Language of document : ECLI:EU:C:2023:934

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

30 ta’ Novembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikoli 3 sa 5, 17 u 27– Regolament (UE) Nru 603/2013 – Artikolu 29 – Regolament (KE) Nru 1560/2003 – Anness X – Dritt għall-informazzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali – Fuljett komuni – Intervista personali – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali preċedentement ippreżentata fl-ewwel Stat Membru – Talba ġdida ppreżentata fit-tieni Stat Membru – Residenza irregolari fit-tieni Stat Membru – Proċedura ta’ teħid lura – Ksur tad-dritt għall-informazzjoni – Assenza ta’ intervista personali – Protezzjoni kontra r-riskju ta’ refoulement indirett – Fiduċja reċiproka – Stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ trasferiment – Portata – Konstatazzjoni tal-eżistenza, fl-Istat Membru rikjest, ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza ta’ applikanti ta’ protezzjoni internazzjonali – Klawżoli diskrezzjonarji – Riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement fl-Istat Membru rikjest”

Fil-Kawżi magħquda C‑228/21, C‑254/21, C‑297/21, C‑315/21 u C‑328/21,

li għandhom bħala suġġett ħames talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), b’deċiżjoni tad‑29 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ April 2021 (C‑228/21), mit-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma, l-Italja), b’deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ April 2021 (C‑254/21), mit-Tribunale di Firenze (il-Qorti Distrettwali ta’ Firenze, l-Italja), b’deċiżjoni tad‑29 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Mejju 2021 (C‑297/21), mit-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja), b’deċiżjoni tal‑14 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Mejju 2021 (C‑315/21), u mit-Tribunale di Trieste (il-Qorti Distrettwali ta’ Trieste, l-Italja), b’deċiżjoni tat‑2 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Mejju 2021 (C‑328/21), fil-proċeduri

Ministero dell’Interno, Dipartimento per le libertà civili e l’immigrazione – Unità Dublino (C‑228/21),

DG (C‑254/21),

XXX.XX (C‑297/21),

PP (C‑315/21),

GE (C‑328/21)

vs

CZA (C‑228/21),

Ministero dell’Interno, Dipartimento per le libertà civili e l’immigrazione – Unità Dublino (C‑254/21, C‑297/21, C‑315/21 u C‑328/21),

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer (Relatur), u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Ġunju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal XXX.XX, minn C. Favilli u L. Scattoni, avvocate,

–        għal GE, minn C. Bove, avvocata,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia u D. G. Pintus, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A.-L. Desjonquères u J. Illouz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M.K. Bulterman, M. de Ree u A. Hanje, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma u C. Cattabriga, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ April 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2), tal-Artikoli 4 u 5, tal-Artikolu 17(1), tal-Artikolu 18(1), tal-Artikolu 20(5) u tal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), tal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Eurodac”), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ ħames tilwimiet bejn, fl-ewwel (Kawża C‑228/21), il-Ministero dell’Interno, Dipartimento per le libertà civili e l’immigrazione Unità Dublino (il-Ministeru għall-Intern, Dipartiment għal-Libertajiet Ċivili u l-Immigrazzjoni – Diviżjoni Dublin, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru għall-Intern”) u CZA, dwar id-deċiżjoni tal-Ministeru għall-Intern tat-trasferiment ta’ CZA lejn lis-Slovenja wara talba għal protezzjoni internazzjonali li huwa ressaq fl-Italja, u fl-erba’ l-oħra (Kawżi C‑254/21, C‑297/21, C‑315/21 u C‑328/21), rispettivament DG, XXX.XX, PP u GE, fejn l-ewwel tlieta wkoll issottomettew tali talba fl-Italja u GE kien qiegħed jirrisjedi hemmhekk b’mod irregolari, lill-Ministeru għall-Intern, dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jittrasferihom, fir-rigward ta’ DG, lejn l-Isvezja, fir-rigward ta’ XXX.XX kif ukoll ta’ PP, lejn il-Ġermanja, u fir-rigward ta’ GE, lejn il-Finlandja.

 Ilkuntest ġuridiku

 IdDirettiva dwar Standards għallKwalifika

3        Il-Kapitolu II, intitolat “Eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”, tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar Standards għall‑Kwalifika”), jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, hu stess intitolat “Protezzjoni interna”. Dan l-artikolu jipprovdi:

“1.      Bħala parti mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li applikant mhuwiex fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jekk f’parti mill-pajjiż tal-oriġini, hu jew hi:

(a)      ma hemmx biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat, jew mhuwiex fir-riskju reali li jsofri dannu serju; jew

(b)      għandu aċċess għal protezzjoni mill-persekuzzjoni jew dannu serju kif definit fl-Artikolu 7;

u hu jew hi jista’ jivvjaġġa mingħajr periklu u legalment għal u jidħol f’dik il-parti tal-pajjiż u huwa mistenni b’mod raġonevoli jissetilja hemmhekk.

2.      Fl-eżami ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikata li jkun ippersegwitat jew huwiex fir-riskju reali li jsofri dannu serju, jew għandux aċċess għal protezzjoni minn persekuzzjoni jew dannu serju f’parti mill-pajjiż ta’ oriġini bi qbil mal-Paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni fuq l-applikazzjoni jqisu ċ-ċirkostanzi ġenerali fis-seħħ f’dik il-part tal-pajjiż u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant bi qbil mal-Artikolu 4. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni preċiża u aġġoranta tinkiseb minn sorsi rilevanti, bħal eżempju l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil”.

4        L-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar Standards għall‑Kwalifika, intitolat “Dannu serju” u li jinsab fil-Kapitolu V, hu stess intitolat “Kwalifika biex persuna tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” tagħha, jipprovdi:

“Dannu serju jikkonsisti minn:

[…]

(c)      theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ċivili minħabba vjolenza indiskriminatorja f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern”.

 Ir-Regolament Dublin III

5        Il-premessi 18 u 19 tar-Regolament Dublin III jistabbilixxu:

“(18)      Għandha tkun organizzata intervista personali mal-applikant sabiex tkun iffaċilitata d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li għandu jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Hekk kif tiġi ddepożitata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-applikant għandu jiġi informat, dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u dwar il-possibilità, waqt l-intervista li jipprovdi informazzjoni dwar il-preżenza ta’ membri tal-familja, qraba jew relazzjonijiet familjari oħrajn fl-Istati Membri sabiex jiġi faċilitat il-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

(19)      Sabiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati„ għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-[Karta]. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant”.

6        L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, li jinsab fil-Kapitolu II, hu stess intitolat “Prinċipji Ġenerali u Salwagwardji” tiegħu, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.      Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli”.

7        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Id-dritt għall-informazzjoni”, jinqara kif ġej:

“1.      Malli applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata fis-sens tal-Artikolu 20(2) fi Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti tiegħu għandhom jinfurmaw lill-applikant dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u b’ mod partikulari li:

(a)      l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament u l-konsegwenzi jekk issir applikazzjoni oħra fi Stat Membru differenti kif ukoll il-konsegwenzi jekk ikun hemm ċaqliq minn Stat Membru għal ieħor matul il-fażijiet li fihom l-Istat Membru responsabbli skont dan ir-Regolament ikun qed jiġi determinat u l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun qed tiġi eżaminata;

b)      il-kriterji sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli„ il-ġerarkija ta’ tali kriterji fil-passi differenti tal-proċedura u t-tul tagħhom, inkluż il-fatt li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata fi Stat Membru wieħed tista’ tirriżulta, li dak l-Istat Membru jsir responsabbli skont dan ir-Regolament anki jekk tali responsabbilità ma tkunx abbażi ta’ dawk il-kriterji;

(c)      l-intervista personali skont l-Artikolu 5 u l-possibbiltà li tiġi ppreżentata informazzjoni dwar il-preżenza ta’ membri tal-familja, qraba jew relazzjonijiet familjari oħra fl-Istati Membri, inklużi l-mezzi li bihom l-applikant jista’ jippreżenta tali informazzjoni;

d)      il-possibbiltà li tiġi kontestata deċiżjoni ta’ trasferiment u, fejn applikabbli, li ssir applikazzjoni għas-sospensjoni tat-trasferiment;

(e)      il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jagħmlu skambju ta’ data dwaru jew dwarha għar-raġuni biss tal-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom li jiġu minn dan ir-Regolament;

(f)      id-dritt għall-aċċess għad-data dwaru jew dwarha, u d-dritt li titlob li tali data tiġi korretta jekk ma tkunx eżatta jew tiġi mħassrajekk ma tkunx ipproċessata skont il-liġi, kif ukoll il-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet, inklużi d-dettalji tal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 35 u tal-awtoritajiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data responsabbli sabiex jisimgħu pretensjonijiet rigward il-protezzjoni tad-data personali.

2.      L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ipprovduta bil-miktub f’lingwa li l-applikant jifhem jew jista’ jkun raġonevolment preżunt li jifhem, l-Istati Membri għandhom jużaw fuljett komuni mfassal skont il-paragrafu 3 għal dik ir-raġuni.

Fejn ikun neċessarju biex l-applikant ikun jista’ jifhem sew, l-informazzjoni għandha tkun mogħtija oralment ukoll, pereżempju b’rabta mal-intervista personali kif imsemmija fl-Artikolu 5.

3.      Il-Kumissjoni [Ewropea] għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tfassal fuljett komuni, kif ukoll fuljett speċifiku għall-minorenni mhux akkumpanjati, li jkun fih tal-inqas l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dan il-fuljett komuni għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-[Regolament Eurodac] u, b’mod partikolari, għall-fini li għaliha d-data tal-applikant ikkonċernat tista’ tiġi pproċessata fil-Eurodac. Il-fuljett komuni għandu jiġi stabbilit b’tali mod li jippermetti lill-Istati Membri jimlewh b’informazzjoni addizzjonali speċifika għall-Istat Membru. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-Regolament”.

8        Skont l-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “L-Intervista personali”:

“1.      Biex jiffaċilita l-proċess biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli, l-Istat Membru determinanti għandu jagħmel intervista personali mal-applikant. L-intervista għandha tippermetti wkoll li tinftiehem tajjeb l-informazzjoni mogħtija lill-applikant skont l-Artikolu 4.

2.      L-intervista personali tista’ ma ssirx jekk:

(a)      l-applikant ikun ħarab; jew

(b)      wara li jkun irċieva l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 l-applikant ikun diġà pprovda l-informazzjoni rilevanti biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli b’mezz ieħor. L-Istat Membru li ma jagħmilx l-intervista għandu jagħti l-opportunità lill-applikant li jippreżenta l-informazzjoni kollha li tkun rilevanti biex jiġi determinat l-Istat Membru responabbli qabel ma tittieħed deċiżjoni li l-applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 26(1).

3.      L-intervista personali għandha ssir fi żmien xieraq u, f’kull każ, qabel tittieħed xi deċiżjoni biex applikant ikun trasferit lejn l-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 26(1).

4.      L-intervista personali għandha ssir f’lingwa li l-applikant jifhem jew jista’ jkun raġonevolment preżunt li jifhem u li biha huwa jew hija jkun kapaċi jikkomunika. Fejn neċessarju, l-Istati Membru għandhom ikollhom interpretu li jkun jista’ jiżgura l-komunikazzjoni xierqa bejn l-applikant u l-persuna li tagħmel l-intervista personali.

5.      L-intervista personali għandha ssir f’kondizzjonijiet li jiżguraw il-kunfidenzjalità xierqa. Għandha ssir minn persuna kwalifikata skont id-dritt nazzjonali.

6.      L-Istat Membru li jagħmel l-intervista personali għandu jagħmel taqsira bil-miktub tagħha li għandha tinkludi tal-inqas l-informazzjoni prinċipali mogħtija mill-applikant fl-intervista. Din it-taqsira tista’ tkun f’għamla ta’ rapport jew għamla standard. L-Istat Membru għandu jiżgura li l-applikant u/jew il-konsulent legali jew kunsillier ieħor li qed jirrappreżenta lill-applikant ikollu aċċess f’waqtu għat-taqsira”.

9        L-Artikolu 7(3) tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi:

“Fid-dawl tal-applikazzjoni tal-kriterji msemmijin fl-Artikolu 8, 10 u 16, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kull evidenza disponibbli rigward il-preżenza, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ membri tal-familja, qraba jew relazzjonijiet familjari oħra tal-applikant, bil-kundizzjoni li tali evidenza tiġi ppreżentata qabel ma Stat Membru ieħor jaċċetta t-talba biex jassumi r-responsabbiltà għall-persuna kkonċernata jew biex jeħodha lura, skont l-Artikoli 22 u 25 rispettivament, u li l-applikazzjonijiet preċedenti għall-protezzjoni internazzjonali tal-applikant ikunu għadhom ma kienux is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-ewwel dwar is-sustanza”.

10      L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Klawsoli diskrezzjonali” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.

L- Istat Membru li jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont dan il-paragrafu għandu jsir l-Istat Membru responsabbli u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. Fejn jixraq, huwa għandu jgħarraf, billi juża in-netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika ‘DubliNet’ stabbilita skont l-Artikolu 18 tar-Regolament [tal-Kummissjoni] (KE) Nru 1560/2003 [tat‑2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200)], lill-Istat Membru li qabel kien responsabbli, l-Istat Membru li jmexxi proċedura biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli jew l-Istat Membru li kien intalab biex jinkariga ruħu minn, jew biex jieħu lura l-applikant.

L-Istat Membru li jsir responsabbli skont dan il-paragrafu għandu minnufih jindika dak il-fatt fil-Eurodac skont l-Artikolu 17(6) tar-[Regolament Eurodac] billi jżid id-data ta’ meta ttieħdet id-deċiżjoni sabiex tiġi eżaminata l-applikazzjoni”.

11      L-Artikolu 18 tal-istess regolament, intitolat “Obbligi tal-Istat Membru responsabbli”, huwa fformulat fit-termini li ġejjin:

“1.      L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

(a)      jieħu inkarigu, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 21, 22 u 29, ta’ applikant li jkun iddepożita applikazzjoni fi Stat Membru differenti;

(b)      jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun taħt eżami u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr document ta’ residenza;

(c)      jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun irtira l-applikazzjoni taħt eżami u jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza;

(d)      jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-applikazzjoni tiegħu kienet rifjutata u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza.

2.      Fil-każijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-paragrafu 1(a) u (b), l-Istat Membru responsabbli għandu jeżamina jew jikkompleta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali magħmula mill-applikant.

F’każijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-paragrafu 1(c), meta l-Istat Membru responsabbli ma kienx kompla bl-eżami ta’ applikazzjoni minħabba l-irtirar tagħha mill-applikant qabel ma ttieħdet deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar is-sustanza, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li l-applikant huwa intitolat jagħmel talba li l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha jitkompla jew li tiġi ddepożitata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, li ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala applikazzjoni sussegwenti kif previst fid-Direttiva 2013/32/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Proċeduri”)]. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitlesta l-eżami tal-applikazzjoni.

Fil-każijiet li jaqgħu taħt l-ambitu tal-paragrafu 1(d), fejn l-applikazzjoni ġiet irrifjutata biss fl-ewwel istanza, l-Istat Membru responsabbli għandu jiżgura li l-persuna kkonċernata għandha jew kellha l-opportunità li tfittex rimedju effettiv, skont l-Artikolu 46 tad-[Direttiva dwar il-Proċeduri]”.

12      L-Artikolu 19 tal-istess regolament, intitolat “Tmiem tar-responsabbilitajiet” jipprovdi:

“1.      Fejn Stat Membru joħroġ dokument ta’ residenza lill-applikant, l-obbligi speċifikati fl-Artikolu 18(1), għandhom ikunu ttrasferiti lil dak l-Istat Membru.

2.      L-obbligi speċifikati fl-Artikolu 18(1) għandhom jieqfu fejn l-Istat Membru responsabbli jista’ jistabbilixxi, fejn mitlub li jieħu ħsieb jew jieħu applikant jew persuna oħra lura kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d), li l-persuna kkonċernata tkun ħalliet it-territorju tal-Istati Membri għall-inqas għal tliet xhur, sakemm il-persuna kkonċernata ma tkunx fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu maħruġ mill-Istat Membru responsabbli.

Applikazzjoni ddepożitata wara l-perijodu ta’ assenza msemmi fl-ewwel subparagrafu għandha titqies bħala applikazzjoni ġdida li twassal għal proċedura ġdida biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli.

3.      L-obbligi speċifikati fl-Artikolu 18 (1)(c) u (d), għandhom jieqfu fejn l-Istat Membru responsabbli jista’ jistabbilixxi, meta mitlub li jieħu lura applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18 (1)(c) jew (d), li l-persuna kkonċernata ħalliet it-territorju tal-Istati Membri f’konformità ma’ deċiżjoni ta’ ritorn jew ordni ta’ tkeċċija li kien ħareġ wara l-irtirar jew ir-rifjut tal-applikazzjoni

Applikazzjoni ddepożitata wara li sseħħ tkeċċija effettiva għandha titqies bħala applikazzjoni ġdida u twassal għal proċedura ġdida għad-determinazzjoni tal-Istat Membur responsabbli”.

13      L-Artikolu 20 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Il-bidu tal-proċedura” u li jinsab fit-Taqsima I, li t-titolu tagħha huwa “Il-bidu tal-proċedura”, tal-Kapitolu VI, huwa stess intitolat “Il-Proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura”, tiegħu, jipprovdi:

“1.      Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru.

2.      Applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies li kienet iddepożitata meta formola sottomessa mill-applikant jew rapport ippreparat mill-awtoritajiet ikun wasal għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Fejn applikazzjoni ma ssirx bil-miktub, iż-żmien li jgħaddi bejn id-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni u l-preparazzjoni ta’ rapport għandu jkun kemm jista’ jkun qasir.

[…]

5.      Applikant li jkun preżenti fi Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza jew li hemm iddepożita applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali wara li jirtira l-ewwel applikazzjoni tiegħu magħmula fi Stat Membru ieħor matul il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għandu jittieħed lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, mill-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet l-ewwel iddepożitata, bil-ħsieb li jtemm il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli

[…]”.

14      L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Preżentazzjoni ta’ talba biex jittieħed inkarigu”, jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn Stat Membru li għandu kienet iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira tal-Artikolu 20(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu tal-applikant”.

15      L-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, intitolat “Preżentazzjoni ta’ talba biex jittieħed lura meta tiġi ddepożitata applikazzjoni ġdida fl-Istat Membru rikjedenti”, jipprevedi:

“1.      Meta Stat Membru fejn persuna kif imsemmi ja fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) iddepożitat applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membu ieħor huwa responsabbli skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), dan jista’ jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura dik il-persuna.

[…]

3.      Meta t-talba biex tittieħed lura persuna ma ssirx fil-perijodi stipulati fil-paragrafu 2, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali suċċessiva għandha tkun tal-Istat Membru li fih tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni l-ġdida”.

16      L-Artikolu 24 tal-istess regolament, intitolat “Preżentazzjoni ta’ talba għat-teħid lura meta ma tkunx ġiet iddepożitata ebda applikazzjoni ġdida fl-Istat Membru rikjedenti” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta Stat Membru li fuq it-territorju tiegħu persuna msemmija fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), tkun preżenti mingħajr dokument ta’ residenza u li quddiemu ma tkunx ġiet iddepożitata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, iqis li Stat Membru ieħor huwa responsabbli skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), huwa jista’ jitlob lil dak l-Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura dik il-persuna”.

17      L-Artikolu 26 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Notifika tad-deċiżjoni tat-trasferiment” u li jinsab fit-Taqsima IV, hija stess intitolata “Salvagwardji proċedurali”, tal-Kapitolu VI tiegħu, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Meta l-Istat Membru mitlub jaċċetta li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d), l-Istat Membru rikjedenti għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li hija tiġi trasferita lejn l-Istat Membru responsabbli u, fejn xieraq, bid-deċiżjoni li ma jeżaminax l-applikazjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali. Jekk konsulent legali jew kunsillier ieħor ikun qed jirrapreżenta lill-persuna kkonċernata, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jinnotifikaw id-deċiżjoni li tali konsulent legali jew kunsillier minflok lill-persuna kkonċernata u, fejn applikabbli, jikkomunikaw id-deċiżjoni lill-persuna kkonċernata.

2.      Id-deċiżjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 għandha tinkludi informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli, inkluż id-dritt ta’ applikazzjoni għal effett sospensiv, fejn applikabbli, u dwar il-limiti ta’ żmien applikabbli biex jintalbu dawn ir-rimedji u biex ikun eżegwit it-trasferiment u, għandha, jekk meħtieġ, tinkludi informazzjoni dwar il-post fejn, u d-data li fiha l-persuna kkonċernata għandha tidher, jekk dik il-persuna tkun ser tivvjaġġa lejn l-Istat Membru responsabbli bil-mezzi tiegħha stess.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni dwar persuni jew entitajiet li jistgħu jipprovdu assistenza legali lill-persuna kkonċernata tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata flimkien mad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, meta dik l-informazzjoni ma tkunx diġà ġiet ikkomunikata.

3.      Meta l-persuna kkonċernata ma tkunx assistita jew rappreżentata minn konsulent legali jew kunsillier ieħor, l-Istat Membri għandhom jinfurmawha bl-elementi prinċipali tad-deċiżjoni, li għandhom dejjem jinkludu informazzjoni dwar irrimedji legali disponibbli u ż-żmien limitu applikabbli biex jintalbu dawn ir-rimedji, f’lingwa li l-persuna kkonċernata tifhem jew li tkun raġonevolment mistennija li tifhem”.

18      L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rimedji”, li jinsab fl-istess Taqsima IV, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) (c) jew (d) għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal”.

19      L-Artikolu 29 tal-imsemmi regolament, intitolat “Modalitajiet u żmien limitu” u li jinsab fit-Taqsima VI, hija stess intitolata “Trasferimenti”, tal-Kapitolu VI tiegħu, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet”.

 IdDirettiva dwar ilProċeduri

20      Il-Kapitolu II, intitolat “Prinċipji u garanziji bażiċi”, tad-Direttiva dwar il-Proċeduri” jinkludi b’mod partikolari Artikolu 9. Dan l-artikolu, intitolat “Id-dritt li wieħed jibqa’ fl-Istat Membru matul l-eżami tal-applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Stat Membru jista’ jestradixxi applikant f’pajjiż terz ta]t il-paragrafu 2 biss fejn l-awtoritajiet kompetenti huma sodisfatti li deċiżjoni ta’ estradizzjoni mhux se tirriżulta f’refoulement diretta jew indiretta fi vjolazzjoni tal-obbligi ta’ dak l-Istat Membru taħt il-liġi internazzjonali u l-liġi tal-Unjoni [Ewropea]”.

21      L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, intitolat “Intervista personali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti, l-applikant għandu jingħata l-opportunità ta’ intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali ma’ persuna li tkun, taħt il-liġi nazzjonali, kompetenti sabiex tmexxi tali intervista. L-intervisti personali dwar is-sustanza tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandhom isiru mill-persunal tal-awtorità determinanti. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 42(2)(b).

Fejn l-applikazzjonijiet simultanji għall-protezzjoni internazzjonali minn numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni apolidi jagħmluha impossibbli li fil-prattika l-awtorità determinanti tkun tista’ tagħmel intervisti fil-ħin dwar is-sustanza ta’ kull applikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-persunal ta’ awtorità oħra tkun involuta b’mod temporanju fit-twettiq ta’ dawn l-intervisti. F’każijiet bħal dawn, il-persunal ta’ dik l-awtorità l-oħra għandu jirċievi minn qabel it-taħriġ rilevanti li […].

[…]

2.      L-intervista personali dwar is-sustanza tal-applikazzjoni tista’ titneħħa meta:

(a)      l-awtorità determinanti tkun kapaċi li tieħu deċiżjoni pożittiva fir-rigward tal-istatus ta’ rifuġjat abbażi tal-evidenza disponibbli; jew

(b)      l-awtorità determinanti tkun tal-fehma li l-applikant mhuwiex f’siktu jew kapaċi sabiex jiġi intervistat minnħabba ċirkostanzi persistenti li fuqhom huwa ma jkollux kontroll. F’dubju, l-awtorità determinanti għandha tikkonsulta professjonist mediku biex tistabbilixxi jekk il-kundizzjoni li minħabba fiha l-applikant li mhuwiex f’siktu jew kapaċi li jiġi intervistat hijiex temporanja jew fit-tul.

Fejn ma ssirx intervista personali taħt il-punt (b) jew, fejn applikabbli, mal- persuna dipendenti, għandu jsir dak li jkun raġonevolment possibbli sabiex l-applikant jew il-persuna dipendenti jkunu jistgħu jippreżentaw aktar informazzjoni.

3.      In-nuqqas ta’ intervista personali taħt dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi lill-awtorità determinanti milli tieħu deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

4.      In-nuqqas ta’ intervista personali skont il-paragrafu 2(b) ma għandhiex tinċidi negattivament fuq id-deċiżjoni tal-awtorità determinanti.

5.      Irrispettivament mill-Artikolu 28(1), l-Istati Membri, meta jiddeċiedu dwar applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, jistgħu jieħdu kont tal-fatt li l-applikant naqas milli jidher għall-intervista personali sakemm huwa ma kellux raġunijiet tajbin għan-nuqqas li jidher”.

22      L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti għal intervista personali”, jipprovdi:

“1.      Intervista personali għandha normalment issir mingħajr il-preżenza ta’ membri tal-familja sakemm l-awtorità determinanti ma tikkunsidrax bħala meħtieġ, sabiex isir eżami adegwat, li jkun hemm membri oħra tal-familja preżenti.

2.      Intervista personali għandha ssir taħt kundizzjonijiet li jiżguraw kunfidenzjalità adegwata.

3.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-intervisti personali jitmexxew taħt kundizzjonijiet li jippermettu li l-applikanti jippreżentaw ir-raġunijiet għall-applikazzjonijiet tagħhom b’mod komprensiv. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom:

(a)      jiżguraw li l-persuna li tagħmel l-intervista tkun kompetenti sabiex tieħu kont taċ-ċirkostanzi personali u ġenerali attinenti għall-applikazzjoni, inkluż l-oriġini kulturali, sess, orjentazzjoni sesswali, identità sesswali jew il-vulnerabbiltà tal-applikant;

(b)      kull meta jkun possibbli, jipprovdu li l-intervista mal-applikant tkun imwettqa minn persuna tal-istess sess jekk l-applikant ikkonċernat jitlob dan, sakemm l-awtorità determinanti ma jkollhiex raġuni biex temmen li tali talba hi bbażata fuq raġunijiet li mhumiex relatati ma diffikultajiet min-naħa tal-applikant biex jippreżenta r-raġunijiet tal-applikazzjoni tiegħu/tagħha b’mod komprensiv;

(c)      jagħżlu interpretu li jkun kapaċi jiżgura komunikazzjoni adegwata bejn l-applikant u l-persuna li tmexxi l-intervista. Il-komunikazzjoni għandha ssir fl-ilsien li jippreferi l-applikant ħlief jekk ikun hemm ilsien ieħor li huwa jifhem u li bih huwa jkun kapaċi jikkomunika b’mod ċar. Kull meta jkun possibbli, l-Istati membri għandhom jipprovdu interpretu tal-istess sess jekk l-applikant jitlob dan, sakemm l-awtorità determinanti jkollha raġunijiet biex temmen li tali talba hi bbażata fuq raġunijiet li mhumiex relatati ma’ diffikultajiet min-naħa tal-applikant biex jippreżenta r-raġunijiet tal-applikazzjoni tiegħu/tagħha b’mod komprensiv;

(d)      jiżguraw li l-persuna li tagħmel l-intervista dwar is-sustanza ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ma tilbisx uniformi;

(e)      jiżguraw li l-intervisti mal-minorenni jsiru b’mod li jifmuhom it-tfal.

4.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli li jikkonċernaw il-preżenza, waqt intervista personali, ta’ terzi persuni”.

23      Il-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċeduri ta’ prima istanza”, jinkludi l-Artikoli 31 sa 43 tagħha.

24      L-Artikolu 33 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

(a)      il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor;

[…]”.

25      L-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, intitolat “Regoli speċjali dwar l-intervista tal-ammissibbiltà” jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikanti biex jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar l-applikazzjoni tar-raġunijiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 33 fiċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom iwettqu intervista personali dwar l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjoni biss taħt l-Artikolu 42 fil-każ ta’ applikazzjoni sussegwenti”.

 IrRegolament Eurodac

26      L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Eurodac huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(b)      ‘Stat Membru ta’ oriġini’ tfisser:

[…]

(iii) f’dak li għandu x’jaqsam ma’ persuna koperta bl-Artikolu 17(1), l-Istat Membru li jittrażmetti data personali lis-Sistema Ċentrali u li jirċievi r-riżultati tat-tqabbil;

[…]”.

27      L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Il-Eurodac għandha tikkonsisti fi:

(a)      bażi tad-data kompjuterizzata ċentrali tal-marki tas-swaba’ (‘Sistema Ċentrali’) […]

[…]”.

28      L-Artikolu 17(1) tal-imsemmi regolament:

“Sabiex jiġi ċċekkjat jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jinstabu joqogħdu b’mod illegali fit-territorju tiegħu jkunux issottomettew applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, Stat Membru jista’ jittrażmetti lis-Sistema Ċentrali kull data dwar marki tas-swaba’ li jkollha x’taqsam ma’ marki tas-swaba’ li l-Istat Membru seta’ kien ħa ta’ kwalunkwe ċittadin terz jew persuna apolida ta’ mill-inqas 14-il sena flimkien man-numru ta’ referenza użat minn dak l-Istat Membru.

Bħala regola ġenerali hemm bażi sabiex isiru kontrolli dwar jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jkunux issottomettew applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor fejn:

(a)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jiddikjaraw li kienu ssottomettew applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iżda mingħajr ma jkunu indikaw l-Istat Membru li fih huma kienu ssottomettew l-applikazzjoni;

(b)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida ma jitolbux protezzjoni internazzjonali iżda ma jaċċettawx li jintbagħtu lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom billi jgħidu li huma jkunu fil-periklu, jew

(c)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jfittxu b’mod ieħor li ma jħallux li jitneħħew billi jirrifjutaw li jikkooperaw sabiex tiġi determinata l-identità tagħhom, b’mod partikolari billi ma jurux karti tal-identità jew juru karti tal-identità foloz”.

29      L-Artikolu 29 tal-istess regolament, intitolat “Drittijiet tas-suġġett tad-data”: jipprovdi:

“1.      Persuna koperta bl-[…]Artikolu 17(1) għandha tkun infurmata mill-Istat Membru ta’ oriġini bil-miktub, u fejn meħtieġ, oralment, b’lingwa li hija tifhem jew li hija raġonevolment preżunta li tifhem, dwar dan li ġej:

[…]

(b)      l-għan li għalih id-data tal-persuna se tkun ipproċessata fil-Eurodac, inkluża deskrizzjoni tal-għanijiet tar-[Regolament Dublin III], taħt l-Artikolu 4 tiegħu, u spjegazzjoni, f’forma komprensibbli, bl-użu ta’ lingwa ċara u sempliċi, tal-fatt li l-Eurodac jista’ jsir aċċess għalih mill-Istati Membri u mill-Europol għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi,;

[…]

2.      […]

Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ persuna koperta bl-Artikolu 17(1), l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tingħata mhux aktar tard mill-ħin meta d-data li jkollha x’taqsam ma’ dik il-persuna tiġi trażmessa lis-Sistema Ċentrali. Dak l-obbligu m’għandux japplika fejn l-għoti ta’ dik l-informazzjoni jirriżulta impossibbli jew ikun jinvolvi sforz sproporzjonat.

[…]

3.      Fuljett komuni, li jiġbor fih tal-anqas l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu [1] ta’ dan l-Artikolu u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-[Regolament Dublin III]. għandu jitfassal skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2) ta’ dak ir-Regolament.

Il-fuljett għandu jkun ċar u sempliċi, abbozzat f’lingwa li l-persuna kkonċernata tifhem jew li hija raġonevolment preżunta li tifhem.

Il-fuljett għandu jiġi fformulat b’tali mod li jippermetti lill-Istati Membri jimlewh b’informazzjoni addizzjonali speċifika għall-Istat Membru. Din l-informazzjoni speċifika għall-Istat Membru għandha tinkludi għall-inqas id-drittijiet tas-suġġett tad-data, il-possibbiltà ta’ assistenza mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali kif ukoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċċju tal-kontrollur u tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali.

[…]”.

30      L-Artikolu 37 tar-Regolament Eurodac, intitolat “Responsabbiltà”, jipprovdi:

“1.      Kwalunkwe persuna jew Stat Membru li jkunu sofrew ħsara minħabba operazzjoni ta’ proċessar illegali jew minħabba kwalunkwe att inkompatibbli ma’ dan ir-Regolament għandhom ikunu intitolati li jirċievu kumpens mill-Istat Membru responsabbli għall-ħsara li jkun sofrew. Dak l-Istat għandu jkun eżentat mir-responsabbiltà tiegħu, interament jew parzjalment, jekk jagħti prova li ma jkunx responsabbli għall-kwistjoni li tkun ikkawżat il-ħsara.

[…]

3.      Talbiet għal kumpens kontra Stat Membru għall-ħsara msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu regolati mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jrid jiddefendi ruħu”.

 Ir-Regolament Nru 1560/2003

31      L-Artikolu 16a tar-Regolament Nru 1560/2003, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 tat‑30 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 39, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1560/2003”), intitolat “Fuljetti ta’ informazzjoni għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi:

“1.      Fuljett komuni li jinforma lill-applikanti kollha tagħall-protezzjoni internazzjonali dwar id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Dublin III] u dwar l-applikazzjoni tar-[Regolament Eurodac] huwa stipulat fl-Anness X.

[…]

4.      Informazzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi misjuba li qed joqogħdu illegalment fi Stat Membru, hija stipulata fl-Anness XIII”.

32      Kif jipprevedi dan l-Artikolu 16a(1), l-Anness X tar-Regolament Nru 1560/2003 jinkludi mudell tal-fuljett komuni msemmi fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Dublin III u fl-Artikolu 29(3) tar-Regolament Eurodac (iktar ’il quddiem il-“fuljett komuni”). Il-Parti A ta’ dan l-anness, intitolata “Informazzjoni dwar ir-Regolament ta’ Dublin għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 4 tar-[Regolament Dublin III]”, tiġbor fiha ċertu numru ta’ spjegazzjonijiet dwar il-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u l-applikazzjoni konkreta tagħha kif ukoll dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Eurodac, informazzjoni dwar id-drittijiet tal-persuna kkonċernata kif ukoll diversi rakkomandazzjonijiet u talbiet intiżi għaliha √ intiżi għall-iżvolġiment tajjeb ta’ din il-proċedura. Fil-parti finali ta’ din il-parti A hemm kaxxa u nota ta’ qiegħ il-paġna relatata magħha, ifformulati kif ġej:

“Jekk nikkunsidraw li [Stat Membru] ieħor jista’ jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħek, inti tirċievi informazzjoni aktar dettaljata dwar dik il-proċedura u kif din taffettwa lilek u lid-drittijiet tiegħek. (1)

[…]

(1)      L-informazzjoni pprovduta hija dik prevista skont il-Parti B ta’ dan l-Anness”.

33      Il-Parti B tal-imsemmi Anness, intitolata “Il-Proċedura ta’ Dublin – Tagħrif għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li tinstab fi proċedura ta’ Dublin, skont l-Artikolu 4 tar-[Regolament Dublin III]” tinkludi l-mudell ta’ fuljett komuni li għandu jiġi kkonsenjat lill-persuna kkonċernata fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom raġuni biex jemmnu li Stat Membru ieħor jista’ jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Hija tipprevedi spjegazzjonijiet iktar speċifiċi dwar il-proċedura applikabbli f’dan il-każ kif ukoll, għal darba oħra, informazzjoni dwar id-drittijiet tal-persuna kkonċernata u diversi rakkomandazzjonijiet u talbiet intiżi għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura. Fit-test ta’ din il-Parti B tidher l-affermazzjoni li ġejja, flimkien ma’ nota:

“— ittiħdulek il-marki tas-swaba’ f[i] [Stat Membru]’[…] ieħor (u ġew maħżuna f’bażi ta’ dejta Ewropea msejħa l-Eurodac (1));

[…]

(1)      Aktar informazzjoni dwar il-Eurodac tinsab fil-Parti A, fit-Taqsima “għaliex qed niġi mitlub biex jitteħduli l-marki tas-swaba’ tiegħi?”

34      L-Anness XIII tar-Regolament Nru 1560/2003 jipprovdi l-mudell tal-“Informazzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni anomali misjuba joqgħodu illegalment fi Stat Membru, skont l-Artikolu 29(3) tar-Regolament [Eurodac]”. Dan l-anness jinkludi b’mod partikolari l-informazzjoni u n-nota segwenti:

“Jekk tkun misjub toqgħod illegalment f[i] [Stat Membru] […], l-awtoritajiet jistgħu jieħdu l-marki tas-swaba’ tiegħek u jittrasmettuhom lil bażi tad-dejta tal-marki tas-swaba’ msejħa “Eurodac”. Dan huwa biss għall-iskop biex jaraw jekk tkunx applikajt għall-protezzjoni internazzjonali qabel. Id-dejta tal-marki tas-swaba’ tiegħek ma tkunx miżmuma fil-bażi tad-dejta tal-Eurodac, iżda jekk qabel applikajt għall-protezzjoni internazzjonali f[i] [Stat Membru], tista’ tintbagħat lura f’dak il-pajjiż.

[…]

Jekk l-awtoritajiet tagħna jikkonsidraw li inti stajt applikajt għall-protezzjoni internazzjonali f[i] [Stat Membru] ieħor li jista’ jkun responsabbli għall-eżaminazzjoni ta’ dik l-applikazzjoni, tirċievi informazzjoni iktar dettaljata dwar il-proċedura li ssegwi u kif taffettwa lilek u d-drittijiet tiegħek. (2)

[…]

(2)      L-informazzjoni pprovduta hija dik prevista taħt il-Parti B tal-Anness X”.

 Ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

 Kawża C228/21

35      CZA ppreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Italja. Wara verifika, ir-Repubblika Taljana talbet lir-Repubblika tas-Slovenja, Stat Membru li fih CZA kien preċedentement ippreżenta l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għall-finijiet ta’ teħid lura skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III, teħid lura li ġie aċċettat fis‑16 ta’ April 2018.

36      CZA kkontesta d-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu quddiem it-Tribunale di Catanzaro (il-Qorti Distrettwali ta’ Catanzaro, l-Italja), li annullat din id-deċiżjoni minħabba li l-obbligu ta’ informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III ma kienx ġie osservat.

37      Il-Ministeru għall-Intern ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑228/21, billi invoka applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III.

38      Huwa f’dan il-kuntest li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 4 tar-[Regolament Dublin III] għandu jiġi interpretat fis-sens li bl-appell ippreżentat, skont l-Artikolu 27 [ta’ dan] [i]r-[r]egolament […], fil-konfront ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment adottata minn Stat Membru, skont il-mekkaniżmu tal-Artikolu 26 [tal-istess] […] [r]egolament u abbażi tal-obbligu tal-Istat li jieħu lura stabbilit fl-Artikolu 18(1)(b) tal-istess regolament, jista’ jiġi sostnut biss in-nuqqas ta’ għoti tal-fuljett [komuni] ta’ informazzjoni meħtieġ mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament [Dublin III], min-naħa tal-Istat li adotta d-deċiżjoni ta’ trasferiment?

2)      L-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III], moqri flimkien mal-premessa 18 u l-premessa 19 u mal-Artikolu 4 tal-istess regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rimedju effettiv f’każ ta’ ksur aċċertat tal-obbligi previsti fl-Artikolu 4 [tal-istess regolament] jimponi fuq l-imħallef l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ trasferiment?

3)      F’każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, l-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III], moqri flimkien mal-premessa 18 u l-premessa 19 u mal-Artikolu 4 tal-istess regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rimedju effettiv f’każ ta’ ksur aċċertat tal-obbligi previsti fl-Artikolu 4 [tal-istess regolament] jimponi fuq l-imħallef il-verifika tar-rilevanza ta’ tali ksur fid-dawl taċ-ċirkustanzi allegati mir-rikorrent u jippermetti li tiġi kkonfermata d-deċiżjoni ta’ trasferiment kull darba li ma jqumux raġunijiet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ kontenut differenti?”.

 Kawża C254/21

39      DG, li jiddikjara li huwa ċittadin Afgan, ippreżenta fl-Isvezja applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li ġiet definittivament miċħuda.

40      Sadanittant, DG mar l-Italja fejn ippreżenta t-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Ir-Repubblika Taljana, wara verifika fid-database Eurodac, talbet lir-Renju tal-Isvezja għall-finijiet tat-teħid lura skont l-Artikolu 18(d) tar-Regolament Dublin III, teħid lura li dan l-aħħar Stat Membru aċċetta, li wassal għall-adozzjoni, mir-Repubblika Taljana, ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment.

41      DG ikkontesta din id-deċiżjoni ta’ trasferiment quddiem it-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑254/21, minħabba ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III.

42      Skont DG, ir-Renju tal-Isvezja ċaħad l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali mingħajr ma evalwa s-sitwazzjoni ġenerali ta’ vjolenza indiskriminata li teżisti fl-Afganistan. Id-deċiżjoni ta’ trasferiment tar-Repubblika Taljana tikser l-Artikolu 4 tal-Karta minħabba r-riskju ta’ “refoulement indirett” li għalih din id-deċiżjoni tesponi lil DG, fis-sens li hija tista’ twassal lir-Renju tal-Isvezja jgħaddih lura lejn l-Afganistan, pajjiż terz li fih huwa jinsab espost għal riskju ta’ trattamenti inumani u degradanti. Konsegwentement, DG jitlob lill-qorti tar-rinviju tiddikjara lir-Repubblika Taljana responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III.

43      Il-Ministeru għall-Intern jikkontesta l-fondatezza ta’ din it-talba. L-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija eżaminata minn Stat Membru wieħed, f’dan il-każ ir-Renju tal-Isvezja. L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III għandu portata limitata għall-każijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja jew iġġustifikati minn raġunijiet umanitarji u ta’ kumpassjoni partikolari.

44      Huwa f’dan il-kuntest li t-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-dritt għal rimedju effettiv, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-Artikoli 4 u 19 ta[l-]Karta jiggarantixxu wkoll protezzjoni mir-riskju ta’ refoulement indirett wara t-trasferiment lejn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li diġà jkun eżamina u ċaħad l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u li fih ma jkunx hemm difetti sistemiċi fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-[Regolament Dublin III] (meta ma jkun hemm l-ebda Stat Membru ieħor responsabbli skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitoli III u IV)?

2)      Il-qorti tal-Istat Membru li fih ġiet ippreżenta t-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li tkun ġiet adita b’rikors skont l-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III] u li għaldaqstant għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tevalwa t-trasferiment fi ħdan l-Unjoni Ewropea iżda mhux sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għandha tqis bħala eżistenti r-riskju ta’ refoulement indirett lejn pajjiż terz, meta l-Istat Membru fejn ġiet ippreżentata l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jkun interpreta b’mod differenti il-kunċett ta’ ‘Protezzjoni interna’ stabbilit fl-Artikolu 8 tad-[Direttiva 2011/95]?

3)      L-evalwazzjoni tar-riskju ta’ refoulement indirett wara interpretazzjoni differenti tal-bżonn ta’ ‘Protezzjoni interna’ minn żewġ Stati Membri, hija kompatibbli mal-Artikolu 3(1) […] tar-[Regolament Dublin III] u mal-projbizzjoni ġenerali magħmula fil-konfront ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jagħżlu [l-Istat Membru] li fih jippreżentaw l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħhom?

4)      Jekk ir-risposta għad-domandi preċedenti tkun fl-affermattiv:

a)      L-evalwazzjoni tal-eżistenza tar-riskju ta’ refoulement indirett magħmula mill-qorti tal-Istat li fih l-applikant ikun ippreżenta t-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali wara ċ-ċaħda tal-ewwel applikazzjoni tiegħu, għandha l-ħtieġa li tapplika l-klawżola stabbilita fl-Artikolu 17(1), u ddefinita fir-[Regolament Dublin III] bħala ‘Klawsoli diskrezzjonali’?

b)      Liema huma l-kriterji li l-qorti adita skont l-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III] għandha tuża sabiex tevalwa r-riskju ta’ refoulement indirett, minbarra dawk stabbiliti fil-Kapitoli III u IV, inkunsiderazzjoni tal-fatt li tali riskju diġà jkun ġie eskluż mill-Istat li jkun eżamina l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali?”.

 Kawża C297/21

45      XXX.XX, li jiddikjara li huwa ċittadin Afgan, ippreżenta fil-Ġermanja applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li ġiet definittivament miċħuda u segwita minn miżura ta’ tneħħija li saret definittiva.

46      Sadanittant, XXX.XX mar l-Italja fejn ippreżenta t-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Ir-Repubblika Taljana, wara verifika fid-database Eurodac, talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-finijiet tat-teħid lura skont l-Artikolu 18(d) tar-Regolament Dublin III, teħid lura li dan l-aħħar Stat Membru aċċetta, li wassal għall-adozzjoni mir-Repubblika Taljana ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment.

47      XXX.XX ikkontesta din id-deċiżjoni ta’ trasferiment quddiem it-Tribunale di Firenze (il-Qorti Distrettwali ta’ Firenze, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑297/21, minħabba ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III.

48      Skont XXX.XX, ir-Repubblika Taljana ċaħdet it-talba tiegħu mingħajr ma evalwat is-sitwazzjoni ġenerali ta’ vjolenza indiskriminata li teżisti fl-Afganistan. L-imsemmija deċiżjoni ta’ trasferiment tikser l-Artikolu 4 tal-Karta minħabba r-riskju ta’ “refoulement indirett” li għalih din id-deċiżjoni tesponi XXX.XX, fis-sens li hija tista’ twassal lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tirritornah lejn l-Afganistan. Konsegwentement, XXX.XX jitlob lill-qorti tar-rinviju tannulla d-deċiżjoni ta’ trasferiment li huwa s-suġġett tagħha u tapplika favur tiegħu l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III.

49      Il-Ministeru għall-Intern jikkontesta l-fondatezza ta’ din it-talba. L-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tiġi eżaminata biss minn Stat Membru wieħed, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. L-għan tal-proċedura miftuħa permezz ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment adottata skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Dublin III ma huwiex li jiġi evalwat mill-ġdid ir-riskju marbut ma’ eventwali “refoulement” lejn il-pajjiż ta’ oriġini, iżda li tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment lejn il-Ġermanja, filwaqt li jiġi ppreċiżat li dan l-Istat Membru huwa obbligat li josserva l-projbizzjoni assoluta ta’ ritorn ta’ XXX.XX lejn pajjiż terz fejn jista’ jiġi suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Firenze (il-Qorti Distrettwali ta’ Firenze) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Prinċipalment, l-Artikolu 17(1) tar-[Regolament Dublin III] għandu jiġi interpretat, f’konformità mal-Artikoli 19 u 47 tal-[Karta] u tal-Artikolu 27 [ta’ dan ir-]Regolament […] fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru, adita bil-kontestazzjoni tad-dispożizzjoni tal-[Ministeru għall-Intern], tkun tista’ tiddikjara r-responsabbiltà tal-Istat nazzjonali li għandu jwettaq it-trasferiment abbażi tal-Artikolu 18(1)(d) [tal-imsemmi regolament], fejn tistabbilixxi l-eżistenza, fl-Istat Membru responsabbli, ta’ riskju li jista’ jwassal għal ksur tal-prinċipju tan-non-refoulement billi l-applikant jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fejn jiġi espost għal perikolu ta’ mewt jew ta’ trattamenti inumani jew degradanti.

2)      Sussidjarjament, l-Artikolu 3(2) tar-[Regolament Dublin III] għandu jiġi interpretat f’konformità mal-Artikoli 19 u 47 tal-[Karta] u mal-Artikolu 27 [ta’ dan ir-]Regolament […], fis-sens li l-qorti tkun tista’ tiddikjara r-responsabbiltà tal-Istat Membru li jkun obbligat li jwettaq it-trasferiment skont l-Artikolu 18(1)(d) tal-[imsemmi] regolament [għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali], meta tiġi stabbilita:

a)      l-eżistenza fl-Istat Membru responsabbli tar-riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement billi l-applikant jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fejn jiġi espost għal perikolu ta’ mewt jew trattamenti inumani jew degradanti;

b)      l-impossibbiltà li jitwettaq it-trasferiment lejn Stat ieħor li jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati fil-Kapitolu III tar-[Regolament Dublin III]”.

 Kawża C315/21

51      PP, li twieled fil-Pakistan, ippreżenta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja.

52      PP mar l-Italja fejn ippreżenta t-tieni applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Ir-Repubblika Taljana, wara verifika fid-database Eurodac, talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-finijiet tat-teħid lura skont l-Artikolu 18(b) tar-Regolament Dublin III, teħid lura li dan l-aħħar Stat Membru aċċetta skont l-Artikolu 18(1)(d) tal-istess regolament, li jwassal għall-adozzjoni, mir-Repubblika Taljana, ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment.

53      PP talab l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ta’ trasferiment quddiem it-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑315/21, minn naħa, minħabba ksur tad-dritt tiegħu għall-informazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III, u, min-naħa l-oħra, għar-raġuni li din id-deċiżjoni tissuġġettah illegalment għar-riskju ta’ “refoulement indirett” mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lejn il-Pakistan.

54      Il-Ministeru għall-Intern jikkontesta l-fondatezza ta’ dawn it-talbiet. Minn naħa, huwa pproduċa l-prova li l-intervista personali msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III saret u, min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) jirriżulta li l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata irregolaritajiet formali marbuta man-nuqqas ta’ osservanza tar-Regolament Dublin III u lanqas teżamina fil-mertu s-sitwazzjoni ta’ PP, sa fejn dan l-eżami huwa impost fuq l-Istat Membru diġà miżmum responsabbli, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III huwa insuffiċjenti sabiex tiġi invalidata d-deċiżjoni ta’ trasferiment li PP huwa s-suġġett tagħha fl-assenza ta’ ksur konkret tad-drittijiet ta’ dan tal-aħħar.

55      Fir-rigward tar-riskju ta’ “refoulement indirett”, il-Ministeru għall-Intern isostni li l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Dublin III, li jipprovdi li l-Istat Membru responsabbli għandu jiżgura li l-persuna kkonċernata jkollha l-possibbiltà jew kellha l-possibbiltà li jkollha rimedju effettiv, għandu jitqies li ġie osservat fl-Istati Membri kollha, sa fejn dan l-obbligu jirriżulta minn regolament tal-Unjoni, direttament applikabbli. Bl-istess mod, il-prinċipju ġenerali ta’ non-refoulement stabbilit fil-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954, u ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha, huwa ggarantit. Fid-dawl tal-fiduċja reċiproka li għandha tirregola r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-qrati ta’ Stat Membru ma jistgħux għalhekk jivverifikaw jekk il-possibbiltà ta’ rikors kontra ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hijiex iggarantita fi Stat Membru ieħor, indikat bħala l-Istat Membru responsabbli.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikoli 4 u 5 tar-[Regolament Dublin III] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ksur tagħhom fih innifsu jrendi illegali deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 27 [tal-istess regolament], indipendentement mill-konsegwenzi speċifiċi ta’ dak il-ksur għall-kontenut tad-deċiżjoni u l-identifikazzjoni tal-Istat Membru responsabbli?

2)      L-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III], moqri flimkien mal-Artikolu 18(1)(a) jew mal-Artikoli 18[(1)] (b), (c) u (d) u mal-Artikolu 20(5) [ta’ dan ir-]Regolament ta’ Dublin III, għandu jiġi interpretat fis-sens li jidentifika suġġetti differenti ta’ appell, ilmenti differenti li għandhom jitqajmu fi proċedimenti ġudizzjarji u aspetti differenti ta’ ksur tal-obbligi li tiġi pprovduta informazzjoni u li titwettaq intervista personali skont l-Artikoli 4 u 5 [tal-imsemmi] Regolament […]?

3)      Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affirmattiv, l-Artikoli 4 u 5 tar-[Regolament Dublin III] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-garanziji dwar l-informazzjoni, ipprovduti hemmhekk, jiġu żgurati biss fix-xenarju stabbilit fl-Artikolu 18(1)(a) u mhux ukoll fil-proċedura ta’ teħid lura, jew għandhom jiġu interpretati fis-sens li f’dik il-proċedura l-obbligi li tingħata informazzjoni jiġu żgurati mill-inqas fir-rigward tal-waqfien tar-responsabbiltajiet imsemmija fl-Artikolu 19 [tal-imsemmi regolament] jew tad-difetti sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta] msemmija fl-Artikolu 3(2) [tar-Regolament Dublin III]?

4)      L-Artikolu 3(2) [tar-Regolament Dublin III] għandu jkun interpretat fis-sens li “difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil” jinkludi kull konsegwenza ta’ deċiżjonijiet finali li jiċħdu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali diġà adottati mill-qorti tal-Istat Membru li jwettaq it-teħid lura, fejn il-qorti adita skont l-Artikolu 27 [tal-istess regolament] tqis li hemm riskju reali li l-applikant jista’ jsofri trattament inuman u degradanti jekk huwa jew hija tintbagħat lura lejn il-pajjiż tiegħu jew tagħha ta’ oriġini mill-Istat Membru, filwaqt li titqies ukoll l-eżistenza preżunta ta’ kunflitt armat ġeneralizzat fis-sens tal-Artikolu 15(c) tad-[Direttiva 2011/95]?”

 Kawża C328/21

57      GE, li joriġina mill-Iraq, ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Finlandja.

58      Sussegwentement GE mar l-Italja fejn kien is-suġġett ta’ allert għal residenza irregolari. Ir-Repubblika Taljana, wara verifika fid-database Eurodac, talbet lir-Repubblika tal-Finlandja għall-finijiet tat-teħid lura skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III, teħid lura li dan l-aħħar Stat Membru aċċetta skont l-Artikolu 18(1)(d) tal-istess regolament, li wassal għall-adozzjoni mir-Repubblika Taljana ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment.

59      GE kkontesta din id-deċiżjoni ta’ trasferiment quddiem it-Tribunal di Trieste (il-Qorti Distrettwali ta’ Trieste), li hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑328/21). Insostenn tal-appell tiegħu, huwa jsostni li l-imsemmija deċiżjoni ta’ trasferiment tikser l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, il-prinċipju ta’ non-refoulement, l-Artikolu 17 tar-Regolament Eurodac, l-Artikolu 20 tar-Regolament Dublin III kif ukoll l-obbligi li tingħata informazzjoni previsti fl-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac u fl-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III.

60      Il-Ministeru għall-Intern jikkontesta l-fondatezza ta’ dawn it-talbiet.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal di Trieste (il-Qorti Distrettwali ta’ Trieste) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Liema huma l-konsegwenzi legali li d-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprevedi fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ trasferiment għall-finijiet ta’ teħid lura skont [id-dispożizzjonijiet tat-]Taqsima III tal-Kapitolu VI tar-[Regolament Dublin III] meta l-Istat ma jkunx ta l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-[Regolament Dublin III] u fl-Artikolu 29 tar-[Regolament Eurodac]?

2)      B’mod partikolari, meta jkun ġie ppreżentat rimedju komplet u effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment:

a)      l-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III] għandu jiġi interpretat:

–        fis-sens li n-nuqqas ta’ provvista tal-fuljett [komuni] informattiv previst mill-Artikolu 4(2) u (3) [ta’ dan ir-regolament] […] lil persuna li tinsab fil-kundizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 23(1) [tal-imsemmi regolament][…], minnu nnifsu jiddetermina n-nullità assoluta tad-deċiżjoni ta’ trasferiment (u eventwalment anki l-kompetenza tal-Istat Membru li quddiemu l-persuna tkun ressqet it-talba għal protezzjoni internazzjonali l-ġdida)?

–        jew fis-sens li r-rikorrent għandu l-oneru li jipprova quddiem qorti li, kieku l-fuljett [komuni] ġie pprovdut lilu, il-proċedura kien ikollha eżitu differenti?

b)      L-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III] għandu jiġi interpretat:

–        fis-sens li n-nuqqas ta’ provvista tal-fuljett informattiv [komuni] previst mill-Artikolu 29 tar-[Regolament Eurodac] lil persuna li tinsab fil-kundizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 24(1) tar-[Regolament Dublin III], minnu nnifsu jiddetermina n-nullità assoluta tad-deċiżjoni ta’ trasferiment (u eventwalment anki l-offerta neċessarja konsegwenti tal-possibbiltà li tiġi ppreżentata talba għal protezzjoni internazzjonali ġdida)?

–        jew fis-sens li r-rikorrent għandu l-oneru li jipprova quddiem qorti li, kieku l-fuljett [komuni] ġie pprovdut lilu, il-proċedura kien ikollha eżitu differenti?”.

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

62      Il-qrati tar-rinviju fil-Kawżi C‑254/21, C‑297/21, C‑315/21 u C‑328/21 talbu l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa jew tat-trattament prijoritarju previsti, rispettivament, fl-Artikolu 105 u fl-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

63      Insostenn ta’ dawn it-talbiet, dawn il-qrati jinvokaw, essenzjalment, ix-xewqa li titneħħa s-sitwazzjoni ta’ inċertezza li jinsabu fiha l-persuni kkonċernati, peress li n-neċessità tirriżulta kemm mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mid-dritt nazzjonali li d-deċiżjonijiet fil-kawżi prinċipali jiġu adottati b’ħeffa, b’mod partikolari fid-dawl tan-numru kbir ta’ proċeduri pendenti li jirrigwardaw kwistjonijiet analogi, kif ukoll l-urġenza li jkun hemm sabiex jintemmu d-diverġenzi li jikkaratterizzaw il-ġurisprudenza nazzjonali f’dan il-qasam.

64      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Ġunju u tas‑6 ta’ Lulju 2021, l-imsemmija qrati ġew informati biċ-ċaħda tat-talbiet għal proċedura mħaffa. Dawn id-deċiżjonijiet huma ibbażati, essenzjalment, fuq ir-raġunijiet li ġejjin. Minn naħa, l-effetti tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment inkwistjoni f’dawn il-kawżi ġew sospiżi sakemm tingħata risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, l-argumenti invokati mill-istess qrati ma kinux probabbli li juru l-ħtieġa li tingħata deċiżjoni fil-kuntest tal-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura.

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma jistgħux ikunu suffiċjenti, bħala tali, sabiex jiġġustifikaw l-użu tal-proċedura mħaffa, la s-sempliċi interess tal-partijiet fil-kawża, irrispettivament minn kemm huwa importanti u leġittimu, sabiex mill-iktar fis possibbli tiġi ddeterminata l-portata tad-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni, u lanqas in-numru kbir ta’ persuni jew ta’ sitwazzjonijiet legali potenzjalment ikkonċernati mid-deċiżjoni li qorti tar-rinviju għandha tagħti wara li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Novembru 2018, Globalcaja, C‑617/18, EU:C:2018:953, punti 13 u 14 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), la l-argument ibbażat fuq il-fatt li kull talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda r-Regolament Dublin III teżiġi risposta mogħtija b’ħeffa (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Diċembru 2017, M. A. et., C‑661/17, EU:C:2017:1024, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata), u lanqas il-fatt li t-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ proċedura li għandha, fis-sistema nazzjonali, natura urġenti jew li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tagħmel kollox sabiex tiżgura riżoluzzjoni rapida tal-kawża prinċipali (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Jannar 2017, Hassan, C‑647/16, EU:C:2017:67, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata), lanqas, fl-aħħar nett, il-bżonn li tiġi unifikata l-ġurisprudenza nazzjonali diverġenti (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ April 2018, Oro Efectivo, C‑185/18, EU:C:2018:298, punt 17).

66      Fir-rigward tat-talbiet għal trattament prijoritarju, il-qrati tar-rinviju fil-Kawżi C‑315/21 u C‑328/21 ġew informati li ma kienx hemm lok li dawn il-kawżi jiġu ttrattati bi prijorità, b’applikazzjoni tal-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li din id-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkostitwixxix ċaħda tat-talbiet tagħhom, fil-każ fejn ir-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà, għal qorti tar-rinviju, li titlob it-trattament prijoritarju ta’ talba għal deċiżjoni preliminari abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

67      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Lulju 2021, il-Kawżi C‑228/21, C‑254/21, C‑297/21, C‑315/21 u C‑328/21 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq iddomandi preliminari

68      It-talbiet għal deċiżjoni preliminari tressqu fil-kuntest ta’ kawżi dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet ta’ trasferiment meħuda, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III, mill-Ministeru għall-Intern.

69      Fil-kawżi prinċipali kollha, id-deċiżjonijiet ta’ trasferiment ġew adottati fir-rigward tal-persuni kkonċernati mhux għat-teħid tar-responsabbiltà tagħhom mill-Istat Membru mitlub, skont l-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Dublin III, iżda għat-teħid lura tagħhom minn dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 18(1)(b) jew (d) ta’ dan ir-regolament, skont il-każ.

70      Skont il-kawżi prinċipali, jitqajmu waħda, l-oħra, jew iż-żewġ kwistjonijiet li ġejjin.

71      L-ewwel kwistjoni, inkwistjoni fil-Kawżi C‑228/21, C‑315/21 u C‑328/21, tikkonċerna d-dritt għall-informazzjoni, imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III u fl-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac, kif ukoll iż-żamma tal-intervista personali, imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III. B’mod iktar partikolari, hija tikkonċerna l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, għal-legalità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, mill-assenza ta’ komunikazzjoni tal-fuljett komuni msemmi fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Dublin III u fl-Artikolu 29(3) tar-Regolament Eurodac, kif ukoll mill-assenza ta’ żamma tal-intervista personali prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III.

72      It-tieni kwistjoni, inkwistjoni fil-Kawżi C‑254/21, C‑297/21 u C‑315/21, tikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni, mill-qorti responsabbli għall-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, tar-riskju marbut ma’ “refoulement indirett” tal-persuna kkonċernata u, għaldaqstant, ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement mill-Istat Membru responsabbli.

 Fuq iddomandi fil-Kawżi C228/21 u C328/21 kif ukoll fuq l-ewwel żewġ domandi fil-Kawża C315/21

73      Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju fil-Kawżi C‑228/21, C‑315/21 u C‑328/21 jistaqsu, essenzjalment, jekk ir-Regolament Dublin III, b’mod partikolari l-Artikoli 4, 5 u 27 tiegħu, kif ukoll ir-Regolament Eurodac, b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-assenza tal-provvista tal-fuljett komuni u/jew l-assenza ta’ żamma tal-intervista personali previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet jimplikaw in-nullità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment adottata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura ta’ persuna msemmija fl-Artikolu 23(1) jew fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Dublin III, indipendentement mill-konsegwenzi konkreti tan-nuqqas ta’ osservanza hawn fuq imsemmi fuq il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni ta’ trasferiment u fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

74      Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati l-portati rispettivi tad-dritt għall-informazzjoni u tad-dritt għall-intervista personali, u sussegwentement il-konsegwenzi marbuta mal-ksur ta’ dawn id-drittijiet.

 Dwar iddritt għallinformazzjoni (Artikolu 4 tarRegolament Dublin III u lArtikolu 29 tarRegolament Eurodac)

75      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-kawżi prinċipali jikkonċernaw deċiżjonijiet ta’ trasferiment adottati fil-kuntest mhux ta’ proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Dublin III, iżda ta’ proċeduri ta’ teħid lura ta’ persuni msemmija fl-Artikoli 23 u 24 ta’ dan ir-regolament. B’mod iktar partikolari, fil-Kawża C‑228/21, dan it-teħid lura jikkonċerna persuna li preċedentement ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor fejn hija qiegħda tiġi eżaminata, li jikkostitwixxi s-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 18(1)(b) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, fil-Kawżi C‑315/21 u C‑328/21, it-teħid lura jikkonċerna persuni li kull waħda minnhom tkun ippreżentat preċedentement applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor fejn din tkun ġiet miċħuda, li jikkorrispondi għas-sitwazzjoni prevista mill-Artikolu 18(1)(d) tal-imsemmi regolament.

76      Għandu jingħad ukoll li, fil-Kawżi C‑228/21 u C‑315/21, kull waħda mill-persuni kkonċernati ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil sussegwenti fl-Italja, filwaqt li, fil-Kawża C‑328/21, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li GE ma ppreżentax applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Italja, iżda kien jinsab f’sitwazzjoni irregolari hemmhekk. Madankollu, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li f’din il-kawża GE ssostni li ġie ittrattat bħala tali biss għaliex il-Ministeru għall-Intern ma ħax debitament inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

77      Huwa f’dan il-kuntest ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali sussegwenti (Kawżi C‑228/21 u C‑315/21) u, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ta’ residenza illegali sussegwenti għal applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fi Stat Membru ieħor (Kawża C‑328/21) li saret lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda dwar jekk u sa fejn l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III u dak previst fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Eurodac huma imposti fuq l-Istat Membru.

78      Sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, UNESA et, C‑105/18 sa C‑113/18, EU:C:2019:935, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

79      Qabelxejn, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u, fl-ewwel lok, ta’ dik tal-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 4, “[l]-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ipprovduta bil-miktub” u li “l-Istati Membri għandhom jużaw fuljett komuni mfassal skont il-paragrafu 3 għal dik ir-raġuni”. It-tieni, la l-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 4, u lanqas ir-riferiment li fih għall-Artikolu 20(2) tal-istess regolament ma jiddistingwu skont jekk l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li huma jsemmu hijiex l-ewwel applikazzjoni jew applikazzjoni sussegwenti. B’mod partikolari, din l-aħħar dispożizzjoni, tiddeskrivi b’mod ġenerali l-mument meta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies li ġiet ippreżentata. Għaldaqstant, din ma tistax tinftiehem bħala li tirreferi biss għall-ewwel applikazzjoni. Barra minn hekk u kif indikat l-Avukata Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tagħha, din l-interpretazzjoni hija dedotta wkoll mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2), in fine, tar-Regolament Dublin III, li jirreferi għall-Artikolu 20(2) tal-istess regolament fir-rigward ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sussegwenti għall-ewwel applikazzjoni.

80      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, skont l-interpretazzjoni litterali tiegħu, l-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III jeħtieġ il-komunikazzjoni tal-fuljett komuni hekk kif applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi ppreżentata, indipendentement mill-fatt jekk din hijiex, jew le, l-ewwel applikazzjoni.

81      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac, imsemmi fil-punt (b) tat-tieni domanda fil-Kawża C‑328/21, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li l-paragrafu 1(b) ta’ dan l-artikolu jipprovdi li “[p]ersuna koperta bl-[…] Artikolu 17(1)”, jiġifieri kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li joqogħdu illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, “għandha tkun infurmata mill-Istat Membru ta’ oriġini bil-miktub […] l-għan li għalih id-data tal-persuna se tkun ipproċessata fil-Eurodac, inkluża deskrizzjoni tal-għanijiet tar-[Regolament Dublin III], taħt l-Artikolu 4 tiegħu […]”.

82      It-tieni, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Eurodac jippreċiża li, “[g]ħal dak li għandu x’jaqsam ma’ persuna koperta bl-Artikolu 17(1), l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tingħata mhux aktar tard mill-ħin meta d-data li jkollha x’taqsam ma’ dik il-persuna tiġi trażmessa lis-Sistema Ċentrali. […]”.

83      It-tielet, l-Artikolu 29(3) tar-Regolament Eurodac jipprovdi li “[F]uljett komuni, li jiġbor fih tal-anqas l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu [1] ta’ dan l-Artikolu u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-[Regolament Dublin III]. għandu jitfassal skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 44(2) ta’ dak ir-Regolament”.

84      Minn dan isegwi li, skont l-interpretazzjoni litterali tiegħu, l-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac jeħtieġ il-komunikazzjoni tal-fuljett komuni lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jirrisjedu illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u li l-marki tas-swaba’ tagħhom jittieħdu u jiġu trażmessi lis-sistema ċentrali, fejn din il-komunikazzjoni għandha ssir mhux iktar tard mill-mument ta’ din it-trażmissjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din il-persuna tkunx, jew le, ippreżentat preċedentement applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor.

85      Sussegwentement, dawn l-interpretazzjonijiet litterali tal-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III u tal-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac huma kkorroborati mill-kuntest normattiv li jagħmlu parti minnu dawn id-dispożizzjonijiet.

86      Dan jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III, li jinsab fil-Kapitolu II, intitolat “Prinċipji Ġenerali u Salwagwardji”, ta’ dan ir-regolament. Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu huma intiżi li japplikaw għas-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, u, għaldaqstant, mhux biss għal sitwazzjoni partikolari, bħat-tressiq għall-ewwel darba ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

87      Barra minn hekk, mill-Artikolu 16a(1) tar-Regolament Nru 1560/2003 jirriżulta li l-fuljett komuni li jinsab fl-Anness X ta’ dan ir-regolament huwa intiż sabiex jinforma lill-applikanti “kollha” għal protezzjoni internazzjonali bid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III u tar-Regolament Eurodac. Dak l-Anness X huwa maqsum f’żewġ partijiet, jiġifieri Parti A u Parti B. Il-Parti A ta’ dan l-anness tinkludi mudell tal-fuljett komuni intiż għal kull applikant għal protezzjoni internazzjonali, tkun xi tkun is-sitwazzjoni tiegħu. Il-Parti B tal-imsemmi anness tinkludi mudell tal-fuljett komuni li huwa intiż, barra minn hekk, sabiex jiġi pprovdut lill-persuna kkonċernata fil-każijiet kollha fejn l-Istat Membru jqis li Stat Membru ieħor jista’ jkun responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil, inkluż, fid-dawl tal-ġeneralità tat-termini inklużi fil-kaxxa u n-nota ta’ qiegħ il-paġna relatata li tinsab f’din il-Parti A, imsemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, meta tkun l-okkażjoni tal-preżentata ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali li l-Istat Membru li lilu tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni jikkunsidra li huwa Stat Membru ieħor li jista’ jkun responsabbli mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni.

88      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac, huwa xieraq li jittieħed kont tal-fatt li l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li s-sistema Eurodac għandha bħala għan li “tgħin biex ikun determinat liema Stat Membru għandu jkun responsabbli konformement mar-Regolament [Dublin III] għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali depożitata fi Stat Membru minn ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, u inkella sabiex tiffaċilita l-applikazzjoni tar-Regolament [Dublin III] taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament”.

89      F’dan ir-rigward, l-Anness XIII tar-Regolament Nru 1560/2003, intitolat “Informazzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni anomali misjuba joqgħodu illegalment fi Stat Membru, skont l-Artikolu 29(3) tar-Regolament [Eurodac]”, għandu l-għan li jinforma lill-persuna kkonċernata li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih tirrisjedi illegalment jistgħu jieħdu l-marki tas-swaba’ tagħha, skont il-possibbiltà mogħtija lilhom mill-Artikolu 17 tar-Regolament Eurodac u li huma għandhom jeżerċitaw meta jqisu neċessarju li jivverifikaw jekk din il-persuna tkunx preċedentement ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor. Dan l-Anness XIII jinkludi kaxxa u nota ta’ qiegħ il-paġna relatata miegħu, imsemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, li fiha huwa ppreċiżat, għall-attenzjoni tal-persuna f’sitwazzjoni ta’ residenza illegali, li, jekk l-awtoritajiet kompetenti jqisu li din il-persuna setgħet ressqet tali applikazzjoni fi Stat Membru ieħor li jista’ jkun responsabbli għall-eżami tagħha, l-imsemmija persuna ser tirċievi informazzjoni iktar iddettaljata dwar il-proċedura li ser issegwi u l-effetti tagħha fuqha u għad-drittijiet tagħha, peress li din l-informazzjoni hija dik li tinsab fil-Parti B tal-Anness X tar-Regolament Nru 1560/2003.

90      Dan il-kuntest normattiv jikkonferma li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li tirrisjedi illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u li l-marki tas-swaba’ tagħha jittieħdu u jiġu trażmessi lis-sistema ċentrali mill-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Eurodac, sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ eventwali applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali diġà ppreżentata fi Stat Membru ieħor, għandha tirċievi l-komunikazzjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, tal-fuljett komuni. Għandu jingħad ukoll li din il-komunikazzjoni għandha tkopri kemm il-Parti B tal-Anness X tar-Regolament Nru 1560/2003, dwar il-każ fejn l-awtoritajiet kompetenti jkollhom raġuni sabiex jemmnu li Stat Membru ieħor jista’ jkun responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, kif ukoll il-Parti A ta’ dan l-anness, li fiha hija kkonċentrata l-parti l-kbira tal-informazzjoni dwar l-Eurodac, kif tirrifletti barra minn hekk in-nota ta’ qiegħ il-paġna li tinsab fil-Parti B ta’ dan l-anness, imsemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza.

91      Fl-aħħar, fir-rigward tal-għan tal-obbligu ta’ informazzjoni, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jsostnu, fl-osservazzjonijiet tagħhom, billi jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza tat‑2 ta’ April 2019, H. u R. (C‑582/17 u C‑583/17, EU:C:2019:280), li dan jaqa’ fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

92      Skont dawn il-partijiet ikkonċernati, fil-każ tal-proċeduri ta’ teħid lura skont l-Artikoli 23 jew 24 tar-Regolament Dublin III, proċeduri li huma applikabbli għall-persuni msemmija fl-Artikolu 20(5) jew fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) ta’ dan ir-regolament, l-operazzjoni ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli hija, fil-każijiet imsemmija minn din l-aħħar dispożizzjoni, diġà mitmuma fi Stat Membru jew, fl-ipoteżi prevista minn dan l-Artikolu 20(5), interrotta jew għadha għaddejja, fi Stat Membru li għandu jtemmha. B’hekk, ma huwiex l-Istat Membru rikjedenti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ teħid lura, li għandu jipproċedi għal determinazzjoni, jiġifieri dik tal-Istat Membru responsabbli, li taqa’, kemm jekk tkun konkluża jew le, fuq Stat Membru ieħor.

93      Għaldaqstant, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-komunikazzjoni tal-fuljett komuni, b’eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III u fl-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac, ma ssegwix għan utli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ teħid lura, għal dak li jirrigwarda, tal-inqas, il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

94      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ma hijiex neċessarjament magħluqa b’mod definittiv fl-istadju tal-proċedura ta’ teħid lura.

95      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 67 sa 80 tas-sentenza tat‑2 ta’ April 2019, H. u R. (C‑582/17 u C‑583/17, EU:C:2019:280), li, peress li r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija diġà stabbilita, ma hemmx lok li ssir applikazzjoni ġdida tar-regoli li jirregolaw il-proċess ta’ determinazzjoni ta’ din ir-responsabbiltà, fejn fl-ewwel post insibu l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III.

96      Madankollu, il-fatt li ma għandhiex issir tali determinazzjoni ġdida tal-Istat Membru responsabbli ma jfissirx, kif irrilevat ukoll, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-Istat Membru li għandu l-intenzjoni li jressaq jew li ressaq talba għall-finijiet ta’ teħid lura jista’ jinjora elementi ta’ informazzjoni li applikant jikkomunikalu u li jkunu ta’ natura li jostakolaw tali talba għal teħid lura kif ukoll it-trasferiment sussegwenti ta’ din il-persuna lejn l-Istat Membru mitlub.

97      Fil-fatt, jistgħu jwasslu għal bidla fid-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, provi relatati mat-twaqqif tar-responsabbiltà tal-Istat Membru mitluba skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament Dublin III (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Karim, C‑155/15, EU:C:2016:410, punt 27), man-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni tat-teħid lura msemmi fl-Artikolu 23(3) ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 55), man-nuqqas ta’ osservanza mill-Istat Membru rikjedenti tat-terminu ta’ trasferiment msemmi fl-Artikolu 29(2) tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 46), mal-eżistenza tan-nuqqasijiet sistemiċi fl-Istat Membru mitlub, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punti 85 u 86), jew ukoll mal-eżistenza, fir-rigward tal-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, ta’ riskju reali u kkonfermat ta’ trattamenti inumani jew degradanti fil-każ ta’ trasferiment fl-Istat Membru mitlub (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 96).

98      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li Stat Membru ma jistax, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, validament jagħmel talba għall-finijiet ta’ teħid lura, f’sitwazzjoni koperta mill-Artikolu 20(5) tar-Regolament Dublin III, meta l-persuna kkonċernata tkun bagħtet l-elementi li jistabbilixxu b’mod ċar li dan l-Istat Membru għandu jitqies bħala l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont il-kriterji ta’ responsabbiltà imsemmija fl-Artikolu 8 u 10 tal-imsemmi regolament. F’tali sitwazzjoni, għall-kuntrarju, huwa dan l-Istat Membru, li għandu jaċċetta r-responsabbiltà tiegħu stess (sentenza tat‑2 ta’ April 2019, H. u R., C‑582/17 u C‑583/17, EU:C:2019:280, punt 83).

99      Fl-aħħar, l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Dublin III espressament jipprovdi li, “[f]id-dawl tal-applikazzjoni tal-kriterji msemmijin fl-Artikolu 8, 10 u 16, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kull evidenza disponibbli rigward il-preżenza, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ membri tal-familja, qraba jew relazzjonijiet familjari oħra tal-applikant, bil-kundizzjoni li tali evidenza tiġi ppreżentata qabel ma Stat Membru ieħor jaċċetta t-talba biex jassumi r-responsabbiltà għall-persuna kkonċernata jew biex jeħodha lura, skont l-Artikoli 22 u 25 rispettivament, u li l-applikazzjonijiet preċedenti għall-protezzjoni internazzjonali tal-applikant ikunu għadhom ma kienux is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-ewwel dwar is-sustanza”.

100    Mill-punti 96 sa 99 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li sostnew il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, il-persuna kkonċernata tista’ tinvoka ċertu numru ta’ kunsiderazzjonijiet li jistgħu, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) tar-Regolament Dublin III, jemendaw id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li saret qabel fi Stat Membru ieħor jew, f’sitwazzjoni koperta mill-Artikolu 20(5) ta’ dan ir-regolament, jinfluwenzaw tali determinazzjoni.

101    Konsegwentement, l-għan tal-komunikazzjoni tal-fuljett komuni, li l-għan tiegħu huwa li jipprovdi lill-persuna kkonċernata informazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III u d-drittijiet tagħha fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, jsaħħaħ, min-naħa tiegħu, l-interpretazzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III u tal-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac li jirriżultaw mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u stabbiliti fil-punti 80 u 84 ta’ din is-sentenza.

102    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III u l-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni msemmija fih, b’mod partikolari l-fuljett komuni, japplika kemm fil-kuntest tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u ta’ proċedura ta’ teħid lura, imsemmija rispettivament fl-Artikolu 20(1) u fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III, kif ukoll fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sussegwenti u ta’ sitwazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Eurodac, li tista’ tagħti lok għal proċeduri ta’ teħid lura msemmija fl-Artikolu 23(1) u fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Dublin III.

 Dwar lintervista personali (Artikolu 5 tarRegolament Dublin III)

103    Mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li, sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, l-Istat Membru li jagħmel din id-determinazzjoni għandu jagħmel intervista personali mal-applikant u li din l-intervista tippermetti wkoll li jiġi żgurat li l-applikant jifhem b’mod korrett l-informazzjoni pprovduta lilu skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunsiderazzjonijiet dwar l-obbligu ta’ informazzjoni, li jinsabu fil-punti 96 sa 100 ta’ din is-sentenza, huma rilevanti wkoll fir-rigward tal-intervista personali prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III.

105    Fil-fatt, għalkemm il-fuljett komuni huwa intiż sabiex jinforma lill-persuna kkonċernata dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, l-intervista personali tikkostitwixxi l-mezz sabiex jiġi vverifikat li din il-persuna tifhem l-informazzjoni pprovduta lilha f’dan il-fuljett u tikkostitwixxi opportunità privileġġata, jew saħansitra l-garanzija, għaliha, li tkun tista’ tikkomunika lill-awtorità kompetenti elementi ta’ informazzjoni li jistgħu jwasslu lill-Istat Membru kkonċernat sabiex ma jressaqx √ talba quddiem Stat Membru ieħor għall-finijiet ta’ teħid lura, jew, jekk ikun il-każ, li jostakola t-trasferiment tal-imsemmija persuna.

106    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li sostnew il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, l-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li tinżamm l-intervista personali msemmi fih japplika kemm fil-kuntest tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u ta’ proċedura ta’ teħid lura, rispettivament imsemmija fl-Artikolu 20(1) u fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III, kif ukoll fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sussegwenti u ta’ sitwazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Eurodac, li tista’ tagħti lok għal proċeduri ta’ teħid lura msemmija fl-Artikolu 23(1) u fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Dublin III.

 Fuq ilkonsegwenzi talksur taddritt għallinformazzjoni u taddritt għallintervista personali

107    Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, li jipprevedi li l-persuna suġġetta għal deċiżjoni ta’ trasferiment għandha dritt għal rimedju effettiv kontra tali deċiżjoni, ma ssemmi ebda limitazzjoni tal-argumenti li jistgħu jiġu invokati fil-kuntest ta’ dan ir-rimedju. L-istess japplika fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1)(d) tal-istess regolament, dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-applikant mill-awtoritajiet kompetenti dwar il-possibbiltà li tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ trasferiment (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 36).

108    Madankollu, il-portata ta’ dan ir-rimedju hija ppreċiżata fil-premessa 19 tar-Regolament Dublin III, li tindika li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt internazzjonali, ir-rimedju effettiv stabbilit minn dan ir-regolament kontra d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment għandu jirrigwarda, minn naħa, l-eżami tal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, l-eżami tas-sitwazzjoni fattwali u legali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment)), C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, b’mod partikolari fir-rigward tal-evoluzzjoni ġenerali li għaddiet minnha s-sistema ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minħabba l-adozzjoni tar-Regolament Dublin III u l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, l-Artikolu 27(1) tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rimedju li huwa jipprevedi kontra deċiżjoni ta’ trasferiment għandu jkun jista’ jirrigwarda kemm l-osservanza tar-regoli li jattribwixxu r-responsabbiltà li tiġi eżaminata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll il-garanziji proċedurali previsti mill-istess regolament (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Issa, kemm l-obbligi ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III u fl-Artikolu 29(1)(b) u (3) tar-Regolament Eurodac, kif ukoll l-intervista personali prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III jikkostitwixxu garanziji proċedurali li għandhom jiġu żgurati lill-persuna kkonċernata jew li tista’ tkun ikkonċernata, b’mod partikolari, minn proċedura ta’ teħid lura skont l-Artikolu 23(1) jew l-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar. Minn dan isegwi li r-rimedju previst fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III kontra deċiżjoni ta’ trasferiment għandu, bħala prinċipju, ikun jista’ jirrigwarda l-ksur tal-obbligi li jinsabu f’dawn id-dispożizzjonijiet u, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-fuljett komuni, kif ukoll l-assenza taż-żamma tal-intervista personali.

111    Fir-rigward tal-konsegwenzi li jistgħu jkunu marbuta mal-ksur ta’ wieħed u/jew l-ieħor minn dawn l-obbligi, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Dublin III ma jipprovdix preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward.

112    Fir-rigward tar-Regolament Eurodac, jekk jiddetermina, fl-Artikolu 37 tiegħu, ir-responsabbiltà tal-Istati Membri lejn kull persuna jew kull Stat Membru li jkun sofra dannu minħabba pproċessar illegali jew kull azzjoni inkompatibbli mal-istess regolament, dan ma jipprovdi ebda preċiżazzjoni fir-rigward tal-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw, fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, min-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 29(1)(b) u (3) ta’ dan ir-regolament, u mfakkar fil-kaxxa kif ukoll fin-nota ta’ qiegħ il-paġna relatata li jinsabu fl-Anness XIII tar-Regolament Nru 1560/2003, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 89 ta’ din is-sentenza.

113    Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-proċeduri tal-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, sakemm, madankollu, dawn il-proċeduri ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (il-prinċipju ta’ ekwivalenza), u ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa partikolarment il-każ f’dak li jikkonċerna l-konsegwenzi legali, fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, tal-ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni jew/u tal-obbligu li tinżamm intervista personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, C‑517/17, EU:C:2020:579, punti 56 u 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

114    F’dan il-każ, madankollu, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju u mill-formulazzjoni tad-domandi preliminari jirriżulta li d-dritt tal-Istat Membru li fih jinsabu l-qrati tar-rinviju ma jippermettix, waħdu, li jiġu ddeterminati l-imsemmija konsegwenzi legali b’mod ċert u li, permezz ta’ dawn id-domandi, dawn il-qrati jixtiequ preċiżament ikunu jafu b’liema mod huma mitluba jissanzjonaw tali ksur.

115    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina liema konsegwenzi huma marbuta, fuq dan il-livell, mal-prinċipju ta’ effettività.

116    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-konsegwenzi legali li jistgħu jirriżultaw, f’dak li jikkonċerna dan il-prinċipju, tal-assenza tal-intervista individwali prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III, għandu, qabelxejn, isir riferiment għas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis (C‑517/17, EU:C:2020:579), mogħtija fir-rigward ta’ sitwazzjoni li fiha ċittadin ta’ pajjiż terz, li diġà huwa benefiċjarju tal-istatus ta’ refuġjat fi Stat Membru, jikkritika lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor li fih huwa kien ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali oħra, li ma semgħetux qabel iċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu bħala inammissibbli skont l-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri. Issa, bl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, wara li kkunsidrat il-prinċipju ta’ effettività, l-Artikoli 14 u 34 ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ksur tal-obbligu li tingħata lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali l-possibbiltà li jkollu intervista personali qabel l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ta’ inammissibbiltà ma jwassalx għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u r-rinviju tal-każ quddiem l-awtorità responsabbli għad-determinazzjoni, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix lil dan l-applikant, f’dan il-kuntest tal-proċedura ta’ rimedju kontra tali deċiżjoni, li jiġu osservati l-argumenti kollha ta’ din id-deċiżjoni, biex jispjega personalment l-argumenti kollha tiegħu kontra l-imsemmija deċiżjoni waqt seduta li tirrispetta l-kundizzjonijiet u l-garanziji fundamentali applikabbli, stabbiliti fl-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, u li dawn l-argumenti probabbilment ma jbiddlux l-istess deċiżjoni.

117    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod partikolari, fil-punt 70 tal-istess sentenza, li l-Artikoli 14, 15 u 34 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, minn naħa, jistabbilixxu, f’termini vinkolanti, l-obbligu, għall-Istati Membri, li jagħtu lill-applikant il-possibbiltà li jkollu intervista personali, kif ukoll regoli speċifiċi u ddettaljati dwar il-mod kif għandha ssir din l-intervista u, min-naħa l-oħra, tali regoli huma intiżi sabiex jiżguraw li l-applikant ikun ġie mistieden jipprovdi, f’kooperazzjoni mal-awtorità responsabbli għal din l-intervista, l-elementi rilevanti kollha sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà u, jekk ikun il-każ, il-fondatezza tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, li jagħti lil din l-istess intervista importanza primarja fil-proċedura ta’ eżami ta’ din l-applikazzjoni.

118    Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, fl-assenza taż-żamma ta’ intervista personali quddiem l-awtorità kompetenti, huwa biss meta ssir tali intervista quddiem il-qorti adita b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà adottata minn din l-awtorità u fl-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha previsti mid-Direttiva dwar il-Proċeduri, li huwa possibbli li tiġi żgurata n-natura effettiva tad-dritt għal smigħ f’dan l-istadju ulterjuri tal-proċedura (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, C‑517/17, EU:C:2020:579, punt 71).

119    Issa, għandu jiġi rrilevat li l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, jiġifieri l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata fi Stat Membru minn persuna li diġà tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali mogħtija mill-ewwel Stat Membru u r-ritorn tagħha fl-ewwel Stat Membru, ma humiex iktar gravi minn dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 23(1) u tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Dublin III, li jesponu persuni mingħajr protezzjoni internazzjonali għal teħid lura.

120    B’mod iktar speċifiku, is-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri twassal għal wkoll, a priori, inqas konsegwenzi serji għall-persuna kkonċernata minn dik, imsemmija fl-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Dublin III, li fiha t-talba għall-finijiet ta’ teħid lura tikkonċerna persuna li l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda mill-Istat Membru mitlub. Fil-fatt, f’dan l-aħħar każ, il-persuna kkonċernata mit-teħid lura ma għandhiex, bħal dik prevista minn inammissibbiltà tal-applikazzjoni għall-ażil tagħha, tintbagħat lura lejn Stat Membru fejn hija diġà tibbenefika mill-protezzjoni internazzjonali, iżda t-tkeċċija mill-Istat Membru mitlub lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

121    Barra minn hekk, u kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punti 134 sa 136 tal-konklużjonijiet tagħha, kemm id-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meħuda abbażi tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri kif ukoll id-deċiżjoni ta’ trasferiment li timplimenta t-teħid lura, imsemmija fl-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Dublin III, jeżiġu li l-persuna kkonċernata ma jkollhiex ir-riskju ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta, ħaġa li, fi kwalunkwe każ, l-intervista individwali tippermetti li jiġi żgurat. L-intervista personali għandha tippermetti, barra minn hekk, li tissemma l-preżenza ta’ membri tal-familja, qraba jew relazzjonijiet familjari oħra tal-applikant fit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti. Din tippermetti wkoll li jiġi eskluż li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jitqiesu li qegħdin fil-pajjiż b’mod irregolari, fil-mument li fih riedu jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

122    Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li, bħall-intervista prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, tista’ ssir deroga mill-obbligu li ssir l-intervista personali prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III biss f’ċirkustanzi limitati. F’dan ir-rigward, l-istess bħall-intervista personali fuq il-mertu tal-applikazzjoni għall-ażil tista’ ma sseħħx, kif jirriżulta mill-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, meta l-awtorità responsabbli tkun f’pożizzjoni li tieħu pożizzjoni pożittiva dwar l-istatus ta’ refuġjat abbażi tal-provi disponibbli, bl-istess mod id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 5(2)(b) u (3) tar-Regolament Dublin III jeħtieġu, fl-interess tal-persuna kkonċernata minn eventwali teħid lura, li l-intervista individwali prevista fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament tinżamm fil-każijiet kollha fejn l-awtorità kompetenti tista’ tadotta deċiżjoni ta’ trasferiment li tmur kontra x-xewqat tal-persuna kkonċernata.

123    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis (C‑517/17, EU:C:2020:579), fir-rigward tal-konsegwenzi li jintrabtu mal-ksur tal-obbligu li ssir l-intervista personali fil-kuntest ta’ deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali abbażi tal-Artikolu 33(2)(a) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, hija trasponibbli fil-kuntest tal-proċeduri ta’ teħid lura implimentati skont l-Artikolu 23(1) u l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Dublin III.

124    Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-Artikolu 5(2) tar-Regolament Dublin III, id-deċiżjoni ta’ trasferiment għandha, fuq appell ippreżentat kontra din tal-aħħar skont l-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament u li tikkontesta l-assenza tal-intervista individwali prevista f’dan l-Artikolu 5, tiġi annullata sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix lill-persuna kkonċernata, fil-kuntest tal-imsemmi appell, tesponi personalment l-argumenti kollha tagħha kontra l-imsemmija deċiżjoni waqt smigħ li josserva l-kundizzjonijiet u l-garanziji stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 5, u li dawn l-argumenti ma jistgħux ibiddlu l-istess deċiżjoni.

125    Fit-tieni lok, fil-każ fejn l-intervista personali prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III, li n-natura primordjali tagħha kif ukoll il-garanziji proċedurali relatati magħha ġew preċedentement enfasizzati, effettivament seħħet, iżda li l-fuljett komuni li għandu jiġi kkomunikat b’eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jew fl-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolament Eurodac ma ġiex ikkomunikat qabel iż-żamma tal-imsemmija intervista, huwa importanti, għall-finijiet li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ effettività, li jiġi vverifikat jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħetx twassal għal riżultat differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

126    Ir-rwol tal-qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ tali ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni għandu għalhekk jikkonsisti fil-verifika, skont iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt speċifiċi għall-każ inkwistjoni, jekk din l-irregolarità proċedurali, minkejja ż-żamma tal-intervista personali, effettivament ċaħħditx lill-persuna li tinvokaha mill-possibbiltà li ssostni l-argumenti tagħha b’tali mod li l-proċedura amministrattiva fir-rigward tagħha setgħet twassal għal riżultat differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 44).

127    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies, fir-rigward tal-obbligu ta’ informazzjoni, li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 27 tar-Regolament Dublin III kif ukoll l-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolament Eurodac, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-intervista individwali prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III tkun seħħet, iżda l-fuljett komuni li għandu jiġi kkomunikat lill-persuna kkonċernata b’eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III jew fl-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolament Eurodac ma ġiex ikkomunikat, il-qorti nazzjonali inkarigata sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ma tistax tiddeċiedi dwar l-annullament ta’ din id-deċiżjoni sakemm hija ma tikkunsidrax li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt speċifiċi għall-każ inkwistjoni, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-fuljett komuni, minkejja ż-żamma tal-intervista personali, effettivament ċaħħad lil din il-persuna mill-possibbiltà li ssostni l-argumenti tagħha b’tali mod li l-proċedura amministrattiva fir-rigward tagħha setgħet twassal għal riżultat differenti.

128    Konsegwentement, ir-risposta għad-domandi magħmula fil-Kawżi C‑228/21 u C‑328/21 kif ukoll għall-ewwel żewġ domandi magħmula fil-Kawża C‑315/21 għandha tkun li:

–        l-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III u l-Artikolu 29 tar-Regolament Eurodac għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni msemmija fih, b’mod partikolari l-fuljett komuni li l-mudell tiegħu jinsab fl-Anness X tar-Regolament Nru 1560/2003, japplika kemm fil-kuntest tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u ta’ proċedura ta’ teħid lura, imsemmija rispettivament fl-Artikolu 20(1) u fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III, kif ukoll fil-kuntest ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali u ta’ sitwazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Eurodac, li tista’ tagħti lok għal proċeduri ta’ teħid lura msemmija fl-Artikolu 23(1) u fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Dublin III;

–        l-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li tinżamm l-intervista individwali msemmija fih japplika kemm fil-kuntest tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u ta’ proċedura ta’ teħid lura, imsemmija rispettivament fl-Artikolu 20(1) u fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III, kif ukoll fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sussegwenti u ta’ sitwazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Eurodac, li tista’ tagħti lok għal proċeduri ta’ teħid lura msemmija fl-Artikolu 23(1) u fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Dublin III;

–        id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 27 tar-Regolament Dublin III, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għall-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, id-deċiżjoni ta’ trasferiment għandha, fuq appell ippreżentat kontra din tal-aħħar skont l-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament u li tikkontesta l-assenza tal-intervista individwali prevista fl-imsemmi Artikolu 5, tiġi annullata, sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix lill-persuna kkonċernata, fil-kuntest tal-imsemmi appell, tesponi personalment l-argumenti kollha tagħha kontra l-imsemmija deċiżjoni waqt smigħ li josserva l-kundizzjonijiet u l-garanziji stabbiliti f’dan l-aħħar artikolu u li dawn l-argumenti ma jistgħux ibiddlu l-istess deċiżjoni;

–        id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 27 tar-Regolament Dublin III kif ukoll l-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolament Eurodac, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-intervista personali prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament Dublin III tkun seħħet, iżda l-fuljett komuni li għandu jiġi kkomunikat lill-persuna kkonċernata b’eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin III jew fl-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolament Eurodac ma ġiex ikkomunikat, il-qorti nazzjonali inkarigata sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ma tistax tiddeċiedi dwar l-annullament ta’ din id-deċiżjoni sakemm hija ma tikkunsidrax li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt speċifiċi għall-każ inkwistjoni, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-fuljett komuni, minkejja ż-żamma tal-intervista personali, effettivament ċaħħad lil din il-persuna mill-possibbiltà li ssostni l-argumenti tagħha b’tali mod li l-proċedura amministrattiva fir-rigward tagħha setgħet twassal għal riżultat differenti.

 Fuq lewwel sattielet domanda filKawża C254/21, fuq it-tieni domanda fil-Kawża C297/21 u fuq ittielet domanda fil-Kawża C315/21

129    Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju fil-Kawżi C‑254/21, C‑297/21 u C‑315/21 jistaqsu, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament kif ukoll mal-Artikoli 4, 19 u 47 tal-Karta, jippermettix lill-qorti nazzjonali teżamina l-eżistenza ta’ riskju ta’ refoulement indirett li għalih ikun suġġett l-applikant għal protezzjoni internazzjonali wara t-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru mitlub, sa fejn dan tal-aħħar ikun diġà ċaħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tikkonċerna lil dan l-applikant, anki meta dan l-aħħar Stat Membru ma jippreżentax “difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III. B’mod partikolari, il-qrati tar-rinviju fil-Kawżi C‑254/21 u C‑315/21 jistaqsu jekk din il-possibbiltà teżistix meta l-qorti nazzjonali tagħti lill-kunċett ta’ “Protezzjoni interna”, fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar Standards għall‑Kwalifika, interpretazzjoni differenti minn dik adottata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru mitlub jew tqis, kuntrarjament għal dawn l-awtoritajiet, li fil-pajjiż ta’ oriġini jeżisti kunflitt armat, fis-sens tal-Artikolu 15(c) ta’ din id-direttiva.

130    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, id-dritt tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif speċifikat fl-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fir-rispett tad-dritt tal-Unjoni li jimplimentahom, kif ukoll fil-fatt li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom jinsabu f’pożizzjoni li jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta, b’mod partikolari fl-Artikoli 1 u 4 tagħha, li jistabbilixxu wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et,C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), jiġifieri d-dinjità tal-bniedem, li tinkludi b’mod partikolari il-projbizzjoni tat-trattamenti inumani jew degradanti.

131    Il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri għandu, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li l-Unjoni tikkostitwixxi u li abbażi tiegħu din tal-aħħar, konformement mal-Artikolu 67(2) TFUE, tiżgura l-assenza ta’ kontrolli ta’ persuni mal-fruntieri interni u tiżviluppa politika komuni fil-qasam tal-ażil, tal-immigrazzjoni u tal-kontroll mal-fruntieri esterni li hija bbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u li hija ekwa fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. F’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi fuq kull wieħed minn dawn l-Istati l-obbligu li jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et,C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

132    Għaldaqstant, fil-kuntest tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil, għandu jiġi preżunt li l-ipproċessar irriżervat għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali f’kull Stat Membru huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Karta, tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951, kif ukoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u li l-projbizzjoni ta’ refoulement, diretta jew indiretta, kif prevista b’mod espress fl-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, hija osservat f’kull Stat Membru.

133    Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li din is-sistema tiltaqa’, fil-prattika, ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-funzjonament fi Stat Membru partikolari, b’tali mod li jkun jeżisti riskju serju li applikanti għal protezzjoni internazzjonali jiġu ttrattati, f’dan l-Istat Membru, b’mod inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tagħhom (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Ibrahim et, C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, EU:C:2019:219, punt 86 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

134    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, skont l-Artikolu 4 tal-Karta, l-Istati Membri, inklużi l-qrati nazzjonali, huma meħtieġa li ma jittrasferixxux applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli, determinat skont ir-Regolament Dublin III, meta ma jistgħux jinjoraw li n-nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil f’dan l-Istat Membru jikkostitwixxu raġunijiet serji u kkonfermati li jwasslu lil dak li jkun sabiex jemmen li l-applikant ser ikun affaċċjat b’riskju reali li jiġi suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

135    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan it-trasferiment huwa eskluż jekk tali riskju jirriżulta minn nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru waqt it-trasferiment jew sussegwentement għalih. Għaldaqstant, huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 4, jekk huwiex fil-mument tat-trasferiment, matul il-proċedura ta’ ażil jew wara li din tintemm li l-persuna kkonċernata, minħabba t-trasferiment tagħha lejn l-Istat Membru responsabbli fis-sens tar-Regolament Dublin III, tista’ tiġi esposta għal riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punti 87 u 88).

136    F’dan ir-rigward, meta l-qorti adita b’appell kontra deċiżjoni ta’ trasferiment ikollha elementi prodotti mill-persuna kkonċernata sabiex din tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali riskju, din il-qorti hija obbligata tevalwa, abbażi ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati, kif ukoll fid-dawl tal-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali żgurat mid-dritt tal-Unjoni, ir-realtà ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati, jew inkella li jolqtu ċerti gruppi ta’ persuni (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punti 90).

137    F’dan il-każ, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qrati tar-rinviju fil-Kawżi C‑254/21, C‑297/21 u C‑315/21, ma jidhirx li l-eżistenza ta’ tali nuqqasijiet ġiet invokata minn DG, minn XXX.XX jew minn PP fil-konfront tal-Istati Membri li ġew iddeterminati bħala responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali f’dawn it-tliet kawżi.

138    Barra minn hekk, fis-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, essenzjalment, li kien hemm lok li l-Artikolu 4 tal-Karta jiġi interpretat fis-sens li, anki fl-assenza ta’ raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li jeżistu nuqqasijiet sistemiċi fl-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil, din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata meta ma jkunx eskluż li, f’każ partikolari, it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil fil-kuntest tar-Regolament Dublin III jinvolvi riskju reali u kkonfermat li dan l-applikant ikun, minħabba f’hekk, suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-imsemmi artikolu.

139    Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif jirriżulta mill-punt 96 ta’ dik is-sentenza, fil-kawża li tat lok għaliha, ir-riskju reali u kkonfermat li t-trasferiment tal-persuna kkonċernata kien ser jesponiha għal trattament inuman u degradanti kien marbut mar-riskju ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tagħha, sa fejn din il-persuna kellha, mill-bidu, kundizzjoni mentali u fiżika partikolarment gravi. Issa, bla ħsara għal verifiki mill-qrati tar-rinviju fil-Kawżi C‑254/21, C‑297/21 u C‑315/21, ebda wieħed mir-rikorrenti f’dawn il-kawżi ma jinsab f’sitwazzjoni personali paragunabbli.

140    Mill-banda l-oħra, id-differenza ta’ evalwazzjoni mill-Istat Membru rikjedenti, minn naħa, u l-Istat Membru responsabbli, min-naħa l-oħra, tal-livell ta’ protezzjoni li l-applikant jista’ jibbenefika minnu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar Standards għall‑Kwalifika jew tal-eżistenza ta’ theddid serju u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta’ persuna ċivili minħabba vjolenza indiskriminata f’każ ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali, skont l-Artikolu 15(c) ta’ din id-direttiva, bħala prinċipju ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-istħarriġ tal-validità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment.

141    Fil-fatt, din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda kompatibbli mal-għanijiet tar-Regolament Dublin III, li huwa intiż b’mod partikolari li jistabbilixxi metodu ċar u operazzjonali għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u li jipprevjeni l-movimenti sekondarji ta’ applikanti għall-ażil bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, NS et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 84, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2019, H. u R., C‑582/17 u C‑583/17, EU:C:2019:280, punt 77). Dawn l-għanijiet jipprekludu lill-qorti li teżamina d-deċiżjoni ta’ trasferiment milli tagħmel evalwazzjoni tal-mertu tar-riskju ta’ refoulement f’każ ta’ ritorn. Din il-qorti għandha fil-fatt tikkunsidra bħala stabbilit il-fatt li l-awtorità kompetenti fil-qasam tal-ażil tal-Istat Membru responsabbli ser tevalwa u tiddetermina korrettament ir-riskju ta’ refoulement, fl-osservanza tal-Artikolu 19 tal-Karta, u li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ser ikollu, konformement mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta, rimedji effettivi sabiex jikkontesta, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni tal-imsemmija awtorità f’dan ir-rigward.

142    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda fil-Kawża C‑254/21, għat-tieni domanda fil-Kawża C‑297/21 u għat-tielet domanda fil-Kawża C‑315/21 għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament kif ukoll mal-Artikoli 4, 19 u 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru rikjedenti, adita b’appell kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, ma tistax teżamina jekk jeżistix riskju, fl-Istat Membru mitlub, ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement li għalih ikun suġġett l-applikant għal protezzjoni internazzjonali wara t-trasferiment tiegħu lejn dan l-Istat Membru, jew sussegwentement għalih, meta din il-qorti ma tikkonstatax l-eżistenza, fl-Istat Membru mitlub, ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Id-diverġenzi ta’ opinjonijiet bejn l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istat Membru rikjedenti, minn naħa, u dawk tal-Istat Membru mitlub, min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet sostantivi tal-protezzjoni internazzjonali ma jistabbilixxux l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi.

 Fuq ir-raba’ domanda punt (a) fil-Kawża C254/21 u l-ewwel domanda fil-Kawża C297/21

143    Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju fil-Kawżi C‑254/21 u C‑297/21 jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll mal-Artikoli 4, 19 u 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru li adotta d-deċiżjoni ta’ trasferiment, adita b’appell minn din id-deċiżjoni, tista’, jew saħansitra għandha, tiddikjara lil dan l-Istat Membru responsabbli meta hija ma taqbilx mal-evalwazzjoni tal-Istat Membru mitlub fir-rigward tar-refoulement eventwali tal-persuna kkonċernata.

144    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed, li huwa dak li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament jindikaw bħala responsabbli.

145    Permezz ta’ deroga għal dan l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, l-Artikolu 17(1) tiegħu jipprevedi li kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tiġi ppreżentata lilu minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida, anki jekk dan l-eżami ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu skont tali kriterji.

146    Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, jirriżulta b’mod ċar li din id-dispożizzjoni hija ta’ natura fakultattiva sa fejn hija tħalli għad-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru d-deċiżjoni dwar it-twettiq tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata lilu, anki jekk dan l-eżami ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu skont il-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stabbiliti minn dan ir-regolament. L-eżerċizzju ta’ din il-fakultà ma huwiex, barra minn hekk, suġġett għal ebda kundizzjoni partikolari. L-imsemmija fakultà hija intiża sabiex tippermetti lil kull Stat Membru li jiddeċiedi b’mod sovran, skont kunsiderazzjonijiet politiċi, umanitarji jew prattiċi, li jaċċetta li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, anki jekk huwa ma jkunx responsabbli skont kriterji stabbiliti mill-imsemmi regolament (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, M. A. et, C‑661/17, EU:C:2019:53, punt 58).

147    Fid-dawl tal-portata tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija b’dan il-mod lill-Istati Membri, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li fihom huwa jixtieq jagħmel użu mill-fakultà mogħtija mill-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III u li jaċċetta li jeżamina huwa stess applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li huwa ma jkunx responsabbli għaliha skont il-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, M. A. et, C‑661/17, EU:C:2019:53, punt 59).

148    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li min-natura purament fakultattiva tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III u min-natura diskrezzjonali tas-setgħa li dawn jagħtu lill-Istat Membru rikjedenti jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien mal-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament u mal-Artikoli 4, 19 u 47 tal-Karta, ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq il-qorti ta’ dan l-Istat Membru li tiddikjara lil dan tal-aħħar bħala responsabbli, minħabba li hija ma taqbilx mal-evalwazzjoni tal-Istat Membru mitlub fir-rigward tar-riskju ta’ refoulement tal-persuna kkonċernata.

149    It-tieni, mill-punt 142 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-qorti tal-Istat Membru rikjedenti, adita b’appell kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, ma tistax teżamina r-riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement mill-Istat Membru mitlub li għalih ikun suġġett l-applikant għal protezzjoni internazzjonali wara t-trasferiment tiegħu lejn dan l-Istat Membru jew sussegwentement għalih meta ma jkunx hemm, fl-imsemmi Stat Membru, nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

150    Għaldaqstant, il-qorti tal-Istat Membru rikjedenti lanqas ma tista’ ġġiegħel lil dan tal-aħħar japplika l-klawżola diskrezzjonali prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III minħabba li fl-Istat Membru mitlub jeżisti riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

151    It-tielet, jekk nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru mitlub waqt it-trasferiment jew sussegwentement għalih kellhom jiġu pprovati, ir-responsabbiltà tal-Istat Membru rikjedenti tkun ibbażata fuq l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, b’tali mod li ma jkunx hemm lok, għall-Istat Membru rikjedenti, li jirrikorri għall-Artikolu 17(1) tal-istess regolament f’każ bħal dan.

152    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-risposta għall-punt (a) tar-raba’ domanda fil-Kawża C‑254/21 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑297/21 għandha tkun li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament kif ukoll mal-Artikoli 4, 19 u 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-qorti tal-Istat Membru rikjedenti tiddikjara lil dan l-Istat Membru responsabbli meta hija ma taqbilx mal-evalwazzjoni tal-Istat Membru mitlub fir-rigward tar-riskju ta’ refoulement tal-persuna kkonċernata. Fl-assenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru mitlub waqt it-trasferiment jew sussegwentement għalih, il-qorti tal-Istat Membru rikjedenti lanqas ma tista’ ġġiegħel lil dan tal-aħħar jeżamina huwa stess applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali abbażi tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III għar-raġuni li, skont din il-qorti, jeżisti riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement fl-Istat Membru mitlub.

 Fuq ilpunt (b) tarraba’ domanda fil-Kawża C254/21

153    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-punt (a) tar-raba’ domanda fil-Kawża C‑254/21 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑297/21, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-punt (b) tar-raba’ domanda fil-Kawża C‑254/21.

 Fuq lispejjeż

154    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)            L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, u

l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

l-obbligu li tiġi pprovduta l-informazzjoni msemmija fihom, b’mod partikolari l-fuljett komuni li l-mudell tiegħu jinsab fl-Anness X tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, japplika kemm fil-kuntest tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u ta’ proċedura ta’ teħid lura, imsemmija rispettivament fl-Artikolu 20(1) u fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 604/2013, kif ukoll fil-kuntest ta’ applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali u ta’ sitwazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 603/2013, li tista’ tagħti lok għal proċeduri ta’ teħid lura msemmija fl-Artikolu 23(1) u fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 604/2013;

–        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 604/2013

għandu jiġu interpretati fis-sens li:

l-obbligu li tinżamm l-intervista individwali msemmija fih japplika kemm fil-kuntest tal-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u ta’ proċedura ta’ teħid lura, imsemmija rispettivament fl-Artikolu 20(1) u fl-Artikolu 21(1) tal-istess regolament, kif ukoll fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sussegwenti u ta’ sitwazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 603/2013, li tista’ tagħti lok għal proċeduri ta’ teħid lura msemmija fl-Artikolu 23(1) u fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 604/2013.

–        Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 27 tar-Regolament Nru 604/2013,

għandu jiġu interpretati fis-sens li:

bla ħsara għall-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, id-deċiżjoni ta’ trasferiment għandha, fuq appell ippreżentat kontra din tal-aħħar skont l-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament u li tikkontesta l-assenza tal-intervista individwali prevista fl-imsemmi Artikolu 5, tiġi annullata, sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix lill-persuna kkonċernata, fil-kuntest tal-imsemmi appell, tesponi personalment l-argumenti kollha tagħha kontra l-imsemmija deċiżjoni waqt smigħ li josserva l-kundizzjonijiet u l-garanziji stabbiliti f’dan l-aħħar artikolu u li dawn l-argumenti ma jistgħux ibiddlu l-istess deċiżjoni.

–        Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 27 tar-Regolament Nru 604/2013 kif ukoll l-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolament Nru 603/2013

għandu jiġu interpretat fis-sens li:

meta l-intervista personali prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 604/2013 tkun seħħet, iżda l-fuljett komuni li għandu jiġi kkomunikat lill-persuna kkonċernata b’eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 4 ta’ dan r-regolament jew fl-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolament Nru 603/2013 ma ġiex ikkomunikat, il-qorti nazzjonali inkarigata sabiex tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ma tistax tiddeċiedi dwar l-annulament ta’ din id-deċiżjoni sakemm hija ma tikkunsidrax li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt speċifiċi għall-każ inkwistjoni, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-fuljett komuni, minkejja ż-żamma tal-intervista personali, effettivament ċaħħad lil din il-persuna mill-possibbiltà li ssostni l-argumenti tagħha b’tali mod li l-proċedura amministrattiva fir-rigward tagħha setgħet twassal għal riżultat differenti.

2)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 604/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament kif ukoll mal-Artikoli 4, 19 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġu interpretat fis-sens li:

l-qorti tal-Istat Membru rikjedenti, adita b’appell kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, ma tistax teżamina jekk jeżistix riskju, fl-Istat Membru mitlub, ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement li għalih ikun suġġett l-applikant għal protezzjoni internazzjonali wara t-trasferiment tiegħu lejn dan l-Istat Membru, jew sussegwentement għalih, meta din il-qorti ma tikkonstatax l-eżistenza, fl-Istat Membru mitlub, ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Id-diverġenzi ta’ opinjonijiet bejn l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istat Membru rikjedenti, minn naħa, u dawk tal-Istat Membru mitlub, min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet sostantivi tal-protezzjoni internazzjonali ma jistabbilixxux l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi.

3)      L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament kif ukoll mal-Artikoli 4, 19 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

għandu jiġu interpretat fis-sens li:

li ma jobbligax lill-qorti tal-Istat Membru rikjedenti tiddikjara lil dan l-Istat Membru responsabbli meta hija ma taqbilx mal-evalwazzjoni tal-Istat Membru mitlub fir-rigward tar-riskju ta’ refoulement tal-persuna kkonċernata. Fl-assenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru mitlub waqt it-trasferiment jew sussegwentement għalih, il-qorti tal-Istat Membru rikjedenti lanqas ma tista’ ġġiegħel lil dan tal-aħħar jeżamina huwa stess applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali abbażi tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għar-raġuni li, skont din il-qorti, jeżisti riskju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement fl-Istat Membru mitlub.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan