Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2016 – Yanukovych vs Il-Kunsill

(Kawża T-245/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Oleksandr Viktorovych Yanukovych (Donetsk, l-Ukraina) (rappreżentant: T. Beazley, QC)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/318 tal-4 ta’ Marzu 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2016 L 60, p. 76) sa fejn din tapplika għar-rikorrent;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/311 tal-4 ta’ Marzu 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2016 L 60, p. 1) fuq il-bażi li ma jirnexxiliex tħassar ir-Regolament Nru 208/2014, sa fejn dan japplika għar-rikorrent;

tordna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (il-“Kunsill”) ma kellux bażi legali xierqa għall-miżuri kkontestati. Argumenti insostenn ta’ dan il-motiv, u motivi sussegwenti, jinkludu dan li ġej. Il-kundizzjonijiet li bihom il-Kunsill ibbaża ruħu fuq l-Artikolu 29 TUE ma ġewx issodisfatti bil-miżuri kkontestati. Dawn il-miżuri kkontestati kienu inkonsistenti mal-għanijiet invokati espressament mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/318 (l-istat ta’ dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina). Fil-fatt, il-miżuri kkontestati jimminaw l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem billi jappoġġjaw reġim li ma għandux storja ta’ konformità mad-drittijiet tal-bniedem jew konformità mal-istat tad-dritt. Il-Kunsill ma jista’ bl-ebda mod jistrieħ validament fuq deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina jew tal-qrati, ukoll minħabba li la huma indipendenti u lanqas imparzjali, u huma suġġetti għal indħil politiku mir-reġim attwali fl-Ukraina. Il-preżunzjoni ta’ innoċenza, li għaliha huwa intitolat ir-rikorrent, ġiet miksura ripetutament mill-awtoritajiet Ukraini.

It-tieni motiv, li jallega li l-Kunsill uża ħażin il-poter tiegħu. L-iskop reali tal-Kunsill fl-implementazzjoni tal-miżuri kkontestati kien u huwa li jindehes mar-reġim attwali fl-Ukraina, u sabiex jimmassimizza l-influwenza politika tiegħu ma’ dan ir-reġim, li ma humiex użi xierqa tal-poteri kkonċernati.

It-tielet motiv, li jallega li l-Kunsill naqas milli jagħti motivazzjoni xierqa u suffiċjenti, billi bbaża ruħu biss fuq dikjarazzjonijiet konvenzjonali u impreċiżi.

I-raba’ motiv, li jallega li r-rikorrent ma jissodisfax il-kriterji ddikjarati li bihom persuna tiġi elenkata fiż-żmien rilevanti. Il-materjal invokat mill-Kunsill ma kienx bażi fattwali suffiċjentement soda għall-elenkar tar-rikorrent.

Il-ħames motiv, li jallega li l-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-inklużjoni tar-rikorrent fil-miżuri kkontestati. Il-Kunsill ma kellux provi konkreti, fattwalment affidabbli u konsistenti sabiex jiġġustifika l-miżuri kkontestati, u ma ssuġġettax il-materjal limitat li kellu għal reviżjoni suffiċjentement rigoruża.

Is-sitt motiv, li jallega li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent ġew miksura u/jew li huwa ġie mċaħħad minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fost affarijiet oħra, il-Kunsill naqas milli adegwatament jikkonsulta mar-rikorrent qabel il-miżuri kkontestati, u r-rikorrent ma ngħatax opportunità xierqa jew ġusta sabiex jew jikkorreġi żbalji jew sabiex jipproduċi informazzjoni rilevanti.

Is-seba’ motiv, li jallega li d-drittijiet tar-rikorrent għall-proprjetà, skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, ġew miksura.

____________