Language of document : ECLI:EU:C:2023:900

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

23 ta’ Novembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 2(e) – Organizzazzjonijiet tax-xandir – Dritt ta’ riproduzzjoni tal-iffissar tax-xandiriet – Artikolu 5(2)(b) – Eċċezzjoni ta’ kkopjar privat – Kumpens ġust – Dannu lill-organizzazzjonijiet tax-xandir – Ugwaljanza fit-trattament – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi lill-organizzazzjonijiet tax-xandir mid-dritt għal kumpens ġust”

Fil-Kawża C‑260/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Erfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Erfurt, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ April 2022, fil-kawża

Seven.One Entertainment Group GmbH,

vs

Corint Media GmbH,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: K. Hötzel, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Marzu 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Seven.One Entertainment Group GmbH, minn C. Masch u W. Raitz von Frentz, Rechtsanwälte,

–        għal Corint Media GmbH, minn O. Fiss u M. von Albrecht, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, J. Heitz u M. Hellmann, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn R. Guizzi, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, F. Koppensteiner u G. Kunnert, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. von Rintelen u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Lulju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ tilwima bejn Seven.One Entertainment Group GmbH (iktar ’il quddiem “Seven.One”), organizzazzjoni tax-xandir, u Corint Media GmbH, soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva, dwar il-ħlas tal-“kumpens ġust” skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 4, 9, 31, 35 u 38 tad-Direttiva 2001/29 jiddikjaraw:

“(4)      Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni, inkluż infrastruttura ta’ network, u li min-naħa tiegħu jwassal għal tkabbir u kompetittività akbar ta’ l-industrija Ewropea, sew fil-qasam li jipprovdi kontenut u teknoloġija ta’ l-informazzjoni u aktar ġenerali matul il-firxa tas-setturi industrijali u kulturali. Din tissalvagwardja l-impiegi u tinkuraġġixxi ħolqien ta’ impiegi ġodda.

[...]

(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

[...]

(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. Differenzi eżistenti fl-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ta’ ċerti atti ristretti għandhom effetti diretti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq intern tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati. Dawn id-differenzi jistgħu faċilment isiru aktar notevoli bħala riżultat ta’ żvilupp akbar ta’ sfruttament ta’ xogħolijiet li jaqsam il-fruntieri u attivitajiet transperiferali. Sabiex jiżguraw il-funzjonament sew tas-suq intern, dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom ikunu mfissra aktar armonjożament. Il-grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament faċli tas-suq intern.

[...]

(35)      F’ċerti każi ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet, detenturi ta’ drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust biex jikkumpensawhom b’mod adekwat għall-użu magħmul mix-xogħolijiet protetti tagħhom jew materjal ieħor. Meta jistabilixxu l-forma, l-arranġamenti dettaljati u livell possibbli ta’ dan il-kumpens ġust, għandhom jiġu kkunsidrati ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. Meta jevalwaw dawn iċ-ċirkustanzi, kriterju validu jista’ jkun il-ħsara li tista’ ssir lid-detenturi tad-drittijiet li tirriżulta mill-att fil-kwistjoni. Fil-każi fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu diġà rċevew pagament f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja, l-ebda pagament speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas. Il-livell ta’ kumpens ġust għandu jikkunsidra bis-sħiħ il-grad ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika msemmija f’din id-Direttiva. F’ċerti sitwazzjonijiet fejn il-preġudizzju għad-detentur tad-drittijiet ikun minimu, ma jista’ jkun hemm l-ebda obbligu għal ħlas.

[...]

(38)      L-Istati Membri għandhom jitħallew jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għal ċerti tipi ta’ riproduzzjoni ta’ materjal awdjo, viżiv jew awdjo‑viżiv għal użu privat, akkumpanjat b’kumpens ġust. Dan jista’ jinkludi l-introduzzjoni jew kontinwazzjoni ta’ skemi ta’ rimunerazzjoni biex jikkumpensaw għal preġudizzju għal detenturi tad-drittijiet. Għalkemm differenzi bejn dawk l-iskemi ta’ rimunerazzjoni jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern, dawk id-differenzi, b’rigward ta’ riproduzzjoni privata analoga, m’għandhomx ikollhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni. Ikkupjar privat diġitali huwa aktar faċli li jkun mifrux u jkollu impatt ekonomiku akbar. Għandha għalhekk tittieħed kunsiderazzjoni xierqa dwar id-differenzi bejn ikkupjar diġitali u dak analogu privat u għandha ssir distinzjoni f’ċerti aspetti bejniethom.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

(b)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(ċ)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(d)      għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(e)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

5        L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 5 tiegħu:

“2.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

[...]

(b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;

[...]

5.      L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

 Iddritt Ġermaniż

6        L-Artikolu 53(1) tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati) tad‑9 ta’ Settembru 1965 (BGBI. 1965 I, p. 1273), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UrhG”), jipprevedi:

“Għandu jkun permissibbli għal persuna naturali li tagħmel kopji uniċi ta’ xogħol għal użu privat fuq kwalunkwe mezz, bil-kundizzjoni li dawn ma jkollhom ebda skop kummerċjali, la direttament u lanqas indirettament u bil-kundizzjoni li ma jiġux ikkopjati minn mudell prodott jew magħmul aċċessibbli għall-pubbliku b’mod manifestament illegali. Persuna li hija awtorizzata tagħmel kopji tista’ tqabbad lil persuna oħra tagħmel tali kopji mingħajr ħlas jew fil-każ ta’ kopji magħmula fuq karta jew fuq kwalunkwe mezz simili, bl-użu ta’ kwalunkwe teknika fotomekkanika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti.”

7        Skont l-Artikolu 54(1) tal-UrhG:

“Jekk in-natura tax-xogħol toħloq aspettattiva ta’ riproduzzjoni awtorizzata skont l-Artikoli 53(1) u (2) jew l-Artikoli 60a sa 60f, l-awtur tax-xogħol għandu dritt għall-ħlas ta’ remunerazzjoni ekwa fil-konfront tal-produttur tal-apparati u tal-mezzi ta’ ħażna tat-tip użat, waħdu jew flimkien ma’ apparati oħra, mezzi ta’ ħażna jew aċċessorji oħra, sabiex jitwettqu tali riproduzzjonijiet.”

8        L-Artikolu 87 tal-UrhG huwa fformulat kif ġej:

“(1)      L-organizzazzjonijiet tax-xandir għandhom id-dritt esklużiv li:

[...]

2. jagħmlu reġistrazzjonijiet vidjo jew awdjo tax-xandiriet tar-radju tagħhom, li jieħdu ritratti tax-xandira tagħhom, kif ukoll li jirriproduċu u li jxerrdu reġistrazzjonijiet vidjo u awdjo jew ritratti, bl-eċċezzjoni tad-dritt tal-kiri.

[...]

(4)      L-Artikolu 10(1) u d-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 6 tal-Parti 1, bl-eċċezzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 47(2) u tal-Artikolu 54(1), japplikaw mutatis mutandis.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

9        Corint Media hija soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva li tiġġestixxi d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati ta’ stazzjonijiet privati tat-televiżjoni u tar-radju. F’dan il-kuntest, hija tħallas lill-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dħul mill-imposta “fuq blank media”.

10      Seven.One hija organizzazzjoni tax-xandir li tipproduċi u xxandar, fit-territorju Ġermaniż kollu, programm privat tat-televiżjoni, iffinanzjat mir-reklamar.

11      Dawn il-partijiet huma marbuta b’kuntratt ta’ ġestjoni, li jirregola l-eżerċizzju esklużiv u l-isfruttament esklużiv minn Corint Media tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati ta’ Seven.One fir-rigward ta’ dan il-programm. F’dan ir-rigward, Seven.One talbet b’mod partikolari lil Corint Media li, skont dan il-kuntratt, jingħatalha kumpens abbażi tal-imposta “fuq blank media”. Madankollu, Corint Media ma tistax tilqa’ din it-talba, peress li l-Artikolu 87(4) tal-UrhG jeskludi lill-organizzazzjonijiet tax-xandir mid-dritt għal kumpens ġust.

12      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Din il-qorti tosserva, qabelxejn, li l-kumpens ġust għandu, skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, jitħallas lid-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni affettwati mill-eċċezzjoni ta’ kkopjar privat, fosthom l-organizzazzjonijiet tax-xandir. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix limitazzjoni tal-kumpens ġust għad-detriment ta’ ċerti detenturi tad-drittijiet. Apparti minn hekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), l-esklużjoni prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali hija waħda dubjuża. Fl-aħħar nett, din l-esklużjoni tista’ tirrestrinġi l-libertà tax-xandir, prevista fl-Artikolu 11 tal-Karta.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Erfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Erfurt, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Id-Direttiva [2001/29] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-organizzazzjonijiet tax-xandir huma benefiċjarji diretti u oriġinali tad-dritt għal kumpens ġust taħt l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 kif previst fil-kuntest tal-hekk imsejħa eċċezzjoni ta’ kopja privata?

(2)      Fid-dawl tad-dritt tagħhom taħt l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2001/29, l-organizzazzjonijiet tax-xandir jistgħu jiġu esklużi mid-dritt għal kumpens ġust taħt l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għar-raġuni li, fil-kwalità tagħhom ta’ produtturi ta’ films, huma jistgħu jkunu wkoll intitolati għal kumpens ġust taħt l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29?

(3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda:

L-esklużjoni ġenerali tal-organizzazzjonijiet tax-xandir hija ammissibbli f’sitwazzjoni fejn, skont l-iskeda ta’ programmi konkreta tagħhom, dawn l-organizzazzjonijiet jiksbu, parzjalment, biss fi proporzjonijiet ferm limitati drittijiet bħala produtturi ta’ films (b’mod partikolari programmi mxandra fuq it-televiżjoni li jkun fihom proporzjon għoli ta’ programmi akkwistati taħt liċenzja mingħand terzi) u ma jiksbu, parzjalment, ebda dritt bħala produtturi ta’ films (b’mod partikolari l-organizzaturi ta’ programmi tar-radju)?”

 Fuq ittalba għal ftuħ millġdid talproċedura orali

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Lulju 2023, Seven.One talbet li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, terġa’ tinfetaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura.

15      Insostenn tat-talba tagħha, Seven.One sostniet li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali kienu jeħtieġu diskussjoni iktar fil-fond, jew saħansitra korrezzjoni. B’mod partikolari, Seven.One tosserva, minn naħa, li d-dritt esklużiv tal-organizzazzjonijiet tax-xandir li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni tal-iffissar tax-xandiriet tagħhom skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi ttrattat bl-istess mod bħad-dritt esklużiv ta’ dawn l-organizzazzjonijiet li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, previst fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28). Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tad-dannu kkawżat lill-organizzazzjonijiet tax-xandir minħabba l-ikkopjar privat ma tistax titħalla fid-diskrezzjoni tal-qorti nazzjonali.

16      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-persuni interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 40, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

17      Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Għalhekk din ma hijiex opinjoni indirizzata lill-imħallfin jew lill-partijiet minn awtorità esterna għall-Qorti tal-Ġustizzja, iżda fehma individwali, motivata u espressa pubblikament, ta’ membru ta’ dik l-istituzzjoni stess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ma jistgħux jiġu diskussi mill-partijiet. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta mill-konklużjonijiet u lanqas mir-raġunijiet li bihom l-Avukat Ġenerali jkun wasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti interessata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li dan tal-aħħar jeżamina fil-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 41, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

18      B’dan premess, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta hija tqis li ma għandhiex biżżejjed informazzjoni jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-persuni interessati.

19      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, madankollu, li, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, hija għandha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tagħti deċiżjoni dwar din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, hija tirrileva li l-provi prodotti minn Seven.One insostenn tat-talba tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ma humiex fatti ġodda ta’ natura li jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjoni li hija mitluba tagħti.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq iddomandi preliminari

21      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi lill-organizzazzjonijiet tax-xandir, li l-iffissar tax-xandiriet tagħhom huwa riprodott minn persuni fiżiċi għal użu privat u għal finijiet mhux kummerċjali, mid-dritt għal kumpens ġust previst f’din id-dispożizzjoni.

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha, l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti u, fejn meħtieġ, l-oriġini tagħha (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 38, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23      Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, fil-każ ta’ riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn persuna fiżika għal użu privat u għal finijiet la direttament u lanqas indirettament kummerċjali, bil-kundizzjoni li d-detenturi ta’ dan id-dritt esklużiv jirċievu kumpens ġust.

24      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 2(e) jirriżulta b’mod espliċitu li l-organizzazzjonijiet tax-xandir għandhom, bħad-detenturi tad-drittijiet l-oħra msemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ dan l-artikolu, id-dritt esklużiv “li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti” tal-iffissar tax-xandiriet tagħhom, kemm jekk dawn ikunu trażmessi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż bil-cable jew bis-satellita.

25      B’hekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 2(e) u tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-organizzazzjonijiet tax-xandir, li għandhom dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni, għandhom bħala prinċipju jingħataw, fl-Istati Membri li jkunu implimentaw l-eċċezzjoni ta’ kkopjar privat, id-dritt għal kumpens ġust meta jsiru riproduzzjonijiet tal-iffissar tax-xandiriet tagħhom minn persuni fiżiċi għal użu privat u għal finijiet la direttament u lanqas indirettament kummerċjali.

26      Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni letterali hija kkorroborata mill-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u mill-oriġini tad-Direttiva 2001/29.

27      B’hekk, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, li fil-punti (a) sa (e) tiegħu jiddefinixxi d-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tal-kategoriji differenti ta’ detenturi tad-drittijiet, ma jagħmel ebda differenza fit-trattament bejn dawn il-kategoriji ta’ detenturi. F’dan ir-rigward, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, tal‑10 ta’ Diċembru 1997 (COM(97) 628 final), li fuqha ġiet imsejsa d-Direttiva 2001/29, jirriżulta wkoll li s-soluzzjoni adottata fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva tiggarantixxi li l-awturi, l-artisti, il-produtturi ta’ fonogrammi u ta’ films, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tax-xandir jibbenefikaw mill-istess livell ta’ protezzjoni tax-xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti oħra tagħhom fir-rigward tal-atti protetti mid-dritt ta’ riproduzzjoni.

28      Min-naħa l-oħra, mill-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li, fil-każ ta’ ċerti eċċezzjonijiet, id-detenturi tad-drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust sabiex jiġu kkumpensati b’mod adegwat għall-użu tax-xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti oħra tagħhom. Barra minn hekk, mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva, għandha tapplika biss f’ċerti każijiet speċjali li la jmorru kontra l-isfruttament normali tax-xogħol u lanqas jikkawżaw ħsara mhux ġustifikata lill-interessi leġittimi tad-detentur tad-dritt.

29      Dan ifisser li, sabiex ma jitilfux l-effett utli tagħhom, dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw lill-Istat Membru li jkun introduċa l-eċċezzjoni ta’ kkopjar privat sabiex jiżgura, fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu, il-ġbir effettiv ta’ dan il-kumpens maħsub sabiex jikkumpensa lid-detenturi tad-dritt affettwati għad-dannu li huma jkunu ġarrbu, b’mod partikolari jekk dan ikun seħħ fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, Ametic, C‑263/21, EU:C:2022:644, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Fit-tielet lok, tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

31      Minn naħa, il-premessi 4 u 9 tad-Direttiva 2001/29 jiddikjaraw li din id-direttiva hija intiża sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, li għandu jinkoraġġixxi investimenti sinjifikattivi f’attivitajiet kreattivi u innovattivi, b’mod partikolari fl-infrastrutturi ta’ networks, u b’hekk jippromwovi t-tkabbir u kompetittività ikbar tal-industrija Ewropea, u li kull armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għandha tkun ibbażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, peress li dawn id-drittijiet huma essenzjali għall-kreazzjoni intellettwali.

32      Min-naħa l-oħra, fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-għan imfittex mill-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva, mill-premessi 35 u 38 tagħha jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi sistema speċjali ta’ kumpens li l-implimentazzjoni tagħha tiskatta bl-eżistenza ta’ dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet, liema dannu, bħala prinċipju, jagħti lok għall-obbligu li dawn tal-aħħar jiġu kkumpensati (sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 2022, AustroMechana, C‑433/20, EU:C:2022:217, punt 37, u tat‑8 ta’ Settembru 2022, Ametic, C‑263/21, EU:C:2022:644, punt 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      Effettivament, il-fatt li ssir kopja minn persuna fiżika li taġixxi fi kwalità privata għandu jitqies bħala att ta’ natura li jikkawża dannu lid-detentur tad-drittijiet ikkonċernat, peress li din il-kopja ssir mingħajr ma tkun intalbet, minn qabel, l-awtorizzazzjoni ta’ dan id-detentur (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, VCAST, C‑265/16, EU:C:2017:913, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fid-dawl tal-premess, għandu jitqies li l-organizzazzjonijiet tax-xandir, imsemmija fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2001/29, għandhom, bħala prinċipju, fl-Istati Membri li jkunu implimentaw l-eċċezzjoni ta’ kkopjar privat, jingħataw id-dritt għal kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva, bħad-detenturi tad-drittijiet l-oħra msemmija b’mod espliċitu f’dan l-Artikolu 2.

35      Sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 lanqas ma jispeċifikaw id-diversi elementi tas-sistema ta’ kumpens ġust, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddefinixxuhom. Huma għandhom, b’mod partikolari, jiddeterminaw il-persuni li għandhom iħallsu dan il-kumpens kif ukoll jistabbilixxu l-forma, il-modalitajiet u l-livell tal-imsemmi kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 2022, AustroMechana, C‑433/20, EU:C:2022:217, punt 41, u tat‑8 ta’ Settembru 2022, Ametic, C‑263/21, EU:C:2022:644, punt 36, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fid-determinazzjoni tal-forma, tal-modalitajiet u tal-livell possibbli ta’ tali kumpens ġust, huma l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29, li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ u, b’mod partikolari, id-dannu li d-detenturi tad-drittijiet jistgħu jġarrbu minħabba l-att inkwistjoni. Barra minn hekk, din il-premessa tippreċiża li f’każijiet fejn id-dannu kkawżat lid-detentur tad-drittijiet ikun wieħed minimu, ma jista’ jkun hemm ebda obbligu għal ħlas.

37      B’hekk, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-kumpens ġust, kif ukoll, għaldaqstant, is-sistema li fuqha huwa bbażat u l-livell tiegħu għandhom ikunu marbuta mad-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet minħabba t-twettiq ta’ kopji privati. Fil-fatt, kull kumpens ġust li ma jkunx marbut mad-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet minħabba tali twettiq ma jkunx kompatibbli mar-rekwiżit, stabbilit fil-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29, li jinżamm bilanċ ġust bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti ta’ oġġetti protetti (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Amazon.com International Sales et, C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 62, kif ukoll tal‑24 ta’ Marzu 2022, AustroMechana, C‑433/20, EU:C:2022:217, punti 49 u 50, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, bl-istess mod li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu jew ma jipprevedux xi waħda mill-eċċezzjonijiet fost dawk ippreċiżati fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/29, inkluż l-eċċezzjoni ta’ kkopjar privat, dawn l-istess Stati għandhom is-setgħa, kif tikkonferma l-premessa 35 ta’ din id-direttiva, li, f’ċerti każijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet li huma jkunu liberament stabbilixxew, jipprevedu eżenzjoni mill-ħlas tal-kumpens ġust meta d-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet ikun wieħed minimu (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punti 59 u 60).

39      Fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dannu, huwa minnu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-introduzzjoni ta’ limitu li taħtu d-dannu jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala wieħed “minimu”, fis-sens ta’ din il-premessa, għandha taqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 61).

40      Madankollu, jibqa’ meħtieġ li, fl-applikazzjoni ta’ dan il-limitu, l-Istati Membri josservaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, imsemmi fl-Artikolu 20 tal-Karta (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Copydan Båndkopi, C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-każ, għandu qabel kollox jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt, invokat mill-Gvern Ġermaniż sabiex jiġġustifika l-esklużjoni tal-organizzazzjonijiet tax-xandir kollha mid-dritt għall-kumpens ġust, li wħud minnhom, li għandhom ukoll il-kwalità ta’ produtturi ta’ films, ikunu diġà jirċievu kumpens ġust f’dan ir-rigward, huwa irrilevanti.

42      Fil-fatt, minn naħa, is-suġġett tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni ta’ dawn id-diversi detenturi tad-drittijiet ma huwiex identiku. Filwaqt li l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2001/29 jagħti lill-produtturi tal-ewwel iffissar ta’ films id-dritt esklużiv li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni tal-oriġinal u tal-kopji tal-films tagħhom, u jipproteġi l-provvista organizzattiva u ekonomika ta’ dawn il-produtturi, l-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva jagħti lill-organizzazzjonijiet tax-xandir id-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tal-iffissar tax-xandiriet li huma jxandru u jipproteġi s-servizz tekniku fi ħdan ix-xandira. Dan ifisser li d-danni kkawżati lil dawn id-detenturi minħabba l-ikkopjar privat lanqas biss ma jikkoinċidu.

43      Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-proċess, il-kwalità ta’ produttur ta’ film tal-organizzazzjonijiet tax-xandir tista’ tkun preżenti b’intensità li tvarja, skont jekk dawn jipproduċux it-trażmissjonijiet tagħhom stess, bir-riżorsi tagħhom stess, sew materjali u sew umani, kemm jekk ixandru xandiriet prodotti fuq ordni ta’ sħab kuntrattwali u kemm jekk ikunu lliċenzjati jxandru xandiriet prodotti minn terzi.

44      It-tieni nett, kif ġie mfakkar fil-punti 37 u 40 ta’ din is-sentenza, is-sistema li fuqha huwa bbażat il-kumpens ġust u l-livell ta’ dak il-kumpens għandhom ikunu marbuta mad-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet minħabba t-twettiq ta’ kopji privati u għandhom josservaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta.

45      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, kemm‑il darba tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u meta din id-differenza tkun approporzjon tal-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Huber, C‑524/06, EU:C:2008:724, punt 75, u tal‑4 ta’ Mejju 2023, Glavna direktsia « Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto » (Xogħol ta’ billejl), C‑529/21 sa C‑536/21 u C‑732/21 sa C‑738/21, EU:C:2023:374, punt 52, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 23 sa 34 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-organizzazzjonijiet tax-xandir, imsemmija fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2001/29 jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tad-detenturi tad-drittijiet l-oħra msemmija f’dan l-artikolu, sa fejn dawn id-detenturi kollha jibbenifikaw mid-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni previst fih.

47      Differenza fit-trattament bejn dawn l-organizzazzjonijiet tax-xandir u d-detenturi tad-drittijiet l-oħra għandha għalhekk tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, u għandha tkun approporzjon tal-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat.

48      F’dan ir-rigward, l-assenza jew il-livell “minimu” tad-dannu mġarrab mill-kategorija ta’ detenturi tad-drittijiet kkostitwita mill-organizzazzjonijiet tax-xandir minħabba l-ikkopjar privat tal-iffissar tax-xandiriet tagħhom jikkostitwixxu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, tali kriterju oġġettiv u raġonevoli, liema kriterju ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinżamm bilanċ ġust bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti ta’ oġġetti protetti.

49      Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti nazzjonali, minn naħa, li għandha tiżgura, fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, li, minħabba r-riproduzzjoni mhux awtorizzata tal-iffissar tax-xandiriet tagħhom, l-organizzazzjonijiet tax-xandir, b’differenza mill-kategoriji l-oħra ta’ detenturi tad-dritt imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, ikunu ġarrbu biss dannu li jista’ jiġi kklassifikat bħala wieħed “minimu”. Min-naħa l-oħra, hija għandha tivverifika, anki fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, jekk, fi ħdan il-kategorija ta’ detenturi tad-drittijiet kkostitwita mill-organizzazzjonijiet tax-xandir, dawn l-organizzazzjonijiet kollha jinsabux f’sitwazzjonijiet paragunabbli, b’mod partikolari fir-rigward tad-dannu li huma jkunu ġarrbu, liema fatt jiġġustifika li dawn l-organizzazzjonijiet kollha jiġu esklużi mill-benefiċċju tad-dritt għal kumpens ġust.

50      Fil-fatt, huwa biss taħt din il-kundizzjoni doppja li leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-imsemmija organizzazzjonijiet kollha mill-benefiċċju tal-kumpens ġust għandha titqies li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

51      F’dan ir-rigward, il-partijiet interessati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub la jaqblu fuq in-natura u l-quantum tad-dannu li ġarrbu l-organizzazzjonijiet tax-xandir minħabba l-ikkopjar privat tal-iffissar tax-xandiriet tagħhom u lanqas fuq il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet li jinsabu fihom dawn l-organizzazzjonijiet, u dan skont jekk dawn jibbenefikawx jew le minn finanzjament pubbliku.

52      Kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżistenza u l-quantum tad-dannu li jistgħu jġarrbu l-organizzazzjonijiet tax-xandir, kif ukoll l-eżami tal-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet li fihom ikunu jinsabu l-kategoriji possibbli distinti ta’ organizzazzjonijiet tax-xandir, huma evalwazzjonijiet fattwali li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi lill-organizzazzjonijiet tax-xandir, li l-iffissar tax-xandiriet tagħhom huwa riprodott minn persuni fiżiċi għal użu privat u għal finijiet mhux kummerċjali, mid-dritt għal kumpens ġust previst f’din id-dispożizzjoni, inkwantu dawn l-organizzazzjonijiet iġarrbu dannu potenzjali li ma jistax jiġi kklassifikat bħala wieħed “minimu”.

 Fuq lispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi lill-organizzazzjonijiet tax-xandir, li l-iffissar tax-xandiriet tagħhom huwa riprodott minn persuni fiżiċi għal użu privat u għal finijiet mhux kummerċjali, mid-dritt għal kumpens ġust previst f’din id-dispożizzjoni, inkwantu dawn l-organizzazzjonijiet iġarrbu dannu potenzjali li ma jistax jiġi kklassifikat bħala wieħed “minimu”.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.