umana;

(i)      theddid li jitwettaq xi wieħed mill-atti listjati taħt (a) għal (h);

(j)      imexxi grupp terroristiku;

(k)      parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku, li jinkludi wkoll l-forniment ta’ informazzjoni u riżorsi materjali, jew billi jiffinanzja b’kull mod l-attivitajiet tal-grupp terroristiku, li din il-parteċipazzjoni tikkontribwixxi għall-attivitajiet kriminali tal-grupp.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, grupp terroristiku għandu jfisser grupp organizzat ta’ aktar minn żewġ persuni, stabbilit matul perjodu ta’ żmien u li jaġixxi bi skop li jwettaq atti terroristiċi. ‘Grupp Strutturat’ fisser grupp li ma jkunx iffurmat għall-twettiq immedjat ta’ att terroristiku u li m’għandux bżonn li jkollu rwoli definiti għall-membri tiegħu, kontinwita fis-sħubija miegħu jew struttura żviluppata.

4.      Il-lista f’dan l-Anness għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ittieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti. Il-persuni, gruppi jew entitajiet identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li huma relatati mat-terroriżmu u kontra min tkun ordnat is-sanzjonijiet jistgħu jkunu inklużi fil-lista.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, ‘awtorita kompetenti’ għandha tfisser awtorita ġudizzjarja, jew, fejn awtoritajiet ġudizzjarji li m’għandhomx kompetenza fil-qasam konċernat f’dan il-paragrafu, awtorità kompeteneti ekwivalenti f’dak il-qasam.

[…]

6.      Għandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista ta’ l-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 2580/2001

6        Peress li kien neċessarju regolament sabiex jiġu implimentati, fil-livell tal-Unjoni Ewropea, il-miżuri deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2580/2001 tas‑27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207).

7        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.      Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6:

(a)      Il-fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi kollha, li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’jew miżmuma minn, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu ffriżati;

(b)      L-ebda fondi, assi finanzjarji oħra u risorsi ekonomiċi m’għandhom jiġu magħmula disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

2.      Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6, għandu jkun projbit li tipprovdi servizzi finanzjarji lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

3.       Il-Kunsill, jaġixxi b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi jew entitajiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni [2001/931]; Din il-lista għandha tinkludi:

(i)      persuni naturali li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

(ii)      persuni legali, gruppi jew entitajiet li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

(iii)      persuni legali, gruppi jew entitajiet li huma ta’ jew kontrollati minn persuna naturali jew legali, grupp jew entità waħda jew iktar imsemmija fil-punti (i) u (ii); jew

(iv)      persuni naturali legali, gruppi jew entitajiet li jaġixxu fl-interess ta’ jew fuq id-direzzjoni ta’ persuna naturali jew legali, grupp jew entità waħda jew iktar imsemmija fil-punti (i) u (ii).”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-atti kontenzjużi

8        Fil-punti 1 sa 7, 56 sa 61 u 81 sa 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet sunt tal-kuntest fattwali li wassal għall-kawża mressqa quddiemha. Għal dak li jirrigwarda l-eżami ta’ dan l-appell, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni dan li ġej.

9        Fit-2 ta’ Mejju 2002, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2002/340/PESK li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ĠU 2002, L 116, p. 75). L-anness għall-Pożizzjoni Komuni 2002/340 aġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (iktar ’il quddiem il-“lista kontenzjuża”) u fiha inkluda b’mod partikolari l-isem tal-Kurdistan Workers’ Party (PKK), identifikat kif ġej: “Il-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-istess jum, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2002/334/KE li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2001/927/KE (ĠU 2002, L 116, p. 33). F’din id-deċiżjoni isem il-PKK huwa inkluż fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 bl-istess kliem bħal dak użat fil-lista kontenzjuża.

10      L-inklużjoni tal-PKK f’din il-lista inżammet, b’mod partikolari, permezz tal-atti kontenzjużi. Sa mit-2 ta’ April 2004, il-lista kontenzjuża ssemmi, fir-rigward tal-PKK, il-“Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK) (magħruf ukoll bl-isem ta’ ‘KADEK’, magħruf ukoll bl-isem ta’ ‘KONGRA‑GEL’)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

11      Fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nri 125/2014 u 790/2014 (iktar ’il quddiem l-“atti tal-2014”), il-Kunsill iddeskriva lill-PKK bħala entità involuta f’atti terroristiċi u li, mis-sena 1984, kien wettaq diversi atti ta’ dan it-tip, fejn ikkawża l-mewt ta’ iktar minn 30 000 ċittadin Tork u barrani.

12      Il-Kunsill indika li l-attivitajiet terroristiċi tal-PKK komplew iseħħu, minkejja ċertu numru ta’ waqfien mill-ġlied li dan tal-aħħar kien iddikjara unilateralment, b’mod partikolari, sa mis-sena 2009. F’dan ir-rigward, il-Kunsill ippreċiża li l-atti terroristiċi mwettqa mill-PKK kienu jinkludu attentati bil-bomba, attakki bir-rokit, l-użu ta’ splussivi, il-qtil u s-sekwestru ta’ ċittadini Torok u ta’ turisti barranin, it-teħid ta’ ostaġġi, attakki kontra l-forzi tas-sigurtà Torok u l-ġlied armati magħhom, attakki kontra faċilitajiet taż-żejt, trasport pubbliku, sedi diplomatiċi, kulturali u kummerċjali Torok f’pajjiżi differenti, l-estorsjoni kontra ċittadini Torok li jgħixu barra mill-pajjiż kif ukoll atti kriminali oħra intiżi għall-finanzjament tal-attivitajiet tiegħu. Bħala eżempju, il-Kunsill fassal lista ta’ 69 inċident li seħħew bejn l‑14 ta’ Novembru 2003 u d‑19 ta’ Ottubru 2011. Sussegwentement, il-Kunsill ikklassifika dawn l-atti, li huwa jattribwixxi lill-PKK, bħala “atti terroristiċi”, fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

13      Il-Kunsill żied li l-PKK kien is-suġġett ta’ tliet deċiżjonijiet nazzjonali, fejn l-ewwel waħda minnhom kienet ġiet adottata fid‑29 ta’ Marzu 2001 mis-Secretary of State for the Home Department (il-Ministru għall-Intern, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“Ministru għall-Intern”), fuq il-bażi tal-UK Terrorism Act 2000 (il-Liġi tar-Renju Unit tal‑2000 dwar it-Terroriżmu), kif ikkompletata permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Lulju 2006, li daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Awwissu 2006, li kienet tikkunsidra li “KADEK” u “KONGRA‑GEL” kienu jikkostitwixxu ismijiet oħra tal-PKK (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tal‑2001”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Ministru għall-Intern, fid-dawl tat-twettiq ta’ atti terroristiċi mill-PKK u tal-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’tali atti, ipprojbixxa lill-PKK bħala organizzazzjoni involuta f’atti terroristiċi. Il-Kunsill ippreċiża li l-imsemmija deċiżjoni kienet ġiet eżaminata mill-ġdid regolarment minn kummissjoni governattiva nazzjonali.

14      Iż-żewġ deċiżjonijiet nazzjonali l-oħra ġew adottati mill-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika. Dawn huma, minn naħa, id-deċiżjoni li tikklassifika lill-PKK bħala “organizzazzjoni terroristika barranija”, skont is-Sezzjoni 219 tal-US Immigration and Nationality Act (il-Liġi tal-Istati Uniti dwar l-Immigrazzjoni u n-Nazzjonalità), kif emendata, u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li tikklassifika lill-PKK bħala “terrorist dinji speċjalment ikklassifikat”, b’applikazzjoni tal-Executive Order Nru 13 224 (id-Digriet Presidenzjali Nru 13 224) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“Deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet tal-Istati Uniti”). Fir-rigward ta’ dawn id-Deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet tal-Istati Uniti, il-Kunsill irrileva li dik li tikklassifika l-PKK bħala “organizzazzjoni terroristika barranija” setgħet tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, filwaqt li dik li tikklassifika lill-PKK bħala “terrorist dinji speċjalment ikklassifikat” setgħet tagħti lok kemm għal stħarriġ amministrattiv kif ukoll għal stħarriġ ġudizzjarju.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ikkunsidra li t-tliet deċiżjonijiet nazzjonali msemmija fiż-żewġ punti preċedenti kienu ġew adottati minn “awtoritajiet kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Barra minn hekk il-Kunsill ikkonstata li dawn it-tliet deċiżjonijiet nazzjonali kienu għadhom fis-seħħ u kkunsidra li r-raġunijiet li kienu ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali tal-PKK fil-lista kontenzjuża kienu għadhom validi.

16      Fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar id-deċiżjonijiet kontenzjużi u r-regolamenti kontenzjużi adottati bejn is-snin 2015 u 2017 (iktar ’il quddiem l-“atti tal-2015 sal-2017”), il-Kunsill irrileva li ż-żamma tal-inklużjoni tal-PKK fil-lista kontenzjuża kienet ibbażata fuq deċiżjonijiet adottati minn tliet awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet tal-Istati Uniti, li huma s-suġġett rispettivament tal-Annessi A u C ta’ dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi. F’dan ir-rigward, huwa enfasizza, qabel kollox, li eżamina, b’mod awtonomu, l-informazzjoni li tinsab f’dawn id-deċiżjonijiet u li, skont il-konstatazzjonijiet tiegħu, kull waħda mill-imsemmija deċiżjonijiet kien fiha raġunijiet suffiċjenti biex fil-livell tal-Unjoni tiġi ġġustifikata l-inklużjoni tal-PKK fil-lista kontenzjuża.

17      Sussegwentement, il-Kunsill indika li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, kemm il-Ministru għall-Intern kif ukoll l-Awtoritajiet tal-Istati Uniti jistgħu jitqiesu rispettivament bħala “awtorità kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, filwaqt li ppreċiża li kien ivverifika li l-elementi fattwali li fuqhom kienu bbażati l-istess deċiżjonijiet kienu jaqgħu taħt il-kunċetti ta’ “atti terroristiċi” u ta’ “grupp terroristiku” u li dawn kienu għadhom fis-seħħ. Fl-aħħar nett, il-Kunsill ippreċiża li huwa ma kellu ebda element favur l-irtirar tal-inklużjoni tal-PKK mil-lista kontenzjuża u li r-raġunijiet li ġġustifikaw l-inklużjoni ta’ din l-organizzazzjoni f’din il-lista baqgħu attwali, b’tali mod li din l-inklużjoni kellha tibqa’ fis-seħħ.

18      L-espożizzjonijiet tal-motivi relatati mal-atti mill‑2015 sal‑2017 kienu jinkludu fl-anness, għal kull deċiżjoni nazzjonali, deskrizzjoni tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “terroriżmu” fid-dritt nazzjonali, deskrizzjoni tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali applikabbli, sinteżi tal-istorja proċedurali u ta’ x’ġara wara b’rabta mad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni, sunt tal-konklużjonijiet li għalihom kienu waslu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-konfront tal-PKK, deskrizzjoni tal-fatti li fuqhom dawn l-awtoritajiet kompetenti kienu bbażaw ruħhom u l-konstatazzjoni li dawn il-fatti kienu jikkostitwixxu “atti terroristiċi” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

19      Fl-Anness A tal-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti mill-2015 sal-2017, il-Kunsill irrileva li d-deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2001 kienet ipprojbixxiet lill-PKK peress li kien hemm raġunijiet plawżibbli li wieħed jemmen li dan tal-aħħar kien iwettaq, jew ipparteċipa f’“atti terroristiċi” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Permezz tad-deċiżjoni tat‑3 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ reviżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2014”), dan il-ministru kien ċaħad talba għall-irtirar tal-projbizzjoni tal-PKK, billi bbaża ruħu fuq attakki terroristiċi reċenti li, skont l-imsemmi ministru, kienu twettqu mill-PKK u li kienu jindikaw li l-PKK kien għadu involut f’“atti terroristiċi” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

20      Fl-Anness C ta’ dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi, li jikkonċerna d-Deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet tal-Istati Uniti, il-Kunsill indika li r-rapport annwali tal-2013 dwar it-terroriżmu, stabbilit mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Istati Uniti, kien fih ir-raġunijiet konkreti li fuq il-bażi tagħhom kienet ittieħdet u nżammet id-deċiżjoni li l-PKK jiġi identifikat bħala “organizzazzjoni terroristika barranija”.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

21      Permezz ta’ talba sottomessa fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Mejju 2014, il-PKK ippreżenta rikors intiż, fl-aħħar stadju tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, għall-annullament tal-atti kontenzjużi sa fejn jikkonċernawh, peress li din l-organizzazzjoni adattat it-talbiet tagħha matul il-proċedura, progressivament hekk kif wieħed mill-atti kontenzjużi kien iħassar u jissostitwixxi dak preċedenti.

22      Il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġew ammessi jintervjenu fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

23      Insostenn tar-rikors tiegħu intiż għall-annullament tal-atti kontenzjużi, il-PKK qajjem, essenzjalment, tmien motivi. Il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha teżamina s-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan il-motiv kien fondat u, għaldaqstant, annullat l-atti kontenzjużi sa fejn jikkonċernaw il-PKK.

24      Fil-kuntest tal-eżami tas-seba’ motiv, il-Qorti Ġenerali qabel kollox fakkret li għandha ssir distinzjoni bejn l-atti li permezz tagħhom isem persuna jew entità ġie inkluż inizjalment f’lista ta’ ffriżar ta’ fondi, li huma rregolati mill-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u l-atti ta’ żamma ta’ dan l-isem f’din il-lista, li huma rregolati mill-Artikolu 1(6) ta’ din il-pożizzjoni komuni.

25      Sussegwentement il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-atti tal-2014 u l-atti mill-2015 sal-2017 ma kinux motivati suffiċjentement kif meħtieġ mid-dritt.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 u l‑20 ta’ Mejju 2019, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Franċiża ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

27      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tagħti deċiżjoni finali dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-appell u tiċħad ir-rikors ippreżentat mill-PKK; u

–        tikkundanna lill-PKK għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fil-kuntest ta’ dan l-appell u tal-Kawża T‑316/14.

28      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tilqa’ l-appell.

29      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata; u

–        tagħti deċiżjoni finali dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-appell tal-Kunsill u tiċħad ir-rikors tal-PKK.

30      Il-PKK jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad fl-intier tiegħu l-appell ippreżentat mill-Kunsill;

–        tikkonferma s-sentenza tal-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti minnu fil-kuntest ta’ dan l-appell u tikkonferma s-sentenza appellata sa fejn din tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-istanza quddiem il-Qorti Ġenerali; u

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-motivi l-oħra mqajma mill-PKK fil-kuntest tar-rikors tiegħu għal annullament.

 Fuq l-appell

31      Insostenn tal-appell tiegħu, il-Kunsill jinvoka żewġ aggravji.

32      Permezz tal-ewwel aggravju, il-Kunsill jikkontesta l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li skonthom id-deċiżjonijiet kontenzjużi huma deċiżjonijiet ta’ żamma li jaqgħu esklużivament taħt l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

33      It-tieni sal-ħames aggravju jirrigwardaw il-motivi tas-sentenza appellata dwar l-atti tal-2014. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti ma setgħux iservu bħala bażi għall-inklużjoni inizjali tal-PKK fil-lista kontenzjuża. It-tielet aggravju jirrigwarda l-motivi tas-sentenza appellata li skonthom il-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni sa fejn ma esponiex ir-raġunijiet li għalihom id-deċiżjonijiet nazzjonali kienu jikkostitwixxu deċiżjonijiet adottati minn “awtorità kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Permezz tar-raba’ aggravju, il-Kunsill jikkontesta l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li skonthom, fid-dawl tad-dikjarazzjoni unilaterali tal-PKK ta’ ċertu numru ta’ waqfien mill-ġlied u tan-negozjati ta’ paċi mwettqa mal-Gvern Tork, huwa kien obbligat jibbaża ż-żamma tal-inklużjoni tal-PKK fil-lista kontenzjuża fuq elementi iktar reċenti. Il-ħames aggravju jirrigwarda l-motivi tas-sentenza appellata li skonthom il-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu fir-rigward tad‑69 inċident li fuqhom din l-istituzzjoni kienet ibbażat il-persistenza tar-riskju ta’ parteċipazzjoni tal-PKK f’attivitajiet terroristiċi.

34      Is-sitta u s-seba’ aggravju jirrigwardaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-atti mill-2015 sal-2017. Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-Kunsill ma setax jistabbilixxi, fil-kuntest tal-motivazzjoni relatata ma’ dawn l-atti, il-persistenza tar-riskju li l-PKK jipparteċipa f’attivitajiet terroristiċi billi jagħmel riferiment għal deċiżjonijiet ta’ reviżjoni tad-deċiżjonijiet nazzjonali li fuqhom kienet ibbażata l-inklużjoni inizjali tal-isem ta’ din l-organizzazzjoni fil-lista kontenzjuża. Permezz tas-seba’ aggravju, il-Kunsill jikkontesta l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li skonthom l-ittra tal-Kunsill tas‑27 ta’ Marzu 2015, li permezz tagħha huwa kien innotifika lill-PKK l-espożizzjoni tal-motivi relatati mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/513 u mad-Deċiżjoni 2015/521 filwaqt li jwieġeb, f’din l-ittra, għall-argumenti mressqa mill-PKK matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament u ta’ din id-deċiżjoni, ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni bħala element tal-motivazzjoni tal-imsemmi regolament u tal-imsemmija deċiżjoni.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

35      L-ewwel aggravju jirrigwarda l-punti 52 sa 54, 103 u 104 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li l-atti kontenzjużi kienu jaqgħu esklużivament taħt l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Skont il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża u mir-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni, dawn l-atti jaqgħu wkoll taħt l-Artikolu 1(4) ta’ din il-pożizzjoni komuni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali missha eżaminat il-legalità tagħhom ukoll fid-dawl ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

36      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti u titlob li l-ewwel aggravju jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha ssir distinzjoni bejn l-atti li permezz tagħhom isem persuna jew entità huwa inkluż inizjalment f’lista ta’ ffriżar ta’ fondi, li huma rregolati mill-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u l-atti li permezz tagħhom isimha jinżamm fuq din il-lista, li huma rregolati mill-Artikolu 1(6) ta’ din il-pożizzjoni komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 58 sa 62 u Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punti 36 sa 40, kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2019, K.P., C‑458/15, EU:C:2019:522, punti 50 sa 52).

38      Għaldaqstant, billi eżaminat id-deċiżjonijiet kontenzjużi, li permezz tagħhom il-PKK inżamm fil-lista kontenzjuża, esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.

39      Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet u l-ħames aggravju

40      It-tielet u l-ħames aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, huma diretti kontra l-punti 67, 68, 77 u 78 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-atti tal-2014 kienu vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni inkwantu kienu bbażati fuq id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet tal-Istati Uniti kif ukoll fuq lista ta’ 69 inċident li seħħew bejn l‑14 ta’ Novembru 2003 u d‑19 ta’ Ottubru 2011.

41      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tad-deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2001, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li l-espożizzjonijiet tal-motivi relatati mal-atti tal‑2014 ma kien fihom ebda deskrizzjoni tal-motivi wara din id-deċiżjoni u ma kinitx tippreċiża r-raġunijiet li għalihom il-Kunsill kien qies li l-fatti kkonċernati kienu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “att terroristiku”, fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u lanqas ma kienet tippreċiża r-raġunijiet li wassluh jikkunsidra li l-imsemmija deċiżjoni kienet tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ “awtorità kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) ta’ din il-pożizzjoni komuni. F’dan l-aħħar rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-PKK kien qiegħed inkwistjoni din il-kwalifika matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

42      Fir-rigward tal-lista ta’ 69 inċident li seħħew bejn l-14 ta’ Novembru 2003 u d-19 ta’ Ottubru 2011, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata, li, peress li l-PKK ikkontesta matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali r-realtà materjali ta’ wħud minn dawn l-inċidenti, l-imputabbiltà tagħhom lill-PKK jew iċ-ċirkustanzi li fihom twettqu, kien il-Kunsill li kellu jistabbilixxi, fil-kuntest tal-motivazzjoni relatata mal-atti tal-2014, il-fondatezza tal-fatti allegati u kienet il-Qorti Ġenerali li kellha tivverifika l-eżattezza materjali ta’ dawn il-fatti. Issa, skont il-Qorti Ġenerali, l-informazzjoni li tinsab fl-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti tal-2014 ma kinitx tippermettilha teżerċita l-istħarriġ tagħha, peress li dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi ma kien fihom ebda indikazzjoni dwar l-elementi li fuqhom il-Kunsill kien ibbaża ruħu sabiex jikkonkludi li l-inċidenti inkwistjoni kienu ġew stabbiliti, kienu imputabbli lill-PKK u kienu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

 L-argumenti tal-partijiet

43      Il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża u mir-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni, isostni li, fil-punti 67 u 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kunsill kien obbligat li jsemmi, fl-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti tal-2014, ir-raġunijiet li wassluh iqis li d-Deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet tal-Istati Uniti kienu jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u kienu jirrigwardaw “atti terroristiċi” fis-sens tal-Artikolu 1(3) ta’ din il-pożizzjoni komuni. Il-Kunsill iqis li, billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali imponietlu rekwiżit li ma huwiex previst fl-Artikolu 1(4) tiegħu.

44      Skont il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta rrilevat, fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata, nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tad‑69 inċident li seħħew bejn l‑14 ta’ Novembru 2003 u d‑19 ta’ Ottubru 2011. Din l-istituzzjoni ssostni li, sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni, huwa suffiċjenti li tindika l-elementi kkunsidrati fir-rigward tal-persuna jew tal-entità kkonċernata fl-espożizzjonijiet tal-motivi sabiex din tkun f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet għalfejn isimha nżamm fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi mingħajr ma tkun obbligata tistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati u mingħajr ma tesponi fid-dettall ir-raġunament kollu tagħha fl-espożizzjonijiet tal-motivi. Il-prova tal-aġir allegat taqa’ taħt il-legalità tal-motivi li fuqhom huwa bbażat l-att inkwistjoni u mhux taħt l-obbligu ta’ motivazzjoni.

45      PKK jitlob iċ-ċaħda tat-tielet u l-ħames aggravju. Fil-fehma tiegħu, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament li l-Kunsill kien obbligat li jesponi, fl-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti tal-2014, ir-raġunijiet li għalihom huwa kien qies li d-deċiżjonijiet nazzjonali li fuqhom kienet ibbażata l-inklużjoni inizjali ta’ ismu kienu jikkostitwixxu “deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u li dawn id-deċiżjonijiet kienu jirrigwardaw “atti terroristiċi”, fis-sens tal-Artikolu 1(3) ta’ din il-pożizzjoni komuni. Barra minn hekk, il-Kunsill kellu jippreċiża r-raġunijiet li għalihom id-69 inċident imsemmija f’dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi kienu jikkostitwixxu wkoll tali atti imputabbli lill-PKK. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolament Nru 790/2014, il-Kunsill imissu ħa inkunsiderazzjoni l‑ilmenti li l-PKK kien żviluppa, f’dan ir-rigward, fil-kuntest tar-rikors tiegħu kontra r-Regolament Nru 125/2014.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

46      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li t-tielet u l-ħames aggravju jirrigwardaw, essenzjalment, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kunsill f’dak li jikkonċerna l-atti tal-2014 li permezz tagħhom huwa żamm l-inklużjoni tal-PKK fil-lista kontenzjuża. Issa, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jistabbilixxi distinzjoni bejn, minn naħa, l-inklużjoni inizjali f’lista ta’ ffriżar ta’ fondi ta’ persuna jew ta’ entità, li hija msemmija fl-Artikolu 1(4) ta’ din il-pożizzjoni komuni, u, min-naħa l-oħra, iż-żamma fl-imsemmija lista ta’ din il-persuna jew ta’ din l-entità, li hija diġà s-suġġett ta’ inklużjoni fiha, li hija msemmija fl-Artikolu 1(6) tal-imsemmija pożizzjoni komuni. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta tali żamma huma għalhekk biss dawk previsti fl-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u, anki jekk l-argument tal-partijiet jagħmel riferiment għall-Artikolu 1(3) u (4) ta’ din il-pożizzjoni komuni, huwa biss fid-dawl tal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu 1 li hemm lok li tiġi eżaminata l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kunsill.

47      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u mingħajr ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex ikunu jistgħu jevalwawha fuq il-mertu u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 138, kif ukoll tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 29).

48      Il-motivazzjoni hekk rikjesta għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ġie adottat. Ir‑rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi tal‑każ, b’mod partikolari tal‑kontenut ta’ dan l‑att, tan‑natura tal‑motivi invokati u tal‑interess li jista’ jkollhom id‑destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill‑att li jirċievu spjegazzjonijiet. B’mod partikolari ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha rilevanti u lanqas li tissodisfa b’mod iddettaljat il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-parti kkonċernata meta din tiġi kkonsultata qabel l-adozzjoni tal-att innifsu, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. Konsegwentement, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura adottata fil-konfront tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Al‑Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 139 sa 141; tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 120 u 122, kif ukoll tal‑31 ta’ Jannar 2019, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il‑Kunsill, C‑225/17 P, EU:C:2019:82, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-atti li jirrigwardaw deċiżjoni ta’ żamma f’lista ta’ ffriżar ta’ fondi, bħall-atti tal-2014, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ reviżjoni mwettqa skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill jista’ jżomm lill-persuna jew lill-entità kkonċernata f’din il-lista jekk jikkonkludi li hemm persistenza tar-riskju tal-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali tagħha fl-imsemmija lista, u għalhekk din iż-żamma tikkostitwixxi, essenzjalment, l-estensjoni tal-inklużjoni inizjali tal-persuna jew tal-entità kkonċernata fuq din il-lista. Għal dan il-għan, il-Kunsill għandu l-obbligu li jivverifika jekk, mid-data ta’ din l-inklużjoni inizjali jew tar-reviżjoni preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali nbidlitx b’tali mod li ma tippermettix iżjed li tinsilet l-istess konklużjoni dwar l-involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 46 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, K.P., C‑458/15, EU:C:2019:522, punt 43).

50      Fil-kuntest tal-verifika tal-persistenza tar-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, l-eżitu sussegwenti rriżervat għad-deċiżjoni nazzjonali li tkun serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali ta’ din il-persuna jew ta’ din l-entità fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi għandu jittieħed debitament inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari t-tħassir jew l-irtirar ta’ din id-deċiżjoni nazzjonali minħabba fatti jew elementi ġodda jew minħabba tibdil tal-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 52).

51      Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li d-deċiżjoni nazzjonali li tkun serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali tibqa’ fis-seħħ jista’, fid-dawl taż-żmien li għadda u skont l-iżvilupp taċ-ċirkustanzi tal-każ, ma jkunx biżżejjed biex jiġi konkluż li kien jippersisti r-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi. F’tali sitwazzjoni, il-Kunsill huwa obbligat li jibbaża ż-żamma ta’ din il-persuna jew ta’ din l-entità fuq l-imsemmija lista fuq evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni, fid-dawl ta’ elementi iktar reċenti, li juru li dan ir-riskju jissussisti. F’dan is-sens, il-Kunsill jista’ jistrieħ fuq elementi reċenti li ma jkunux ibbażati biss fuq deċiżjonijiet nazzjonali adottati mill-awtoritajiet kompetenti, iżda wkoll minn sorsi oħra u, għalhekk, anki mill-evalwazzjonijiet tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 52, 62 u 72; Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punti 40 u 50; kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2019, K.P., C‑458/15, EU:C:2019:522, punti 52, 60 u 61).

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fir-rigward tal-atti li jirrigwardaw iż-żamma tal-inklużjoni ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi kontenzjuża, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata tivverifika, minn naħa, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE u, għaldaqstant, in-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tal-motivi invokati kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-punt dwar jekk dawn il-motivi humiex issostanzjati – fatt li jimplika li din il-qorti għandha tiżgura, taħt il-kontroll tal-legalità ta’ dawn il-motivi fuq il-mertu, li dawn l-atti jistrieħu fuq bażi fattwali suffiċjentement solida u għandha tivverifika l-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li fuqhom huma bbażati dawn l-atti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑54/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 118 u 119, kif ukoll tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 70).

53      Fir-rigward ta’ dan l-aħħar kontroll, il-persuna jew l-entità kkonċernata tista’, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra ż-żamma tagħha fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi kontenzjuża, tikkontesta l-elementi kollha li fuqhom il-Kunsill jistrieħ sabiex juri l-persistenza tar-riskju tal-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi humiex ibbażati fuq deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti jew minn sorsi oħra. Fil-każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika l-eżattezza materjali tagħhom (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Barra minn hekk, għalkemm huwa biss fil-każ ta’ kontestazzjoni li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata, din il-persuna jew din l-entità ma tistax tkun obbligata, għall-finijiet ta’ din il-kontestazzjoni, tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 121).

55      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-kwistjoni tal-motivazzjoni, li tikkonċerna formalità sostanzjali, hija distinta minn dik tal-prova tal-aġir allegat, li taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att inkwistjoni u timplika l-verifika tar-realtà tal-fatti msemmija f’dan l-att kif ukoll il-kwalifika ta’ dawn il-fatti bħala li jikkostitwixxu elementi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011 Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C‑548/09 P, EU:C:2011:735, punt 88, u tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 60).

56      Mill-punti preċedenti jirriżulta li, sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, f’dan il-każ, kien obbligu tal-Kunsill li jipprovdi motivi suffiċjentement preċiżi u konkreti sabiex il-PKK ikun jista’ jkun jaf il-motivi invokati għall-finijiet taż-żamma tal-inklużjoni tal-PKK fil-lista kontenzjuża permezz tal-atti tal-2014 u sabiex il-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha. Madankollu, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 68, 77 u 78 tas-sentenza appellata, il-Kunsill ma kienx obbligat jistabbilixxi, fil-kuntest tal-motivazzjoni relatata ma’ dawn l-atti, il-materjalità tal-fatti li fuqhom huma bbażati l-motivi invokati għall-finijiet taż-żamma tal-inklużjoni tal-PKK fil-lista kontenzjuża u lanqas li jipproċedi, fil-kuntest ta’ din il-motivazzjoni, għall-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti fid-dawl tal-Artikolu 1(3) u (4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 52 sa 55 ta’ din is-sentenza, il-prova hekk meħtieġa mill-Qorti Ġenerali ma taqax taħt l-obbligu ta’ motivazzjoni iżda taħt il-legalità fuq il-mertu tal-imsemmija atti, kwistjoni li ma taqax taħt is-seba’ motiv fl-ewwel istanza li ntlaqa’ fis-sentenza appellata.

57      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 68, 77 u 78 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni sa fejn l-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti tal-2014 jagħmlu riferiment għad-deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2001 u għal lista ta’ 69 inċident li seħħew bejn l-14 ta’ Novembru 2003 u d-19 ta’ Ottubru 2011.

58      Issa, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, jekk il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher li huwa bbażat fuq motivi legali oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 75). Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, barra minn hekk, jekk dan l-iżball ta’ liġi li bih hija vvizzjata s-sentenza appellata huwiex ta’ natura li jinvalida l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 80 ta’ din tal-aħħar jew jekk, min-naħa l-oħra, mill-atti tal-proċess jirriżultax li l-atti tal-2014 kienu fi kwalunkwe każ ivvizzjati minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

59      F’dan ir-rigward, mill-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti tal-2014, kif miġbura fil-qosor fil-punti 11 sa 15 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, għall-finijiet taż-żamma tal-inklużjoni tal-PKK fil-lista kontenzjuża, il-Kunsill ibbaża ruħu, fid-dawl tal-istorja tal-attivitajiet terroristiċi tal-PKK sa mis-sena 1984 u tal-waqfien mill-ġlied iddikjarati unilateralment minnu b’mod partikolari mis-sena 2009, fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2001 li serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali tal-PKK fuq din il-lista kienet għadha fis-seħħ u, b’mod partikolari, fuq lista ta’ 69 inċident li seħħew bejn l‑14 ta’ Novembru 2003 u d‑19 ta’ Ottubru 2011 li l-Kunsill kien iqis li kienu jikkostitwixxu “atti terroristiċi” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 imputabbli lill-PKK.

60      Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2001, li inizjalment serviet bħala bażi għal din l-inklużjoni, minn dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi jirriżulta li l-Kunsill ikkonstata li din kienet ġiet adottata minn awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li din kienet suġġetta għal kontrolli regolari minn kumitat governattiv tar-Renju Unit u li din kienet għadha fis-seħħ. Għaldaqstant, il-Kunsill ippreċiża li huwa wettaq l-eżami meħtieġ skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza u li kkonkluda li l-eżitu ulterjuri ta’ din id-deċiżjoni ma jindikax bidla bħal dik koperta f’dawn il-punti ta’ din is-sentenza. Issa, dawn il-motivi huma suffiċjentement preċiżi u konkreti sabiex jippermettu lill-PKK ikun jaf ir-raġunijiet li għalihom il-Kunsill, b’mod partikolari, issostanzja ż-żamma tiegħu fil-lista kontenzjuża fuq din id-deċiżjoni u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha f’dan ir-rigward.

61      Fir-rigward tal-lista ta’ 69 inċident li seħħew bejn l‑14 ta’ Novembru 2003 u d‑19 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill semma fl-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mal-atti tal-2014, b’mod partikolari, 17‑il inċident, li seħħew bejn is-17 ta’ Jannar 2010 u d‑19 ta’ Ottubru 2011, li, skont din l-istituzzjoni, mhux biss kienu sussegwenti għall-waqfien mill-ġlied ddikjarati unilateralment mill-PKK sa mill-2009, iżda wkoll suffiċjentement reċenti biex jiġġustifikaw iż-żamma tal-inklużjoni ta’ din l-organizzazzjoni b’mod partikolari fil-lista kontenzjuża fix-xhur ta’ Frar u ta’ Lulju 2014. Fir-rigward ta’ dawn is-17‑il inċident l-iktar reċenti, il-Kunsill ippreċiża d-data eżatta, il-belt jew il-provinċja fejn seħħew, in-natura kif ukoll in-numru u l-karatteristiċi tal-vittmi.

62      Issa, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 68, 77 u 78 tas-sentenza appellata, billi għamel hekk, l-espożizzjonijiet tal-motivi relatati mal-atti tal‑2014 kienu jippermettu lill-PKK ikun jaf ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill kien qies li, minkejja l-waqfien mill-ġlied iddikjarati unilateralment mis-sena 2009, ir-riskju ta’ involviment ta’ din l-organizzazzjoni f’attivitajiet terroristiċi kien għadu jeżisti. B’hekk, l-elementi li jinsabu f’dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi kienu suffiċjenti sabiex il-PKK jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem dak li ġie akkużat bih (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Al‑Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 4 u 142, kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2019, K.P., C‑458/15, EU:C:2019:522, punti 53 u 54).

63      Għandu jingħad ukoll li, għalkemm il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 68, 77 u 78 tas-sentenza appellata, li l-PKK kien ressaq argumenti intiżi li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2001 u d‑69 inċident imsemmija fl-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mal-atti tal-2014, minn dawn il-punti 77 u 78 kif ukoll mill-argument tal-PKK spjegat fil-qosor fil-punt 45 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan l-argument huwa intiż li jikkontesta r-realtà tal-fatti msemmija kif ukoll il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom, li ma huwiex intiż biex jistabbilixxi ksur mill-Kunsill tal-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni iżda biex jikkontesta l-legalità fuq il-mertu ta’ dawn l-atti u biex b’hekk iqum l-obbligu għall-Kunsill li jistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati.

64      Sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li l-qosor tal-informazzjoni li tinsab fl-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti tal-2014 ma kienx jippermettilha teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fir-rigward tal-inċidenti kkontestati mill-PKK, peress li dawn l-espożizzjonijiet ma jinkludu ebda indikazzjoni tal-elementi li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu sabiex jikkonkludi li l-inċidenti inkwistjoni kienu ġew stabbiliti, kienu imputabbli lill-PKK u kienu jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 53 sa 55 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità fuq il-mertu li għandha għalhekk twettaq il-Qorti Ġenerali ma għandux isir biss fid-dawl tal-elementi li jinsabu fl-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti kontenzjużi, iżda wkoll ta’ dawk li l-Kunsill jipprovdi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, lill-Qorti Ġenerali biex tiġi stabbilita l-fondatezza tal-fatti allegati f’dawn l-espożizzjonijiet.

65      Għaldaqstant, l-iżball ta’ liġi rrilevat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza huwa ta’ natura li jinvalida l-konklużjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 80 tas-sentenza appellata.

66      Għalhekk, il-ħames aggravju kif ukoll it-tielet aggravju għandhom jintlaqgħu sa fejn dan tal-aħħar jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2001.

67      Konsegwentement it-talba għall-annullament tas-sentenza appellata għandha tintlaqa’ sa fejn il-Qorti Ġenerali annullat l-atti tal-2014 minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-iżbalji ta’ liġi allegati fil-kuntest tat-tieni u r-raba’ aggravju u lanqas fuq l-argumenti żviluppati fil-kuntest tat-tielet aggravju, li jikkonsistu fil-kontestazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar id-Deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet tal-Istati Uniti.

 Fuq is-sitt u s-seba’ aggravju

68      Is-Sitt u s-seba’ aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, huma diretti kontra l-punti 95 sa 98, 103 sa 106 u 110 sa 114 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-atti mill-2015 sal-2017 kienu vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

69      Fil-punti 95 sa 98 u 103 sa 106 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li l-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu sa fejn l-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mal-atti mill-2015 sal-2017 jagħmlu riferiment għad-deċiżjoni ta’ reviżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2014 u għaż-żamma, wara reviżjoni, tad-deċiżjoni tal-Gvern tal-Istati Uniti li jikklassifika l-PKK bħala “organizzazzjoni terroristika barranija”. B’mod partikolari, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ reviżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2014, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq din l-aħħar deċiżjoni nazzjonali għall-finijiet taż-żamma tal-inklużjoni tal-PKK fil-lista kontenzjuża, mingħajr ma jkun eżamina u fittex li jistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati, li madankollu dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi ma kinux stabbilixxew. Barra minn hekk, il-Kunsill lanqas ma indika r-raġunijiet li għalihom huwa kien iqis li l-imsemmija deċiżjoni nazzjonali kienet tippermetti li jiġi konkluż suffiċjentement kif meħtieġ mid-dritt li r-riskju ta’ involviment tal-PKK f’attivitajiet terroristiċi kien għadu jeżisti. Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-PKK kien ikkontesta l-inċidenti msemmija fid-deċiżjoni ta’ reviżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2014, fin-nota ta’ adattament tar-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, tas‑26 ta’ Mejju 2015.

70      Ulterjorment, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 110 sa 114 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill ma kienx wieġeb suffiċjentement kif meħtieġ mid-dritt għall-argumenti li l-PKK kien ressaq, f’ittra tas‑6 ta’ Marzu 2015, matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/521 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/513. Skont il-Qorti Ġenerali, il-preċiżazzjoni li tinsab fl-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mal-atti mill-2015 sal-2017, li fihom il-Kunsill indika li huwa kien stħarreġ mingħajr suċċess jekk kinux jeżistu elementi fil-pussess tiegħu li kienu jimmilitaw favur l-irtirar ta’ isem il-PKK mil-lista kontenzjuża, hija insuffiċjenti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-ittra tal-Kunsill tas‑27 ta’ Marzu 2015 li permezz tagħha l-espożizzjoni tal-motivi relatati ma’ din id-deċiżjoni u ma’ dan ir-regolament kienet ġiet innotifikata lill-PKK ma setgħetx tirrimedja din l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Minn naħa, din l-ittra kienet ġiet wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni u tal-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, għalkemm l-imsemmija ittra kienet tindika li l-eżistenza ta’ gruppi Kurdi li jiġġieldu l-grupp “Stat Islamiku” ma kinitx taffettwa l-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar il-persistenza tar-riskju ta’ involviment tal-PKK f’attivitajiet terroristiċi, din l-istituzzjoni naqset milli tippreċiża l-elementi li wassluha biex tikkonkludi li dan ir-riskju kien għadu jeżisti.

 L-argumenti tal-partijiet

71      Permezz tas-sitt u s-seba’ aggravju, il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża u mir-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni, isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset, minn naħa, fil-punti 95 sa 99 u 103 sa 109 tas-sentenza appellata, li l-motivazzjoni tal-atti mill-2015 sal-2017 kienet insuffiċjenti sa fejn l-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta ma’ dawn l-atti kienu bbażati fuq id-deċiżjonijiet nazzjonali adottati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit u d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti li jwettqu r-reviżjoni tad-deċiżjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet servew bħala bażi għall-inklużjoni inizjali tal-PKK fil-lista kontenzjuża. Skont il-Kunsill, dan l-iżball ta’ liġi joriġina miċ-ċirkustanza li l-Qorti Ġenerali bbażat l-evalwazzjoni tagħha, b’mod żbaljat, esklużivament fuq l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, filwaqt li missha applikat l-Artikolu 1(4) ta’ din il-pożizzjoni komuni għal dawn id-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ reviżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill iqis li huwa ma kienx obbligat jivverifika l-fatti li fuqhom huma bbażati l-imsemmija deċiżjonijiet nazzjonali u lanqas li jipproduċi provi intiżi li jistabbilixxu l-fondatezza tal-imsemmija fatti li misshom ġew ikkontestati quddiem il-qorti nazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill iqiegħed inkwistjoni l-punti 110 sa 114 tas-sentenza appellata, sa fejn fihom il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kunsill ma kienx wieġeb suffiċjentement kif meħtieġ mid-dritt għall-argumenti li l-PKK kien ressaq matul il-proċedura quddiemha. Huwa jsostni, f’dan ir-rigward, li l-ittra tiegħu tas‑27 ta’ Marzu 2015, li kienet mehmuża mal-espożizzjoni tal-motivi tad-Deċiżjoni 2015/521 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/513, kienet twieġeb suffiċjentement għal dawn l-argumenti.

72      Il-PKK isostni li l-elementi kollha li fuqhom ibbaża ruħu l-Kunsill sabiex juri l-persistenza tar-riskju tal-involviment tiegħu f’attivitajiet terroristiċi jista’ jiġi kkontestat quddiem il-qorti tal-Unjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi jirriżultawx minn deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti jew minn sorsi oħra. Ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn l-elementi li jistgħu jiġu kkontestati quddiem, rispettivament, il-qorti tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, fl-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti mill-2015 sal-2017, il-Kunsill ma indikax ir-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni ta’ reviżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2014 kienet tirrigwarda “att terroristiku”, fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, filwaqt li d-definizzjonijiet tal-kunċett ta’ “terroriżmu” fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni jvarjaw. Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 110 sa 114 tas-sentenza appellata, il-PKK isostni li kull informazzjoni relatata mal-motivi tal-inklużjoni f’lista ta’ ffriżar ta’ fondi ma għandhiex tidher fl-ittra ta’ notifika tal-att inkwistjoni iżda fl-espożizzjoni tal-motivi ta’ dan l-att.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73      Preliminarjament, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel aggravju, il-Kunsill isostni, b’mod żbaljat, li l-atti mill-2015 sal-2017 jaqgħu kemm taħt l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kif ukoll taħt l-Artikolu 1(6) ta’ din il-pożizzjoni komuni. Konsegwentement huwa żbaljat ukoll meta jsostni, fuq il-bażi tal-istess argument, li l-PKK ma jistax jikkontesta dawn l-atti sa fejn dawn huma bbażati fuq id-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ reviżjoni msemmija fil-punt 71 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza, il-persuna jew l-entità kkonċernata tista’, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra ż-żamma tagħha fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi, tikkontesta l-elementi kollha li fuqhom il-Kunsill jibbaża ruħu sabiex juri l-persistenza tar-riskju tal-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi humiex ibbażati fuq deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti jew minn sorsi oħra.

74      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkunsidrat, fil-punti 99 u 105 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill kien kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni sa fejn l-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti mill-2015 sal-2017 huma bbażati fuq id-deċiżjoni ta’ reviżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2014. Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali f’dawn il-punti tas-sentenza appellata, il-Kunsill ma kienx obbligat jistabbilixxi, fil-kuntest tal-motivazzjoni relatata ma’ dawn l-atti, il-materjalità tal-fatti li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni ta’ reviżjoni li fuqha huma bbażati l-espożizzjonijiet tal-motivi tal-imsemmija atti għall-finijiet taż-żamma tal-inklużjoni tal-PKK fil-lista kontenzjuża u lanqas li jipproċedi, fil-kuntest ta’ din il-motivazzjoni, għall-klassifikazzjoni ta’ dawn il-fatti fid-dawl tal-Artikolu 1(3) u (4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 52 sa 55 ta’ din is-sentenza, il-prova meħtieġa mill-Qorti Ġenerali ma taqax taħt l-obbligu ta’ motivazzjoni iżda taħt il-legalità tal-istess atti fuq il-mertu – kwistjoni li ma taqax taħt is-seba’ motiv fl-ewwel istanza li ntlaqa’ fis-sentenza appellata.

75      Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi vverifikat, barra minn hekk, jekk dan l-iżball ta’ liġi li bih hija vvizzjata s-sentenza appellata huwiex ta’ natura li jinvalida l-konklużjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 115 ta’ din tal-aħħar jew jekk, b’danakollu, mill-atti tal-proċess jirriżultax li l-atti mill-2015 sal‑2017 kienu fi kwalunkwe każ ivvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

76      F’dan ir-rigward, mill-espożizzjonijiet tal-motivi tal-atti mill-2015 sal‑2017, kif spjegati fil-qosor fil-punti 16 u 17 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, għall-finijiet taż-żamma tal-inklużjoni tal-PKK fil-lista kontenzjuża, il-Kunsill eżamina, b’mod awtonomu, l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ reviżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2014 u, b’mod partikolari, ivverifika li l-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “atti terroristiċi”, fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, filwaqt li fakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-Ministru għall-Intern huwa “awtorità kompetenti” fis-sens ta’ din il-pożizzjoni komuni. Fiha l-Kunsill ippreċiża wkoll li l-imsemmija deċiżjoni, bħad-deċiżjonijiet l-oħra adottati minn tliet awtoritajiet nazzjonali indikati fl-imsemmija espożizzjonijiet tal-motivi, kienet fiha nnifisha suffiċjenti biex tinżamm din l-inklużjoni tal-PKK.

77      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 18 u 19 ta’ din is-sentenza, l-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mal-atti mill-2015 sal-2017 ma kinux jagħmlu sempliċi riferiment għad-deċiżjoni ta’ reviżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2014, iżda kienu jinkludu, fl-Anness A tagħhom, deskrizzjoni ddettaljata ta’ din id-deċiżjoni, li tippreċiża, b’mod partikolari, il-portata tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “terroriżmu” fuq livell nazzjonali, li fuqha kienet ibbażata l-imsemmija deċiżjoni, u l-fatt li din kienet ġiet adottata wara proċedura ta’ reviżjoni bbażata fuq id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2001. B’mod partikolari, fil-punt 17 ta’ dan l-Anness A, il-Kunsill ippreċiża li, sabiex jikkonkludi li l-PKK kien għadu involut f’attivitajiet terroristiċi, id-deċiżjoni ta’ reviżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2014 kienet ibbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq atti terroristiċi reċenti tal-PKK u kien semma, bħala eżempju, żewġ attakki allegatament imwettqa mill-PKK fix-xhur ta’ Mejju u ta’ Awwissu 2014.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-indikazzjonijiet li “fix-xahar ta’ Awwissu 2014 il-PKK attakka installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ enerġija solari fit-Turkija u ssekwestra tliet inġiniera Ċiniżi” ma kinux preċiżi u konkreti biżżejjed, ġaladarba dawn ma kienu jippreċiżaw la d-data eżatta, la l-belt u lanqas il-provinċja fejn seħħ dan l-allegat attakk. Fir-rigward tal-imsemmi allegat attakk, il-Qorti Ġenerali setgħet għalhekk leġittimament tikkonkludi, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li l-motivazzjoni kienet insuffiċjenti.

79      Madankollu, din il-konstatazzjoni fir-rigward tal-allegat attakk imwettaq fix-xahar ta’ Awwissu 2014 ma tistax twassal għall-annullament tal-atti mill-2015 sal-2017 minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta ma’ dawn l-atti kienu bbażati wkoll fuq elementi oħra ta’ natura li jiżguraw motivazzjoni suffiċjenti tal-imsemmija atti. Fil-fatt, l-Anness A ta’ dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi semma wkoll, fil-punt 17 tiegħu, attakk ieħor imwettaq “fit‑13 ta’ Mejju [2014], li matulu żewġ suldati [kienu] ndarbu fuq is-sit ta’ kostruzzjoni ta’ post militari avvanzat f’Tunceli [(it-Turkija)]” u kien jagħmel riferiment, fil-punt 18 tiegħu, għal twissija tal-PKK, ifformulata fix-xahar ta’ Ottubru 2014, li tgħid li l-proċess fraġli ta’ paċi li fih kien implikat jista’ jisfa fix-xejn jekk ir-Repubblika tat-Turkija ma tintervjenix kontra l-grupp “Stat Islamiku”.

80      Issa, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 99 tas-sentenza appellata, b’dan il-mod, l-espożizzjonijiet tal-motivi marbuta mal-atti mill-2015 sal-2017 kienu jippermettu lill-PKK jkun jaf ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li wasslu lill-Kunsill biex jikkonkludi, billi jibbaża ruħu fuq il-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ reviżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2014, li r-riskju tal-involviment tiegħu f’attivitajiet terroristiċi kien ippersista minkejja l-proċess ta’ paċi li nbeda. B’hekk, l-elementi debitament motivati li jinsabu fl-espożizzjonijiet tal-motivi kienu suffiċjenti biex il-PKK jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem dak li kien qiegħed jiġi akkużat bih (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 4 u 142, kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2019, K.P., C‑458/15, EU:C:2019:522, punti 53 u 54).

81      Sa fejn il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li l-PKK kien ressaq argumenti intiżi li jikkontestaw l-imputabbiltà lill-PKK tal-inċidenti msemmija fid-deċiżjoni ta’ reviżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2014, kif deskritt fl-Anness A tal-atti mill-2015 sal-2017 kif ukoll il-klassifikazzjoni tagħhom bħala atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa intiż li jikkontesta r-realtà tal-fatti msemmija kif ukoll il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom, liema fatt ma huwiex intiż biex jiġi stabbilit ksur mill-Kunsill tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, iżda biex tiġi kkontestata l-legalità ta’ dawn l-atti fuq il-mertu u sabiex b’dan il-mod jiġi fis-seħħ l-obbligu għall-Kunsill li jistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati.

82      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 110 sa 114 tas-sentenza appellata, li l-espożizzjoni tal-motivi marbuta mad-Deċiżjoni 2015/521 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/513 ma kinitx twieġeb b’mod suffiċjenti l-argumenti mressqa mill-PKK fl-ittra tiegħu tas‑6 ta’ Marzu 2015. Fil-fehma tiegħu, l-ittra tal-Kunsill tas‑27 ta’ Marzu ta’ wara ma setgħetx tirrimedja din l-insuffiċjenza, fid-dawl tal-kontenut tagħha u sa fejn din kienet ġiet innotifikata wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni. Il-PKK isostni, min-naħa tiegħu, li l-Kunsill missu wieġeb għall-argumenti tiegħu, mhux f’ittra, iżda fl-espożizzjoni tal-motivi stess.

83      Kif tfakkar fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, peress li l-motivazzjoni meħtieġa għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ġie adottat, in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll tal-kuntest tagħha. Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ, b’mod partikolari, li l-motivazzjoni twieġeb fid-dettall għall-osservazzjonijiet magħmula mill-persuna kkonċernata matul il-konsultazzjoni tagħha qabel l-adozzjoni tal-att inkwistjoni, b’mod partikolari meta dan l-att ikun seħħ f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura adottata fir-rigward tagħha.

84      F’dan il-każ, l-espożizzjoni tal-motivi relatata mad-Deċiżjoni 2015/521 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/513 ġiet innotifikata lill-PKK permezz tal-ittra tal-Kunsill tas‑27 ta’ Marzu 2015, li fiha din l-istituzzjoni wieġbet għall-argumenti mressqa mill-PKK f’ittra tas‑6 ta’ Marzu 2015.

85      Issa, minn naħa, sa fejn din l-espożizzjoni tal-motivi u din l-ittra tal-Kunsill ġew innotifikati fl-istess ħin lill-PKK, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, li l-preċiżazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija ittra tal-Kunsill ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni li tinsab fl-istess espożizzjoni tal-motivi.

86      Min-naħa l-oħra, mill-punt 114 tas-sentenza appellata jirriżulta wkoll li l-Kunsill kien ippreċiża, fl-ittra tiegħu tas‑27 ta’ Marzu 2015, li l-eżistenza ta’ gruppi Kurdi li jiġġieldu l-grupp “Stat Islamiku” ma kinitx taffettwa l-evalwazzjoni tiegħu dwar il-persistenza tar-riskju ta’ involviment tal-PKK f’attivitajiet terroristiċi u, għaldaqstant, li l-Kunsill kien irrisponda b’mod suffiċjentement preċiż u konkret għall-argumenti mqajma fl-ittra tal-PKK tas‑6 ta’ Marzu 2015 sabiex dan ikun jista’ jsir jaf bil-ġustifikazzjoni tal-imsemmija atti tal-2015 u sabiex il-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

87      Għandu jingħad ukoll li, fid-dawl tal-argumenti tal-PKK kif spjegati fil-qosor fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, il-preċiżazzjonijiet li jinsabu fl-ittra tal-Kunsill tas‑27 ta’ Marzu 2015 għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jagħmlu parti mill-kuntest tal-motivazzjoni li tinsab fl-espożizzjoni tal-motivi marbuta mad-Deċiżjoni 2015/521 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/513 u għaldaqstant bħala magħrufa mill-PKK, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, il-preċiżazzjonijiet li jinsabu f’din l-ittra tal-Kunsill kienu jippermettu lill-PKK jifhem li l-motivazzjoni li tinsab f’din l-espożizzjoni tal-motivi kienet ġiet adottata b’teħid inkunsiderazzjoni tal-argumenti mressqa fl-ittra tas‑6 ta’ Marzu 2015 u jkun jaf il-motivi preċiżi li għalihom il-Kunsill ma kinitx aċċettatha.

88      Ċertament, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, li, lil hinn minn din it-tweġiba, il-Kunsill missu ppreċiża l-elementi konkreti li wassluh jikkonkludi li dan ir-riskju għadu jeżisti. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi inkwantu marret kontra l-portata tal-obbligu tal-Kunsill, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 52 sa 55 u 83 ta’ din is-sentenza, li tgħid li din l-istituzzjoni hija obbligata twieġeb, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-persuna kkonċernata waqt il-konsultazzjoni tagħha qabel l-adozzjoni tagħha, mingħajr madankollu ma tkun obbligata tistabbilixxi, f’din il-motivazzjoni stess, il-materjalità tal-fatti allegati u lanqas li fiha tipproċedi biex twettaq klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti.

89      Għaldaqstant, l-iżbalji ta’ liġi rrilevati fil-punti 74 u 88 ta’ din is-sentenza huma ta’ natura li jinvalidaw il-konklużjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 115 tas-sentenza appellata.

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-seba’ aggravju għandu jintlaqa’ kif ukoll is-sitt aggravju f’dak li jikkonċerna l-motivazzjoni tal-atti mill-2015 sal-2017 ibbażata fuq deċiżjoni ta’ reviżjoni tal-Ministru għall-Intern tal-2014.

91      Għaldaqstant, dan l-appell għandu jiġi ddikjarat fondat sa fejn huwa intiż għall-annullament tas-sentenza appellata, sa fejn din laqgħet ir-rikors għal annullament tal-atti mill-2015 sal-2017 minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti allegati fil-kuntest tas-sitt aggravju li huma intiżi li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar id-Deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet tal-Istati Uniti.

92      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-punti 1 sa 11, 13 u 14 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali annullat l-atti kontenzjużi, għandhom jiġu annullati.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

93      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

94      Peress li l-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni dwar it-tieni sas-sitt u t-tmien motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punti 1 sa 11, 13 u 14 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Novembru 2018, PKK vs IlKunsill (T316/14, EU:T:2018:788), huma annullati.

2)      Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.