Language of document : ECLI:EU:T:2011:220

Kawża T-341/09

Consejo Regulador de la Denominación de Origen Txakoli de Álava et

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja kollettiva verbali TXAKOLI — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 — Nuqqas ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009”

Sommarju tas-sentenza

1.      Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Inbid — Deskrizzjoni u preżentazzjoni tal-inbejjed — Regolamenti Nru 1493/1999 u Nru 753/2002 — Distinzjoni bejn indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali addizzjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1493/1999, Artikolu 47(2)(e); Regolament tal-Kummissjoni Nru 753/2002, Artikolu 23)

2.      Trade mark Komunitarja — Trade marks Komunitarji kollettivi — Sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu iservu sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi — Eċċezzjoni — Interpretazzjoni stretta

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1)(c) u 66(2), u Nru 1234/2007)

1.      Id-distinzjoni bejn indikazzjonijiet ġeografiċi, fis-sens wiesa’, u termini tradizzjonali addizzjonali tirriżulta b’mod ċar mir-Regolament Nru 1493/1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid - Regolament bażiku li jippreċedi r-Regolament Nru 1234/2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS), u fuq liema regolament ġie bbażat ir-Regolament Nru 753/2002, li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni tal-oriġini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid -, peress li fl-Artikolu 47(2)(e) tiegħu huwa kien jindika li r-regoli dwar id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni tal-oriġini u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti koperti bl-imsemmi regolament, kif ukoll il-protezzjoni ta’ ċerti indikazzjonijiet u termini u ta’ ċerti frażijiet, kienu jinkludu b’mod partikolari, dispożizzjonijiet li jirregolaw l-użu ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u ta’ termini tradizzjonali.

Fost dawn tal-aħħar, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 753/2002 – imħassar bir-Regolament Nru 607/2009, li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid – kien jiddefinixxi t-termini tradizzjonali oħra bħala “termini addizzjonali tradizzjonali użati fl-Istati Membri produtturi biex jinnominaw, fil-każ ta’ l-inbejjed [tal-mejda li għandhom indikazzjoni ġeografika u l-inbejjed ta’ kwalità prodotti f’reġjun speċifiku] il-produzzjoni jew il-metodu tax-xjuħija [ageing method] jew il-kwalità, il-kulur, it-tip ta’ post, jew xi ġrajja partikolari marbuta ma’ l-istorja ta’ l-inbid ikkonċernat u definita f’leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru għall-iskopijiet tad-deskrizzjoni ta’ l-inbid ikkonċernat li joriġina fit-territorju tiegħu.” Bħala konsegwenza, it-termini tradizzjonali addizzjonali, fis-sens tar-Regolament Nru 753/2002 kienu termini li jiddeskrivu ċerti elementi karatteristiċi tal-inbid, tal-post tal-produzzjoni jew tal-istorja tiegħu u mhux tal-oriġini ġeografika tiegħu.

(ara l-punti 27, 28)

2.      Skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, b’deroga mill-Artikolu 7(1)(c), sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew servizzi jistgħu jikkostitwixxu trade marks Komunitarji kollettivi skont it-tifsira tal-paragrafu 1. L-imsemmi Artikolu 66(2), li jipprovdi eċċezzjoni għar-raġuni għal rifjut prevista fl-imsemmi Artikolu 7(1)(c), ma għandux jiġi interpretat b’mod estensiv li jkopri s-sinjali li jikkostitwixxu indikazzjoni ġeografika ta’ sfond biss.

Fir-rigward tas-suq speċifiku ħafna tal-inbid, li taċċetta, fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ppreżentata lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), li l-frażi li għaliha saret l-applikazzjoni tiddeskrivi jew tista’ sservi biex tiddeskrivi, f’użu normali mill-perspettiva tal-pubbliku relevanti, pajjiż bħala oriġini ġeografika tal-inbid inkwistjoni ttellef il-kompetenza tal-awtoritajiet intervenjenti fil-proċeduri intiżi għall-ħolqien ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini ġodda jew ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti li jinkludu din il-frażi jew intiżi għaż-żieda tan-numru ta’ denominazzjonijiet assoċjati ma’ dawn it-termini.

Madankollu, huma l-awtoritajiet li għandhom jiddeterminaw, permezz tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom u wara li jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk frażi għandhiex tiġi protetta bħala deskrizzjoni tal-oriġini ġeografika ta’ prodott u dan b’osservanza tal-proċedura speċifika prevista f’dan ir-rigward bir-Regolament Nru 1234/2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS), li tinkludi b’mod partikolari drittijiet speċifiċi għall-persuni interessati u timplika l-possibbiltà li d-deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni tiġi kkontestata quddiem il-qorti tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

(ara l-punti 35-37)