Language of document : ECLI:EU:T:2011:399

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

18 ta’ Lulju 2011

Kawża T-450/10 P

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Terminu raġonevoli għall-preżentata ta’ talba għad-danni — Tardività — Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett:      Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tad-9 ta’ Lulju 2010, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (F-91/09), intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Luigi Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Terminu għall-preżentata — Terminu raġonevoli

(Artikolu 270 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Rikors — Termini — Talba għal kumpens indirizzata lil istituzzjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Setgħa ta’ evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Klassifikazzjoni legali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)

1.      Kawża bejn uffiċjal u istituzzjoni li fuqha huwa jew kien dipendenti, u intiża għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni, taqa’, meta din tkun toriġina minn relazzjoni ta’ impjieg li torbot lill-persuna kkonċernata mal-istituzzjoni, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li hija tkun estranja għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-fatt li l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistabbilixxu ebda terminu għall-preżentata ta’ talba għall-ħlas tad-danni ma jirrendix illegali l-eżiġenza ta’ terminu raġonevoli għall-preżentata ta’ tali talba. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, partikolarment fir-rigward ta’ talba għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni, għandha ssir b’osservanza tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li huma l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Issa, dawn il-prinċipji ġenerali jipprekludu, fin-nuqqas ta’ provvedimenti mit-testi, li l-istituzzjonijiet u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jkunu jistgħu jaġixxu mingħajr ebda limitu temporali, u b’hekk jagħtu lok għar-riskju, partikolarment, li jippreġudikaw l-istabbiltà ta’ sitwazzjonijiet legali kweżiti, u jirrikjedu l-osservanza ta’ terminu raġonevoli. Għalhekk, il-kontestazzjoni, lil hinn minn terminu raġonevoli, ta’ fatt li jagħti lok għad-danni kkawżati minn istituzzjoni Ewropea fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħha mal-membri tal-persunal tagħha tinċidi fuq iċ-ċertezza legali tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-imsemmija istituzzjoni u l-membri tal-persunal tagħha u tesponi l-baġit tal-Unjoni għal spejjeż marbuta ma’ fatt li jagħti lok għad-danni li jkun imbiegħed wisq f’termini temporali. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi li l-membri tal-persunal jippreżentaw f’terminu raġonevoli ta’ żmien it-talbiet tagħhom għad-danni wara li jkunu sofrew danni kkawżati minn istituzzjoni Ewropea fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħhom ma’ din tal-aħħar.

F’dan ir-rigward, ir-riferiment għat-terminu previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi kkunsidrat bħala limitu. Madankollu, il-fatt li talba tkun ġiet ippreżentata qabel l-iskadenza ta’ ħames snin li jibdew jiddekorru minn meta l-persuna kkonċernata tkun kisbet konjizzjoni tas-sitwazzjoni li tilmenta dwarha ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-imsemmija talba ġiet ippreżentata f’terminu raġonevoli.

(ara l-punti 24 sa 27 u 29)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il-Kummissjoni, T‑45/01, Ġabra p. II-3315, punt 59; 5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il-Kummissjoni, T‑144/02, Ġabra p. II-3381, punt 62; 26 ta’ Ġunju 2009, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑114/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑53 u II‑B‑1‑313, punti 12 u 25, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Id-determinazzjoni tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors hija kwistjoni ta’ dritt u, fin-nuqqas ta’ terminu previst mil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-preżentata ta’ talba għad-danni li jirriżultaw minn relazzjoni ta’ impjieg bejn uffiċjal u l-istituzzjoni li huwa dipendenti fuqha, l-imsemmija talba għandha tiġi ppreżentata f’terminu raġonevoli li għandu jibda jiddekorri mill-mument li fih l-uffiċjali ikun kiseb konjizzjoni tas-sitwazzjoni li jilmenta dwarha, li għandu jiġi ddeterminat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. F’dan ir-rigward, għalkemm it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jikkonstata u jevalwa l-fatti rilevanti b’mod sovran, sakemm ma jiżnaturahomx, huwa għandu sussegwentement jikklassifikhom fid-dawl tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, bħala indikazzjoni, ir-riferiment għat-terminu previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi kkunsidrat bħala limitu.

(ara l-punti 28, 29 u 31)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 26 ta’ Ġunju 2009, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑114/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑53 u II‑B‑1‑313, punti 25 u 27, u l-ġurisprudenza ċċitata