Language of document : ECLI:EU:C:2023:916

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

23 ta’ Novembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Tikkettjar u preżentazzjoni fis-settur tal-inbid – Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi – Regolament Delegat (UE) 2019/33 – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) – Indikazzjoni tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li twettaq il-produzzjoni tal-inbid – Kiri ta’ vinji u tal-faċilità għat-tagħsir f’azjenda għall-produzzjoni tal-inbid oħra – Produzzjoni tal-inbid imwettqa kollha kemm hi fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni”

Fil-Kawża C‑354/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (Il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Marzu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

Weingut A

vs

Land Rheinland-Pfalz

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, Z. Csehi, M. Ilešič (Relatur), I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Mejju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Weingut A, minn H. Eichele, Rechtsanwalt,

–        għal-Land Rheinland-Pfalz, minn S. Reuter, Fachreferent, u E. Wagner, Regierungsrätin,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Hofstötter u B. Rechena, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Lulju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (ĠU 2019, L 9, p. 2, rettifika fil-ĠU 2019, L 269, p. 13), kif emendat bir-Regolament Delegat (UE) tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Ġunju 2021 (ĠU 2021, L 297, p. 16) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Delegat 2019/33”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Weingut A u l-Land Rheinland-Pfalz (il-Land ta’ Rheinland-Pfalz, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“Land”) dwar l-użu tat-termini “Weingut” (kantina tal-inbid) u “Gutsabfüllung” (ibbottiljar fil-kantina) fil-preżentazzjoni tal-inbejjed li t-tagħsir tagħhom tal-għeneb, li joriġina minn vinji mikrija, isir f’faċilità mikrija minn azjenda għall-produzzjoni tal-inbid oħra.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IrRegolament Nru 1308/2013

3        Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261, fil-ĠU 2016, L 130, p. 8, fil-ĠU 2020, L 1, p. 5, u fil-ĠU 2022, L 195, p. 106), kif emendat bir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 (ĠU 2021, L 435, p. 262) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1308/2013), jinkludi Artikolu 3, intitolat “Definizzjonijiet”, li l-paragrafu 3 tiegħu huwa fformulat kif ġej:

“Id-definizzjonijiet stabbiliti fir-[...] Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009] [...] għandhom japplikaw għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, minbarra jekk ikun previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.”

4        L-Artikolu 122 tar-Regolament Nru 1308/2013, intitolat “Setgħat iddelegati”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sabiex jittieħed kont tal-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tal-inbid, il-Kummissjoni [Ewropea] għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 227 dwar regoli u restrizzjonijiet dwar:

a)      il-preżentazzjoni u l-użu tal-indikazzjonijiet ta’ tikkettar minbarra dawk imsemmija f’din it-Taqsima;

[...]

c)      l-indikazzjonijiet fakultattivi fir-rigward ta’:

[...]

iii)      termini li jirreferu għal azjenda u l-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom;

[...]”

 IrRegolament Nru 1307/2013

5        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1307/2013, intitolat “Definizzjonijiet u dispożizzjonijiet relatati”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

b)      ‘impriża’ tfisser l-unitajiet kollha użati għall-attivitajiet agrikoli mmexxija minn bidwi li jinsabu fit-territorju tal-istess Stat Membru;

[...]”

 IrRegolament Delegat 2019/33

6        Il-premessi 34 sa 48 tar-Regolament Delegat Nru 2019/33 jistipulaw:

“(34)      L-Artikoli 117 sa 121 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxu r-regoli ġenerali għat-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ prodotti tad-dwieli. Dak ir-Regolament jarmonizza wkoll l-użu ta’ termini għajr dawk speċifikati b’mod espliċitu mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, dment li ma jkunux qarrieqa. Biex ikun hemm funzjonament bla xkiel tas-suq intern, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli tal-Unjoni dwar l-użu ta’ dettalji ta’ tikkettar obbligatorji għall-prodotti tad-dwieli. Barra minn hekk, sabiex il-konsumaturi ma jitfixklux, jenħtieġ li jiġu stipulati wkoll dispożizzjonijiet dwar l-użu ta’ dettalji ta’ tikkettar fakultattivi.

[...]

(48)      L-indikazzjoni tal-azjenda li tisfrutta l-vinji li minnhom joriġinaw il-prodotti tad-dwieli u fejn jitwettqu l-proċessi kollha tal-produzzjoni tal-inbid, tista’ tikkostitwixxi valur miżjud għall-produtturi u indikazzjoni ta’ kwalità aħjar għall-konsumaturi. Għalhekk, jenħtieġ li jkun permissibbli li l-produtturi jindikaw l-isem ta’ azjenda fuq it-tikketti tal-prodotti tad-dwieli li jkollhom denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta.”

7        Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament Delegat, intitolat (“Suġġett”):

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jissupplimentaw ir-[Regolament (UE) Nru 1308/2013] dwar denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u termini tradizzjonali, minbarra t-tikkettar u l-preżentazzjoni fis-settur tal-inbid, fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

[...]

(f)      it-tikkettar u l-preżentazzjoni.”

8        Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tal-imsemmi regolament delegat jirregolaw it-tikkettjar u l-preżentazzjoni tal-prodotti tad-dwieli, filwaqt li t-Taqsimiet 1 u 2 ta’ dan il-kapitolu jelenkaw rispettivament l-indikazzjonijiet obbligatorji (Artikoli 40 sa 48) u l-indikazzjonijiet fakultattivi (Artikoli 49 sa 55).

9        L-Artikolu 54(1) ta’ dan l-istess regolament delegat, intitolat “Indikazzjoni tal-azjenda” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-termini li jirreferu għal azjenda elenkata fl-Anness VI, għajr l-indikazzjoni ta’ isem il-bottiljatur, il-produttur jew il-bejjiegħ, għandhom ikunu riżervati għal prodotti tad-dwieli b’denominazzjonijiet ta’ oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

Dawk it-termini għandhom jintużaw biss jekk il-prodott tad-dwieli jkun magħmul esklużivament minn għeneb maqtugħ f’vinji sfruttati minn dik l-azjenda, u l-produzzjoni tal-inbid issir kompletament f’dik l-azjenda.”

10      L-Anness VI tar-Regolament Delegat 2019/33 jinkludi lista tal-entrati msemmija fl-Artikolu 54(1) tiegħu, għal kull Stat Membru. Fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dan l-anness jelenka l-informazzjoni li ġejja: “Burg, Domäne, Kloster, Schloss, Stift, Weinbau, Weingärtner, Weingut, Winzer”.

 Iddritt Ġermaniż

11      L-Artikolu 38 tal-Weinverordnung (id-Digriet dwar l-Inbid), tal‑21 ta’ April 2009 (BGBl. I, p. 827, jipprovdi:

“(1)      Indikazzjoni tal-azjenda hija permessa għall-inbejjed Federweißer, Landwein (inbejjed tal-pajjiż), Qualitätswein (inbejjed ta’ kwalità), Prädikatswein (inbejjed ta’ kwalità superjuri), Sekt b.A. (inbejjed spumanti), Qualitätsperlwein b.A. (inbejjed spumanti ta’ kwalità) jew Qualitätslikörwein b.A. (inbejjed ta’ likuri ta’ kwalità) unikament skont l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33, flimkien mal-Anness VI tiegħu.

[...]

(4)      Il-kunċett ta’ ‘prodott u bbottiljat’ jista’ jintuża biss:

1.      minn azjenda għall-produzzjoni tal-inbid fejn l-għeneb użat għal dan l-inbid ikun inġabar u prodott f’inbid;

[...]

3.      minn impriża li tinsab fir-reġjun speċifiku indikat jew fil-viċinanza immedjata ta’ dan ir-reġjun, li magħha l-azjendi għall-produzzjoni tal-inbid li jkunu ħasdu l-għeneb użat huma marbuta fil-kuntest ta’ grupp ta’ azjendi għall-produzzjoni tal-inbid u li pproduċa f’inbid dan l-għeneb.

(5)      Il-kliem ‘ibbottiljar fil-kantina’ ma jistgħux jintużaw, meta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 4 huma ssodisfatti, ħlief jekk:

1.      l-impriża tal-inbid iżżomm kontabbiltà fiskali,

2.      il-persuna responsabbli għall-produzzjoni tal-inbid tista’ tiġġustifika formazzjoni enoloġika sħiħa, u

3.      il-vinji, li minnhom l-għeneb użat għall-produzzjoni tal-inbid ikkonċernat ikun inħasad, għandhom jitħaddmu mill-impriża tal-inbid ikkonċernata mill-inqas mill‑1 ta’ Jannar tas-sena tal-ħsad.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

12      Weingut A, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija l-proprjetarja ta’ azjenda tal-inbid li tinsab f’Zell (il-Ġermanja), fir-reġjun ta’ Moselle. Hija tipproduċi l-inbid minn għeneb li joriġina mhux biss mill-vinji tagħha stess, iżda wkoll minn vinji oħra li hija tikri.

13      Waħda minn dawn il-vinji mikrija, b’qies ta’ 2.15 ettaru, tinsab madwar 70 kilometru (km) ’il bogħod minn Zell, f’azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li tappartjeni lill-vitikultur B.

14      Iż-żewġ vitikulturi daħlu f’kuntratt li permezz tiegħu il-vitikultur B jikkoltiva l-vinji mikrija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali skont l-istruzzjonijiet tagħha u, barra minn hekk, jikri lil din tal-aħħar kull sena, esklussivament, faċilità għat-tagħsir għal perijodu ta’ 24 siegħa mill-qtugħ tal-għeneb fuq. Matul dan il-perjodu, il-faċilità għat-tagħsir hija esklussivament disponibbli għall-ipproċessar tal-għeneb mill-vinji mikrija.

15      Skont dan il-kuntratt ta’ kiri, it-tagħsir isir fl-azjenda tal-vitikultur B skont il-prattiki enoloġiċi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. L-inbid miksub b’dan il-mod jiġi mferra’ fi btieti li jiġu ttrasportati lejn l-azjenda tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali mill-persunal li jaħdem għaliha.

16      Il-Land ikkunsidra li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma setgħetx tuża l-indikazzjonijiet “Weingut” u “Gutsabfüllung” għall-inbid prodott fil-bini tal-azjenda tal-vitikultur B, fid-dawl tan-nuqqas ta’ awtonomija tal-istabbiliment stabbli u tal-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma timpjegax il-persunal tagħha stess għall-finijiet tal-operazzjoni ta’ tagħsir.

17      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Trier (il-Qorti Amministrattiva ta’ Trier, il-Ġermanja) intiż sabiex jiġi kkonstatat li hija kienet awtorizzata tuża dawn iż-żewġ indikazzjonijiet. Din il-qorti, permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, laqgħet dan ir-rikors, prinċipalment minħabba li l-amministrazzjoni effettiva, is-sorveljanza permanenti u r-responsabbiltà esklużiva tal-produzzjoni tal-inbid kienu jaqgħu fuq ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

18      Il-Land appella din is-sentenza quddiem l-Oberverwaltungsgericht Rheinland-Pfalz (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Rheinland-Pfalz, il-Ġermanja) li, b’sentenza tat‑12 ta’ Awwissu 2020, irrevokat l-imsemmija sentenza u ċaħdet l-appell tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

19      Il-qorti tal-appell qieset, b’mod partikolari, li, skont l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33, moqri flimkien mal-Anness VI tiegħu, l-indikazzjonijiet “Weingut” u “Gutsabfüllung” jistgħu jintużaw biss jekk il-prodott tad-dwieli jinkiseb esklużivament minn għeneb li joriġina mill-vinji tal-azjenda li f’isimha tingħata d-denominazzjoni tal-inbid (iktar ’il quddiem l-“azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni”) u jekk il-produzzjoni tal-inbid issir kompletament f’din l-azjenda tal-aħħar. Fil-fatt, il-produzzjoni tal-inbid għandha sseħħ f’azjenda li tikkostitwixxi l-istess grupp operattiv wieħed bi stabbiliment permanenti assenjat b’mod permanenti lis-sid tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni u li fiha jaħdem il-persunal suġġett għad-dritt ta’ ġestjoni tagħha. Separazzjoni tal-istadji tal-produzzjoni tal-inbid, bħat-tagħsir, tikkontradixxi l-idea fundamentali li “kollox għandu jibqa’ fl-istess idejn”.

20      Skont din il-qorti, il-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ kiri inkwistjoni ma jiggarantixxux li l-fażijiet kollha tal-produzzjoni tal-inbid jiżvolġu taħt id-direzzjoni u r-responsabbiltà tal-istess persuna fiżika jew ġuridika, peress li t-tagħsir jista’ jseħħ kemm fil-preżenza tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll tal-operatur li jagħti l-faċilità ta’ t-tagħsir b’kiri, u għalhekk dan tal-aħħar jassumi r-responsabbiltà tal-operazzjoni.

21      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

22      Din tal-aħħar għandha dubji dwar jekk il-produzzjoni tal-inbid tistax titqies li twettqet “kompletament” fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33, meta din l-azjenda tagħsar l-għeneb f’faċilità għat-tagħsir mikrija għal 24 siegħa mingħand azjenda għall-produzzjoni tal-inbid oħra.

23      Hija tosserva, qabel kollox, li r-Regolament Delegat 2019/33 ma jinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “azjenda”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tiegħu.

24      Fir-rigward tal-artijiet agrikoli, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, fis-sentenzi tagħha tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Landkreis Bad Dürkheim (C‑61/09, EU:C:2010:606), u tat‑2 ta’ Lulju 2015, Wree (C‑422/13, EU:C:2015:438), li l-kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit jekk unità ta’ produzzjoni mikrija tistax titqies li għandha rabta mal-azjenda tal-bidwi u amministrata minn dan tal-aħħar huwa b’mod partikolari jekk dan il-bidwi għandux indipendenza suffiċjenti fl-eżerċizzju tal-attività tiegħu.

25      Skont il-qorti tar-rinviju, fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni kuntrarja, għandu jiġi preżunt li dawn il-kriterji japplikaw ukoll f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża li għandha quddiemha. Issa, fil-qasam leġiżlazzjoni dwar l-inbid, l-imsemmija kriterji għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

26      Ir-rekwiżit ta’ rabta stretta bejn l-istabbilimenti stabbli u l-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni huwa, fl-ewwel lok, ikkorraborat mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33. Fil-fatt, dan jippreżupponi mhux biss li l-produzzjoni tal-inbid saret fl-azjenda tal-proprjetarju, iżda wkoll li l-produzzjoni tal-inbid hija “kompletament” magħmulha f’din l-azjenda. Dan jirrifletti r-rekwiżit ta’ rabta partikolarment stretta bejn l-istabbiliment stabbli u l-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni.

27      Fit-tieni lok, l-oriġini tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni tippermetti li tiġi kkonfermata tali interpretazzjoni stretta. Skont il-qorti tar-rinviju, l-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-preżentazzjoni u tal-użu tal-indikazzjonijiet tat-tikkettjar għall-prodotti tas-settur tal-inbid fis-seħħ mis-sena 2009 wasslet għal restrizzjoni li permezz tagħha l-produzzjoni tal-inbid kellha titwettaq “kompletament” fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni.

28      Fit-tielet lok, is-sens u l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni huma sabiex tiġi protetta l-identifikazzjoni tal-azjendi għall-produzzjoni tal-inbid li jikkultivaw il-vinji huma stess u jiggarantixxu l-produzzjoni tal-inbid mill-bidu sal-aħħar, sabiex tintlaħaq l-aspettattiva tal-konsumaturi li jiġu pprovduti b’inbid ta’ kwalità superjuri.

29      Madankollu, ma huwiex ċert, abbażi ta’ kriterji li jirriżultaw mis-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 1988, Erzeugergemeinschaft Goldenes Rheinhessen (311/87, EU:C:1988:483), u tad‑29 ta’ Ġunju 1994, Baux (C‑403/92, EU:C:1994:269), li faċilità għat-tagħsir mikrija għal perijodu ta’ 24 siegħa jista’ jkollha rabta mal-attività tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni. Fil-fatt, fl-ipoteżi li l-kiri ta’ dwieli li jinsabu f’distanza konsiderevoli mill-istabbiliment prinċipali tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni huwa irrilevanti għall-indikazzjoni, loġikament lanqas il-kiri ta’ faċilità għat-tagħsir tal-inbid sabiex isir it-tagħsir fuq il-post u jiġi evitat it-trasport tal-għeneb ma huwa relevanti. L-użu komuni ta’ faċilità ta’ azjenda huwa komuni fil-produzzjoni tal-inbid u jirriżulta li huwa razzjonali mill-perspettiva tal-ġestjoni tan-negozju.

30      Madankollu, sa fejn il-faċilità għat-tagħsir mikrija għal 24 siegħa mill-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni għandha rabta ma’ din tal-aħħar, għandhom jiġu ċċarati r-rekwiżiti li l-operazzjoni ta’ tagħsir għandha tissodisfa f’termini ta’ persunal. F’dan ir-rigward, tqum, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk il-preżenza tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jew tal-kollaboraturi tagħha hijiex obbligatorja matul l-operazzjoni ta’ tagħsir.

31      Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jirreferu għal tmexxija effettiva u għal kontroll permanenti, jimmilitaw favur preżenza obbligatorja tal-kollaboraturi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u kontra n-natura suffiċjenti ta’ sempliċi dritt li jingħataw istruzzjonijiet. Fir-rigward tal-ibbottiljar, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1988, Erzeugergemeinschaft Goldenes Rheinhessen (311/87, EU:C:1988:483), li kien neċessarju li l-ibbottiljar isir mill-produttur innifsu. L-użu tas-servizzi ta’ azjenda għall-produzzjoni tal-inbid oħra għandu għalhekk jiġi evitat fid-dawl tar-rekwiżit ta’ produzzjoni sħiħa fi ħdan l-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni stess.

32      Fl-ipoteżi fejn it-tagħsir jista’ jsir ukoll minn kollaboraturi tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li jagħti b’kiri l-faċilità għat-tagħsir, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk dawn il-kollaboraturi jistgħux jiġu awtorizzati jintervjenu fuq inizjattiva tagħhom stess f’din l-operazzjoni fil-każ ta’ problemi mhux mistennija. F’każijiet ta’ urġenza bħal dawn, id-deċiżjonijiet li l-persunal tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li tikri jkollha tieħu deċiżjoni b’mod awtonomu, mingħajr ma tikkonsulta minn qabel mal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni, ikollhom il-konsegwenza li din tal-aħħar ma tibqax tassumi f’dan il-każ l-amministrazzjoni effettiva u l-kontroll permanenti tal-operazzjoni.

33      Fl-aħħar nett, jekk jitqies li t-teħid ta’ responsabbiltà permezz ta’ istruzzjoni huwa bħala prinċipju suffiċjenti, tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk dan għandux ikun mod ieħor meta l-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li tagħti l-faċilità għat-tagħsir b’kiri u li twettaq it-tagħsir għandhiex interess proprju fil-mod kif titwettaq din l-operazzjoni. F’dan il-każ, il-kuntratt konkluż bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-vitikultur B jipprevedi żieda fil-prezz marbut mar-rendiment u mal-kwalità tal-inbid prodott, li jista’ jwassal għal interess proprju tal-operatur fil-mod kif jitwettaq it-tagħsir u b’riskju ekonomiku proprju.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1      Il-produzzjoni tal-inbid tista’ ssir kollha kemm hija fl-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 […], jekk it-tagħsir isir f’faċilità għat-tagħsir mikrija għal 24 siegħa minn azjenda oħra għall-produzzjoni tal-inbid li, matul dan iż-żmien, tkun esklużivament disponibbli għall-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, huwa meħtieġ li t-tagħsir isir minn impjegati tal-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid jew tal-inqas li dan ikun issorveljat fuq il-post, jew it-tagħsir jista’ jsir ukoll minn impjegati tal-azjenda l-oħra għall-produzzjoni tal-inbid li qiegħda tagħti b’kiri s-sistema tat-tagħsir tagħha taħt l-istruzzjonijiet tal-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid?

3)      Fil-każ li t-tagħsir jista’ jsir ukoll minn impjegati tal-azjenda l-oħra għall-produzzjoni tal-inbid li qiegħda tagħti b’kiri s-sistema tat-tagħsir tagħha, dawk l-impjegati huma awtorizzati jintervjenu fit-tagħsir fuq il-bażi ta’ deċiżjoni awtonoma fil-każ ta’ problemi mhux mistennija?

4)      L-attribuzzjoni tal-produzzjoni tal-inbid lill-azjenda li f’isimha qed issir il-produzzjoni tal-inbid hija eskluża fil-każ li l-azjenda l-oħra għall-produzzjoni tal-inbid li qiegħda tagħti b’kiri s-sistema tat-tagħsir tagħha u li twettaq it-tagħsir ikollha interess proprju fil-mod kif isir it-tagħsir għaliex fil-kuntratt konkluż għall-kultivazzjoni tad-dwieli, li ġie wkoll konkluż ma’ dik l-azjenda, minbarra l-miżata relatata maż-żona ta’ kultivazzjoni ġiet miftiehma miżata addizzjonali li tiddependi fuq ir-rendiment u l-kwalità għal kull ettolitru tal-inbid Kabinett, Spätlese u Auslese?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

35      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li t-tagħsir tal-għeneb li joriġina minn vinji mikrija jseħħ f’faċilità mqiegħda għad-dispożizzjoni esklużiva tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni għal perijodu qasir abbażi ta’ kuntratt ta’ kiri ma’ azjenda għall-produzzjoni tal-inbid oħra, jeskludi li l-produzzjoni tal-inbid titqies li twettqet kompletament fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabel kollox li, skont l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33, ir-riferimenti li jirreferu għal azjenda li tinsab fl-Anness VI tiegħu, minbarra l-indikazzjoni tal-isem tal-bottiljatur, tal-produttur jew tal-bejjiegħ, huma rriżervati għall-prodotti tad-dwieli li għandhom denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta u jintużaw biss jekk il-prodott tad-dwieli jiġi prodott esklużivament minn għeneb maħsud mill-vinji kkultivati minn dan l-azjenda u jekk il-produzzjoni tal-inbid issir kompletament f’dan l-azjenda.

37      Jekk minn dan isegwi li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33 jirriżerva l-indikazzjonijiet inkwistjoni għall-prodotti tad-dwieli li jgawdu minn denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew minn indikazzjoni ġeografika protetta, f’dan il-każ, dan ir-rekwiżit ma jqajjimx mistoqsijiet min-naħa tal-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun ibbażata fuq l-ipoteżi li l-vinji mikrija f’dan il-każ, li jinsabu madwar 70 km mill-istabbiliment prinċipali tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni, huma koperti mill-istess denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta bħal dan l-istabbiliment, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

38      L-istess japplika fir-rigward tal-kundizzjoni li l-indikazzjonijiet inkwistjoni jistgħu jintużaw biss jekk il-prodott tad-dwieli jiġi prodott esklużivament minn għeneb maħsud fil-vinji kkultivati minn din l-azjenda, peress li l-qorti tar-rinviju rrilevat li, f’dan il-każ, il-vinji mikrija huma kkultivati skont ir-rekwiżiti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u ma għamlux mistoqsijiet f’dan ir-rigward.

39      Id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw għalhekk il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jiġi kkunsidrat li l-vinifikazzjoni ssir kompletament fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni, u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel domanda, dwar jekk il-fatt li l-faċilità għat-tagħsir tal-għeneb hija mikrija minn din l-azjenda għal perijodu ta’ 24 siegħa biss jeskludix li l-operazzjoni ta’ tagħsir u, konsegwentement, il-produzzjoni tal-inbid innifisha, jitqiesu li twettqu kompletament fl-imsemmi azjenda.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “azjenda”, li jinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat Nru 2019/33, la huwa ddefinit f’dan ir-regolament u lanqas, b’mod indirett, b’riferiment għal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri. Għaldaqstant, dan il-kunċett għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest li tifforma parti minnu u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2023, Bezirkshauptmannschaft Lilienfeld, C‑155/22, EU:C:2023:394, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem l-ieħor tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33, din id-dispożizzjoni teżiġi, għall-finijiet tal-użu tat-termini msemmija fiha, b’mod partikolari, li l-produzzjoni tal-inbid issir “kompletament” fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-imsemmija dispożizzjoni tagħmel distinzjoni bejn diversi stadji ta’ produzzjoni, fosthom il-ħsad tal-għeneb u l-produzzjoni f’inbid tagħhom, li jagħmel parti minnha l-għasir tal-għeneb. Issa, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, sa fejn stabbiliment permanenti jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “azjenda”, it-terminu “kompletament” jippreċiża sempliċement li l-ebda stadju ta’ trasformazzjoni matul il-proċess tal-produzzjoni tal-inbid ma għandu jitwettaq barra minn din l-azjenda, mingħajr, madankollu, ma d-definizzjoni tal-azjenda prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1307/2013 hija limitata mill-użu ta’ dan it-terminu.

43      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33, dan tal-aħħar ġie adottat mill-Kummissjoni bis-saħħa tas-setgħa mogħtija lilha mill-Artikoli 122 u 227 tar-Regolament Nru 1308/2013. Skont l-Artikolu 122(1)(c)(iii) tar-Regolament Nru 1308/2013, l-atti ddelegati jistgħu b’mod partikolari jirrigwardaw ir-regoli dwar l-indikazzjonijiet fakultattivi għat-“termini li jirreferu għal azjenda u l-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom”.

44      Issa, għalkemm ir-Regolament Nru 1308/2013 lanqas ma jippreċiża l-kunċett ta’ “azjenda”, huwa jirreferi, fl-Artikolu 3(3) tiegħu, għad-definizzjonijiet li jinsabu, fost oħrajn, fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Għalhekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(1)(b) ta’ dan l-aħħar regolament li jistabbilixxi li “[azjenda]” tfisser “ tfisser l-unitajiet kollha użati għall-attivitajiet agrikoli mmexxija minn bidwi li jinsabu fit-territorju tal-istess Stat Membru.”

45      Fir-rigward taż-żona ġeografika li fiha l-unitajiet differenti ta’ produzzjoni għandhom jinsabu sabiex jitqiesu li jagħmlu parti mill-impriża agrikola, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li produttur huwa liberu li jagħżel il-post ta’ produzzjoni meta dan ikun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. Madankollu, huwa għandu jamministra l-unitajiet ta’ produzzjoni kollha, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-operatur ikun proprjetarju tal-faċilitajiet li huwa juża għall-produzzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2003, Agrargenossenschaft Alkersleben (C‑268/01, EU:C:2016:263, punti 30 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      Fir-rigward tar-rekwiżit li unità ta’ produzzjoni għandha tiġi amministrata mill-bidwi stess, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ “amministrazzjoni” ma jimplikax l-eżistenza, favur tiegħu, ta’ setgħa ta’ dispożizzjoni illimitata fuq is-superfiċji kkonċernata fil-kuntest tal-użu tagħha għal finijiet agrikoli. Min-naħa l-oħra, il-bidwi għandu jkollu, fir-rigward ta’ din is-superfiċji, awtonomija suffiċjenti għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑176/20, EU:C:2022:274, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 44 sa 46 ta’ din is-sentenza jiġi dedott, b’analoġija, li l-kunċett ta’ “azjenda”, fis-sens tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33, ma huwiex limitat biss għall-artijiet li l-vitikultur huwa proprjetarju tagħhom jew li jinsabu qrib tagħhom, iżda jista’ jiġi estiż għal vinji mikrija u, jekk ikun il-każ, li jinsabu f’post differenti minn dak fejn dan il-vitikultur ikollu l-vinji tiegħu stess, mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, u, b’mod partikolari, dawk imsemmija fil-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza.

48      Fit-tielet lok, tali interpretazzjoni hija sostnuta wkoll mill-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat 2019/33 li jirregolaw l-użu tal-indikazzjonijiet ta’ tikkettjar fakultattivi.

49      F’dan ir-rigward, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33 għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 48 tiegħu, li tipprovdi li r-riferiment, fuq it-tikketta ta’ prodott tad-dwieli, tal-azjenda li tamministra l-vinja li minnha joriġinaw il-prodotti tad-dwieli u li fiha jitwettaq il-proċess kollu ta’ produzzjoni tal-inbid għandu l-għan li jipprovdi informazzjoni lill-konsumaturi dwar l-assigurazzjoni ta’ kwalità superjuri li tirriżulta minn din l-indikazzjoni. Dan l-għan jista’ jintlaħaq biss jekk jiġi żgurat li dawn il-konsumaturi ma jiġux żgwidati fir-rigward tal-identità tal-azjenda responsabbli għall-proċess ta’ produzzjoni tal-inbid. Tali konklużjoni tirriżulta, barra minn hekk, mill-premessa 34 ta’ dan ir-regolament, li tindika li għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar l-użu ta’ indikazzjonijiet fakultattivi ta’ ttikkettjar sabiex il-konsumaturi ma jiġux żgwidati.

50      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-indikazzjonijiet fakultattivi, bħall-indikazzjoni tal-azjenda, huma intiżi sabiex jiggarantixxu lill-konsumaturi, li jixtru l-inbid b’ċerti denominazzjonijiet, li l-istadji prinċipali tal-proċess ta’ produzzjoni tal-inbid, jiġifieri dawk li jvarjaw mill-ħsad sal-produzzjoni tal-inbid, seħħew taħt id-direzzjoni effettiva, il-kontroll strett u permanenti kif ukoll ir-responsabbiltà esklużiva ta’ operatur li lilu tista’ tiġi attribwita l-kwalità tal-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1994, Baux, C‑403/92, EU:C:1994:269, punt 15).

51      Bl-istess mod, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-użu tat-terminu “ibbottiljat mill-produttur”, li jindika l-identità bejn il-produttur u l-persuna jew l-impriża li twettaq l-ibbottiljar, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li huwa neċessarju li din l-operazzjoni tal-aħħar tkun twettqet mill-produttur stess, jew fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid tiegħu stess, jew, meta l-produttur ma jkollux faċilità ta’ bbottiljar, f’kundizzjonijiet li jagħtu garanziji sostanzjalment identiċi. Tali garanziji jeżistu, b’mod partikolari, meta l-produzzjoni tal-inbid issir taħt id-direzzjoni effettiva, il-kontroll strett u permanenti kif ukoll ir-responsabbiltà esklużiva tal-produttur. Dawn ir-rekwiżiti jservu sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni u ta’ informazzjoni korretta tal-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1988, Erzeugergemeinschaft Goldenes Rheinhessen, 311/87, EU:C:1988:483, punti 14 sa 16).

52      Għandu jiġi rrilevat ukoll, kif essenzjalment għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ladarba jiġi aċċettat li, għall-finijiet tal-użu tat-termini msemmija fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33, ma huwiex neċessarju li x-xogħlijiet ta’ kultivazzjoni u ta’ ħsad tal-għeneb, li huma essenzjali għar-riżultat finali, jitwettqu fuq l-artijiet li jappartjenu lill-vitikultur jew fuq l-artijiet li jinsabu qrib tagħhom, l-istess raġunament japplika għat-tagħsir tal-għeneb. Min-naħa l-oħra, bħal fil-każ tal-imsemmija xogħlijiet, għandu jiġi żgurat li l-proprjetarju tal-imsemmija impriża jassumi wkoll it-tmexxija effettiva, il-kontroll mill-qrib u permanenti kif ukoll ir-responsabbiltà ta’ din l-operazzjoni.

53      Minn dan isegwi li t-tagħsir tal-għeneb jista’ jitqies li sar fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni, meta dan isir f’faċilità għat-tagħsir mikrija minn azjenda oħra għal perijodu ta’ 24 siegħa biss, sakemm din il-faċilità għat-tagħsir titqiegħed għad-dispożizzjoni esklużiva tal-proprjetarju ta’ din l-ewwel azjenda għaż-żmien neċessarju sabiex iwettaq l-operazzjoni ta’ tagħsir, li fl-aħħar nett hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li t-tagħsir tal-għeneb li joriġina minn vinji mikrija jsir f’faċilità li l-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni tikri għal perijodu qasir mingħand azjenda oħra tal-inbid ma jeskludix li l-produzzjoni tal-inbid titqies li twettqet kompletament fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm din il-faċilità titqiegħed għad-dispożizzjoni esklużiva tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni għat-tul ta’ żmien neċessarju għall-operazzjoni ta’ tagħsir u sakemm din l-aħħar azjenda tassumi l-amministrazzjoni effettiva, il-kontroll strett u permanenti kif ukoll ir-responsabbiltà ta’ din l-operazzjoni.

 Fuq ittieni sarraba’ domanda

55      Permezz tat-tieni sar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex il-produzzjoni tal-inbid tkun tista’ titqies li twettqet kompletament fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, it-tagħsir tal-għeneb għandu jsir mill-kollaboraturi ta’ din l-azjenda stess jew jekk jistax jitwettaq minn kollaboraturi tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li tagħti l-faċilità għat-tagħsir b’kiri, peress li dawn l-aħħar kollaboraturi huma awtorizzati jintervjenu fil-każ ta’ problemi mhux mistennija fit-tagħsir. Din il-qorti tistaqsi wkoll dwar l-effett tal-fatt li l-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li tagħti l-faċilità għat-tagħsir b’kiri għandha interess proprju fil-mod kif jitwettaq it-tagħsir, b’mod partikolari minħabba klawżola kuntrattwali dwar żieda fil-prezz marbuta mar-rendiment u mal-kwalità għal kull ettolitru ta’ nbid.

56      Għandu jiġi ppreċiżat, qabel kollox, li ma tirriżulta l-ebda dispożizzjoni mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33 fir-rigward tar-rabta bejn l-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni u l-persunal li jagħsar l-għeneb.

57      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, kif jirriżulta mill-punti 49 sa 51 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti fil-provvista ta’ informazzjoni lill-konsumaturi dwar l-assigurazzjoni ta’ kwalità superjuri li tirriżulta mill-indikazzjoni kkonċernata, jista’ jintlaħaq biss jekk dawn il-konsumaturi ma jiġux żgwidati dwar l-identità tal-persuni responsabbli għall-proċess ta’ produzzjoni tal-inbid.

58      Konsegwentement, għalkemm tali kunsiderazzjonijiet ma jeskludux il-fatt stess li ċerti attivitajiet marbuta mal-produzzjoni tal-inbid jiġu fdati lil kollaboraturi tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li tagħti l-faċilità għat-tagħsir b’kiri, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-attivitajiet għandhom jitwettqu taħt id-direzzjoni effettiva, il-kontroll strett u permanenti kif ukoll ir-responsabbiltà esklużiva tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1988, Erzeugergemeinschaft Goldenes Rheinhessen, 311/87, EU:C:1988:483, punt 15).

59      Sabiex dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfatt, huwa neċessarju, fir-rigward tal-operazzjoni ta’ tagħsir tal-għeneb, li l-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni tissorvelja u tikkontrolla b’mod strett u permanenti li din l-operazzjoni ssir skont il-preskrizzjonijiet tagħha stess, mingħajr ma tkun tista’ tikkuntenta ruħha, għal dan l-għan, li tirreferi għal eventwali istruzzjonijiet mogħtija mill-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li tagħti b’kiri l-faċilità għat-tagħsir.

60      Sussegwentement, dan jimplika li, fil-każ li jqumu, matul din l-operazzjoni, problemi mhux mistennija li jeħtieġu l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet immedjati, dawn tal-aħħar jittieħdu mill-proprjetarju tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni stess jew mill-membri tal-persunal tagħha. Fil-fatt, f’każijiet urġenti bħal dawn, id-deċiżjonijiet neċessarji ma jistgħux jiġu ddelegati lil terzi, peress li tali delega ma tippermettix li tiġi żgurata l-garanzija ta’ kwalità li tirriżulta mill-fatt li l-produzzjoni tal-inbid issir kompletament fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni u, għaldaqstant, taħt id-direzzjoni effettiva ta’ din tal-aħħar.

61      Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li eventwali interess proprju tal-operat li jagħti l-faċilità għat-tagħsir b’kiri lill-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni, bħal żieda fil-prezz marbut mar-rendiment u mal-kwalità għal kull ettolitru ta’ nbid, ma għandux effett fuq il-punt dwar jekk il-produzzjoni tal-inbid titwettaqx kompletament fi ħdan din l-azjenda msemmija l-aħħar, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33, sa fejn tali interess ma jistax jikkomprometti l-garanzija li l-produzzjoni tal-inbid issir taħt id-direzzjoni effettiva, il-kontroll strett u permanenti u r-responsabbiltà esklużiva tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni sar-raba’ domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat 2019/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li produzzjoni tal-inbid titwettaq kompletament fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk l-operazzjoni ta’ tagħsir twettqet minn kollaboraturi tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li tat il-faċilità għat-tagħsir b’kiri lill-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni, sakemm il-proprjetarju ta’ din l-aħħar azjenda jassumi t-tmexxija effettiva, il-kontroll strett u permanenti kif ukoll ir-responsabbiltà ta’ din l-operazzjoni. Il-fatt li l-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li tagħti l-faċilità għat-tagħsir b’kiri għandha interess proprju fil-mod kif jitwettaq it-tagħsir, b’mod partikolari minħabba klawżola kuntrattwali dwar żieda fil-prezz marbuta mar-rendiment u mal-kwalità għal kull ettolitru ta’ nbid, ma għandux effett fuq il-kwistjoni dwar jekk il-produzzjoni tal-inbid tistax titqies li twettqet fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni.

 Fuq lispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni, kif emendat bir-Regolament Delegat (UE) tal-Kummissjoni tal11 ta’ Ġunju 2021,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-fatt li t-tagħsir tal-għeneb li joriġina minn vinji mikrija jsir f’faċilità li l-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni tikri għal perijodu qasir mingħand azjenda oħra tal-inbid ma jeskludix li l-produzzjoni tal-inbid titqies li twettqet kompletament fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm din il-faċilità titqiegħed għad-dispożizzjoni esklużiva tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni għat-tul ta’ żmien neċessarju għall-operazzjoni ta’ tagħsir u sakemm din l-aħħar azjenda tassumi l-amministrazzjoni effettiva, il-kontroll strett u permanenti kif ukoll ir-responsabbiltà ta’ din l-operazzjoni.

2)      It-tieni subparagrafu tal--Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 2019/33, kif emendat bir-Regolament Delegat 2021/1375,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

produzzjoni tal-inbid tista’ titqies li twettqet kompletament fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk l-operazzjoni ta’ tagħsir twettqet minn kollaboraturi tal-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li tat il-faċilità għat-tagħsir b’kiri lill-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni, sakemm il-proprjetarju ta’ din l-aħħar azjenda jassumi t-tmexxija effettiva, il-kontroll strett u permanenti kif ukoll ir-responsabbiltà ta’ din l-operazzjoni. Il-fatt li l-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li tagħti l-faċilità għat-tagħsir b’kiri għandha interess proprju fil-mod kif jitwettaq it-tagħsir, b’mod partikolari minħabba klawżola kuntrattwali dwar żieda fil-prezz marbuta mar-rendiment u mal-kwalità għal kull ettolitru ta’ nbid, ma għandux effett fuq il-kwistjoni dwar jekk il-produzzjoni tal-inbid tistax titqies li twettqet fl-azjenda għall-produzzjoni tal-inbid li f’isimha qed issir il-produzzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.