Language of document : ECLI:EU:C:2023:904

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

23 ta’ Novembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), Taqsima ‘Garanzija’ – Skema Komunitarja ta’ għajnuna għall-miżuri ta’ forestrija fl-agrikoltura – Regolament (KEE) Nru 2080/92 – Il-punti (b) u (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 – Skema ta’ għajnuna – Primjums għal manutenzjoni u primjums għal telf ta’ dħul – Kundizzjonijiet għall-għoti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi rekwiżit ta’ densità minima ta’ popolament tal-irqajja’ – Nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit minħabba raġuni mhux imputabbli lill-benefiċjarju – Obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna – Forza maġġuri – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑213/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Marzu 2022, fil-proċedura

Instituto de Financiamento da Agricultura e Pescas, IP

vs

CS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Piçarra, M. Safjan, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal CS, minn J. Teles Branco, advogado,

–        għall-Gvern Portugiż, minn H. Almeida, P. Barros da Costa, P. Direitinho u A. Pimenta, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn E. Leftheriotou, M. Tassopoulou u A.‑E. Vasilopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Rechena u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(b) u (c) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2080/92 tat‑30 ta’ Ġunju 1992 li tistabbilixxi skema Komunitarja ta’ għajnuna għall-miżuri tal-forestrija fl-agrikoltura (ĠU 1992, L 215, p. 96), kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn CS u l-Instituto de Financiamento da Agricultura e Pescas, IP (l-Istitut għall-Finanzjament tal-Agrikoltura u tas-Sajd, IP, il-Portugall) (iktar ’il quddiem l-“IFAP”) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ dan l-istitut li tordna r-rimbors tal-primjums irċevuti minn CS bħala għajnuna għall-afforestazzjoni tas-superfiċji agrikoli stabbilita mir-Regolament Nru 2080/92.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Ir-Regolament Nru 2080/92 tħassar permezz tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1257/1999 tas‑17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391). Madankollu, fid-dawl tal-Artikolu 55(3) ta’ dan l-aħħar regolament, ir-Regolament Nru 2080/92 kompla japplika għall-azzjonijiet li l-Kummissjoni approvat bis-saħħa ta’ dan ir-regolament qabel l‑1 ta’ Jannar 2000 b’tali mod li l-kawża prinċipali tibqa’ rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

4        L-ewwel sat-tielet u l-ħames premessi tar-Regolament Nru 2080/92 jiddikjaraw:

“[B]illi l-afforestazzjoni tas-superfiċji agrikoli hija ta’ importanza partikolari kemm għall-użu tal-art u għall-ambjent kif ukoll bħala kontribut għat-tnaqqis tad-defiċit ta’ riżorsi tal-forestrija fil-Komunità u bħala element kumplimentari għall-politika Komunitarja ta’ kontroll tal-produzzjoni agrikola;

billi l-esperjenza fil-qasam tal-afforestazzjoni ta’ artijiet agrikoli mill-bdiewa turi li l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti intiżi għall-promozzjoni tal-afforestazzjoni huma insuffiċjenti u li l-attivitajiet ta’ afforestazzjoni tas-superfiċji agrikoli rtirati mill-produzzjoni agrikola fl-aħħar snin irriżultaw li ma humiex sodisfaċenti;

billi għaldaqstant jirriżulta li huwa opportun li l-miżuri msemmija fit-Titolu VIII tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2328/91 tal‑15 ta’ Ġunju 1991 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-istrutturi tal-agrikoltura [(ĠU 1991, L 218, p. 1)] jiġu ssostitwiti b’miżuri li jissodisfaw aħjar il-bżonn ta’ inkoraġġiment effikaċji ta’ afforestazzjoni tas-superfiċji agrikoli;

[...]

billi primjum digressiv għall-ewwel ħames snin intiż li jikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-manutenzjoni tal-afforestazzjonijiet il-ġodda jista’ jikkostitwixxi element importanti għall-inkoraġġiment tal-afforestazzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għan tal-iskema ta’ għajnuna”, jipprevedi:

“Skema Komunitarja għall-għajnuna kkofinanzjata mit-taqsima ‘garanzija’ tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (EAGGF), qiegħda tiġi stabbilita sabiex:

–        takkumpanja l-bidliet previsti fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq;

–        tikkontribwixxi għal titjib fuq terminu twil tar-riżorsi tal-forestrija,

–        tikkontribwixxi għal ġestjoni tal-ispazju naturali iktar kompatibbli mal-ekwilibriju tal-ambjent,

–        tiġġieled kontra l-effett serra u tassorbi d-dijossidu tal-karbonju,

Din l-iskema Komunitarja ta’ għajnuna hija intiża għal:

(a)      użu alternattiv tal-artijiet agrikoli permezz ta’ afforestazzjoni;

(b)      żvilupp tal-attivitajiet forestali fl-azjendi agrikoli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Skema ta’ għajnuna” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-iskema ta’ għajnuna tista’ tinkludi:

(a)      għajnuna intiża li tkopri l-ispejjeż ta’ afforestazzjoni;

(b)      primjum annwali għal kull ettaru afforestat intiż li jkopri l-ispejjeż ta’ manutenzjoni tas-superfiċji matul l-ewwel ħames snin;

(c)      primjum annwali għal kull ettaru intiż li jikkumpensa telf ta’ dħul li jirriżulta mill-afforestazzjoni tas-superfiċji agrikoli;

(d)      għajnuna għall-investimenti li tikkonċerna t-titjib tas-superfiċji afforestati bħall-provvista ta’ lqugħ kontra r-riħ, ta’ lqugħ kontra t-tixrid tan-nirien, ta’ punti ta’ ilma u ta’ mogħdijiet rurali forestali, kif ukoll it-titjib tas-superfiċji afforestati bil-ballut tas-sufra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Ammont tal-għajnuna”, jiddikjara, fil-punti (b) u (c) tal-ewwel paragrafu tiegħu:

“L-ammonti massimi eliġibbli tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 huma ffissati:

[...]

(b)      fir-rigward tal-ispejjeż ta’ manutenzjoni, għal:

–        [EUR] 250 għal kull ettaru fis-sena matul l-ewwel sentejn u [EUR] 150 għal kull ettaru fis-sena matul is-snin segwenti fil-każ ta’ plantazzjonijiet ta’ siġar tal-injam artab,

–        [EUR] 500 għal kull ettaru fis-sena matul l-ewwel sentejn u [EUR] 300 għal kull ettaru fis-sena matul is-snin segwenti fil-każ ta’ plantazzjonijiet ta’ siġar tal-injam iebes jew ta’ plantazzjonijiet imħallta b’minn tal-inqas 75% b’siġar tal-injam iebes.

[...]

(c)      fir-rigward tal-primjum intiż li jikkumpensa t-telf ta’ dħul għal:

–        [EUR] 600 għal kull ettaru fis-sena jekk l-afforestazzjoni ssir minn operatur agrikolu jew minn grupp ta’ operaturi agrikoli li ħadmu l-artijiet qabel l-afforestazzjoni tagħhom,

–        [EUR] 150 għal kull ettaru fis-sena jekk l-afforestazzjoni ssir minn benefiċjarju ieħor imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 2(2),

għal tul massimu ta’ għoxrin sena mill-afforestazzjoni inizjali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2080/92, intitolat “Programmi ta’ għajnuna”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-iskema ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 permezz ta’ programmi pluriannwali nazzjonali jew reġjonali li jikkonċernaw l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 u li jiddeterminaw b’mod partikolari:

–        l-ammonti u t-tul tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 skont l-ispejjeż reali ta’ afforestazzjoni u ta’ manutenzjoni tal-ispeċji jew tipi ta’ siġar użati għall-afforestazzjoni, jew skont it-telf ta’ dħul,

–        il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, b’mod partikolari dik li tikkonċerna l-afforestazzjoni,

–        [...]

2.      L-Istati Membri jistgħu wkoll jimplimentaw pjanijiet żonali ta’ afforestazzjoni li jirriflettu d-diversità tas-sitwazzjonijiet tal-ambjent, tal-kundizzjonijiet naturali u tal-istrutturi agrikoli.

Il-pjanijiet żonali ta’ afforestazzjoni jirrigwardaw b’mod partikolari:

–        id-determinazzjoni ta’ għan ta’ afforestazzjoni,

–        il-kundizzjonijiet relatati mal-lokalizzazzjoni u r-ragruppament tas-superfiċji li jistgħu jiġu afforestati,

–        il-prattiki tal-forestrija li għandhom jiġu osservati,

–        Is-selezzjoni tal-ispeċi ta’ siġar adattati għall-kundizzjonijiet lokali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Iddritt Portugiż

9        L-Artikolu 5 tal-Portaria 199/94 do Ministério da Agricultura (id-Digriet Nru 199/94 tal-Ministeru għall-Agrikoltura), tas‑6 ta’ April 1994 (Diário da República, l-ewwel serje, Nru 80, tas‑6 ta’ April 1994), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 199/94”), intitolat “Primjums annwali”, jipprovdi:

“Bla ħsara għall-paragrafu segwenti, il-benefiċjarji tal-għajnuna għall-afforestazzjoni tas-superfiċji agrikoli msemmija fil-paragrafu preċedenti għandhom dritt għal żewġ primjums annwali għal kull ettaru afforestat intiżi li:

(a)      ikopru, matul l-ewwel ħames snin, l-ispejjeż marbuta mal-manutenzjoni tas-superfiċji afforestati inklużi fil-proġett ta’ investiment;

(b)      jikkumpensaw it-telf ta’ dħul li jirriżulta mill-afforestazzjoni tas-superfiċji agrikoli.”

10      L-Artikolu 6 ta’ dan id-digriet ministerjali, intitolat “Benefiċjarji”, jiddikjara:

“1 – Jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna prevista minn dan id-digriet:

(a)      għajnuna għall-afforestazzjoni tas-superfiċji agrikoli: kull persuna fiżika jew ġuridika;

(b)      għajnuna għat-titjib tas-superfiċji agrikoli: l-operaturi agrikoli u l-assoċjazzjonijiet tagħhom;

(c)      primjum intiż li jkopri l-ispejjeż ta’ manutenzjoni tas-superfiċji afforestati: il-benefiċjarji kollha tal-għajnuna għall-afforestazzjoni tas-superfiċji agrikoli;

(d)      primjum intiż li jikkumpensa t-telf ta’ dħul: kull persuna fiżika jew ġuridika rregolata mid-dritt privat li tibbenefika minn għajnuna għall-afforestazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jtemmu l-attività tagħhom konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2070/92 tat‑30 ta’ Ġunju 1992 [li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3493/90 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali dwar l-għoti tal-primjum favur il-produtturi ta’ laħam tan-nagħaġ (ĠU 1992, L 215, p. 63)].

2 – Fir-rigward tal-ispeċji li jikbru malajr użati skont rotazzjoni inferjuri għal sittax‑il sena, l-għajnuna tingħata biss għall-afforestazzjoni ta’ superfiċji agrikoli u biss lill-operaturi agrikoli b’mod prinċipali.”

11      L-Artikolu 7 tal-imsemmi digriet ministerjali, intitolat “Impenji tal-benefiċjarji”, jipprevedi:

“Għall-finijiet tal-għoti tal-għajnuna prevista minn dan id-digriet, il-benefiċjarji għandhom jimpenjaw lilhom innifishom b’mod partikolari li:

(a)      josservaw il-prattiki kulturali previsti fil-pjan ta’ gwida ta’ ġestjoni assoċjat mal-proġett ta’ investiment;

(b)      jagħmlu mezz li l-popolamenti mħawwla jkollhom id-densitajiet minimi previsti fl-Anness C matul is-sena wara dik tat-tħawwil bħala riforniment tal-ħażna;

(c)      iwettqu manutenzjoni u jipproteġu l-popolamenti forestali mħawwla jew mtejba, kif ukoll l-infrastrutturi li jinsabu fihom, matul perijodu minimu ta’ għaxar snin jew, fil-każ ta’ ħlas tal-primjum għal telf ta’ dħul, sakemm dan jingħata.

[...]”

12      Skont l-Artikolu 26 tal-istess Digriet Ministerjali, intitolat “Ħlas parzjali tal-primjums”, jipprovdi:

“Meta parti tal-popolament tiġi meqruda għal raġunijiet mhux imputabbli lill-benefiċjarju, il-primjums previsti minn dan id-digriet ikomplu jitħallsu għar-roqgħa li tibqa’ f’kundizzjonijiet veġetali tajba.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

13      Fl‑4 ta’ Marzu 1997, l-IFAP u CS ikkonkludew ftehim li permezz tiegħu ġie aċċettat li din tal-aħħar tibbenefika minn għajnuna għall-afforestazzjoni ta’ artijiet agrikoli li taqa’ taħt ir-Regolament Nru 2080/92. Dan il-ftehim, li kien jirrigwarda ħamest irqajja’, kien jipprevedi l-ħlas ta’ għajnuna inizjali intiża li tkopri l-ispejjeż ta’ afforestazzjoni, primjums annwali għal manutenzjoni u primjums annwali għal telf ta’ dħul.

14      Konformement mal-punt C.7 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Ftehim, li t-test tiegħu ttieħed mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(b) tad-Digriet Ministerjali Nru 199/94, CS kellha “tiżgura li l-popolamenti ta’ forestrija installati jkollhom id-densitajiet minimi previsti mil-liġi matul is-sena li ssegwi dik tat-tħawwil bħala riforniment tal-ħażna” (iktar ’il quddiem ir-“rekwiżit ta’ densità minima ta’ popolament”).

15      Barra minn hekk, il-Parti E tal-istess kundizzjonijiet ġenerali, intitolata “Xoljiment u modifika unilaterali”, kienet ifformulata b’dan il-mod:

“E.1.      L-IFAP jista’ unilateralment ixolji jew jimmodifika l-ftehim preżenti fil-każ ta’ ksur, min-naħa tal-benefiċjarju, ta’ wieħed mill-obbligi tiegħu jew fil-każ li waħda mill-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna ma tkunx għadha teżisti b’tali mod li dan ikun imputabbli lill-benefiċjaru ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali.

E.2.      L-IFAP jista’ wkoll jimmodifika dan il-ftehim b’mod unilaterali fir-rigward tal-ammont tal-għajnuna jekk jiġu kkonstatati wħud miċ-ċirkustanzi u kundizzjonijiet li jiġġustifikaw dan fil-kuntest tat-twettiq tal-investiment jew tal-kundizzjonijiet ta’ manutenzjoni tal-foresta.

E.3.      Il-primjums għal manutenzjoni u għal telf ta’ dħul jitnaqqsu b’mod partikolari fil-każ ta’ qerda parzjali tal-foresta, skont is-superfiċji meqruda, bil-kundizzjoni li l-qerda tkun dovuta għal raġuni mhux imputabbli lill-benefiċjarju.”

16      Matul is-sena 2006, l-IFAP ikkonstata li tlieta mill-ħamest irqajja’ kkonċernati mill-ftehim imsemmi fil-punt preċedenti ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ densità minima ta’ popolament. Għaldaqstant, permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Settembru 2006, l-IFAP ordna, konformement mal-klawżola E.2. tal-Kundizzjonijiet Ġenerali, il-modifika unilaterali tal-Ftehim u rrikjediet ir-rimbors ta’ somma prinċipali ta’ EUR 3 992.08 flimkien mal-interessi legali u regolamentari li jikkorrispondu għad-differenza bejn, minn naħa, il-primjums għal manutenzjoni u għal telf ta’ dħul indebitament imħallsa għal dawn it-tlett irqajja’ għas-snin 1998 u 1999, u, min-naħa l-oħra, il-primjums għal manutenzjoni u għal telf ta’ dħul li kellhom jitħallsu għaż-żewġt irqajja’ l-oħra għas-snin 2003 sa 2005. Min-naħa l-oħra, l-IFAP ma qegħedx inkwistjoni l-għajnuna inizjali intiża li tkopri l-ispejjeż ta’ afforestazzjoni mħallsa fid-dawl tal-isforzi miftiehma minn CS biex jiġu afforestati l-imsemmija rqajja’.

17      CS ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Administrativo de Círculo de Lisboa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali ta’ Lisbona, il-Portugall) billi spjegat li kienet għamlet minn kollox sabiex il-pjantaġġun ikollu d-densità legalment meħtieġa u li n-nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-rekwiżit ma kienx dovut għal nuqqas min-naħa tagħha iżda għal kundizzjonijiet klimatiċi sfavorevoli.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Mejju 2017, din il-qorti annullat id-deċiżjoni tal‑11 ta’ Settembru 2006 wara li kkonstatat li l-primjums għal telf ta’ dħul relatati mas-snin 1998 u 1999 ma kinux ġew irċevuti indebitament minn CS. L-imsemmija qorti kkundannat lill-IFAP għall-ħlas tal-primjums għal telf ta’ dħul relatat mas-snin 2003 sa 2005 u tal-primjums għal manutenzjoni relatati mas-snin 2003 u 2004.

19      L-IFAP appella minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Central Administrativo do Sul (il-Qorti Amministrattiva Ċentrali tan-Nofsinhar, il-Portugall). Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2019, din il-qorti ċaħdet l-appell billi ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ densità minima ta’ popolament kien jikkostitwixxi obbligu ta’ mezzi u mhux ta’ riżultat u li, konsegwentement, kien l-IFAP, biex ikun jista’ jirrikjedi r-rimbors tal-primjums, li kellu tistabbilixxi l-eżistenza ta’ nuqqas imwettaq minn CS fir-rigward tal-mezzi użati.

20      L-IFAP ippreżenta appell quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugal), il-qorti tar-rinviju.

21      Din il-qorti għandha dubji fir-rigward tal-konformità tal-Artikolu 7(b) tad-Digriet Ministerjali Nru 199/94 mar-regoli u prinċipji ġenerali tal-Unjoni.

22      Fl-ewwel lok, hija tistaqsi jekk ir-rekwiżit ta’ densità minima ta’ popolament previst minn din id-dispożizzjoni għandux jiġi analizzat bħala obbligu ta’ mezz jew bħala obbligu ta’ riżultat. F’dan ir-rigward, hija tesprimi dubji dwar l-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti ta’ appell li l-ħlas tal-primjums għal manutenzjoni u għal telf ta’ dħul huwa dejjem dovut meta l-benefiċjarju jkun afforesta l-art u ddedika l-isforzi kollha biex jiġi osservat dan ir-rekwiżit.

23      Fit-tieni lok, jekk jitqies li dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi obbligu ta’ riżultat, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tistaqsi dwar il-konformità tal-programm stabbilit mil-leġiżlatur Portugiż mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod iktar partikolari, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludix interpretazzjoni tal-Artikoli 7 u 26 tad-Digriet Ministerjali Nru 199/94 li bis-saħħa tagħha l-qerda parzjali ta’ popolament minħabba s-seħħ ta’ kundizzjonijiet klimatiċi sfavorevoli matul is-snin wara dik tal-evalwazzjoni tat-tħawwil bħala riforniment tal-ħażna tagħti lok għall-ħlas parzjali tal-primjums (għall-irqajja’ li josservaw ir-rekwiżit ta’ densità minima), filwaqt li s-seħħ ta’ kundizzjonijiet klimatiċi simili matul is-sena tal-evalwazzjoni nnifisha u li jipproduċu l-istess effetti jagħti lok għat-telf totali tad-dritt għall-primjums.

24      Fit-tielet u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-fatt li l-iskema stabbilita inizjalment mid-Digriet Ministerjali Nru 199/94 ġiet immodifikata matul is-sena 2012, liema fatt huwa tali li jqajjem dubji dwar il-proporzjonalità tal-iskema inizjali. Fil-fatt, dawn il-modifiki jikkonsistu fit-tnaqqis tal-limitu ta’ densità minima ta’ popolament meħtieġ fl-Anness C kif ukoll fil-modifika tal-iskema “kollox jew xejn” li kienet teżisti sa dak il-mument għall-allokazzjoni tal-primjums skont in-numru ta’ pjanti fis-sena ta’ wara dik tat-tħawwil bħala riforniment tal-ħażna. B’din il-modifika, l-osservanza tad-densitajiet minimi ta’ popolament hija evalwata matul is-sena li ssegwi tmiem l-investiment u waqt l-għoti tal-primjum għal manutenzjoni. Barra minn hekk, fil-każijiet fejn il-pjanti jinqerdu għal raġunijiet mhux attribwibbli lill-benefiċjarju, din il-leġiżlazzjoni ġdida tipprevedi li l-primjums ikomplu jitħallsu għall-parti relatata mar-roqgħa li tibqa’ f’kundizzjonijiet veġetali tajba.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-ispejjeż ta’ manteniment u l-primjums bħala kumpens għat-telf ta’ dħul previsti, rispettivament, [fil-punti (b) u (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3] tar-Regolament [Nru 2080/92], jistgħu jkunu dovuti meta l-benefiċjarju jipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet ta’ afforestazzjoni rikjesti mill-programm nazzjonali ta’ għajnuna ma ġewx issodisfatti minħabba fatturi esterni għar-rieda tiegħu, inkwantu huwa (il-benefiċjarju) wettaq l-isforzi kollha possibbli sabiex jilħaq dak ir-riżultat?

2)      Is-soluzzjoni li tirriżulta mis-silta regolatorja interpretattiva tal-Artikolu 7(b) moqri flimkien mal-Artikolu 26, it-tnejn [mid-Digriet Ministerjali Nru 199/94, li skontu] l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet klimatiċi sfavorevoli fis-snin ta’ wara s-sena ta’ evalwazzjoni (li hija s-sena ta’ wara t-tħawwil bħala riforniment tal-ħażna) jwasslu għall-ħlas parzjali tal-primjum, filwaqt li l-kisba tal-istess riżultati fid-dawl tal-istess kundizzjonijiet klimatiċi sfavorevoli s-sena ta’ wara t-tħawwil bħala riforniment tal-ħażna tkun konnessa mat-telf totali tad-dritt għall-primjums, hija konformi mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni?

3)      Is-soluzzjoni prevista fl-[Artikolu 7(b)] tad-Digriet Ministerjali Nru 199/94 li minnha jirriżulta t-telf totali għall-benefiċjarju tad-drittijiet għall-[primjum għal manutenzjoni u għall-primjum ta’ telf ta’ dħul], fil-każijiet fejn ma tintlaħaqx id-densità ta’ popolament tal-foresti prevista fl-Anness C, mingħajr ma jiġi permess tnaqqis proporzjonali tal-ħlas tal-istess primjums fil-każijiet fejn dan ir-riżultat jista’ jiġi attribwit lil raġunijiet esterni, bħall-klima, għandha titqies li tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità bħala prinċipju ġenerali tal-Unjoni kif jidher li jirriżulta (ab contrario sensu) mis-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2017, József Lingurár (Kawża C‑315/16, ECLI:EU:C:2017:244, punti 29 u 35)?”

 Fuq iddomandi preliminari

26      Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punti (b) u (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2080/92 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li benefiċjarju ta’ primjums għal manutenzjoni u primjums għal telf ta’ dħul imħallsa taħt impenn pluriannwali, li għalih ikun intrabat, għall-afforestazzjoni ta’ artijiet agrikoli, jiġi obbligat jirrimborsa dawn il-primjums meta kundizzjoni għall-għoti stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tirrigwarda l-preżenza ta’ densità minima ta’ popolament forestali, ma tiġix issodisfatta matul l-eżekuzzjoni tal-imsemmi impenn minħabba s-seħħ ta’ kundizzjonijiet klimatiċi sfavorevoli.

27      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2080/92, moqri fid-dawl tal-ewwel sat-tielet premessa ta’ dan ir-regolament, dan introduċa skema ta’ għajnuna għall-afforestazzjoni ta’ artijiet agrikoli intiża, b’mod partikolari, għall-promozzjoni ta’ użu alternattiv tal-artijiet agrikoli permezz tal-afforestazzjoni filwaqt li jkunu jistgħu jiġu żviluppati attivitajiet ta’ forestrija fl-impriżi agrikoli, għall-kontribut lejn ġestjoni tal-ispazju naturali iktar kompatibbli mal-ekwilibriju tal-ambjent, għall-ġlieda kontra l-effett serra, għall-assorbiment tad-dijossidu tal-karbonju kif ukoll għal kontribut fit-tul lejn titjib tar-riżorsi forestali.

28      B’hekk, l-imsemmi regolament ifittex li jilħaq għanijiet ta’ politika agrikola intiżi għas-sostenn tal-qasam tal-forestrija kif ukoll għan ta’ protezzjoni tal-ambjent, għanijiet li jippreżentaw, min-natura tagħhom, dimensjoni pluriannwali u jirrikjedu li sseħħ afforestazzjoni effettiva u fit-tul tal-artijiet agrikoli.

29      F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, mill-Artikolu 2(1)(b) u (c) tal-istess regolament jirriżulta li l-iskema ta’ għajnuna għall-afforestazzjoni ta’ artijiet agrikoli stabbilit minnu tista’ tinkludi, b’mod partikolari, primjum annwali intiż li jkopri l-ispejjeż ta’ manutenzjoni tas-superfiċji afforestati matul l-ewwel ħames snin u primjum annwali intiż li jikkumpensa telf ta’ dħul li jirriżulta mill-afforestazzjoni tas-superfiċji agrikoli, fejn dawn il-primjums jitħallsu “għal kull ettaru afforestat”.

30      Sussegwentement, il-punti (b) u (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2080/92 jieħu ħsieb jistabbilixxi l-ammonti minimi eliġibbli ta’ dawn il-primjums skont is-superfiċji tal-afforestazzjoni (għal kull ettaru) kif ukoll it-tul massimu li matulu dawn il-primjums jistgħu jitħallsu. F’dan ir-rigward, filwaqt li l-punt (b) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, moqri fid-dawl tal-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, jipprevedi li l-ħlas tal-primjums ta’ manutenzjoni jista’ jinqasam fuq perijodu ta’ ħames snin bil-kundizzjoni li l-manutenzjoni tal-pjantazzjonijiet il-ġodda tiġi żgurata, il-punt (c) ta’ dan il-paragrafu jiddikjara li l-primjum għal telf ta’ dħul jista’ jingħata għal tul massimu ta’ għoxrin sena mill-afforestazzjoni inizjali.

31      Fir-rigward tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament, dan iqiegħed fuq l-Istati Membri l-ħsieb li jimplimentaw din l-iskema ta’ għajnuna permezz ta’ programmi pluriannwali nazzjonali jew reġjonali u li tagħhom jiffissaw il-modalitajiet. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jiddeterminaw, b’mod partikolari, l-ammonti u t-tul ta’ żmien tal-għajnuna skont l-ispejjeż reali ta’ afforestazzjoni u l-manutenzjoni tal-ispeċji jew tipi ta’ siġar użati għall-afforestazzjoni, jew skont it-telf ta’ dħul, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuna li tirrigwarda l-afforestazzjoni.

32      Minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, minkejja li r-Regolament Nru 2080/92 ma jistabbilixxix direttament il-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ primjums differenti għall-afforestazzjoni, dan jorbot l-għoti tal-primjums mal-afforestazzjoni effettiva tas-superfiċji koperti tul il-validità tal-impenn.

33      Għalhekk, is-sempliċi konstatazzjoni li kundizzjoni għall-għoti tal-primjums għal manutenzjoni u tal-primjums għal telf ta’ dħul ma hijiex issodisfatta hija suffiċjenti biex l-għoti ta’ dawn il-primjums ma jkunx iġġustifikat u b’hekk ikun nieqes minn bażi legali. Għalhekk, tali primjums li jkunu tħallsu ma jistgħux jitqiesu li huma dovuti meta l-benefiċjarju jkun uża l-isforzi kollha possibbli biex jissodisfa r-rekwiżit ta’ densità minima ta’ popolament skont kif previst fl-Artikolu 7(b) tad-Digriet Ministerjali Nru 199/94.

34      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet li jfittex li jikseb ir-Regolament Nru 2080/92 hekk kif imfakkra fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, is-sostenn għall-qasam tal-forestrija kif ukoll il-protezzjoni tal-ambjent, li jidħol fil-perspettiva iktar ġenerali tal-ġlieda kontra l-effett serra bl-assorbiment tad-dijossidu tal-karbonju, jirrikjedu li jkun hemm afforestazzjoni effettiva tal-artijiet agrikoli.

35      L-imsemmija interpretazzjoni hija sostnuta wkoll bl-istruttura tas-sistema sottostanti għar-Regolament Nru 2080/92. Fil-fatt, minn naħa, billi, konformement mal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri ġew fdati bl-iffissar, fil-programmi pluriannwali tagħhom, tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna għall-afforestazzjoni u, min-naħa l-oħra, billi, bis-saħħa tal-Artikolu 4(2), ġiet irrikonoxxuta lil dawn l-Istati, fil-kuntest tal-pjanijiet żonali ta’ afforestazzjoni, il-possibbiltà li jieħdu inkunsiderazzjoni d-diversità tas-sitwazzjonijiet tal-ambjent u li jagħżlu l-ispeċji ta’ siġar adattati għall-kundizzjonijiet ġeografiċi u idrografiċi lokali, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li s-suċċess tal-operazzjonijiet ta’ afforestazzjoni ma jkunx jiddependi unikament fuq id-diliġenza tal-benefiċjarju.

36      Minn dan jirriżulta li l-liġi tal-Unjoni tirrikjedi li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna għall-afforestazzjoni jiġu ssodisfatti mat-tul kollu tal-eżekuzzjoni ta’ impenn pluriannwali sabiex il-primjums għall-manutenzjoni u għat-telf ta’ dħul jiġu debitament imħallsa, mingħajr ma l-benefiċjarju ta’ dawn il-primjums ikun jista’ jiġġustifika ksur ta’ waħda mill-kundizzjonijiet, bħar-rekwiżit ta’ densità minima ta’ popolament, bit-turija tad-diliġenza tiegħu biss.

37      Għaldaqstant, fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 2080/92 ma jinkludi ebda dispożizzjoni dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn ksur ta’ waħda mill-kundizzjonijiet għall-għoti tal-primjums imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari meta dan il-ksur jirriżulta minn każ ta’ forza maġġuri.

38      Madankollu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita fil-leġiżlazzjoni applikabbli, jibqa’ possibbli għall-benefiċjarju ta’ primjums li jeċċepixxi s-seħħ ta’ każ ta’ forza maġġuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ April 1988, Inter‑Kom, 71/87, EU:C:1988:186, punti 10 u 15, kif ukoll tas‑7 ta’ Diċembru 1993, Huygen et, C‑12/92, EU:C:1993:914, punt 31).

39      Fil-qasam tal-leġiżlazzjoni agrikola, għalkemm il-kunċett ta’ “forza maġġuri” ma jippresupponix impossibbiltà assoluta, dan madankollu jirrikjedi li l-ksur ta’ kundizzjoni għall-għoti ta’ għajnuna jkun dovut għal ċirkustanzi estranei għall-operatur ikkonċernat, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Szemerey, C‑330/14, EU:C:2015:826, punt 58). Barra minn hekk, peress li hija eċċezzjoni, din għandha tiġi interpretata b’mod strett.

40      Sa fejn id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi tikkostitwixxi evalwazzjoni fattwali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex dawn il-karatteristiċi.

41      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jiriżulta, minn naħa, li din il-qorti stabbilixxiet b’mod ġenerali li l-kundizzjonijiet klimatiċi sfavorevoli invokati minn CS kienu dovuti għal ċirkustanzi estranei għal din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, li hija, minkejja d-diliġenza kollha li kienet uriet, ma kinitx setgħet tevita l-konsegwenzi ta’ dawn il-kundizzjonijiet klimatiċi fuq il-popolament tal-irqajja’. Madankollu, biex tiġi sostnuta l-klassifikazzjoni ta’ “forza maġġuri” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, hija għal darba oħra l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn iċ-ċirkustanzi kinux anormali jew imprevedibbli.

42      Għandu jingħad ukoll li hija biss ġrajja li tippreżenta l-karatteristiċi tal-forza maġġuri, jiġifieri li huma ta’ natura anormali u imprevedibbli, li tista’ tillibera lill-benefiċjarju mill-obbligu tiegħu li jirrimborsa l-għajnuna rċevuta minħabba ksur tar-rekwiżit ta’ densità minima ta’ popolament.

43      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-punt dwar jekk, kif titlob il-qorti tar-rinviju, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jmur kontra leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 7(b) tad-Digriet Ministerjali Nru 1999/94, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li r-Regolament Nru 2080/92 ma fih ebda dispożizzjoni li tiftaħ il-possibbiltà għal Stat Membru li jnaqqas proporzjonalment il-ħlas ta’ dawn il-primjums skont is-seħħ ta’ ċirkustanzi esterni għall-benefiċjarju. Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fil-kuntest tal-eżerċizzju mill-Istat Membru tas-setgħa tiegħu ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et, C‑367/09, EU:C:2010:648, punt 40). Dan jirrikjedi li l-mezzi implimentati minn dispożizzjoni nazzjonali jkunu idonei biex jintlaħaq l-għan imsemmi u ma jmorrux lil hinn minn dan li huwa neċessarju sabiex dan jinkiseb (sentenza tas‑7 ta’April 2022, Avio Lucos, C‑176/20, EU:C:2022:274, punt 42).

44      Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 33 u 42 ta’ din is-sentenza, li l-benefiċjarju tal-primjums għal manutenzjoni u għal telf ta’ dħul jista’ jiġġustifika l-ksur ta’ waħda mill-kundizzjonijiet għall-ħlas ta’ dawn il-primjums, bħar-rekwiżit ta’ densità minima ta’ popolament, biss billi juri li bis-seħħ ta’ episodju dovut għal forza maġġuri ma jistax jitqies li prattika nazzjonali li, bħal f’dan il-każ, tirrikjedi r-rimbors totali tal-primjums korrispondenti għas-superfiċji li ma josservawx tali rekwiżit, tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għall-kuntrarju, din il-prattika tieħu ħsieb li tħares b’mod adegwat u neċessarju li l-għajnuna għall-afforestazzjoni tiffinanzja operazzjonijiet konformi mal-programm ta’ afforestazzjoni kkonċernat.

45      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-benefiċjarju ta’ għajnuna għandu l-obbligu, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din l-għajnuna, li jirrimborsa t-totalità tal-ammonti diġà mħallsa li jkunu relatati magħha, mingħajr ma l-prinċipju ta’ proporzjonalità jkun jista’ jostakola dan l-obbligu ta’ rimbors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Ezernieki, C‑273/15, EU:C:2016:364, punti 41 sa 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      L-argumentazzjoni misluta mis-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2017, Lingurár (C‑315/16, EU:C:2017:244) ma tistax tqiegħed inkwistjoni din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, din is-sentenza kienet tidħol f’kuntest ġuridiku differenti li fih il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal‑20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2010, L 286M, p. 26, u r-rettifika fil-ĠU 2012, L 206, p. 23). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar il-punt jekk il-ħlas ta’ kumpens taħt in-network Natura 2000 setax jiġi totalment irrifjutat lil individwu meta parti żgħira ħafna tas-superfiċji li għaliha saret it-talba għal għajnuna kienet tappartjeni lil Stat Membru u meta dan ir-regolament kien jirrikjedi li l-għajnuna tingħata biss għas-superfiċji li huma proprjetà ta’ individwi. Issa, wara li indikat, fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fil-kuntest tal-eżerċizzju minn dan l-Istat Membru tal-kompetenza tiegħu ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kellhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 30, 33 u 35 tal-imsemmija sentenza, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet teskludi żona forestali kompletament mill-benefiċċju tal-għajnuna Natura 2000, minħabba l-preżenza ta’ superfiċji li tappartjeni għall-imsemmi Stat, ma kinitx tirrifletti b’mod proporzjonat ir-realtà tar-relazzjonijiet ta’ proprjetà u kienet tikser dan il-prinċipju peress li l-ħlasijiet inkwistjoni kellhom isiru għal kull ettaru ta’ superfiċji forestali.

47      B’hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-telf totali tad-dritt għall-primjums għal manutenzjoni u għal telf ta’ dħul meta waħda mill-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dawn il-primjums ma tiġix issodisfatta minħabba s-seħħ ta’ ċirkustanzi esterni għall-benefiċjarju li ma jkollhomx il-karatteristiċi ta’ każ ta’ forza maġġuri.

48      Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludix interpretazzjoni tal-Artikoli 7 u 26 tad-Digriet Ministerjali Nru 199/94 li skontha l-qerda parzjali ta’ popolament minħabba s-seħħ ta’ kundizzjonijiet klimatiċi sfavorevoli matul is-snin wara dik tal-evalwazzjoni tat-tħawwil bħala riforniment tal-ħażna tagħti lok għall-ħlas parzjali tal-primjums (għall-irqajja’ li josservaw ir-rekwiżit ta’ densità minima), filwaqt li s-seħħ ta’ kundizzjonijiet klimatiċi simili matul is-sena tal-evalwazzjoni nnifisha u li jipproduċu l-istess effetti jagħti lok għat-telf totali tad-dritt għall-primjums.

49      Fid-dawl tal-libertà li għandhom l-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ għajnuna, hekk kif previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2080/92, xejn ma jipprekludi li Stat Membru jiffissa kundizzjoni għall-għoti bħal dik li tinsab fl-Artikolu 7(b) tad-Digriet Ministerjali Nru 199/94 u li jiffissa l-mument li fih tiġi vverifikata l-osservanza ta’ din il-kundizzjoni waqt is-sena li ssegwi dik tat-tħawwil bħala riforniment tal-ħażna.

50      Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 2080/92 ma tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 26 ta’ dan id-digriet ministerjali li tiddikjara li, meta parti tal-popolament tinqered għal raġunijiet mhux imputabbli lill-benefiċjarju, il-primjums ikomplu jitħallsu għar-roqgħa li tibqa’ taħt kundizzjonijiet veġetali tajba, filwaqt li din id-dispożizzjoni tieħu l-ħsieb li torbot il-ħlas tal-primjums maż-żamma tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ densità minima ta’ popolament u jkollha l-intenzjoni li tevita t-telf totali tad-drittijiet għall-primjums għal manutenzjoni u għal telf ta’ dħul fil-każ ta’ qerda parzjali tal-popolament.

51      Fid-dawl tar-raġunijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-punti (b) u (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2080/92 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li benefiċjarju ta’ primjums għal manutenzjoni u ta’ primjums għal telf ta’ dħul imħallsa taħt impenn pluriannwali, li għalih ikun intrabat, għall-afforestazzjoni ta’ artijiet agrikoli, jiġi obbligat jirrimborsa dawn il-primjums meta kundizzjoni għall-għoti stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tirrigwarda l-preżenza ta’ densità minima ta’ popolament forestali, ma tiġix issodisfatta matul l-eżekuzzjoni tal-imsemmi impenn minħabba s-seħħ ta’ kundizzjonijiet klimatiċi sfavorevoli.

 Fuq lispejjeż

52      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punti (b) u (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2080/92 tat30 ta’ Ġunju 1992 li tistabbilixxi skema Komunitarja ta’ għajnuna għall-miżuri tal-forestrija fl-agrikoltura, u l-prinċipju ta’ proporzjonalità

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux li benefiċjarju ta’ primjums għal manutenzjoni u ta’ primjums għal telf ta’ dħul imħallsa taħt impenn pluriannwali, li għalih ikun intrabat, għall-afforestazzjoni ta’ artijiet agrikoli, jiġi obbligat jirrimborsa dawn il-primjums meta kundizzjoni għall-għoti stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li tirrigwarda l-preżenza ta’ densità minima ta’ popolament forestali, ma tiġix issodisfatta matul l-eżekuzzjoni tal-imsemmi impenn minħabba s-seħħ ta’ kundizzjonijiet klimatiċi sfavorevoli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.