Language of document : ECLI:EU:F:2007:188

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

7 ta’ Novembru 2007

Kawża F-57/06

Jacques Hinderyckx

vs

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea

“Uffiċjali Pubbliċi - Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2005 – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista’ ta’ uffiċjali promossi – Ksur ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti – Eżami komparattiv tal-merti – Rapporti ta’ evalwazzjoni minn istituzzjonijiet differenti”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu Hinderyckx jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kunsill li ma tippromwovihx għall-grad B*8, skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2005, kif ukoll il-promozzjoni tiegħu għall-imsemmi grad, u, min-naħa l-oħra, il‑kumpens tad‑dannu sostnut.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jbati, barra l-ispejjeż tiegħu, terz ta’ l-ispejjeż tar-rikorrent. Ir-rikorrent għandu jbati żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Promozzjoni – Kontestazzjoni ta’ kandidat li ma ġiex promoss

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25(2), 45 u 90(2))

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti (Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 45)

3.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti (Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 45; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

4.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti (Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 45)

1.      Għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra mhijiex obbligata li tagħti motivazzjonijiet għad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni fir-rigward ta’ l-uffiċjali mhux promossi, hija, bil-kontra, obbligata li tagħti motivazzjonijiet għad-deċiżjoni tagħha li tiċħad l‑ilment ta’ uffiċjal mhux promoss, peress li l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda għandha titqies li tikkoinċidi mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li kontra tagħha sar l-ilment.

Peress li skont il-kliem ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, il‑promozzjonijiet isiru fuq għażla, huwa biżżejjed li l-motiovazzjoni taċ-ċaħda tal‑kontestazzjoni kkonċernata tikkonċerna s-sodisfazzjoni tal-kundizzjonijiet legali li għalihom ir-Regolamenti tal-Persunal jissuġġettaw ir-regolarità tal‑promozzjoni.

Barra minn hekk, deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ l-ilment kontra deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ promozzjoni tissodisfa r-rekwiżit ta’ motivazzjoni sa fejn hija tippermetti lill‑interessat li jevalwa l‑fondatezza tad-deċiżjoni li ma tippromwovihx u l‑opportunità li jippreżenta rikors quddiem il-qorti Komunitarja, kif ukoll lil din ta’ l-aħħar li tistħarreġ il‑legalità tad-deċiżjoni ta’ promozzjoni.

Rigward, b’mod iktar partikolari, is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal li eżerċita l-mobbiltà interistituzzjonali, u anki jekk il-livell partikolarment għoli tar-rapport ta’ evalwazzjoni stabbilit fl-isituzzjoni ta’ oriġini jista’ jagħti l-impressjoni li hija mixtieqa motivazzjoni iktar kompleta u dettaljata, l-Awtorità tal-Ħatra tissodisfa r‑rekwiżit ta’ motivazzjoni meta tippreċiża li r-rapporti kollha ta’ l-interessat ittieħdu inkunsiderazzjoni meta sar l-eżami komparattiv tal-merti, tindika li l‑evalwazzjonijiet analitiċi u ġenerali ġew evalwati sabiex il-metodi tad-diversi evalwaturi jitqiesu fil-perspettiva tagħhom u tispjega kif l-anzjanità ttieħdet inkunsiderazzjoni.

Fi kwalunkwe każ, u sakemm bidu ta’ motivazzjoni ngħata mill-Awtorità tal‑Ħatra, preċiżjonijiet addizzjonali jistgħu jitressqu matul il-kawża.

(ara l-punti 25 sa 27, 31 u 32)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il-Kummissjoni, C‑343/87, Ġabra p. I‑225, punt 13; 9 ta’ Diċembru 1993, Il-Parlament vs Volger, C‑115/92 P, Ġabra p. I‑6549, punti 22 u 23

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Mejju 1997, Contargyris vs Il-Kunsill, T‑6/96, ĠabraSP p. I‑A‑119 u II‑357, punt 147; 18 ta’ Diċembru 1997, Delvaux vs Il‑Kummissjoni, T‑142/95, ĠabraSP p. I‑A‑477 u II‑1247, punt 84; 27 ta’ April 1999, Thinus vs Il-Kummissjoni, T‑283/97, ĠabraSP p. I‑A‑69 u II‑353, punti 74 sa 76; 21 ta’ Settembru 1999, Oliveira vs Il-Parlament, T‑157/98, ĠabraSP p. I‑A‑163 u II‑851, punt 50; 10 ta’ Ġunju 2004, Liakoura vs Il-Kunsill, T‑330/03, ĠabraSP p. I‑A‑191 u II‑859, punt 42; 3 ta’ Frar 2005, Heurtaux vs Il‑Kummissjoni, T‑172/03, ĠabraSP p. I‑A‑15 u II‑63, punt 44; 3 ta’ Ottubru 2006, Nijs vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, T‑171/05, ĠabraSP p. I-A-2-195 u II‑A‑2‑999, punt 42

2.      L-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni sabiex tagħmel l-eżami komparattiv tal-merti ta’ l-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi u dan l-eżami komparattiv, ibbażat b’mod partikolari fuq ir-rapporti ta’ evalwazzjoni, għandu jsir b’attenzjoni u b’imparzjalità, fl-interess tas-servizz u skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali, abbażi ta’ sorsi ta’ informazzjoni u ta’ tagħrif komparabbli. Għal dan il-għan, hija għandha s-setgħa mogħtija taħt regolament li tagħmel eżami tal-merti ta’ l-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi skont il-proċedura jew il-metodu li hija tqis li huwa l-aktar xieraq.

B’hekk, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jiġi limitat għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-mezzi u l-motivi li setgħu jwasslu lill-amministrazzjoni għall‑evalwazzjoni tagħha, din baqgħet f’limiti li ma jistgħu jiġu kkritikati u ma użatx is‑setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat. Għaldaqstant il-qorti ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-kwalifiki u l-merti tal-kandidati minflok dik ta’ l-Awtorità tal-Ħatra.

(ara l-punti 43 u 44)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 1 ta’ Lulju 1976, De Wind vs Il-Kummissjoni, 62/75, Ġabra p. 1167, punt 17; 17 ta’ Diċembru 1992, Moritz vs Il-Kummissjoni, C‑68/91 P, Ġabra p. I‑6849, punt 16

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 3 ta’ Ottubru 2000, Cubero Vermurie vs Il‑Kummissjoni, T‑187/98, ĠabraSP p. I‑A‑195 u II‑885, punt 59; 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, ĠabraSP p. I‑A‑253 u II‑1169, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata, u punti 53 u 54

3.      Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni jikkostitwixxu għall-Awtorità tal-Ħatra, kemm fil‑verżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal qabel id-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Mejju 2004, tar-Regolament Nru 723/2004, li jemendaw ir-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll is-sistema applikabbli għall-impjegati l-oħrajn, kif ukoll f’dawk fis-seħħ minn din id-data, element ta’ evalwazzjoni importanti ħafna għall-promozzjoni ta’ uffiċjali. Il-verżjoni ta’ l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal fis-seħħ qabel l‑1 ta’ Mejju 2004 kien jipprovdi li, flimkien mar-rapporti ta’ evalwazzjoni, element ieħor kellu jkun is-suġġett ta’ eżami komparattiv għall-promozzjoni, jiġifieri l‑“merti”, mingħajr madankollu ma jiġi spjegat il-kontenut preċiż ta’ dan it‑terminu, kompitu li sar mill-ġurisprudenza, li ddeċideit li t-terminu inkwistjoni jirreferi għal informazzjoni oħra dwar is-sitwazzjoni amministrattiva u personali ta’ l-uffiċjali, tali li l-evalwazzjoni titqies biss fid-dawl tar-rapporti ta’ evalwazzjoni.

Minn issa ’l quddiem, l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa aktar ċar fuq l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-promozzjoni, meta jirreferi, minbarra għar-rapporti ta’ evalwazzjoni, għall-użu ta’ lingwi oħrajn barra l‑lingwa li l-uffiċjali kkonċernati jkunu wrew li għandhom għarfien dettaljat, fuq il-livell tar-responsabbilitajiet eżerċitati; bħala regola ġenerali, huwa fid-dawl ta’ dawn it-tliet elementi li l-Awtorità tal‑Ħatra issa tagħmel l-eżami komparattiv tal‑merti ta’ l-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, b’tali mod li t-terminu “merti” stabbilit fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu għalhekk portata differenti u, essenzjalment, usa’ mit-terminu identiku użat fil-verżjoni ta’ dan l‑Artikolu applikabbli qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

Barra minn hekk, peress li l-ġurisprudenza ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tar‑Regolament Nru 723/2004 irrikonoxxiet li, fl-evalwazzjoni tal-merti ta’ l-uffiċjali, l-Awtorità tal-Ħatra tista’, b’mod sussidjarju, tieħu elementi oħrajn inkunsiderazzjoni, bħall-età tal-kandidati u l-anzjanità tagħhom fil-grad jew fis‑servizz, dawn l-elementi sussidjarji jistgħu wkoll jkunu utli illum jew fil-każ ta’ ugwaljanza tal-merti bejn uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tliet elementi msemmijin b’mod espliċitu fl-Artikolu 45 tar‑Regolamenti tal-Persunal, u jikkostitwixxu ġustament fattur deċiżiv fl-għażla ta’ l-Awtorità tal-Ħatra.

(ara l-punti 45 u 46)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Novembru 1993, X vs Il-Kummissjoni, T‑89/91, T‑21/92 u T‑89/92, Ġabra p. II‑1235, punti 49 u 50 ; 29 ta’ Frar 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑280/94, ĠabraSP p. I‑A‑77 u II‑239, punt 138; 21 ta’ Ottubru 1997, Patronis vs Il-Kunsill, T‑168/96, ĠabraSP p. I‑A‑299 u II‑833, punt 35; 5 ta’ Marzu 1998, Manzo-Tafaro vs Il-Kummissjoni, T‑221/96, ĠabraSP p. I‑A‑115 u II‑307, punti 17 u 18; 24 ta’ Frar 2000, Jacobs vs Il‑Kummissjoni, T‑82/98, ĠabraSP p. I‑A‑39 u II‑169, punti 36 sa 39; 11 ta’ Lulju 2002, Perez Escanilla vs Il-Kummissjoni, T‑163/01, ĠabraSP p. I‑A‑131 u II‑717, punt 29; 9 ta’ April 2003, Tejada Fernández vs Il-Kummissjoni, T‑134/02, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑609, punt 42

4.      Għalkemm l-istituzzjonijiet Komunitarji, minn naħa, għandhom jassiguraw li l‑mobbilità ma tmurx kontra l-iżvilupp tal-karriera ta’ l-uffiċjali li jkunu suġġett tagħha u, min-naħa l-oħra, għandhom jagħmlu eżami tas-sitwazzjoni ta’ l-uffiċjal li jkun is-suġġett tal mobbiltà, sabiex jivverifikaw li l-uffiċjali ttrasferiti ma ġewx penalizzati fil-kuntest tal‑proċedura ta’ promozzjoni, m’hemm l-ebda obbligu, skont l-Artikolu 45 tar‑Regolamenti tal-Persunal, li l-istituzzjoni jkollha regoli preċiżi dwar is‑sitwazzjoni ta’ l-uffiċjali li jkunu eżerċitaw il-mobbiltà.

Fil-fatt, l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa mogħtija taħt regolament li twettaq il‑promozzzjonijiet skont il-proċedura u l-metodi li hija tiddeċiedi li huma xierqa. Għalhekk, u fid-dawl tal-bażi legali pprovduta mill-Artikolu 45 tar‑Regolamenti tal-Persunal u l-obbligu li jirriżulta minnhom għall‑istituzzjonijiet, jiġifieri li jsir, fil-każijiet kollha, eżami komparattiv tal-merti fid-dawl, b’mod partikolari, tar‑rapporti ta’ evalwazzjoni, uffiċjal ma jistax jeżiġi li istituzzjoni tadotta regoli li jorganizzaw speċifikatament il-proċedura u l-metodi ta’ tqabbil bejn l-uffiċjali li ġew evalwati fi ħdanha u dawk li ngħaqdu mal-istituzzjoni wara li kienu ġew evalwati minn istituzzjoni oħra. F’dan il-kuntest, uffiċjal ma jistax jikkritika lill‑istituzzjoni kkonċernata li użat is-setgħa tagħha b’mod manifestament żbaljat peress li ma adottatx dan il-kuntest leġiżlattiv, mingħajr ma jressaq prova li kien jeżisti riskju reali ta’ arbitrarjetà fl-eżami komparattiv tal-merti ta’ l-uffiċjali fin‑nuqqas ta’ miżuri adottati f’dan is-sens. Barra minn hekk, kuntrarjament għall‑Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal b’mod partikolari fir-rigward tar‑rapporti ta’ evalwazzjoni, ma jirriżulta l-ebda obbligu li jiġi adottat kuntest leġiżlattiv dwar l-implementazzjoni tal-proċeduri ta’ promozzjoni mill-Artikolu 45 tar‑Regolamenti tal-Persunal, u dan, ukoll jekk ċerti istituzzjonijiet irregolaw l‑imsemmija proċeduri permezz ta’ deċiżjonijiet interni.

(ara l-punti 55, 59 u 60)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Cubero Vermurie vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, punti 68 u 69; 28 ta’ Settembru 2004, Tenreiro vs Il-Kummissjoni, T‑216/03, ĠabraSP p. I‑A‑245 u II‑1087, punti 92 u 95