Language of document : ECLI:EU:C:2023:918

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

23 ta’ Novembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/25/UE – Artikolu 57(3) – Entità kontraenti li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru differenti minn dak tas-sede ta’ korp ċentrali ta’ xiri li jaġixxi f’ismu u għan-nom tiegħu – Aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni – Regoli proċedurali applikabbli u ġurisdizzjoni tal-korpi ta’ reviżjoni”

Fil-Kawża C‑480/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Lulju 2022, fil-proċedura

EVN Business Service GmbH,

Elektra EOOD,

Penon EOOD,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn Z. Csehi (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal EVN Business Service GmbH, minn W. Schwartz, Rechtsanwalt,

–        għal Elektra EOOD, minn O. Radinsky, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u M. Winkler-Unger, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u G. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ diversi rikorsi ppreżentati minn EVN Business Service GmbH (iktar ’il quddiem “EBS”), kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijak li għandha s-sede tagħha fl-Awstrija, u minn żewġ kumpanniji stabbiliti fil-Bulgarija kontra deċiżjonijiet tal-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Awstrija t’Isfel, l-Awstrija), li permezz tagħhom din tal-aħħar iddikjarat li ma għandhiex kompetenza bħala istanza ta’ appell fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 92/13

3        Id-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315), kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24, u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/13”), tinkludi l-Artikolu 1, intitolat “Skop u disponibilità tal-proċeduri ta’ reviżjoni”, li jipprovdi, fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2014/25 […], sakemm tali kuntratti ma jkunux esklużi skont l-Artikoli 18 sa 24, 27 sa 30, 34 jew 55 ta’ dik id-Direttiva.

[…]

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE jew id-Direttiva 2014/23/UE, deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, fuq il-bażi li tali deċiżjonijiet jiksru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.”

 IdDirettiva 2014/25

4        Il-premessi 78 u 82 tad-Direttiva 2014/25 jistipulaw:

“(78)      It-tekniki ta’ xiri ċentralizzat qed jintużaw dejjem aktar fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Il-korpi ta’ xiri ċentrali huma responsabbli għat-twettiq tal-akkwisti, il-ġestjoni ta’ sistemi dinamiċi ta’ xiri jew jew l-għoti ta’ kuntratti/ftehimiet qafas għal awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti oħrajn, b’rimunerazzjoni jew mingħajrha. L-entitajiet kontraenti li għalihom ġie konkluż ftehim qafas għandhom ikunu jistgħu jużawh għal xiri individwali jew ripetittiv. Fid-dawl tal-volumi kbar mixtrija, tali tekniki jistgħu jgħinu biex iżidu l-kompetizzjoni u għandhom jgħinu sabiex jipprofessjonalizzaw l-akkwist pubbliku. Għalhekk għandha tiġi prevista definizzjoni tal-Unjoni [Ewropea] ta’ korpi ta’ xiri ċentrali dedikati għal entitajiet kontraenti u għandu jiġi ċċarat li korpi ta’ xiri ċentrali joperaw b’żewġ modi differenti.

L-ewwel nett, huma għandhom ikunu kapaċi jaġixxu bħala bejjiegħa bl-ingrossa billi jbigħu, jaħżnu, ibigħu mill-ġdid jew, it-tieni nett, għandhom ikunu jistgħu jaġixxu bħala intermedjarji billi jagħtu kuntratti, joperaw sistemi dinamiċi ta’ xiri jew jikkonkludu ftehimiet qafas li għandhom jintużaw minn entitajiet kontraenti.

Rwol intermedjarju bħal dan jista’ f’xi każijiet jitwettaq billi l-proċeduri tal-akkwist rilevanti jsiru b’mod awtonomu, mingħajr struzzjonijiet dettaljati mill-entitajiet kontraenti kkonċernati; f’każijiet oħra, bit-twettiq tal-proċeduri ta’ għoti rilevanti taħt l-istruzzjonijiet tal-entitajiet kontraenti kkonċernati, f’isimhom u għall-kont tagħhom.

Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti wkoll regoli għall-allokazzjoni tar-responsabbiltà għall-osservanza tal-obbligi skont din id-Direttiva, anke fil-każ ta’ rimedji, bejn il-korp ta’ xiri ċentrali u l-entitajiet kontraenti li jakkwistaw minn jew permezz tiegħu. Meta l-korp ċentrali ta’ xiri jkun responsabbli biss għat-twettiq tal-proċeduri tal-akkwist, din għandha wkoll tkun unikament u direttament responsabbli għal-legalità tal-proċeduri. Meta entità kontraenti tmexxi ċerti partijiet tal-proċedura, pereżempju l-ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni taħt ftehim qafas jew l-għoti ta’ kuntratti individwali bbażati fuq sistema dinamika ta’ xiri, hija għandha tibqa’ responsabbli għall-istadji li tmexxi.

[…]

(82)      Attwalment, l-għoti konġunt ta’ kuntratti minn entitajiet kontraenti ta’ Stati Membri differenti qed jiffaċċja diffikultajiet legali speċifiċi rigward konflitti tal-liġijiet nazzjonali. Minkejja l-fatt li d-Direttiva 2004/17/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19)] ppermettiet impliċitament akkwist pubbliku konġunt transkonfinali, l-entitajiet kontraenti għadhom qed jiffaċċjaw diffikultajiet legali u prattiċi konsiderevoli fix-xiri minn korpi ta’ xiri ċentrali fi Stati Membri oħra jew fl-għoti b’mod konġunt ta’ kuntratti. Sabiex l-entitajiet kontraenti jkunu jistgħu jiksbu benefiċċju massimu mill-potenzjal tas-suq intern f’termini ta’ ekonomiji ta’ skala u kondiviżjoni tar-riskji u l-benefiċċji, mhux l-anqas għal proġetti innovattivi li jinvolvu ammont akbar ta’ riskju minn dak raġonevolment tollerabbli minn entità kontraenti waħda, dawk id-diffikultajiet għandhom jiġu remedjati. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti regoli ġodda dwar l-akkwist konġunt transkonfinali sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-entitajiet kontraenti u jissaħħu l-benefiċċji tas-suq intern bil-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ negozju transkonfinali għall-fornituri u għal min jipprovdi servizz. Dawk ir-regoli għandhom jiddeterminaw il-kondizzjonijiet għal użu transkonfinali ta’ korpi ta’ xiri ċentralizzati u jagħżlu l-leġislazzjoni applikabbli għall-akkwist pubbliku, inkluż il-leġislazzjoni applikabbli dwar ir-rimedji, f’każijiet ta’ proċeduri konġunti transkonfinali li jikkumplimentaw il-konflitt ta’ regoli ta’ liġi tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill [tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87)]. Barra minn hekk, l-entitajiet kontraenti differenti minn Stati Membri għandhom ikunu jistgħu jwaqqfu entitajiet legali konġunti stabbiliti skont il-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni. Għandhom ikunu stabbiliti regoli speċifiċi għal dan it-tip ta’ akkwist konġunt.

Madankollu, l-entitajiet kontraenti ma għandhomx jużaw possibbiltajiet għal akkwist konġunt transkonfinali għall-iskop ta’ ċirkomvenzjoni ta’ regoli ta’ liġi pubbliċi obbligatorji, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, li huma applikabbli għalihom fl-Istat Membru fejn jinsabu. Regoli bħal dawn jistgħu jinkludu, pereżempju, dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza u l-aċċess ta’ dokumenti jew rekwiżiti speċifiċi għat-traċċabbiltà ta’ provvisti sensittivi.”

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/25, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(10)      ‘attivitajiet ċentralizzati ta’ xiri’ tfisser attivitajiet imwettqa fuq bażi permanenti, f’waħda mill-forom li ġejjin:

(a)      l-akkwist ta’ provvisti u/jew servizzi maħsuba għall-entitajiet kontraenti,

(b)      l-għoti ta’ kuntratti jew il-konklużjoni ta’ ftehimiet qafas għal xogħlijiet, provvisti jew servizzi maħsuba għall-entitajiet kontraenti;

[…]

(12)      ‘korp ċentrali ta’ xiri’ tfisser entità kontraenti fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva jew awtorità kontraenti fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65)] dment li tipprovdi attivitajiet ta’ xiri ċentralizzati u, possibbilment, attivitajiet ta’ xiri anċillari.

L-akkwist imwettaq minn korp ċentrali ta’ xiri sabiex jitwettqu attivitajiet ċentralizzati ta’ xiri, għandu jitqies bħala akkwist biex titwettaq attività kif deskritt fl-Artikoli 8 sa 14. L-Artikolu 18 ma għandux japplika għal akkwist imwettaq minn korp ċentrali ta’ xiri sabiex jitwettqu attivitajiet ċentralizzati ta’ xiri;

[…]”

6        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/25, intitolat “Entitajiet kontraenti”, jipprevedi:

“1.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, entitajiet kontraenti huma entitajiet li:

(a)      huma awtoritajiet kontraenti jew impriżi pubbliċi u li jsegwu waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 8 sa 14;

(b)      meta dawn ma jkunux awtoritajiet kontraenti jew impriżi pubbliċi, ikollhom bħala waħda mill-attivitajiet tagħhom xi waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 8 sa 14, jew kwalunkwe taħlita tagħhom u joperaw fuq il-bażi ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi mogħtija minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru.

2.      ‘Impriża pubblika’ tfisser kull impriża li fuqha l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeżerċitaw influwenza dominanti b’mod dirett jew indirett minħabba li din tkun proprjetà tagħhom, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha;

[…]”

7        L-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva, intitolat “Akkwist li jinvolvi entitajiet kontraenti minn Stati Membri differenti”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 28 sa 31, l-entitajiet kontraenti minn Stati Membri differenti jistgħu jaġixxu b’mod konġunt fl-għoti ta’ kuntratti billi jużaw wieħed mill-mezzi previsti f’dan l-Artikolu.

L-entitajiet kontraenti ma għandhomx jużaw il-mezzi previsti f’dan l-Artikolu għall-fini li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji tad-dritt pubbliku f’konformità mad-dritt tal-Unjoni li huma soġġetti għalih fl-Istat Membru tagħhom.

2.      Stat Membru ma għandux jipprojbixxi lill-entitajiet kontraenti tiegħu milli jużaw attivitajiet ċentralizzati ta’ xiri offruti minn korpi ċentrali ta’ xiri li jinsabu fi Stat Membru ieħor.

Madankollu, fir-rigward ta’ attivitajiet ċentralizzati ta’ xiri offruti minn korpi ċentrali tax-xiri li jinsabu fi Stat Membru ieħor li mhuwiex tal-entità kontraenti, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jispeċifikaw li l-entitajiet kontraenti tagħhom jistgħu jużaw biss l-attivitajiet ċentralizzati ta’ xiri kif definiti jew fil-punt (a) jew fil-punt (b) tal-punt (10) tal-Artikolu 2.

3.      Il-provvista tal-attivitajiet ċentralizzati ta’ xiri minn korp ċentrali tax-xiri li jinsab fi Stat Membru ieħor għandha titmexxa skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn jinsab il-korp ċentrali tax-xiri.

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn jinsab il-korp ċentrali tax-xiri għandhom japplikaw ukoll għal dan li ġej:

(a)      l-għoti ta’ kuntratt taħt sistema dinamika ta’ xiri;

(b)      it-twettiq ta’ ftuħ mill-ġdid ta’ kompetizzjoni taħt ftehim qafas.”

 Illiġi Awstrijaka

8        L-Artikolu 180 tal-Bundesvergabegesetz 2018 (il-Liġi Federali tal‑2018 dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi) tal‑20 ta’ Awwissu 2018 (BGBl. I, 65/2018) (iktar ’il quddiem il-“BVergG 2018”), intitolat “Għoti konġunt ta’ kuntratti transkonfinali minn diversi entitajiet kontraenti settorjali”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Meta attività ta’ xiri ċċentralizzata titwettaq għal entità kontraenti settorjali minn korp ċentrali ta’ xiri msemmi fil-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/25/UE li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew fi Stat kontraenti ieħor tal-Ftehim ŻEE

1.      l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt huwa rregolat

[…]

permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Istat tas-sede tal-korp ċentrali ta’ xiri.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

9        Permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit‑22 ta’ Mejju 2020, inbdiet proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, li għandha bħala suġġett ftehim qafas, għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ tqegħid ta’ installazzjonijiet elettriċi kif ukoll ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u twaqqigħ relatati magħhom. Il-kuntratt kien maqsum (territorjalment) f’36 lottijiet li l-post ta’ eżekuzzjoni tagħhom kien fil-Bulgarija. Il-valur tal-kuntratt kien jaqbeż il-limitu li lil hinn minnu japplikaw ir-regoli proċedurali u ta’ reklamar għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tad-dritt tal-Unjoni.

10      Elektrorazpredelenie YUG EAD (iktar ’il quddiem “ER Yug”), kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Bulgaru li għandha s-sede tagħha fil-Bulgarija, kienet l-entità kontraenti fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

11      EBS, kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijak li għandha s-sede tagħha fl-Awstrija, aġixxiet f’din il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt bħala korp ċentrali ta’ xiri, bħala rappreżentanta ta’ ER Yug.

12      Kemm ER Yug kif ukoll EBS huma indirettament 100 % proprjetà ta’ EVN AG, li min-naħa tagħha hija 51 % proprjetà tal-Land Niederösterreich (il-Land ta’ Niederösterreich, l-Awstrija).

13      Skont is-sejħa għall-offerti, EBS kienet responsabbli għall-iżvolġiment u għall-eżekuzzjoni tagħha, filwaqt li l-kuntratt dwar is-servizzi mitluba kellu jiġi konkluż ma’ ER Yug bħala entità kontraenti settorjali. F’din is-sejħa għal offerti, il-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Niederösterreich) kienet indikata bħala l-korp responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni. Fiha kien previst ukoll li d-dritt Awstrijak kien id-dritt applikabbli “għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u għat-talbiet kollha li jirriżultaw minnha” u li d-dritt Bulgaru kien japplika għall-“eżekuzzjoni tal-kuntratt”.

14      Elektra EOOD u Penon EOOD, żewġ kumpanniji Bulgari, issottomettew offerti għal diversi lottijiet skont il-kuntratt qafas. Huma ġew informati, permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑28 u tat‑30 ta’ Lulju 2020, li l-offerti tagħhom ma kinux ġew aċċettati.

15      It-talbiet tagħhom intiżi għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet ġew miċħuda, fit‑23 ta’ Settembru 2020, permezz ta’ digrieti tal-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Niederösterreich), li ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward.

16      Dik il-qorti qieset li kienet adita bil-kwistjoni dwar jekk impriża Bulgara setgħetx tikkonkludi ma’ entità kontraenti stabbilita fil-Bulgarija kuntratt li kellu jiġi eżegwit f’dan l-Istat Membru u li jaqa’ taħt id-dritt ta’ dan l-istess Stat. Issa, skont l-imsemmija qorti, jekk tiġi aċċettata l-ġurisdizzjoni tagħha f’tali ċirkustanzi, dan ikun jidħol serjament fuq is-sovranità tar-Repubblika tal-Bulgarija u joħloq kunflitt mal-prinċipju ta’ territorjalità rrikonoxxut mid-dritt internazzjonali. Il-fatt li l-Land Niederösterreich teżerċita kontroll fuq ER Yug bl-ebda mod ma jippreġudika l-ġurisdizzjoni ta’ din l-istess qorti fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti ma’ impriżi li għandhom is-sede tagħhom barra mill-pajjiż.

17      Barra minn hekk, bħall-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/25, il-BVergG 2018 tipprevedi, fl-Artikolu 180(2) tagħha, regola dwar l-attivitajiet ta’ xiri ċċentralizzati mwettqa f’isem entità kontraenti settorjali minn korp ċentrali ta’ xiri li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru differenti minn dak li fih tinsab din l-entità. Madankollu, din ir-regola sempliċement tipprevedi d-dritt sostantiv li japplika għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt mingħajr ma tippreċiża d-dritt proċedurali applikabbli għal eventwali proċedura ta’ reviżjoni. Ċertament, il-premessa 82 tad-Direttiva 2014/25 tagħmel riferiment għall-indikazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli “fil-proċeduri ta’ reviżjoni”, mingħajr madankollu ma dan ġie rriprodott fit-test stess ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “attivitajiet ċentralizzati ta’ xiri” li jinsab fl-Artikolu 57 tal-imsemmija direttiva ma jkoprix il-proċedura ta’ appell.

18      Elektra, Penon u EBS ippreżentaw rikorsi għal reviżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) kontra d-digrieti msemmija iktar ’il fuq. Huma pproduċew traduzzjoni ċċertifikata ta’ deċiżjoni tal-ogħla qorti amministrattiva tar-Repubblika tal-Bulgarija li tikkonferma d-deċiżjoni tal-awtorità Bulgara ta’ kontroll tal-kuntratti pubbliċi fir-rigward tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tagħha fil-każ tal-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni.

19      Dawn il-partijiet isostnu li, fid-dawl tal-għan tiegħu li jipprevedi sistema uniformi fil-qasam tax-xiri ċċentralizzat transkonfinali, l-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/25 u, konsegwentement, l-Artikolu 180(2) tal-BVergG 2018, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jirrigwardawx biss il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt fil-veru sens tal-kelma, iżda wkoll il-proċedura ta’ appell li tista’ eventwalment issegwi tali għoti. Peress li korp ċentrali ta’ xiri għandu japplika d-dritt sostantiv Awstrijak fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti, il-proċedura ta’ reviżjoni għandha tiżvolġi quddiem istanza ta’ reviżjoni Awstrijaka skont id-dritt proċedurali Awstrijak. Għalhekk, l-element ta’ rabta territorjali determinanti huwa s-sede tal-korp ċentrali ta’ xiri.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/25 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm attività ċentralizzata ta’ xiri permezz ta’ korp ċentrali ta’ xiri bis-sede ‘fi Stat Membru ieħor’, meta l-awtorità kontraenti – indipendentement mill-kwistjoni ta’ min jeżerċita l-kontroll fuq din l-awtorità kontraenti – għandha s-sede tagħha fi Stat Membru differenti minn dak tal-korp ċentrali ta’ xiri?

(2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

Ir-regola tal-kunflitt tal-liġijiet prevista fl-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/25, skont liema l-‘attività ċentralizzata ta’ xiri’ hija pprovduta permezz ta’ korp ċentrali ta’ xiri bis-sede fi Stat Membru ieħor konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru li fih għandu s-sede tiegħu l-korp ċentrali ta’ xiri, tkopri wkoll il-leġiżlazzjoni dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni u l-kompetenza ta’ korp ta’ reviżjoni fis-sens tad-Direttiva [92/13]?

(3)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda:

Id-Direttiva 92/13, u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kompetenza ta’ korp ta’ reviżjoni nazzjonali għar-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kontraenti għandha tinkludi l-awtoritajiet kontraenti kollha li għandhom is-sede tagħhom fl-Istat Membru tal-korp ta’ reviżjoni, jew il-kompetenza għandha tkun ibbażata fuq jekk l-influwenza dominanti fuq l-awtorità kontraenti (fis-sens tal-Artikolu 3(4)(c) jew tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/25) hijiex eżerċitata minn kollettività territorjali jew minn organu rregolat mid-dritt pubbliku, li huwa attribwibbli lill-Istat Membru tal-korp ta’ reviżjoni?”

 Fuq lewwel domanda

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/25 għandux jiġi interpretat fis-sens li attività ta’ xiri ċċentralizzata, fil-kuntest tal-għoti konġunt ta’ kuntratti minn entitajiet kontraenti ta’ diversi Stati Membri, titwettaq minn korp ċentrali ta’ xiri “li jinsab fi Stat Membru ieħor” meta l-entità kontraenti, indipendentement mill-kontroll eżerċitat fuqha minn korp irregolat mid-dritt pubbliku tal-Istat Membru tas-sede tal-korp ċentrali ta’ xiri, ikollha s-sede tagħha fi Stat Membru differenti minn dak tas-sede tal-korp ċentrali ta’ xiri.

22      Skont l-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/25, l-attivitajiet ta’ xiri ċċentralizzati huma pprovduti minn korp ċentrali ta’ xiri li jinsab fi Stat Membru ieħor konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn jinsab il-korp ċentrali ta’ xiri. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-korp ċentrali ta’ xiri għandhom japplikaw ukoll għall-għoti ta’ kuntratt skont sistema dinamika ta’ akkwist kif ukoll għall-ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni skont ftehim qafas.

23      Il-kunċett ta’ “korp ċentrali ta’ xiri” huwa ddefinit fil-punt (12) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/25 bħala entità kontraenti, fis-sens tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, jew awtorità kontraenti, fis-sens tal-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE, li tipprovdi attivitajiet ta’ xiri ċċentralizzati u, possibbilment, attivitajiet ta’ xiri anċillari.

24      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jsegwi li d-dubju prinċipali tal-qorti tar-rinviju jirrigwarda l-mod kif issir distinzjoni bejn l-Istat Membru tas-sede tal-entità kontraenti u dak tas-sede tal-korp ċentrali ta’ xiri. Fi kliem ieħor, hija tistaqsi dwar il-kriterju ta’ rabta ta’ entità kontraenti ma’ Stat Membru għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/25.

25      Il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-partijiet interessati l-oħra jaqblu li l-kriterju ta’ rabta għandu jkun il-post fejn tinsab l-entità kontraenti u li ftit li xejn huwa rilevanti f’dan il-kuntest jekk u, jekk ikun il-każ, b’liema mod u sa liema grad, din l-entità hija proprjetà ta’ entità oħra li tinsab fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, ir-regola prevista fl-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/25 hija applikabbli meta ċ-ċentru ta’ xiri u l-entità kontraenti l-oħra jkunu jinsabu fi Stati Membri differenti, bħal f’dan il-każ fl-Awstrija u fil-Bulgarija.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kemm il-korp ċentrali ta’ xiri kif ukoll l-entità li tmexxi l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt huma awtoritajiet kontraenti, fis-sens tad-Direttiva 2014/25, b’tali mod li l-kriterju ta’ rabta ma’ Stat Membru ma jistax ikun differenti għal waħda jew l-oħra minn dawn l-entitajiet.

27      Barra minn hekk, l-Artikolu 57(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-entitajiet kontraenti ma jistgħux jirrikorru għall-għoti konġunt ta’ kuntratti transkonfinali sabiex jevitaw l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet vinkolanti tad-dritt pubbliku li huma konformi mad-dritt tal-Unjoni li għalihom huma suġġetti “fl-Istat Membru tagħhom”. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jirrigwarda l-attivitajiet ta’ xiri ċċentralizzati proposti minn korp ċentrali ta’ xiri “li jinsab fi Stat Membru differenti minn dak tal-entità kontraenti”.

28      Minkejja ċ-ċirkustanza li d-Direttiva 2014/25 tuża għalhekk, sabiex tiddetermina r-rabta ta’ entità kontraenti ma’ Stat Membru, espressjonijiet xi kultant differenti, inkluż fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-espressjonijiet jagħtu x’jifhem li l-kriterju ta’ rabta adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni huwa ta’ natura territorjali, li jikkorrispondi barra minn hekk mar-regola ġenerali, li tirriżulta, essenzjalment, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(1) ta’ din id-direttiva, li kull entità kontraenti għandha tosserva r-regoli fis-seħħ fl-Istat Membru fejn hija stabbilita.

29      Għaldaqstant, meta, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, il-korp ċentrali ta’ xiri u l-entità kontraenti jkunu jinsabu fi Stati Membri differenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan jirrigwarda l-għoti ta’ kuntratt transkonfinali mwettaq permezz ta’ korp ċentrali ta’ xiri.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-imsemmija direttiva u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 57 tagħha, ma jsegwix li l-appartenenza ma’ Stat Membru partikolari ta’ awtorità reġjonali jew ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku li jeżerċita kontroll fuq l-entità kontraenti tikkostitwixxi kriterju rilevanti ta’ rabta ta’ tali entità. Issa, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni ried juża tali l-kriterju tal-eżistenza ta’ rabta bejn entità kontraenti u entità oħra, huwa użah espressament, bħal fl-Artikolu 4(2) tal-istess direttiva.

31      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/25 għandu jiġi interpretat fis-sens li attività ta’ xiri ċċentralizzata, fil-kuntest tal-għoti konġunt ta’ kuntratti minn entitajiet kontraenti ta’ diversi Stati Membri, issir minn korp ċentrali ta’ xiri “li jinsab fi Stat Membru ieħor” meta l-entità kontraenti jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru differenti minn dak tas-sede tal-korp ċentrali ta’ xiri, indipendentement, jekk ikun il-każ, mill-post tas-sede ta’ entità terza li għandha l-kontroll ta’ waħda jew l-oħra minn dawn l-entitajiet.

 Fuq ittieni domanda

32      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/25 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta’ kunflitti tal-liġijiet stabbilita f’din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li l-attivitajiet ta’ xiri ċċentralizzati ta’ korp ċentrali ta’ xiri huma pprovduti konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru li fih jinsab il-korp ċentrali ta’ xiri, testendi għall-proċeduri ta’ reviżjoni, fis-sens tad-Direttiva 92/13, relatati ma’ dawn l-attivitajiet.

33      Bħalma rrilevat il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/25 ma jistabbilixxix b’mod espress jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru li fih jinsab il-korp ċentrali ta’ xiri jirregolawx ukoll il-proċeduri ta’ reviżjoni u l-ġurisdizzjoni tal-korp ta’ reviżjoni, fis-sens tad-Direttiva 92/13.

34      L-“attivitajiet ta’ xiri ċċentralizzati”, li din id-dispożizzjoni tirreferi għalihom, huma ddefiniti fil-punt (10) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/25 bħala attivitajiet imwettqa fuq bażi kontinwa u li jieħdu l-forma jew ta’ akkwist ta’ provvisti u/jew ta’ servizzi maħsuba għal entitajiet kontraenti, jew il-forma ta’ għoti ta’ kuntratti jew il-konklużjoni ta’ ftehimiet qafas ta’ xogħlijiet, ta’ provvisti jew ta’ servizzi maħsuba għal tali entitajiet.

35      Għalkemm huwa minnu li, abbażi ta’ interpretazzjoni litterali, l-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/25 jidher li jirreferi biss għad-dritt sostantiv fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti, il-formulazzjoni tiegħu ma teskludix madankollu li din id-dispożizzjoni testendi kemm għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-proċeduri ta’ reviżjoni kif ukoll għall-ġurisdizzjoni tal-korp ta’ reviżjoni, fis-sens tad-Direttiva 92/13.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li l-imsemmija dispożizzjoni tagħmel parti minnha (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Interfel, C‑501/22 sa C‑504/22, EU:C:2023:531, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita wkoll li, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ diversi interpretazzjonijiet, għandha tingħata preferenza lil dik li hija ta’ natura li tissalvagwardja l-effett utli tagħha (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Interfel, C‑501/22 sa C‑504/22, EU:C:2023:531, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-premessa 78 tad-Direttiva 2014/25, għandhom jiġu stabbiliti regoli għall-allokazzjoni tar-responsabbiltà għall-osservanza tal-obbligi previsti minn din id-direttiva, inkluż fil-qasam ta’ rimedji, bejn il-korp ċentrali ta’ xiri u l-entitajiet kontraenti li jakkwistaw mingħandu jew permezz tiegħu.

39      Din l-istess premessa tipprevedi żewġ każijiet ipotetiċi, l-ewwel wieħed ikkaratterizzat miċ-ċirkustanza li l-korp ċentrali ta’ xiri jassumi waħdu r-responsabbiltà għall-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt, it-tieni wieħed ikkaratterizzat miċ-ċirkustanza li entità kontraenti tinkariga ruħha minn ċerti partijiet tal-proċedura, bħat-tqegħid mill-ġdid tal-kompetizzjoni skont ftehim qafas jew l-għoti ta’ kuntratti partikolari abbażi ta’ sistema dinamika ta’ xiri. Fl-ewwel każ, il-korp ċentrali ta’ xiri għandu jassumi waħdu r-responsabbiltà diretta tal-legalità tal-proċeduri, fit-tieni każ, huwa għandu jibqa’ responsabbli għall-fażijiet tal-proċedura li huwa jassumi.

40      Barra minn hekk, il-premessa 82 tad-Direttiva 2014/25 tindika li għandhom jiġu ddefiniti regoli ġodda fil-qasam tal-għoti konġunt ta’ kuntratti transkonfinali u li dawn ir-regoli għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-użu transkonfinali tal-korpi ċentrali ta’ xiri u għandhom jindikaw il-leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, inkluża dik fil-qasam ta’ reviżjoni, li tapplika għall-proċeduri konġunti transkonfinali.

41      Minn dawn il-premessi jsegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried mhux biss jiddetermina d-dritt sostantiv li japplika għas-swieq transkonfinali u għall-korpi ċentrali ta’ xiri iżda wkoll id-dritt dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni li dawn il-kuntratti u dawn l-attivitajiet jistgħu jagħtu lok għalihom.

42      Konsegwentement, għandha tingħata preferenza lil interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/25 li jirregolaw tali kuntratti u attivitajiet li tippermetti li jiġu inklużi kemm id-dritt sostantiv kif ukoll dak dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni.

43      Għalhekk, għandu jitqies li d-Direttiva 2014/25 tagħmel riferiment għad-dritt tal-Istati Membri mhux biss għad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt li jirregolaw l-iżvolġiment tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratti transkonfinali iżda wkoll għal dawk li jirregolaw il-proċeduri ta’ reviżjoni, inklużi dawk ġudizzjarji, li jistgħu jiġu wara tali proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

44      Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, konformi mal-għan tad-Direttiva 2014/25, li huwa li tiġi stabbilita sistema uniformi fil-qasam tax-xiri ċċentralizzat transkonfinali. Fil-fatt, sa fejn korp ċentrali ta’ xiri jintalab jipprovdi l-attivitajiet ta’ xiri ċċentralizzati tiegħu konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru li fih tinsab, jidher koerenti li l-proċedura ta’ reviżjoni, li tista’ tinbeda, titmexxa skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru u li l-ġurisdizzjoni tal-korp ta’ reviżjoni kkonċernat tiġi ddeterminata skont dan l-istess dritt.

45      Barra minn hekk, il-prinċipju li huma d-dispożizzjonijiet tal-Istat Membru li fih tinsab entità kontraenti li jirregolaw il-proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward tal-miżuri meħuda minn dawn l-entitajiet huwa l-bażi tar-regola stabbilita fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/13, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu, fir-rigward tal-kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25 jew tad-Direttiva 2014/23, il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-entitajiet kontraenti jkunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ reviżjoni effettiva u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dan id-dritt.

46      Dan ma jeskludix, kif osservat il-Kummissjoni Ewropea, li hemm lok, jekk ikun il-każ, li ssir distinzjoni bejn id-dritt applikabbli għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u dak li jista’ japplika għall-kuntratti konklużi sussegwentement.

47      Huma wkoll il-qrati nazzjonali, aditi b’tilwima li tirriżulta minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt transkonfinali, li għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għat-tqassim tar-responsabbiltajiet li għandhom l-atturi involuti fl-iżvolġiment ta’ din il-proċedura u għal-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħhom li, jekk ikun il-każ, jirriżultaw minnha, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni r-regola stabbilita fl-Artikolu 57(1) tad-Direttiva 2014/25, imfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/25, moqri fid-dawl tal-premessi 78 u 82 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta’ kunflitti tal-liġijiet stabbilita f’din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li l-attivitajiet ta’ xiri ċċentralizzati ta’ korp ċentrali ta’ xiri għandhom jiġu pprovduti konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru li fih jinsab dan il-korp ċentrali ta’ xiri, testendi għall-proċeduri ta’ reviżjoni, fis-sens tad-Direttiva 92/13, relatati ma’ dawn l-attivitajiet, sa fejn l-imsemmi korp ċentrali ta’ xiri huwa responsabbli għall-iżvolġiment tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

 Fuq ittielet domanda

49      Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda li l-qorti tar-rinviju għamlet biss jekk tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda.

 Fuq lispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

attività ta’ xiri ċċentralizzata, fil-kuntest tal-għoti konġunt ta’ kuntratti minn entitajiet kontraenti ta’ diversi Stati Membri, issir minn korp ċentrali ta’ xiri “li jinsab fi Stat Membru ieħor” meta l-entità kontraenti jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru differenti minn dak tas-sede tal-korp ċentrali ta’ xiri, indipendentement, jekk ikun il-każ, mill-post tas-sede ta’ entità terza li għandha l-kontroll ta’ waħda jew l-oħra minn dawn l-entitajiet.

2)      L-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/25, moqri fid-dawl tal-premessi 78 u 82 ta’ din id-direttiva,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ir-regola ta’ kunflitti tal-liġijiet stabbilita f’din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li l-attivitajiet ta’ xiri ċċentralizzati ta’ korp ċentrali ta’ xiri għandhom jiġu pprovduti konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru li fih jinsab dan il-korp ċentrali ta’ xiri, testendi għall-proċeduri ta’ reviżjoni, fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni, kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, relatati ma’ dawn l-attivitajiet, sa fejn l-imsemmi korp ċentrali ta’ xiri huwa responsabbli għall-iżvolġiment tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.