Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Torino (l-Italja) fit-12 ta’ Mejju 2016 – VCAST Limited vs R.T.I. SpA

(Kawża C-265/16)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale ordinario di Torino

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: VCAST Limited

Konvenuta: R.T.I. SpA

Domandi preliminari

Dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lil imprenditur kummerċjali milli jipprovdi lil individwi s-servizz ta’ reġistrazzjoni vidjo mill-bogħod, bil-modalità hekk imsejħa ‘cloud computing’, ta’ kopji privati ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, permezz ta’ intervent attiv fir-reġistrazzjoni min-naħa tiegħu, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni 1 (kif ukoll mad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku 2 , fis-Suq Intern u mat-Trattat ta’ stabbiliment)?

Dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti lil imprenditur kummerċjali jipprovdi lil individwi s-servizz ta’ reġistrazzjoni vidjo mill-bogħod, bil-modalità hekk imsejħa ‘cloud computing’, ta’ kopji privati ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, anki jekk dan ikun jimplika intervent attiv fir-reġistrazzjoni min-naħa tiegħu, anki mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, għal kumpens remuneratorju b’rata fissa favur id-detentur tad-drittijiet, li essenzjalment jiġi suġġett għal sistema ta’ liċenzja obbligatorja, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari mal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (kif ukoll mad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern u mat-Trattat ta’ stabbiliment)?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.

2     “Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399.