Language of document : ECLI:EU:C:2023:913

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

ippreżentati fit‑23 ta’ Novembru 2023 (1)

Kawża C634/22

OT,

PG,

CR,

VT,

MD,

blintervent ta’:

Sofiyska gradska prokuratura

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Valuri u għanijiet tal-Unjoni — Stat tad-dritt — Artikolu 19 TUE — Deċiżjoni 2006/929/KE — Qorti indipendenti u imparzjali — Tneħħija ta’ qorti kriminali speċjalizzata — Tneħħija marbuta ma’ nuqqas ta’ indipendenza”






1.        Permezz ta’ liġi approvata fis-sena 2022 (2), il-leġiżlatur Bulgaru neħħa, fost korpi oħra tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, iktar ’il quddiem il-“QKS”) u ppreveda l-assenjazzjoni mill-ġdid lil qrati oħra tal-imħallfin li, sad-dħul fis-seħħ tal-liġi l-ġdida, kienu jservu fiha.

2.        Iż-ZIDZZSV stabbilixxiet ukoll li l-kawżi kriminali tal-ewwel istanza li fihom kienet inżammet seduta quddiem il-QKS, bħal f’dan il-każ, kellhom jiġu assenjati lis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem il-“QBS”) (3), minkejja li l-eżami tagħhom ser ikompli mill-kulleġġ ġudikanti li kien żamm is-seduta.

3.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja saret mill-membri tal-kulleġġ ġudikanti tal-QKS (issa l-QBS) li quddiemha kienet inżammet is-seduta ta’ proċeduri kriminali partikolari. Dan il-kulleġġ ġudikanti jesprimi d-dubji tiegħu dwar il-konformità tar-riforma leġiżlattiva tal‑2022, sa fejn tirrigwarda t-tneħħija tal-QKS, mad-dritt tal-Unjoni.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni. IdDeċiżjoni 2006/929/KE (4)

4.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 jipprovdi:

“Il-Bulgarija għandha, sal‑31 ta’ Marzu ta’ kull sena, u għall-ewwel darba sal‑31 ta’ Marzu 2007, tirrapporta lill-Kummissjoni dwar il-progress magħmul fl-indirizzar tal-punti ta’ riferiment kollha pprovduti fl-Anness”.

5.        L-Anness jistabbilixxi l-punti ta’ riferiment li għandha tindirizza l-Bulgarija:

“1)      Tadotta emendi kostituzzjonali sabiex titneħħa kwalunkwe ambigwità rigward l-indipendenza u l-kontabilità tas-sistema ġudizzjarja.

2)      Tassigura proċess ġudizzjarju aktar trasparenti u effiċjenti billi jiġi adottat u implimentat att ġdid dwar is-sistema ġudizzjarja u l-kodiċi ġdid dwar il-proċedura ċivili. Tirraporta dwar l-impatt ta’ dawn il-liġijiet ġodda u tal-kodiċi tal-proċedura penali u amministrattiva, b’mod partikolari dwar l-istadju ta’ qabel is-smigħ.

3)      Tkompli r-riforma tal-ġudikatura sabiex jiġu mtejba l-professjonaliżmu, il-kontabilità u l-effiċjenza. Tivvaluta l-impatt ta’ din ir-riforma u tippubblika r-riżultati kull sena.

4)      Tagħmel u tirraporta investigazzjonijiet professjonali u mhux partiġġjani ta’ allegazzjonijiet dwar korruzzjoni ta’ livell għoli. Tirraporta dwar l-ispezzjonjiet interni ta’ l-istituzzjonijiet pubbliċi u dwar il-pubblikazzjoni ta’ l-attiv ta’ l-uffiċjali għolja.

5)      Tieħu aktar miżuri sabiex timpedixxi u tiġġieled il-korruzzjoni, b’mod partikolari fuq il-fruntieri u fi ħdan il-gvern lokali.

6)      Timplimenta strateġija sabiex tiġġieled l-kriminalità organizzata, b’enfażi fuq il-kriminalità serja, il-ħasil tal-flus u kif ukoll il-konfiska sistematika ta’ l-assi tal-kriminali. Tirraporta dwar l-investigazzjonijiet, l-akkużi u l-kundanni ġodda u pendenti f’dawn l-oqsma”.

B.      Iddritt nazzjonali

1.      Iż-Zakon za sadebtana vlast (5)

6.        L-Artikolu 194(1) jipprevedi:

“[…] Fil-każ ta’ tneħħija ta’ qrati, uffiċċji tal-prosekutur pubbliku jew servizzi ta’ investigazzjoni, jew fil-każ ta’ tnaqqis tan-numri ta’ postijiet okkupati minnhom, il-kulleġġ kompetenti tal-Consejo Supremo del Poder Judicial [(il-Kunsill Suprem tal-Poter Ġudizzjarju, il-Bulgarija)] għandu joħloq postijiet korrispondenti f’awtorità oħra tal-istess grad tal-poter ġudizzjarju, jekk possibbli fl-istess diviżjoni tal-appell, u jassenja lill-istess, mingħajr kompetizzjoni, l-imħallfin, l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku u l-imħallfin responsabbli għall-investigazzjonijiet preliminari”.

2.      ZIDZZSV

7.        Skont id-dispożizzjoni tranżitorja 43:

“Sa mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi ser jitneħħew il-QKS, l-Apelativen spetsializiran nakazatelen sad [(il-Qorti tal-Appell Kriminali Speċjalizzata)], l-iSpetsializirana prokuratura [(l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Speċjalizzat)] u l-Apelativna spetsializirana prokuratura [(l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Appell Speċjalizzat)]”.

8.        Id-dispożizzjoni tranżitorja 44 tindika:

“(1)      L-imħallfin tal-QKS […] għandhom jiġu assenjati mill-ġdid taħt il-kundizzjonijiet u skont il-proċedura previsti fl-Artikolu 194(1).

(2)      F’terminu ta’ erbatax-il jum mill-adozzjoni ta’ din il-liġi, il-persuni li għalihom jirreferi l-paragrafu 1 jistgħu jippreżentaw ittra quddiem il-Kulleġġ ta’ Mħallfin tal-Kunsill Suprem tal-Poter Ġudizzjarju fejn jikkonstataw li jixtiequ jiġi reintegrati fil-pożizzjoni ġudizzjarja li kienu jokkupaw qabel l-assenjazzjoni tagħhom lill-QKS […].

(3)      F’terminu ta’ tletin jum sa mill-iskadenza tat-terminu tal-paragrafu 2, il-Kulleġġ ta’ Mħallfin tal-Kunsill Suprem tal-Poter Ġudizzjarju għandu jadotta deċiżjoni dwar il-ħolqien ta’ pożizzjonijiet ġudizzjarji fil-qrati, korrispondenti għal dawk li tneħħew fil-QKS […] filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-ammont ta’ xogħol tal-qorti rispettiva. [(6)]

(4)      Wara l-iskadenza tat-terminu previst fil-paragrafu 3, il-Kulleġġ ta’ Mħallfin tal-Kunsill Suprem tal-Poter Ġudizzjarju għandu jassenja mill-ġdid lill-imħallfin sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.

(5)      Id-deċiżjonijiet tal-Kulleġġ ta’ Mħallfin tal-Kunsill Suprem tal-Poter Ġudizzjarju li għalihom jirreferi l-paragrafu 4 għandhom ikunu immedjatament eżegwibbli”.

9.        Id-dispożizzjoni tranżitorja 49 tindika:

“Il-kawżi kriminali tal-ewwel istanza quddiem il-QKS li fihom tkun għadha ma nżammet ebda seduta qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi għandhom jintbagħtu lill-qrati kompetenti fi żmien sebat ijiem mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi”.

10.      Id-dispożizzjoni tranżitorja 50 taqra:

“(1)      Sa mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, il-kawżi kriminali tal-ewwel istanza quddiem il-[QKS] li fihom kienet inżammet seduta għandhom jaqgħu taħt il-kompetenza tal-[QBS] u l-eżami tagħhom ikompli mill-kulleġġ ġudikanti li żamm is-seduta.

(2)      L-imħallfin tal-kulleġġi ġudikanti li ma jkunux ġew assenjati mill-ġdid lill-[QBS] għandhom jiġu kkummissjonati sabiex jipparteċipaw fl-eżami tal-kawżi sat-tmiem tal-proċeduri.

(3)      L-imħallfin tal-kulleġġ ġudikanti li eżaminaw il-kawżi kriminali tal-ewwel istanza li fihom tkun ingħatat sentenza għandhom jiġu kkummissjonati sabiex jimmotivawha jekk ma jkunux ġew assenjati mill-ġdid lill-[QBS].

[…]”

11.      Id-dispożizzjoni tranżitorja 59(1) teħtieġ:

“Il-[QBS] għandha tkun is-suċċessur tal-attiv, tal-passiv, tad-drittijiet u tal-obbligi tal-[QKS]”.

12.      Skont id-dispożizzjoni tranżitorja 67:

“Il-liġi ser tidħol fis-seħħ tliet xhur wara l-adozzjoni tagħha fil-[Ġurnal Uffiċjali], bl-eċċezzjoni tal-paragrafi 1, 2, 5, 6, 18, 28, 32, 34, 44, 45, 57 u 58, li ser jidħlu fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni”.

3.      InNakazatelno protsesualen kodeks (7)

13.      L-Artikolu 30(2) jipprevedi:

“Ma jistax jipparteċipa f’kulleġġ ġudikanti l-imħallef jew il-ġurija li, minħabba ċirkustanzi oħra, jista’ jiġi kkunsidrat parzjali jew b’interess dirett jew indirett fir-riżoluzzjoni tat-tilwima”.

14.      L-Artikolu 31 jgħid:

“(1)      Fil-każijiet previsti fl-Artikoli 29 u 30, l-imħallfin, il-ġurija u s-segretarju għandhom jastjenu.

(2)      Il-partijiet jistgħu jitolbu r-rikuża sakemm jibda l-proċess, sakemm ir-raġunijiet sabiex jagħmlu dan ma jkunux dehru jew saru magħrufa iktar tard.

(3)      It-talbiet għal rikuża għandhom ikunu motivati.

(4)      Il-qorti għandha tiddeċiedi immedjatament fuq il-mertu tal-astensjonijiet u tat-talbiet għal rikuża permezz ta’ deliberazzjoni sigrieta bil-parteċipazzjoni tal-membri kollha tal-kulleġġ”.

II.    Ilfatti, ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

15.      Quddiem il-QKS kienet għaddejja proċedura kriminali, mibdija fl‑2018, kontra diversi persuni akkużati b’assoċjazzjoni illegali għat-twettiq ta’ reati ta’ estorsjoni.

16.      Wara li nfetħet il-proċedura orali kontra l-akkużati, inżammu tnax-il seduta pubblika u oħrajn ġew sospiżi għal diversi raġunijiet proċedurali, matul is-snin 2020, 2021 u 2022 (8).

17.      Il-partijiet, fl-ebda mument tal-proċedura kriminali, ma talbu r-rikuża tal-kulleġġ ġudikanti tal-QKS li kellu konjizzjoni tal-kawża (li kien, il-President tal-Awla u tal-ġurija).

18.      Waqt li din il-proċedura kienet għadha pendenti, bdew id-diskussjonijiet pubbliċi dwar l-abbozz taż-ZIDZZSV, li kien jipprevedi t-tneħħija tal-QKS.

19.      Fil-kuntest ta’ dawn id-diskussjonijiet, fil‑25 ta’ Frar 2022 issejħet laqgħa tal-Grazhdanski savet kam Vissh ia sadeben savet (il-Kunsill taċ-Ċittadini tal-Kunsill Suprem tal-Poter Ġudizzjarju, il-Bulgarija) li fiha pparteċipaw, b’mod partikolari, il-President tal-Awla tar-rinviju u avukat li kien qiegħed jiddefendi wieħed mill-akkużati (li intervjena bħala rappreżentant ta’ organizzazzjoni mhux governattiva).

20.      F’dawn is-seduti:

–      L-avukat appoġġja x-xoljiment tal-QKS u esprima l-appoġġ tiegħu għall-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi.

–      Il-President tal-Awla tal-QKS wera li ma jaqbilx mat-tneħħija ta’ dik il-qorti. Kif juri huwa stess fid-digriet tar-rinviju, huwa kien esprima diversi drabi pubblikament l-opinjoni tiegħu li “it-tneħħija [tal-QKS], bil-mod li kienet seħħet u għar-raġunijiet mogħtija, tirriżulta kuntrarja għall-prinċipju tal-Istat tad-dritt, tippreġudika l-indipendenza ta’ din l-awtorità ġudizzjarja u s-separazzjoni tal-poteri u tikkostitwixxi forma ta’ pressjoni għaż-żewġ poteri l-oħra” (9).

21.      Ladarba ġiet approvata ż-ZIDZZSV, il-kulleġġ ġudikanti li quddiemu kienet inżammet seduta fil-QKS, u li issa jifforma parti mill-QBS, għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 2 TUE u 6(1) u (3) TUE, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-“Karta”)], għandhom jiġu interpretat fis-sens li jkun hemm preġudizzju għall-indipendenza ta’ qorti, li tkun tneħħiet permezz ta’ emenda adottata fiż-[ZZSV] ([…] filwaqt li l-qorti ġiet xolta fis‑27 ta’ Lulju 2022) iżda li l-imħallfin sedenti fiha għandhom ikomplu jeżaminaw sa dik id-data l-kawżi li jkunu ġew assenjati lilhom, kif ukoll, wara din id-data, il-kawżi ta’ din l-istess istituzzjoni, li fihom ikunu żammew seduti preliminari, sa fejn bit-tneħħija tagħha jiġu ggarantiti l-prinċipju kostituzzjonali ta’ indipendenza tal-poter ġudizzjarju u l-protezzjoni tad-drittijiet kostituzzjonali taċ-ċittadini, mingħajr ma ġew debitament esposti argumenti dwar il-fatti li jwasslu għall-konklużjoni li kien hemm ksur ta’ dawn il-prinċipji?

2)      Dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk previsti [fiż-ZZSV] […], li jwasslu għat-tneħħija kompleta bħala awtorità awtonoma tal-poter ġudizzjarju Bulgaru [il-QKS], għar-raġunijiet indikati, u għall-assenjazzjoni mill-ġdid tal-imħallfin (inklużi dawk tal-kulleġġ ġudikanti li qiegħed jeżamina din il-kawża) ta’ din il-qorti lejn diversi qrati, iżda li jobbligaw lil dawn l-imħallfin ikomplu jisimgħu l-kawżi li kienu bdew jittrattaw meta ġiet xolta l-qorti?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, u fid-dawl tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, liema għandhom ikunu l-atti proċedurali tal-membri tal-ġudikatura tal-qrati li tneħħew fil-kawżi tal-qorti li tneħħiet (li l-liġi tobbligahom iwettqu), fid-dawl ukoll tal-obbligu tagħhom li jevalwaw ir-raġunijiet għal rikuża f’dawn il-kawżi? Liema huma l-konsegwenzi għad-deċiżjonijiet fil-mertu mogħtija fil-kawżi pendenti quddiem il-qorti li tneħħiet li l-eżami tagħhom għandu jitwaqqaf u għall-atti li jagħlqu dawn il-kawżi?”

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

22.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Ottubru 2022.

23.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni Ewropea.

24.      Ma kienx meqjus essenzjali li tinżamm seduta pubblika.

IV.    Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

25.      F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari hemm ċerti ċirkustanzi li għandhom jissemmew:

–      Ir-rinviju joriġina minn kulleġġ ġudikanti integrat formalment fil-QBS, li ser ikollu jsolvi kawża kriminali li sal-lum kienet qiegħda tinstema’ quddiem qorti distinta (il-QKS). Kif diġà spjegajt, sa mid-dħul fis-seħħ tal-liġi l-ġdida fis‑26 ta’ April 2022, il-QBS issostitwixxiet lill-QKS (10).

–      Id-domandi preliminari huma mibgħuta mill-kulleġġ ġudikanti li issa għandu kompetenza (tal-QBS) li l-membri tiegħu kienu żammew seduta meta kienu jifformaw parti mill-QKS. Għalhekk, fir-rigward speċifiku ta’ din il-kawża, il-kompożizzjoni personali tal-kulleġġ ġudikanti ma nbidlitx (11).

–      L-interpretazzjoni mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha xejn x’taqsam mal-aġir kriminali inkwistjoni fil-proċedura kriminali, u lanqas mal-indipendenza jew l-imparzjalità, bħala tali, tal-kulleġġ ġudikanti speċifiku li għandu jiddeċiedi dwar l-akkużati. La dawn tal-aħħar u lanqas l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Bulgaru ma dehru fil-proċedura preliminari u, skont l-informazzjoni pprovduta, ħadd ma kkontesta, b’mod konkret, l-indipendenza jew l-imparzjalità ta’ dak il-kulleġġ ġudikanti.

–      Għall-kuntrarju, ir-rinviju, jistaqsi sempliċement jekk it-tneħħija tal-QKS hijiex inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, għax tippreġudika l-indipendenza tal-QKS stess.

26.      Fir-realtà, id-digriet tar-rinviju jikkonċentra fuq il-kritika tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja li, fis-sena 2022, għamel il-leġiżlatur Bulgaru permezz taż-ZIDZZSV. Fid-digriet tar-rinviju huwa sostnut li r-raġunijiet mogħtija għat-tneħħija tal-QKS ma humiex sostnuti minn fatti li jiġġustifikaw din il-ħtieġa.

27.      L-ewwel żewġ domandi preliminari jistaqsu direttament jekk it-tneħħija tal-QKS u t-trasferiment sussegwenti tal-kompetenza tagħha lil qrati oħra humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. It-tielet tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-atti proċedurali li għandhom isegwu l-imħallfin tal-qorti mneħħija jekk l-ewwel żewġ domandi jingħataw risposta affermattiva.

28.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex sorprendenti li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Pollakk, l-uniċi partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għamlu oġġezzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Dawn ser jiġu indirizzati iktar ’l isfel.

B.      Ammissibbiltà

1.      Oġġezzjonijiet talGvern Pollakk u talKummissjoni (filqosor)

29.      Skont il-Gvern Pollakk:

–      Ir-risposta għad-domandi preliminari ma hijiex neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, sa fejn ma huwiex involut id-dritt tal-Unjoni. Din it-tilwima ma tippreżenta ebda rabta ta’ konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni, li jeskludi l-applikabbiltà tal-Karta.

–      It-tneħħija ta’ qrati nazzjonali hija kwistjoni purament interna, li ma taqax fl-ambitu tal-kompetenzi tal-Unjoni.

30.      Fl-opinjoni tal-Kummissjoni:

–      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi biss jekk hija tikkonformax mal-prinċipju ta’ imparzjalità oġġettiva. Però, ladarba din l-istess qorti ma sabitx raġunijiet suġġettivi sabiex tastjeni, u l-partijiet tal-kawża a quo lanqas ikkontestaw l-indipendenza tagħha jew iddubitaw l-imparzjalità tagħha billi talbu r-rikuża tal-membri tagħha, id-dubji li hija tqajjem huma purament ipotetiċi.

–      Ir-raġunijiet li wasslu lil-leġiżlatur Bulgaru jadotta ż-ZIDZZSV jirrigwardaw il-ħtieġa li jsir tibdil strutturali fil-qrati kriminali speċjalizzati, li l-qorti tar-rinviju (il-QBS) ma tifformax parti minnhom. Għalhekk, id-domandi magħmula huma irrilevanti għar-riżoluzzjoni tat-tilwima.

2.      Evalwazzjoni

31.      Mill-oġġezzjonijiet invokati, tista’ tiġi eskluża, qabelxejn, dik li jinvoka l-Gvern Pollakk rigward in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (jew tal-Unjoni Ewropea, b’mod ġenerali) li tiddeċiedi dwar l-istruttura tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri.

32.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tat tweġiba, f’diversi okkażjonijiet, għal dan l-argument, repetut mill-Gvern Pollakk f’kawżi ftit jew wisq simili għal din. F’sentenzi suċċessivi hija enfasizzat li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, dawn xorta waħda huma obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, li josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni (12). Billi tirrikjedi li l-Istati Membri jikkonformaw ma’ dawn l-obbligi (inkwistjoni f’dan il-każ, l-osservanza tal-indipendenza tal-qrati), l-Unjoni bl-ebda mod ma titlob li hija stess teżerċita din il-kompetenza (13).

33.      Il-kontinwità ta’ din il-ġurisprudenza hija magħrufa sew. Sabiex nikkwota biss sentenza reċenti waħda tal-Qorti tal-Ġustizzja (14), fiha ġie ddikjarat li, minkejja li t-tqassim jew l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-kompetenzi ġudizzjarji fi ħdan Stat Membru jaqa’, bħala prinċipju, taħt il-libertà tal-Istati Membri ggarantita fl-Artikolu 4(2) TUE, dan huwa biss bla ħsara għall-fatt li tali tqassim jew organizzazzjoni mill-ġdid ma jippreġudikax l-osservanza tal-valur tal-Istat tad-dritt, stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, u r-rekwiżiti li joħorġu mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, fosthom dawk dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati.

34.      Hija iktar rilevanti l-oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li l-kawża prinċipali ma tippreżentax konnessjoni suffiċjenti mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet huma l-Artikolu 2 TUE, l-Artikolu 6(1) u (3) TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

35.      Madankollu, minn dawn id-dispożizzjonijiet, nikkunsidra li huwa biss it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li jista’ jkun rilevanti sabiex tingħata tweġiba għat-talba għal deċiżjoni preliminari, peress li:

–      Kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-applikabbiltà tal-Artikolu 2 TUE tirriżulta, b’mod indirett, fid-dawl tal-fatt li l-valur tal-Istat tad-dritt, stabbilit f’dik id-dispożizzjoni, huwa kkonkretizzat fl-Artikolu 19 TUE (15). Għalhekk, imbagħad, huwa dan u mhux dak li jista’ jkollu effett fuq dan il-każ.

–      L-Artikolu 6 TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta ma humiex, bħala prinċipju, rilevanti, peress li fil-kawża kriminali li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju ma japplikax id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (16).

36.      F’każ bil-karatteristiċi tal-kawża inkwistjoni, il-limitazzjoni tad-dibattitu għall-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tfisser li s-soluzzjoni tiegħu tista’ tiġi indirizzata minn perspettiva iktar stretta jew anki minn qari iktar wiesa’ ta’ din id-dispożizzjoni.

37.      L-ewwel perspettiva hija dik li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat sabiex tiddikjara inammissibbli żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari li kellhom ċerti aspetti komuni ma’ dak inkwistjoni (17). Imbagħad, fil-motivazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà, is-sentenza tikkunsidra li t-talba tal-ħarsien tal-indipendenza tal-imħallfin, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, ma tistax tevita l-konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni (18).

38.      Din il-ġurisprudenza tista’ tinġabar fil-qosor billi jiġi ddikjarat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (sa fejn dan jistabbilixxi l-indipendenza bħala kundizzjoni sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni) b’mod li jibdel il-mekkaniżmu tal-Artikolu 267 TFUE f’tip ta’ rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (19).

39.      Konsegwentement, jekk qorti nazzjonali tindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titlob l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, id-digriet tar-rinviju għandu juri li teżisti rabta bejn dan l-artikolu tat-TUE u l-kawża prinċipali. L-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE teħtieġ din ir-rabta, b’tali mod li s-sitwazzjoni suġġett tat-tilwima quddiem il-qorti nazzjonali taqa’ fl-ambitu tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (20).

40.      Madankollu, fil-kuntest ta’ din il-perspettiva stretta ħafna, irrid infakkar li r-rabta ta’ konnessjoni tista’ tirriżulta meta, minkejja li għall-mertu tat-tilwima li għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali ma japplikawx regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni, dik il-qorti teħtieġ l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni li “[tippermettilha tiddeċiedi] kwistjonijiet proċedurali tad-dritt nazzjonali qabel ma [tkun tista’ tiddeċiedi] fuq il-mertu tal-kawżi mressqa [quddiemha]” (21).

41.      Madankollu, huwa osservat ċertu żvilupp fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sal-punt li jiġu aċċettati talbiet għal deċiżjoni preliminari għall-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li fl-oriġini tagħhom (fit-tilwima quddiem il-qorti a quo) ma tapplikax dispożizzjoni oħra speċifika tad-dritt tal-Unjoni, u li fihom, effettivament, is-sitwazzjoni legali inkwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali hija nieqsa minn elementi, sostantivi jew proċedurali, li jorbtuha mad-dritt tal-Unjoni.

42.      Dan l-iżvilupp ippermetta lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li fihom il-qrati tar-rinviju, billi invokaw it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, marru lil hinn mit-tilwima konkreta li dwarha kellhom jiddeċiedu u għamlu domandi dwar dispożizzjonijiet ġenerali li jirrigwardaw l-organizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom, li huma stess qiesu li jippreġudikaw l-indipendenza tal-imħallfin (22).

43.      F’din il-linja ġurisprudenzjali tiġi nnotata l-ammissjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li għamlet qorti Pollakka (matul diversi proċeduri kriminali), sabiex titlob l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza li kellha tintervjeni f’dawk il-proċeduri (23).

44.      Ma naħsibx li huwa neċessarju f’dan l-istadju li jiġu indirizzati l-problemi delikati li tqajjem din il-ġurisprudenza, peress li f’dan il-każ għandna fattur singulari, li l-preżenza tiegħu tiddetermina li r-riforma tas-sistema ġudizzjarja Bulgara għandha tissodisfa ċerti rekwiżiti espliċitament riflessi f’deċiżjoni li tifforma parti mid-dritt tal-Unjoni.

45.      Fil-fatt, din ir-riforma (li minnha tifforma parti ż-ZIDZZSV, inkwistjoni f’dan ir-rinviju) tista’ u għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-adegwatezza tagħha fir-rigward tal-istandard ta’ indipendenza tal-imħallfin li għalih jirreferu l-“punti ta’ riferiment” irrikonoxxuti fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/929, li permezz tagħha huwa stabbilit mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u verifika tal-progress fil-Bulgarija fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja (24).

46.      Bl-istess mod, qorti Bulgara għandha l-fakultà li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi tagħha dwar il-kompatibbiltà ta’ liġi nazzjonali (li tirregola s-sitwazzjoni tagħha fi ħdan l-istruttura ġudizzjarja ta’ dan l-Istat Membru) mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, anki dawk li jirreferu għall-indipendenza tal-qorti kriminali li għandha tiddeċiedi dwar il-kawża prinċipali.

47.      Konsegwentement, ma jistax jitqies li t-talba għal deċiżjoni preliminari li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja hija nieqsa minn konnessjoni suffiċjenti mad-dritt tal-Unjoni (25).

48.      Madankollu, irrid infakkar, li meta tirrispondi għal talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddikjarax direttament, hija stess, in-nuqqas ta’ konformità ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, iżda tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li hija tqis opportuni (26).

49.      Il-bqija tal-oġġezzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistgħu jiġu ssuperati jekk jiġi nnotat li jirrigwardaw, pjuttost, il-mertu tad-domandi magħmula:

–      Il-fatt li l-membri tal-qorti tar-rinviju ma astjenewx fil-proċedura a quo, u l-partijiet lanqas talbu r-rikuża tagħhom, jista’ jkun determinanti fl-evalwazzjoni tal-indipendenza u tal-imparzjalità f’din il-proċedura, sa fejn jikkonċerna l-mertu tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

–      Tirrigwarda wkoll l-eżami tal-mertu, u mhux il-fażi ta’ ammissibbiltà tar-rinviju, l-analiżi tar-raġunijiet li wasslu lil-leġiżlatur Bulgaru jadotta r-riforma tal-qrati kriminali speċjalizzati, kif ukoll l-effett tat-tneħħija tal-QKS fuq l-idonjetà tal-membri tagħha sabiex ikomplu bil-konjizzjoni tal-proċedura kriminali, mill-QBS.

50.      Fil-qosor, inqis li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa ammissibbli.

C.      Lewwel domanda preliminari

51.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-emenda introdotta miż-ZIDZZSV, sa fejn tneħħi qorti partikolari (il-QKS), “[tippreġudikax] l-indipendenza ta’ [din il-]qorti”. Sabiex issolvi d-dubji tagħha, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk din ir-riforma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 2 TUE, mal-Artikolu 6(1) u (3) u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

52.      Kif diġà esponejt, minn dawn id-dispożizzjonijiet tat-TUE u tal-Karta huwa rilevanti biss, għal dak inkwistjoni f’din il-kawża, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, sa fejn minnu jirriżulta r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati nazzjonali

53.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-rekwiżit jinkludi żewġ aspetti:

–      “L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeżiġi li l-istanza kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod kompletament awtonomu, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ta’ ġerarkija jew ta’ subordinazzjoni ma kwalunkwe persuna u mingħajr ma tieħu ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, u li għalhekk tkun protetta kontra interventi jew pressjoni esterni li jkunu jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv il-ġudizzju indipendenti tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom” (27).

–      “It-tieni aspett, ta’ natura interna, huwa marbut mal-kunċett ta’ imparzjalità u huwa intiż li jiżgura distanza ugwali fil-konfront tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fid-dawl tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett tal-aħħar jeżiġi li l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fl-eżitu tat-tilwima għajr l-applikazzjoni stretta tar-regola tad-dritt” (28).

54.      Issa, la l-qorti tar-rinviju (il-QBS) u lanqas il-partijiet fil-proċeduri kriminali ma ċaħdu li din il-qorti “teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod kompletament awtonomu, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ta’ ġerarkija jew ta’ subordinazzjoni ma kwalunkwe persuna u mingħajr ma tieħu ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors”.

55.      Lanqas ma ġiet ikkontestata, fil-proċedura prinċipali, l-imparzjalità suġġettiva ta’ dawk li llum jifformaw il-QBS u li qabel kienu jifformaw parti mill-QKS. Il-membri tal-qorti tar-rinviju lanqas ma sabu raġunijiet sabiex jastjenu, u lanqas jikkonstataw li l-akkużati jew il-Prosekutur Pubbliku ippromwovew, qabel jew issa, ir-rikuża tal-maġistrati tal-QKS li permezz tar-riforma qegħdin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fil-QBS.

56.      Mill-preċedenti jista’ jiġi dedott li ma hemmx raġunijiet li jwasslu għal dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-qorti tar-rinviju.

57.      Madankollu, wieħed jista’ jistaqsi jekk, minkejja li l-membri ta’ qorti kulleġġjali ma jħossuhomx (suġġettivament) imxekkla fl-indipendenza tagħhom, u għalhekk ma talbux ir-rikuża u lanqas astjenew fi proċedura partikolari, il-kuntest legali li fih huma msejħa jiddeċiedu joffrix elementi li jippermettu li tiġi dedotta (oġġettivament) l-eżistenza ta’ dan it-tfixkil (29).

58.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat, qabelxejn, li l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-arkitettura ġudizzjarja ta’ Stat Membru tista’ timplika, loġikament, it-tneħħija ta’ korpi li sa dakinhar kienu eżistenti jew l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kompetenzi tagħhom, mingħajr ma dawn il-miżuri jippreżupponu, fihom infushom, attakki fuq l-indipendenza tal-imħallfin.

59.      F’din l-istess linja, il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri (li għalih jirreferi d-digriet tar-rinviju) ma jipprekludix li l-leġiżlatur japprova, fil-limiti kostituzzjonali, il-leġiżlazzjonijiet li f’dak il-mument iqis iktar xierqa dwar l-istruttura ġudizzjarja. Qrati li l-eżistenza tagħhom kienet iġġustifikata f’mument partikolari jistgħu jitneħħew f’ieħor, mingħajr ma dan jimplika, nirrepeti, ksur tal-indipendenza tal-imħallfin (30).

60.      F’dan l-istadju, jista’ jiġi dedott li l-ewwel domanda preliminari ma tirrigwardax, fir-realtà, l-indipendenza tal-imħallfin (u ġurija) li effettivament għandhom isolvu l-proċedura kriminali, u lanqas il-grad ta’ indipendenza tal-QBS fiha nnifisha, iżda esklużivament l-eventwali attakk li t-tneħħija tal-QKS jista’ jkollha fuq “l-indipendenza ta’ qorti [il-QKS]” (31), fid-dawl tar-raġunijiet determinanti tar-riforma leġiżlattiva.

61.      Fid-digriet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tesponi r-raġunijiet li l-leġiżlatur Bulgaru qajjem sabiex jiddefendi din it-tneħħija, fosthom dawk li jirrigwardaw l-indipendenza tal-qrati (32). Raġunijiet li, fil-fehma tagħha, huma infondati, peress li r-riforma inkwistjoni mhux talli ma tippreżervax l-indipendenza tal-imħallfin, iżda tikkostitwixxi hija stess attakk kontra dan il-prinċipju (33).

62.      L-analiżi ta’ dan l-approċċ ma tistax issir mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni, preliminarjament, liema hija l-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE:

–      Minn naħa, diġà fakkart li, f’dan it-tip ta’ proċeduri, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddeċiedi direttament, hija stess, dwar in-nuqqas ta’ konformità ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, iżda għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li tqis opportuni.

–      Min-naħa l-oħra, u b’segwitu għall-preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tintalab għal deċiżjoni dwar ir-riforma leġiżlattiva inkwistjoni in toto, peress li l-funzjoni tagħha hija limitata sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju evalwazzjonijiet dwar l-effett tad-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tal-effetti li din ir-riforma setgħet tipproduċi, b’mod konkret, fuq l-istatus tal-qorti li għandha tiddeċiedi l-proċedura kriminali.

63.      Abbażi ta’ dawn il-premessi, naqbel mal-Kummissjoni li l-organizzazzjoni mill-ġdid ta’ sistema ġudizzjarja intiża għall-garanzija ikbar tal-indipendenza tal-qrati ma tistax tiġi prekluża, u lanqas timplika, fiha nnifisha, tnaqqis tal-indipendenza tal-qrati nazzjonali.

64.      F’din l-ordni ta’ ideat, huwa leġittimu wkoll li l-leġiżlatur nazzjonali jagħżel sistema ġudizzjarja kriminali bi qrati tad-dritt ordinarju li għandhom kompetenza jiddeċiedu dwar kull tip ta’ reati, kif ukoll sistema li tqiegħed f’qorti partikolari speċjalizzata l-kompetenza li tieħu konjizzjoni ta’ aġir kriminali speċifiku, partikolarment gravi. Dawn il-mudelli t-tnejn huma preżenti fi Stati Membri differenti li, nirrepeti, huma liberi li jaċċettaw kwalunkwe wieħed minnhom u li jemendawh.

65.      Il-leġiżlatur Bulgaru ġġustifika r-riforma tal‑2022 bħala espressjoni tal-volontà tiegħu li jorganizza mill-ġdid is-sistema ġudizzjarja nazzjonali għall-effikaċja ikbar tal-korpi tagħha (34) u għall-garanzija ikbar tal-indipendenza tagħha. Jekk inhu hekk, jista’ jiġi aċċettat li din saret għal “raġunijiet leġittimi marbuta b’mod partikolari ma’ tqassim tar-riżorsi disponibbli li jippermettu li tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja” (35).

66.      Il-Kummissjoni stess tirreferi ġustament, għal dawn ir-raġunijiet fir-rapport tagħha dwar is-sitwazzjoni tal-Istat tad-dritt fil-Bulgarija rigward is-sena 2022 (36) mingħajr ma tikkontestahom.

67.      Ċertament il-qorti tar-rinviju tiċħad (u tagħmel dan b’mod vigoruż) li l-motivazzjoni taż-ZIDZZSV twieġeb għal fatti realment ikkonstatati. Id-digriet tar-rinviju tat-talba għal deċiżjoni preliminari jiddedika l-parti l-kbira tal-espożizzjoni tiegħu għar-repetizzjoni tal-kritika li, matul l-approvazzjoni tal-abbozz tal-liġi tar-riforma ġudizzjarja, diversi mħallfin tkellmu kontra l-miżuri l-ġodda, fosthom dak li ffirma t-talba għal deċiżjoni preliminari.

68.      Nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tidħol fil-kwistjoni mqajma f’dan ir-rigward matul il-proċedura leġiżlattiva. Lanqas ma tista’ tkun l-eku ta’ ġudizzju ta’ intenzjonijiet li jirrigwarda l-allegati intenzjonijiet reali tal-poter leġiżlattiv, apparti dawk li dan tal-aħħar jiddeskrivi fl-espożizzjoni tal-motivi tal-liġi approvata.

69.      Huwa suffiċjenti li jingħad, bħala gwida, li huma x’inhuma l-argumenti li ispirawha (37), miż-ZIDZZSV ma jistax jiġi dedott li kull wieħed mill-membri tal-qorti mneħħija kellu nuqqas ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità. Inkella, ma jkunx jagħmel sens li l-imħallfin li kienu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fil-QKS ġew assenjati, wara x-xoljiment tagħha, lil qrati oħra (38), u fuq kollox, li setgħu jiffinalizzaw il-proċeduri kriminali li kellhom konjizzjoni tagħhom fi ħdan il-QKS.

70.      Jekk dan huwa l-każ fir-rigward tal-indipendenza tal-imħallfin li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fil-QKS, dan ser ikun ukoll a fortiori, għal dak li jirrigwarda l-qorti tad-dritt ordinarju (il-QBS) li ssostitwixxietha. Nirrepeti li fid-deċiżjoni tar-rinviju xejn ma jagħti indikazzjoni minima ta’ xi nuqqasijiet eventwali ta’ din il-qorti (il-QBS) fir-rigward tal-garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità tal-membri tagħha.

71.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nissuġġerixxi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun fis-sens li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jipprekludix ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja ta’ Stat Membru li permezz tagħha titneħħa qorti kriminali speċjalizzata, billi tittrasferixxi l-kompetenza tagħha lil qorti oħra tad-dritt ordinarju, filwaqt li tipprovdi li l-eżami tal-kawżi kriminali ttrattati fil-qorti mneħħija li fihom kienet inżammet seduta għandu jkompli mill-kulleġġ ġudikanti li kellu kompetenza fihom sal-lum.

D.      Ittieni domanda preliminari

72.      Sa fejn ma hijiex repetizzjoni tal-ewwel domanda, permezz ta’ din id-domanda preliminari l-qorti tar-rinviju tesponi d-dubji tagħha dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni (39) ta’ waħda mill-konsegwenzi immedjati tar-riforma ġudizzjarja Bulgara: l-“assenjazzjoni mill-ġdid tal-imħallfin (inklużi dawk tal-kulleġġ ġudikanti li qiegħed jeżamina din il-kawża) ta’ din il-qorti [il-QKS] lejn diversi qrati, iżda li jobbligaw lil dawn l-imħallfin ikomplu jisimgħu l-kawżi li kienu bdew jittrattaw meta ġiet xolta l-qorti”.

73.      Fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-assenjazzjonijiet mill-ġdid ta’ mħallef lil qorti oħra mingħajr il-kunsens tiegħu “jistgħu jikkostitwixxu mezz sabiex jiġi eżerċitat kontroll fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji peress li dawn jistgħu mhux biss jaffettwaw il-portata tas-setgħat tal-maġistrati kkonċernati u l-ipproċessar tal-fajls fdati lilhom, iżda wkoll ikollhom konsegwenzi sinjifikattivi fuq il-ħajja u l-karriera tagħhom u, għalhekk, ikollhom effetti analogi għal dawk ta’ sanzjoni dixxiplinari” (40).

74.      Il-prinċipju ta’ irremovabbiltà ġudizzjarja ma huwiex, madankollu, assolut, u “jista’ jiġi suġġett għal eċċezzjonijiet sakemm ikun hemm raġunijiet leġittimi u imperattivi li jiġġustifikawh, u dan fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità” (41).

75.      F’din il-kawża għandu jiġi nnotat li l-assenjazzjoni mill-ġdid għall-QBS tal-membri tal-kulleġġ ġudikanti li, fil-QKS, diġà kienu żammew is-seduta, ma kellha ebda effett fuq l-iżvolġiment tal-proċedura kriminali speċifika li kienet għadha pendenti: il-kawżi li fihom (bħal f’dan il-każ) il-membri tal-QKS kienu żammew seduta, huma jkomplu bil-konjizzjoni tagħhom fil-QBS, fejn għandhom ukoll jiddeċiduhom.

76.      Għalhekk, jidher li l-garanzija ta’ irremovabbiltà ġudizzjarja għall-konjizzjoni ta’ kawża kienet osservata miż-ZIDZZSV li tipprovdi xorta ta’ perpetuatio jurisdictionis (42) favur dawk li kellhom kompetenza sabiex jiddeċiedu proċedura kriminali. Għalhekk, ma kienx hemm tneħħija ta’ mħallfin li pprekludiethom milli jkomplu jisimgħu kawża kriminali li fiha kienu diġà intervjenew, billi żammew seduta pubblika waħda jew iktar.

77.      Dan il-fatt jirrendi mhux neċessarju li wieħed jidħol f’kunsiderazzjonijiet astratti bi tfittxija għan-natura kkonsentita jew forzata tal-assenjazzjonijiet mill-ġdid, b’mod ġenerali, tal-imħallfin Bulgari li kienu jservu fil-QKS u li issa jservu fil-QBS u fi qrati oħra.

78.      Fi kwalunkwe każ, il-proċess ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-imħallfin fil-pożizzjonijiet ġodda tagħhom permezz tad-dħul fis-seħħ taż-ZIDZZSV jidher li huwa s-suġġett ta’ garanziji ta’ oġġettività (43), mingħajr ma t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda speċifikament dan il-punt. Il-kriterji li jirregolaw din l-assenjazzjoni mill-ġdid huma bbażati, b’mod ġenerali, fuq dawk riflessi fil-leġiżlazzjoni preċedenti applikabbli għall-Poter Ġudizzjarju (44) u ma hemm ebda suspett ta’ arbitrarjetà fihom. B’mod partikolari, xejn ma jindika li l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-qorti mneħħija lil qrati tal-istess grad għandha natura analoga għal dik ta’ sanzjoni dixxiplinari.

79.      Dan il-każ jirrigwarda kulleġġ ġudikanti, inizjalment parti minn qorti (il-QKS) li sar parti minn qorti oħra (il-QBS) li l-indipendenza tiegħu ma hijiex inkwistjoni. Barra minn hekk, dan il-kulleġġ ġudikanti ġab miegħu f’din it-tieni qorti l-proċedura li kellu konjizzjoni tagħha fl-ewwel qorti, proċedura li minnha toriġina t-talba għal deċiżjoni preliminari.

80.      F’dan il-kuntest, huwa mill-ġdid diffiċli li jiġi kkonstatat xi ksur tal-indipendenza tal-qorti tar-rinviju, minħabba l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-kulleġġ ġudikanti għall-QBS, bħala effett tal-organizzazzjoni mill-ġdid tas-sistema ġudizzjarja kriminali Bulgara.

E.      Ittielet domanda preliminari

81.      Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar liema atti proċedurali, fil-każ li tiġi kkonstatata l-inkompatibbiltà tar-riforma inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni, għandhom jieħdu l-imħallfin tal-qorti mneħħija (il-QKS) fil-kawżi li kellhom konjizzjoni tagħhom qabel it-tneħħija tagħha.

82.      Kif inhi fformulata, ma huwiex ser ikun neċessarju li tingħata risposta għal din id-domanda jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, fir-rigward tal-ewwel żewġ domandi, li ma hemmx raġunijiet fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari sabiex tiġi stabbilita l-inkompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali, bħaż-ZIDZZSV, mad-dritt tal-Unjoni.

83.      Fi kwalunkwe każ, it-tielet domanda preliminari tirriżulta, fil-fehma tiegħi, infondata. Kif diġà rrepetejt, il-proċedura prinċipali tirrigwarda kawża li bdiet fil-QKS, għaddiet fil-QBS – il-qorti li ressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari – u se tiġi deċiża mill-istess imħallfin li żammew seduta fil-QKS qabel ma tneħħiet.

84.      Konsegwentement, l-imħallfin tal-QKS ma jistgħu jwettqu ebda atti proċedurali bħala mħallfin tal-QKS. Jistgħu jagħmlu dan biss bħala mħallfin tal-QBS, b’mod li t-tielet domanda preliminari għandha tinftiehem li tirreferi għall-atti li għandha tagħmel il-QBS jekk l-ewwel żewġ domandi jingħataw risposta affermattiva, li fil-fehma tiegħi, ma għandux ikun il-każ.

V.      Konklużjoni

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) kif ġej:

“It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Ma jipprekludix ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja ta’ Stat Membru li permezz tagħha tiġi approvata t-tneħħija ta’ qorti kriminali speċjalizzata u t-trasferiment tal-kompetenzi tagħha lil qorti oħra tad-dritt ordinarju, filwaqt li tipprovdi li l-eżami tal-kawżi kriminali ttrattati mill-qorti mneħħija li fihom kienet inżammet seduta għandu jkompli mill-istess kulleġġ ġudikanti li sal-lum kellu kompetenza.

Ma jipprekludix li, fil-kuntest ta’ din ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja, issir l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-imħallfin tal-qorti mneħħija lil qrati oħra tal-istess grad, abbażi ta’ kriterji oġġettivi mingħajr ebda suspett ta’ arbitrarjetà”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Zakon za izmenenie i dopalnanie na Zakona za sadebnata vlast (il-Liġi li Temenda u li Tikkompleta l-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju, iktar ’il quddiem iż-“ZIDZZSV”). Darzhaven vestnik Nru 32 tas‑26 ta’ April 2022.


3      Skont iż-ZIDZZSV, il-QBS hija s-suċċessur tal-QKS fl-attiv, fil-passiv, fid-drittijiet u fl-obbligi tal-korp imneħħi.


4      Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fil-Bulgarija sabiex tindirizza punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata (ĠU 2007, L 142M, p. 827), imħassra bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1785 tal‑15 ta’ Settembru 2023 (ĠU 2023, L 229, p. 91).


5      Il-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju. Darzhaven vestnik Nru 64 tas‑7 ta’ Awwissu 2007 (“ZZSV”).


6      Skont kif ikkonstatat fid-digriet tar-rinviju, dan il-paragrafu kien ikompli b’sentenza li ġiet iddikjarata antikostituzzjonali mis-sentenza Nru 7 tal-Konstitutsionen Sad (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Bulgarija) tal‑14 ta’ Lulju 2022. Il-kontenut ta’ din is-sentenza kien dan li ġej: “Massimu ta’ kwart tal-imħallfin tal-QKS mneħħija […] għandhom ikunu assenjati mill-ġdid lill-istess qorti”.


7      Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.


8      Id-deċiżjoni tar-rinviju telenka fid-dettall is-seduti pubbliċi miżmuma matul il-proċedura, li fihom kien hemm l-okkażjoni li titqajjem l-eventwali parzjalità tal-imħallef. Hija ssemmi, b’mod partikolari, is-seduta preliminari miżmuma fit‑28 ta’ Jannar 2020 u dik li nżammet fit‑2 ta’ Ġunju 2020, li permezz tagħha nfetħet il-proċedura orali. Minn dik id-data sas‑27 ta’ Mejju 2022, inżammu tnax-il seduta pubblika; f’sitta minnhom saru dikjarazzjonijiet ta’ xhieda, filwaqt li fl-oħrajn ma kienx hemm avvanz fil-proċess minħabba diversi persuni li ma dehrux.


9      Paragrafu 3, in fine, tad-digriet tar-rinviju.


10      F’diversi rinviji għal deċiżjoni preliminari magħmula inizjalment mill-QKS, bħal dak magħluq bis-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2023, IP et (Stabbiliment tal-materjalità tal-fatti tal-kawża prinċipali – II) (C‑269/22, EU:C:2023:275), “[p]ermezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Awwissu 2022, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, wara emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2022, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) ġiet xolta u li xi wħud mill-kawżi kriminali mressqa quddiem din il-qorti tal-aħħar, inkluża l-kawża prinċipali, kienu ġew ittrasferiti lilha minn din id-data” (punt 13).


11      Dan huwa ddikjarat fit-tieni domanda preliminari: l-imħallfin tal-qorti mneħħija (il-QKS) għandhom l-obbligu jkomplu jittrattaw fil-qorti li ssostitwitha (il-QBS) il-kawżi li kienu bdew jittrattaw u li kienu pendenti quddiem il-qorti li tneħħiet.


12      Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effetti tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, iktar ’il quddiem is-“sentenza RS”, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema)”, punt 52).


14      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 263).


15      Sentenza RS, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.


16      Sentenza RS, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata: “r-rikonoxximent tad-dritt għal rimedju effettiv, f’każ partikolari, jippreżumi li l-persuna li tibbaża ruħha fuqu tinvoka drittijiet jew libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni […] jew li din il-persuna tkun is-suġġett ta’ proċeduri li jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta”.


17      Fil-Kawżi C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz y Prokurator Generalny (EU:C:2020:234, iktar ’il quddiem is-“sentenza Miasto Łowicz u Prokurator Generalny”) il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE “jipprekludi[x] dispożizzjonijiet li jeqirdu l-garanziji ta’ proċeduri dixxiplinari indipendenti fil-konfront ta’ mħallfin fil-Polonja permezz ta’ influwenza politika fl-iżvolġiment tal-proċeduri dixxiplinari u l-ħolqien ta’ riskju li s-sistema ta’ proċeduri dixxiplinari tintuża għall-kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet tal-qrati”.


18      Sentenza Miasto Łowicz u Prokurator Generalny. Fil-punt 49 tagħha tindika li “[…] l-kawżi prinċipali ma għandhom, fir-rigward tal-mertu, l-ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li huwa s-suġġett tad-domandi preliminari, u li għalhekk il-qrati tar-rinviju ma humiex mitluba japplikaw dan id-dritt, jew l-imsemmija dispożizzjoni, sabiex jistabbilixxu s-soluzzjoni fuq il-mertu li għandha tingħata għall-imsemmija kawżi”.


19      Ibidem, punt 47.


20      Madankollu, dan ma jfissirx li għandu jkun hemm preċiżament l-istess rabta meħtieġa mill-Artikolu 51(1) tal-Karta. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 29).


21      Sentenza Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, punt 51. Korsiv miżjud minni.


22      L-estensjoni tal-kriterju ta’ ammissibbiltà f’dan it-tip ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari jidher, pereżempju, fis-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija tal-immunità u sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ mħallef) (C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562).


23      Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931).


24      F’każijiet ekwivalenti li jirreferu għar-Rumanija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928 [sostanzjalment identika għad-Deċiżjoni 2006/929] għandha tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 2 u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE” (sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2023, Inspecţia Judiciară (C‑817/21, EU:C:2023:391, punt 43), li tikkwota s-sentenza RS, punt 57). Iktar reċenti, fis-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România (C‑216/21, EU:C:2023:628), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tad-Deċiżjoni 2006/928 bi tweġiba għal talba għal deċiżjoni preliminari dwar is-sistema ta’ promozzjoni tal-membri tal-ġudikatura Rumena.


25      Fis-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija tal-immunità u sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ mħallef) (C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 41), jitfakkar, bi kwotazzjoni tas-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 54), li argumenti bħal dawk mressqa mill-Gvern Pollakk “jirrigwardaw, essenzjalment, il-portata u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma s-suġġett tad-domandi preliminari, kif ukoll l-effetti li jistgħu jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, fid-dawl, b’mod partikolari, tas-supremazija marbuta ma’ dan id-dritt. Tali argumenti, li jikkonċernaw il-mertu tad-domandi magħmula, ma jistgħux għalhekk, min-natura tagħhom stess, iwasslu għall-inammissibbiltà tagħhom”.


26      Sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Romaqua Group (C‑510/22, EU:C:2023:694, punt 22): “Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma għandha, meta tagħti deċiżjoni preliminari, tiddeċiedi hija stess dwar l-eventwali inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dawn l-artikoli tat-Trattat FUE, madankollu hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpretahom”.


27      Sentenza RS, punt 41.


28      Loc. ult. cit., li tikkwota s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), punti 72 u 73; u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 224).


29      Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-indipendenza u għall-imparzjalità oġġettiva, fost oħrajn, fis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 129), li tikkwota s-sentenzi tal-QEDB tas‑6 ta’ Mejju 2003, Kleyn et vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2003:0506JUD003934398, punt 192 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il‑Portugall (CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Fl-arkitettura ġudizzjarja tal-Unjoni stess, wara li t-Trattat ta’ Nice stabbilixxa fl‑2003 il-possibbiltà li jinħolqu qrati speċjalizzati, fit‑2 ta’ Novembru 2004 il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda li joħloq it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li l-missjoni tiegħu, sa dakinhar eżerċitata mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, kienet tikkonsisti fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim bejnha u l-persunal tagħha. Fl‑2015, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jżid progressivament in-numru ta’ mħallfin tal-Qorti Ġenerali sakemm wasal għal 56 u ttrasferixxa l-kompetenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku lill-Qorti Ġenerali. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien xolt fl‑1 ta’ Settembru 2016.


31      Huwa kemmxejn paradossali li d-domanda saret mill-formazzjoni integrata f’qorti distinta (il-QBS). Madankollu, fid-dawl tal-identità personali bejn iż-żewġ qrati, mistoqsija rigward l-osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza fir-rigward tat-tneħħija tal-QKS hija awtorizzata fir-rigward tal-effett prinċipali ta’ tali tneħħija, jiġifieri, l-attribuzzjoni ta’ kompetenzi ġodda lill-QBS, li hija l-qorti tar-rinviju.


32      Punt 42 tad-digriet tar-rinviju.


33      Punt 43 tad-digriet tar-rinviju.


34      Punt 15 tad-digriet tar-rinviju.


35      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W. Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, iktar ’il quddiem is-“sentenza W.Z.”, punt 118).


36      SWD(2022) 502 final, p. 10, 15 u 16.


37      Fil-punt 19 tad-digriet tar-rinviju, il-qorti a quo tiddikjara li hemm spekulazzjonijiet dwar l-interessi wara t-tneħħija tal-qrati speċjalizzati, fl-assenza ta’ xi ġustifikazzjoni fattwali u provi oġġettivi dwar il-funzjonament ta’ dawn il-qrati, fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva.


38      F’din l-evalwazzjoni naqbel mal-Kummissjoni, li tipprovdi li “kieku l-leġiżlatur kellu dubji dwar l-indipendenza ta’ dawn il-maġistrati minħabba l-appartenenza tagħhom għall-qorti mneħħija, ma kienx jipprovdi l-assenjazzjoni mill-ġdid inkundizzjonata tagħhom sabiex ikomplu l-attività ġudizzjarja tagħhom bħala maġistrati. Barra minn hekk, il-leġiżlatur ordna lill-maġistrati jkomplu bl-eżami tal-kawżi li kienu bdew jittrattaw bħala mħallfin tal-[QKS], u għalhekk, neħħa kull dubju li l-appartenenza tagħhom f’dik il-qorti tista’ tqajjem kwistjoni dwar l-imparzjalità tagħhom fit-trattament ta’ kawżi kriminali speċifiċi” (punt 37 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha; traduzzjoni mhux uffiċjali mill-verżjoni Franċiża).


39      B’mod konkret, mal-istess dispożizzjonijiet tat-TUE u tal-Karta li tirrigwarda l-ewwel domanda preliminari.


40      Sentenza W. Ż., punt 115.


41      Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), punt 76.


42      Skont il-proverbju antik semel competens semper competens (ladarba kompetenti, dejjem kompetenti).


43      Iktar u iktar wara s-sentenza Nru 7 tal-Konstitutsionen Sad (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑14 ta’ Lulju 2022, li għaliha għamilt riferiment fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.


44      Skont id-dispożizzjoni tranżitorja 44 taż-ZIDZZSV, l-imħallfin tal-QKS għandhom jiġu assenjati mill-ġdid taħt il-kundizzjonijiet u skont il-proċedura previsti fl-Artikolu 194(1) tal-Ley del Poder Judicial (il-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju).