Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Ottubru 2009 - Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-396/09)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Vereniging Milieudefensie (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht (Utrecht, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: A. van den Biesen, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors fondat;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 6121, tat-28 ta' Lulju 2009, ikkontestata fil-kawża preżenti;

tordna lill-Kummissjoni tagħti deċiżjoni fuq il-mertu dwar it-talba għal reviżjoni interna f'terminu stabbilit mill-Qorti tal-Prim'Istanza;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti huma żewġ organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tal-ambjent li talbu lill-konvenuta, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 1, sabiex twettaq reviżjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni preċedenti C(2009)2560, tas-7 ta' April 2009, li permezz tagħha l-Kummissjoni allokat estensjoni tat-terminu lill-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jissodisfaw l-obbligi dwar it-titjib tal-kwalità tal-arja li huma għandhom taħt id-Direttiva 2008/50/KE 2. Ir-rikorrenti jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li permezz tagħha t-talba tagħhom għal reviżjoni tad-deċiżjoni preċedenti indirizzata lill-Pajjiżi l-Baxxi ġiet iddikjarata inammissibbli.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw qabelxejn l-argument li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma invokatx il-limitu tal-portata tar-Regolament Nru 1367/2006 prevista fl-Artikolu 2(1)(ċ) u li, konsegwentement, id-deċiżjoni tas-7 ta' April 2009 ma ġietx adottata fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-poteri leġiżlattivi.

Ir-rikorrenti jsostnu, barra minn hekk, li d-deċiżjoni tas-7 ta' April 2009 hija att ta' portata individwali u mhux ġenerali.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li meta dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju derivat ma tkunx konformi mal-Konvenzjoni ta' Aarhus li ġiet approvata mill-Kunsill 3, id-dispożizzjoni kkonċernata għandha tiġi interpretata skont l-imsemmija konvenzjoni u li, fil-każ li dan ikun impossibbli, il-konvenzjoni għandha tiġi applikata direttament mill-organi u mill-istituzzjonijiet tal-Komunità. Konsegwentement, ir-rikorrenti jqisu li m'hemmx bżonn li jiġi applikat l-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta' Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13)

2 - Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta' Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, p. 1, emendata bil-ĠU L 10, 15.1.2009, p. 35).

3 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta' Frar 2005, dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 124, p. 1)