Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fit-12 ta’ Novembru 2020 – DuoDecad Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-596/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: DuoDecad Kft.

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága.

Domandi preliminari

L-Artikolu 2(1)(c), l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-akkwirent tal-liċenzja tan-know-how – kumpannija stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni (fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-Portugall), ma jipprovdix lill-utenti finali s-servizzi disponibbli fuq sit tal-internet, b’tali mod li ma jistax ikun id-destinatarju tas-servizz ta’ appoġġ tekniku tan-know how żgurat minn persuna taxxabbli, stabbilita fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni (fit-tilwima fil-kawża prinċipali, l-Ungerija), li topera bħala subappaltatur, iżda li din tal-aħħar tipprovdi tali servizzi lill-fornitur tal-liċenzja tan-know-how stabbilit f’dan l-Istat Membru tal-aħħar, f’ċirkustanzi li fihom l-akkwirent tal-liċenzja:

kellu uffiċċji mikrija fl-ewwel Stat Membru, infrastruttura tal-informatika u tal-uffiċċju, persunal tiegħu u esperjenza estensiva fil-qasam tal-kummerċ elettroniku, u kellu proprjetarju b’netwerk ta’ relazzjonijiet internazzjonali wiesa’ u amministratur ikkwalifikat fil-qasam tal-kummerċ elettroniku;

kien irċieva n-know-how li jirrifletti l-proċess ta’ funzjonament tas-siti tal-internet u l-aġġornament tagħhom, kien jagħti l-opinjoni tiegħu dwarhom, kien jissuġġerixxi modifiki għall-imsemmija proċessi u kien japprovahom,

kien id-destinatarju tas-servizzi li l-persuna taxxabbli kienet tipprovdi abbażi ta’ dan in-know how;

kien jirċievi regolarjament rapporti dwar is-servizzi mwettqa mis-subappaltaturi (b’mod partikolari, dwar it-traffiku tas-siti tal-internet u l-pagamenti mwettqa mill-kont bankarju);

kien irreġistra f’ismu l-ismijiet ta’ dominji tal-internet li jippermettu l-aċċess għas-siti tal-internet permezz tal-internet;

kien jidher fuq is-siti tal-internet bħala l-fornitur ta’ servizzi;

kien jiżgura huwa nnifsu l-proċessi intiżi għaż-żamma tal-popolarità tas-siti tal-internet;

kien jikkonkludi huwa nnifsu, f’ismu proprju, il-kuntratti ta’ subappalt u ta’ kooperazzjoni neċessarji għall-provvista ta’ servizzi (b’mod partikolari mal-banek li kienu jiżguraw il-ħlas b’kard bankarja fuq is-siti tal-internet, flimkien mal-persuni li jipprovdu l-kontenut aċċessibbli fuq is-siti tal-internet u mal-amministraturi tas-sit li jippromwovu il-kontenut);

kellu sistema kompleta ta’ riċezzjoni tad-dħul li ġej mill-provvista tas-servizz inkwistjoni lill-utenti finali, bħal kontijiet bankarji, id-dritt li juża esklużivament u kompletament dawn il-kontijiet bankarji, bażi ta’ data dwar l-utenti finali li tippermetti li jinħarġulhom fatturi għall-provvista ta’ servizzi, kif ukoll is-softwer ta’ fatturazzjoni rispettiv tiegħu;

fuq is-siti tal-internet, kien jindika s-sede rispettiva tiegħu fl-ewwel Stat Membru bħala l-post fiżiku tas-servizz lill-klijenti, u

huwa kumpannija indipendenti kemm mill-fornitur ta’ liċenzja kif ukoll mis-subappaltaturi Ungeriżi responsabbli mit-twettiq ta’ proċessi tekniċi partikolari deskritti fin-know-how,

u huwa ppreċiżat barra minn hekk li (i) iċ-ċirkustanzi esposti preċedentement kienu kkonfermati wkoll mill-awtorità korrispondenti tal-ewwel Stat Membru, fil-pożizzjoni tagħha ta’ korp li jista’ jiċċertifika l-preżenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi oġġettivi u li jistgħu jiġu vverifikati minn terzi, (ii) kien jikkostitwixxi ostakolu oġġettiv għall-provvista tas-servizz fl-Istat Membru l-ieħor permezz tas-siti tal-internet il-fatt li l-kumpannija ta’ dan l-Istat Membru ma setgħetx taċċedi għal fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li jiggarantixxi l-aċċettazzjoni ta’ ħlasijiet b’kard bankarja fuq is-siti tal-internet, u li, għal din ir-raġuni, il-kumpannija stabbilita f’dan l-istess Stat Membru qatt ma wettqet il-provvista tas-servizz disponibbli fuq is-sit tal-internet, la qabel u lanqas wara l-perijodu meqjus, u (iii) il-kumpannija akkwirenti tal-liċenzja u l-impriżi relatati tagħha kisbu profitt mill-użu tas-sit tal-internet globalment ogħla mid-differenza li tirriżulta mir-rata ta’ VAT applikabbli fl-ewwel u fit-tieni Stat Membru?

L-Artikolu 2(1)(c), l-Artikolu 24(1) u l-Artikolu 43 tad-Direttiva dwar il-VAT, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fornitur tal-liċenzja tan-know-how – kumpannija stabbilita fl-Istat Membru l-ieħor – tipprovdi s-servizzi disponibbli fuq sit tal-internet lill-utenti finali, b’tali mod li huwa d-destinatarju tas-servizz ta’ sapport tekniku tan-know-how żgurat mill-persuna taxxabbli, li topera bħala subappaltatur, u din tal-aħħar ma tipprovdix tali servizz lill-akkwirent tal-liċenzja stabbilita fl-ewwel Stat Membru, f’ċirkustanzi li fiha l-kumpannija fornitriċi tal-liċenzja:

bħala riżorsi proprji kellha biss uffiċċju mikri u kompjuter użat mill-amministratur tagħha,

ma kellhiex persunal tagħha lil hinn mill-amministratur tagħha u konsulent legali part-time xi sigħat fil-ġimgħa,

ma kellhiex kuntratti oħrajn ħlief il-kuntratt ta’ żvilupp tan-know-how,

kienet ħalliet, skont il-kuntratt konkluż mal-fornitur ta’ liċenzja, lill-kumpannija detentriċi ta’ liċenzja tirreġistra f’isimha l-ismijiet ta’ dominju li hija proprjetarja tagħhom,

qatt ma dehret bħala l-fornitur tas-servizzi inkwistjoni f’għajnejn terzi, b’mod partikolari f’dawk tal-utenti finali, tal-banek li jiżguraw il-ħlas b’kard bankarja fuq is-siti tal-internet, tal-persuni li jipprovdu l-kontenut aċċessibbli fuq is-siti tal-internet u tal-amministraturi ta’ sit li jippromwovu l-kontenut,

qatt ma ħarġet dokumenti ta’ sostenn dwar is-servizzi disponibbli fuq is-siti tal-internet, bl-eċċezzjoni tal-fattura dwar id-drittijiet ta’ liċenzja, u

ma kellhiex sistema (bħal kontijiet bankarji speċifiċi u infrastrutturi oħrajn) li jippermettu r-riċezzjoni tad-dħul mis-servizz ipprovdut fuq is-siti tal-internet, u huwa ppreċiżat ukoll li, skont is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C-419/14, EU:C:2015:832), ma huwiex deċiżiv, fih innifsu, li l-amministratur u l-uniku azzjonist tal-kumpannija fornitriċi tal-liċenzja ta’ know-how hija l-persuna li ħalqitu u li, barra minn hekk, din l-istess persuna teżerċita influwenza jew kontroll fuq l-iżvilupp u l-użu tal-imsemmi know-how u l-provvista ta’ servizzi li kienet ibbażata fuqu, b’tali mod li l-persuna fiżika li hija l-amministratriċi u l-proprjetarju tal-kumpannija fornitriċi tal-liċenzja hija wkoll l-amministratriċi u/jew l-proprjetarja tal-kumpanniji subappaltaturi – għalhekk tar-rikorrenti – li jikkontribwixxu – billi jeżegwixxu l-kompiti li huma imposti fuqhom għal dan l-iskop – għall-provvista ta’ servizzi bħala subappaltaturi, fuq talba tal-akkwirent tal-liċenzja?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).