Language of document : ECLI:EU:C:2015:557

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Cruz Villalón

ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2015 (1)

Kawża C‑300/14

Imtech Marine Belgium NV

vs

Radio Hellenic SA

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Hof van Beroep te Antwerpen (il‑Belġju)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 805/2004 — Ordni Ewropew ta’ infurzar għal krediti mhux ikkontestati — Kundizzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni — Standards minimi applikabbli għall-proċeduri interni — Drittijiet ta’ difiża tad-debitur — Artikolu 19 — Eżami mill-ġdid f’każijiet eċċezzjonali — Kompiti tar-Reġistratur tal-qorti”





1.        Dan il-każ joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità għall-ewwel darba li tinterpreta l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 805/2004 (2) li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux ikkontestati (iktar ’il quddiem “ir-Regolament OEI”). F’dawk il-każijiet eċċezzjonali fejn id-debitur, għal raġunijiet li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tiegħu, ma setax jikkontesta t-talba jew jiddefendi lilu nnifsu, dan l-artikolu jissuġġetta ċ-ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni dwar talba mhux ikkontestata għall-kundizzjoni li d-dritt proċedurali għandu jissodisfa sett ta’ standards minimi stabbiliti f’dan l-istess artikolu. L-għan aħħari ta’ tali standards minimi huwa li jiġi żgurat li jkun ġew irrispettati b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tad-debitur li kontrih tista’ tiġi eżegwita deċiżjoni ċċertifikata bħala ordni Ewropew ta’ infurzar fl-Istat Membru ta’ oriġini; f’dan ir-rigward għandu jiġi nnutat li, bit-tneħħija tal-exequatur, il-qrati tal-Istat Membru fejn ikun qed jintalab l-infurzar ma humiex se jkunu jistgħu jissottomettu d-deċiżjoni ċċertifikata b’dan il-mod għal kwalunkwe tip ta’ stħarriġ.

2.        Il-qorti tar-rinviju, li għandha tiddeċiedi fl-appell jekk huwiex possibbli li deċiżjoni mogħtija mill-qorti tal-ewwel istanza tiġi ċċertifikata bħala ordni Ewropew ta’ infurzar, għandha dubji dwar sa liema punt l-ordinament ġuridiku Belġjan josserva b’mod effettiv l-istandards proċedurali minimi stabbiliti fir-Regolament OEI, b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu. F’dan il-kuntest, hija tagħmel ħames domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, li r-risposta għalihom għandha tippermettilha tiddetermina jekk id-dritt Belġjan huwiex adattat, jew le, għar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 19 imsemmi iktar 'il fuq u jekk, għaldaqstant, id-deċiżjonijiet dwar talbiet mhux ikkontestati maħruġa mill-qrati Belġjani jistgħux, fil-prinċipju, jiġu ċċertifikati bħala ordnijiet Ewropej ta’ infurzar.

I –    Il-kuntest legali

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament OEI, l-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li “joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati li jippermetti, permezz tal-preskrizzjoni ta’ standards minimi, iċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ sentenzi, settlement tal-qrati [tranżazzjonijiet ta’ kawżi] u strumenti awtentiċi mal-Komunità kollha mingħajr ma ikun meħtieġ li jinġiebu xi proċeduri intermedjarji fl-Istat Membru ta’ l-infurzar qabel ir-rikonoxximent u l-infurzar”.

4.        Mis-sitta u għoxrin premessi li jintroduċu r-Regolament OEI għandhom jiġu enfasizzati dawn li ġejjin għall-finijiet ta’ dan il-każ:

“[…]

(10)      Fejn qorti fi Stat Membru tkun tat sentenza fuq talba mhux kontestata fl-assenza ta’ parteċipazzjoni fil-proċedimenti, it-tneħħija ta’ xi verifiki fl-Istat Membru ta’ l-infurzar hija intrinsikament marbuta u dipendenti fuq l-eżistenza ta’ garanzija suffiċjenti ta’ l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża.

(11)      Dan ir-Regolament ifittex li jippromwovi d-drittijiet fundamentali u jagħti kont tal-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, huwa jfittex li jassigura ir-rispett sħiħ għal dritt ta’ smigħ ġust kif rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta.

(12)      Għandhom jiġu stabbiliti standards minimi għall-proċeduri li jwasslu għas-sentenza sabiex jiġi żgurat li d-debitur ikun informat dwar l-azzjoni fil-qorti kontrih, il-ħtiġiet għall-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-proċeduri li jikkontesta t-talba u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tiegħu fi żmien bizzejjed u b’dak il-mod li huwa ikun jista’ jirranġa għad-difiża tiegħu.

[…]

(17)      Il-qrati kompetenti biex jiflu l-konformità sħiħa ma’ l-istandards minimi ta’ proċedura għandhom, fejn sodisfatti, joħorġu ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar standardizzat li jagħmel l-iskrutinju u r-riżultati tiegħu traspararenti.

(18)      Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Mmebri tiġġustifika l-istima mill-qorti ta’ Stat Membru wieħed li l-kondizzjonijiet kollha għaċ-ċertifikazzjoni ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar ikunu mħarsa biex jippermettu li sentenza għandha tkun infurzata fl-Istati Membri l-oħra kollha mingħajr reviżjoni ġudizzjarja ta’ l-applikazzjoni kif imiss ta’ l-istandards minimi proċedurali fl-Istat Membru fejn għandha tiġu[tiġi] nfurzata s-sentenza.

(19)      Dan ir-Regolament ma jimplikax xi obbligi għall-Istati Membri li jadattaw il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom għall-istandards proċedurali minimi stipulati fih. Huwa jipprovdi inċentivi għal dak il-għan billi jagħmel disponibbli infurzar aktar effiċjenti u mgħaġġel tas-sentenzi fi Stati Membri oħra biss jekk dawk l-istandards minimi jitħarsu.”

5.        Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament OEI:

“1.      Sentenza dwar talba mhux kontestata mwassla fi Stat Membru għandha, ma’ l-applikazzjoni f’kull żmien tal-qorti ta’ oriġini, tiġi ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar jekk:

a)      is-sentenza tkun tista’ tiġi nfurzata fl-Istat Membru ta’ l-oriġini; u

b)      is-sentenza ma tkunx f’konflitt mar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni kif preskritti fit-taqsimiet 3 u 6 tal-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 44/2001; u

c)      il-proċeduri tal-qorti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini ikunu ħarsu l-ħtiġiet kif stipulati fil-Kapitolu III fejn talba ma tkunx kontestata skond it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) jew (ċ); u

d)      is-sentenza kienet ingħatat fl-Istat Membru tad-domiċilju tad-debitur skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, fil-każi fejn:

–        it-talba ma tkunx kontestata skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(1)(b) jew (ċ); u

–        tkun tirrelata ma’ kuntratt konkluż minn persuna, il-konsumatur, li għal fini tagħha tista’ titqies bħala li tkun barra n-negozju jew professjoni tagħha; u

–        id-debitur ikun il-konsumatur.”

6.        B’mod konformi mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament OEI, li tiftaħ il-Kapitolu III, bit-titolu “Standards minimi għall-proċeduri ta’ sentenzi mhux kontestat”, “sentenza fuq talba li ma tkunx kontestata skod it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(1)(b) jew (ċ) tista’ biss tiġi ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar jekk il-proċeduri tal-qorti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini ikunu jikkonformaw mal-ħtiġiet proċedurali stipulati f’dan il-Kapitolu.”

7.        Fil-Kapitolu III wkoll insibu l-Artikolu 19 tar-Regolament OEI, bit-titolu “Standards minimi għar-reviżjoni f’każi eċċezzjonali” u li jipprevedu dan li ġej:

“1. B’żieda ma’ l-Artikoli 13 sa 18, sentenza tista’ biss tiġi ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar jekk i-debitur ikollu d-dritt, taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini, li japplika għar-reviżjoni tas-sentenza fejn:

a)      i)     id-dokument li jistitwixxi l-proċeduri jew dokument ekwivalenti jew, fejn tapplika, iċ-ċitazzjoni, kien notifikat b’wieħed mill-metodi li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 14; u

ii)      in-notifika ma kienitx effettwata fi żmien biżżejjed biex tippermettilu li jirranġa għad-difiża tiegħu, mingħajr xi ħtija minn-naħa tiegħu;

jew

b)      id-debitur ma setgħax joġġezzjona għat-talba minħabba forza maġġuri, jew minħabba ċirkostanzi straordinarji mingħajr xi ħtija minn-naħa tiegħu,

kemm-il darba f’kull każ huwa jaġixxi minnufih.

2.      Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ l-Istati Membri li jagħtu aċċess għal reviżjoni tas-sentenza taħt kondizzjonijiet aktar ġenerużi minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1.”

B –    Id-dritt nazzjonali

8.        Il-Belgisch Gerechtelijk Wetboek (il-Kodiċi tal-Proċedura Belġjan; iktar ’il quddiem il-“BGW”) fih id-dispożizzjonijiet li ġejjin li huma rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża:

–        Artikolu 50 BGW: “[i]t-termini preskrittivi ma jistgħux jitnaqqsu jew jiġu estiżi, lanqas bil-kunsens tal-partijiet, ħlief fil-każijiet u skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi. Madankollu, jekk it-terminu stabbilit għall-appell jew għall-oppożizzjoni fl-Artikoli 1048, 1051 u 1253 c) u d) jibda jiddekorri u jiskadi matul il-vaganzi ġudizzjarji, jiġi estiż sal-ħmistax-il jum tas-sena ġudizzjarja li jmiss”;

–        Artikolu 55 BGW: “[m]eta l-liġi tipprovdi li jiġu estiżi t-termini mogħtija lill-parti li ma jkollhiex la domiċilju, la residenza fil-Belġju u lanqas indirizz għan-notifiki f’dan il-pajjiż, it-termini previsti għandhom jiżdiedu bi : 1) ħmistax-il jum, meta l-parti tkun tgħix f’pajjiż konfinanti jew fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja; 2) tletin jum, jekk tkun tgħix f’pajjiż ieħor fl-Ewropa, u 3) tmenin jum, meta tkun tgħix xi mkien ieħor fid-dinja”;

–        Artikolu 860 BGW: “[i]rrispettivament mill-formalità li titħalla barra jew li ma tiġix osservata, ma jista’ jiġi ddikjarat null ebda att proċedurali jekk il-liġi ma tkunx espressament iddikjarat in-nullità. It-termini previsti għall-preżentata ta’ rikors huma termini preskrittivi. It-termini l-oħrajn ikunu preskrittivi biss meta l-liġi tipprevedi hekk”;

–        Artikolu 1048 BGW: “[m]ingħajr preġudizzju għat-termini stabbiliti fid-dispożizzjonijiet imperattivi sopranazzjonali u internazzjonali, it-terminu għall-oppożizzjoni huwa ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni skont it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 792. Jekk il-parti kontumaċi la kellha domiċilju, la residenza fil-Belġju u lanqas indirizz għal skopijiet ta’ notifika f’dan il-pajjiż, it-terminu ta’ oppożizzjoni jiġi estiż skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 55”;

–        Artikolu 1051 BGW: “[m]ingħajr preġudizzju għat-termini stabbiliti fid-dispożizzjonijiet sopranazzjonali u internazzjonali, it-terminu sabiex jitressaq appell huwa ta’ xahar jibda jiddekorri mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni skont it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 792. Dan it-terminu jibda jiddekorri mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni wkoll għall-parti li tkun innotifikat is-sentenza. Jekk waħda mill-partijiet li tkun ġiet innotifikata jew li tkun inħarġet notifika tad-deċiżjoni fuq talba tagħha ma jkollha la domiċilju, la residenza u lanqas indirizz għal skopijiet ta’ notifika fil-Belġju, it-terminu għall-appell għandu jiġi estiż skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 55. Dan għandu japplika wkoll meta waħda mill-partijiet li d-deċiżjoni tkun ġiet ittrasferita lilha skont it-tieni u t-tielet paragrafu tal‑Artikolu 792, la jkollha domiċilju, la residenza u lanqas indirizz għal skopijiet ta’ notifika fil-Belġju”.

II – It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9.        Il-kumpannija Imtech Marine Belgium NV (iktar ’il quddiem “Imtech”), bis-sede tagħha tinsab fil-Belġju, ipprovdiet servizzi varji lill-kumpannija Radio Hellenic, li s-sede tagħha tinsab fil-Greċja. Peress li Radio Hellenic ma ħallsitx EUR 23 506.99 mitluba minn Imtech, din tal-aħħar ħarrket lil Radio Hellenic fil-Belġju sabiex, skont ir-Regolament dwar l-ordni Ewropew ta’ infurzar, tiġi kkundannata tħallas permezz ta’ sentenza u sabiex din tiġi ċċertifikata bħala ordni Ewropew ta’ infurzar. Il-qorti tal-ewwel istanza, ir-rechtbank van koophandel te Antwerpen (il-Belġju), iddikjarat it-talba ta’ Imtech ammissibbli u parzjalment fondata. Radio Hellenic ġiet ikkundannata f’kontumaċja tħallas l-ammont dovut (kif ukoll kumpens miftiehem fil-kuntratt bejn iż-żewġ partijiet, kif ukoll l-interessi moratorji u l-ispejjeż tal-proċedura). Madankollu, il-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet li ma setgħetx tiċċertifika s-sentenza bħala ordni Ewropew ta’ infurzar, kif mitlub minn Imtech, peress li l-leġiżlazzjoni Belġjana ma kinitx tissodisfa l-istandards proċedurali minimi stabbiliti fir-Regolament OEI. Imtech appellat quddiem il-Hof van Beroep te Antwerpen kontra d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ċertifikazzjoni bħala ordni Ewropew ta’ infurzar tas-sentenza fl-ewwel istanza.

10.      Fid-dawl tal-kontroversja eżistenti fil-ġurisprudenza Belġjana u fid-duttrina Belġjana li tirrigwarda, speċifikament, kemm jekk il-leġiżlazzjoni Belġjana tissodisfax l-istandards minimi għar-eżami mill-ġdid f’każijiet eċċezzjonali taħt l-Artikolu 19 tar-Regolament dwar l-ordni Ewropew ta’ infurzar jew le — b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, id-debitur ikun ġie kkundannat f’kontumaċja u jkunx skada t-terminu għall-preżentazzjoni tal-appell disponibbli taħt il-liġi Belġjana kontra s-sentenzi mogħtija f’kontumaċja —, il-Hof van Beroep te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-fatt li ma jiġix applikat direttament ir-Regolament [OEI] għal talbiet mhux kontestati, jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 288 [TFUE], peress li:

–        il-leġiżlatur Belġjan ma ttrasponiex ir-regolament iċċitat iktar ’il fuq fil-leġiżlazzjoni Belġjana u

–        il-leġiżlatur Belġjan naqas – anki jekk il-leġiżlazzjoni Belġjana tipprevedi l-oppożizzjoni u l-appell – li jistabbilixxi proċedura ta’ eżami mill-ġdid?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun waħda negattiva, peress li regolament (KE) huwa direttament applikabbli, x’għandu jinftiehem bil-kliem “eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni” fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament [OEI]? Għandha tiġi stabbilita proċedura ta’ eżami mill-ġdid biss fil-każ fejn tkun ġiet iffirmata jew innotifikata taħrika jew att promotur bil-mod previst fl-Artikolu 14 tar-regolament [OEI], fi kliem ieħor mingħajr ma l-firma jew in-notifika tkun akkumpanjata minn prova li waslet? Billi tipprevedi l-oppożizzjoni skont l-Artikoli 1047 et seq tal-[BGW] u l-appell skont l-Artikoli 1050 et seq tal-istess [BGW], il-leġiżlazzjoni Belġjana ma tagħtix biżżejjed garanziji sabiex tissodisfa l-kriterji tal-proċedura ta’ “eżami mill-ġdid” prevista fl-Artikolu 19(1) tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq?

3)      L-Artikolu 50 tal-[BGW], li jippermetti li jiġu pprorogati t-termini ta’ skadenza msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 860, fl-Artikoli 55 u 1048 tal-istess [BGW] f’każ ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi straordinarji indipendenti mill-volontà tal-persuna kkonċernata, jagħti protezzjoni biżżejjed skont l-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament [OEI]?

4)      Iċ-ċertifikazzjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux ikkontestati huwa att tal-qorti li t-talba tiegħu għandha tiġi fformulata fl-att promotur? F’każ ta’ risposta affermattiva, il-qorti għandha tiċċertifika d-deċiżjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar, u r-Reġistratur għandu joħroġ iċ-ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar? F’każ ta’ risposta negattiva, il-kompitu ta’ ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar jista’ jaqa’ fuq ir-reġistratur?

5)      Fil-każ fejn iċ-ċertifikazzjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar ma tikkostitwixxix att tal-qorti, l-applikant – li ma jkunx uża l-att promotur sabiex jitlob l-Ordni Ewropew ta’ Infurzar – jista’ sussegwentement jitlob lir-reġistratur, wara li d-deċiżjoni tkun saret res judicata, sabiex jiċċertifika d-deċiżjoni bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar?”

11.      Peress li l-qorti nazzjonali qieset il-motivazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju bħala insuffiċjenti, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtitilha talba għal informazzjoni sabiex tipprovdilha t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li tirreferi għalihom fid-deċiżjoni tar-rinviju u l-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti, kif ukoll informazzjoni addizzjonali dwar it-tieni parti tat-tieni domanda preliminari u l-ħames domanda preliminari. Il-Hof van Beroep te Antwerpen ippreżentat l-informazzjoni u pprovdiet l-ispjegazzjonijiet meħtieġa.

12.      F’din il-proċedura ġew imressqa kummenti bil-miktub mill-Gvern Portugiż, mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

III – Analiżi

13.      B’mod ġenerali, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1)(c) u l-Artikolu 12 tar-Regolament OEI, sentenza mogħtija f’kontumaċja bħal dik f’dan il-każ tista’ tiġi ċċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar biss jekk huma ssodisfatti r-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Artikoli 13 et seq ta’ dak ir-regolament, li għandhom l-għan li jiżguraw li d-debitur ikun irċieva l-informazzjoni meħtieġa dwar il-proċedura u li, fi kwalunkwe każ, kellu l-opportunità li jinstema’ u li jiddefendi lilu nnifsu (3). F’dan il-kuntest għandu wkoll jitqies l-Artikolu 19 tar-regolament imsemmi, li d-domandi preliminari magħmula mill-Hof van Beroep te Antwerpen jiffukaw fuq l-interpretazzjoni tiegħu.

A –    L-ewwel domanda preliminari

14.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 288 TFUE huwiex miksur, rigward il-fatt li dan l-artikolu jipprovdi li r-regolamenti jkunu jorbtu fl-intier tagħhom, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali Belġjana jista’ jkun li tikser id-dispożizzjonijiet tar-Regolament OEI, b’mod partikolari fejn tipprevedi proċedura ta’ eżami mill-ġdid f’każijiet eċċezzjonali.

1.      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

15.      L-intervenjenti li ppreżentaw osservazzjonijiet dwar din l-ewwel domanda preliminari kollha jaqblu li r-Regolament OEI ma jobbligax lill-Istati Membri jipprovdu proċedura ta’ eżami mill-ġdid speċifika fl-ordinament ġuridiku tagħhom. Madankollu, jekk ma jkunx hemm din il-possibbiltà fi Stat Membru, il-qrati tiegħu ma jistgħux jiċċertifikaw deċiżjoni tal-qorti bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar.

2.      Kunsiderazzjonijiet

16.      Fil-premessa 19 tar-Regolament OEI huwa previst li “dan ir-Regolament ma jimplikax xi obbligi għall-Istati Membri li jadattaw il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom għall-istandards proċedurali minimi stipulati fih.” Barra minn hekk, l-Artikolu 19 innifsu tar-regolament imsemmi jipprevedi li “sentenza tista’ biss tiġi ċertifikata bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar jekk i-debitur ikollu d-dritt, taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini, li japplika għar-reviżjoni tas-sentenza” (4). Għalhekk, nikkunsidra li r-Regolament OEIma jipprevedix li l-leġiżlazzjoni Belġjana tkun adattata skont l-istandards proċedurali minimi stipulati fih. Kif huwa stabbilit ukoll fil-premessa 19, ir-Regolament OEIċertament jipprevedi “inċentivi” sabiex jintlaħaq dak l-adattament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-istandards proċedurali minimi li jippermetti implementazzjoni iktar effettiva u rapida fi Stati Membri oħra tas-sentenzi dwar krediti mhux ikkontestati mogħtija fl-Istat ta’ oriġini, iżda biss jekk dawk l-istandards minimi jkunu osservati u għalhekk ma hemmx nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fis-sens tal-Artikolu 258 TFUE jekk dan l-adattament ma jseħħx (5).

17.      Għaldaqstant, nissuġġerixxi li tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 288 TFUE ma huwiex miksur minħabba s-sempliċi fatt li d-dritt nazzjonali possibbilment ma jipprevedix proċedura speċifika ta’ eżami mill-ġdid b’mod konformi mal-Artikolu 19 tar-Regolament OEI.

B –    L-ewwel u t-tieni parti tat-tieni domanda preliminari

18.      Il-qorti tar-rinviju, li tressaq it-tieni domanda preliminari, maqsuma fi tliet mistoqsijiet, tagħmilha fil-każ biss li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda preliminari. Peress li t-tielet parti ta’ din it-tieni domanda u t-tielet domanda preliminari jirrigwardaw l-istess problema, ser nitrattahom flimkien. Għaldaqstant ser neżamina qabel kollox l-ewwel żewġ partijiet tat-tieni domanda preliminari. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, fl-ewwel lok xi tfisser “eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar l-Ordni Ewropew ta’ Infurzar, u, fit-tieni lok, tistaqsi jekk l-ordinament ġuridiku nazzjonali għandux jipprevedi proċedura ta’ eżami mill-ġdid biss jekk in-notifika ta’ ċitazzjoni jew att promotur tkun saret mingħajr prova li tkun ġiet irċevuta (Artikolu 14 tar-Regolament OEI).

1.      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

19.      Il-Gvern Portugiż ifakkar li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament OEI, il-possibbiltà li jintalab eżami mill-ġdid tas-sentenza hija bbażata fuq l-impossibbilità li d-debitur jikkontesta t-talba, mingħajr ebda nuqqas min-naħa tiegħu, f’żewġ sitwazzjonijiet: l-ewwel nett, meta n-notifika tal-att promotur jew tal-inġunzjoni għal smigħ ma tkunx saret fi żmien utli sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu, mingħajr ebda tort għal dan; u t-tieni, meta d-debitur ma setax jikkontesta l-kreditu minħabba forza maġġuri, jew minħabba ċirkustanzi straordinarji mingħajr nuqqas min-naħa tiegħu. Il gvern Portuġiż ifakkar li l-Istati Membri ma humiex obbligati li jipprovdu proċedura ta’ eżami mill-ġdid b’dawn il-karatteristiċi fl-ordinament ġuridiku tagħhom, għalkemm jekk dan ma jsirx, id-deċiżjonijiet tal-qrati tagħhom ma jistgħux jiġu ċċertifikati bħala ordnijiet Ewropej ta’ infurzar.

20.      Skont il-Kummissjoni, sabiex deċiżjoni tal-qorti tkun tista’ tiġi ċċertifikata bħala ordni Ewropew ta’ infurzar, jeħtieġ li d-dritt nazzjonali jipprevedi proċedura ta’ eżami mill-ġdid fiż-żewġ każijiet previsti fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament OEI. Għalhekk, l-eżami mill-ġdid għandu jkun previst, fl-ewwel lok, f’dawk il-każijiet fejn l-att promotur jew l-inġunzjoni għal smigħ ikunu ġew innotifikati lid-debitur permezz ta’ wieħed mill-metodi stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament OEI (jiġifieri, kif jipprevedi t-titolu ta’ dak l-artikolu, “mingħajr prova ta’ riċeviment”), iżda mingħajr żmien biżżejjed minn qabel sabiex id-debitur ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu, mingħajr ebda nuqqas tiegħu [punt a)]; fit-tieni lok, l-eżami mill-ġdid għandu jkopri wkoll kwalunkwe każ ieħor li fih id-debitur kien impedit milli jikkontesta l-kreditu minħabba forza maġġuri jew minħabba ċirkustanzi straordinarji mingħajr nuqqas min-naħa tiegħu [ittra b)], każijiet li fejn tkun inkluża notifika bi prova tar-riċeviment (l-Artikolu 13), iżda li jkun fiha xi difett.

21.      Il-Kummissjoni tindika li kemm iż-żewġ rimedji previsti fid-dritt Belġjan li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari tagħha (jiġifieri l-“proċedura ta’ oppożizzjoni” u l-“proċedura ta’ appell”) kif ukoll ir-“rimedju straordinarju ta’ eżami mill-ġdid ċivili” previst fl-Artikolu 1132 BWG (li ma ssemihx il-qorti tar-rinviju fid-domandi preliminari tagħha) ma humiex tali li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Artikolu 19 tar-Regolament OEI.

2.      Kunsiderazzjonijiet

a)      L-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari

22.      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq li jiġi ċċarat x’għandu jfisser il-kunċett ta’ “eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament OEI.

23.      F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li r-Regolament OEI ma jiddefinixxix xi tfisser l-eżami mill-ġdid f’każijiet eċċezzjonali, iżda sempliċement jiddikjara li d-dritt nazzjonali għandu jinkludi proċedura li tippermetti lid-debitur li jikkontesta d-deċiżjoni fil-każijiet previsti fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament OEI (anki f’kundizzjonijiet iktar vantaġġjużi minn dawk imsemmija f’dak il-paragrafu, kif previst fl-Artikolu 19(2)).

24.      F’dan ir-rigward, peress li din il-proċedura ma hijiex irregolata taħt id-dritt tal-Unjoni u r-Regolament OEI jirreferi espressament għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu kwalunkwe tip ta’ rimedju, sakemm il-proċedura magħżula tirrispetta b’mod suffiċjenti d-drittijiet tad-difiża tad-debitur u d-dritt għal smigħ ġust (premessi 10 u 11 tar-Regolament OEI). Nifhem li, permezz ta’ analoġija mal-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament u kif jidher li huwa kkonfermat ukoll fil-premessa 14 tar-Regolament OEI, ir-rispett għad‑drittijiet tad-difiża tad-debitur jirrikjedi li jingħata mezz li jippermetti eżami mill-ġdid sħiħ tas-sentenza, li ma jkunx limitat biss għal kwistjonijiet ta’ dritt (6).

b)      It-tieni parti tat-tieni domanda preliminari

25.      Rigward it-tieni parti tat-tieni domanda preliminari, dwar l-applikabbiltà tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament OEI għal każijiet minbarra dawk fejn l-att promotur jew inġunzjoni għas-smigħ ikunu ġew innotifikati permezz ta’ waħda mill-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, għandi nenfasizza, l-ewwel nett li l-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-qorti tar-rinviju tiċċara sa liema punt il-kawża prinċipali kienet effettivament inkluża (jew le) f’dan il-każ. Il-qorti tar-rinviju wieġbet li “it-tilwima fil-mertu tirrigwarda biss il-każ fejn id-debitur — irrispettivament mill-forma tan-notifika — ma jkollu ebda possibbiltà tal-‘eżami mill-ġdid’ tad-deċiżjoni oriġinali fuq il-merti fi kwalunkwe każ ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi straordinarji li ma jaqgħux fir-responsabbiltà tiegħu”. Jiġifieri, il-qorti tar-rinviju kkonfermat li l-fatti f’dan il-każ jaqgħu fil-prinċipju fl-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament OEI.

26.      Madankollu, nemmen li t-tieni parti tat-tieni domanda preliminari, kif ifformulata, jistħoqqilha risposta irrispettivament minn taħt liema ipoteżi speċifika, mit-tnejn imsemmija fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament OEI, jaqgħu l-fatti li wasslu għall-proċedura a quo. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, iċ-ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni bħala ordni Ewropew ta’ infurzar ma tiddependix fuq il-fatt li d-debitur affettwat minn wieħed mill-każijiet eċċezzjonali deskritti fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar l-Ordni Ewropew ta’ Infurzar ikollu jew kellu b’mod konkret il-possibbiltà li jitlob l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni, iżda fuq l-eżistenza b’mod astratt, fl-ordinament ġuridiku tal-Istat ta’ oriġini, ta’ “mekkaniżmu adattat” (premessa 14) sabiex, fiż-żewġ ipoteżijiet, jitlob l-eżami mill-ġdid sħiħ tad-deċiżjoni tal-qorti (7), li konformement mal-Artikolu 30(1)(a) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi nnotofikat lill-Kummissjoni.

27.      Il-fatt li, f’każijiet bħal dan, il-qorti adita mhux dejjem tista’ tkun taf f’liema waħda miż-żewġ ipoteżijiet tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament OEI jinstab id-debitur li ma jkunx deher, b’tali mod li, meta tiddeċiedi jekk id-deċiżjoni tal-qorti tkunx iċċertifikata jew le bħala ordni Ewropew ta’ infurzar, il-qorti għandha tevalwa l-eżistenza ta’ tali mezzi b’mod astratt u mhux b’mod konkret, jikkonferma din l-evalwazzjoni.

28.      Għalhekk, għal dawn ir-raġunijiet, sabiex id-deċiżjonijiet tal-qrati ta’ Stat Membru jkunu jistgħu jiġu ċċertifikati bħala ordni Ewropew ta’ infurzar, ma huwiex biżżejjed li l-ordinament ġuridiku ta’ dak l-Istat Membru jipprevedi proċedura ta’ eżami mill-ġdid jekk in-notifika lid-debitur ta’ ċitazzjoni jew att promotur ta’ proċedura tkun saret bil-mod imsemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament OEI, jiġifieri, mingħajr prova ta’ riċeviment [sakemm, naturalment, in-notifika ma tkunx saret fi żmien utli sabiex tippermettilu jipprepara d-difiża tiegħu mingħajr ebda nuqqas min-naħa tiegħu, li huma r-rekwiżiti kumulattivi li huma stabbiliti fl-Artikolu 19(1)(a)(ii) tar-regolament imsemmi iktar 'il fuq] (8). Barra minn hekk, huwa meħtieġ ukoll li l-ordinament ġuridiku ta’ dak l-Istat Membru jipprevedi proċedura ta’ eżami mill-ġdid fil-każ tal-Artikolu 19(1)(b), ta’ dan ir-regolament, jiġifieri, f’każ li d-debitur (ukoll fil-każ ta’ notifiki magħmula b’mod konformi mal-Artikolu 13 tar-Regolament dwar l-Ordni Ewropew ta’ Infurzar, jiġifieri, bi prova ta’ riċeviment) ma setax jikkontesta l-kreditu minħabba forza maġġuri jew minħabba ċirkustanzi straordinarji, mingħajr nuqqas min-naħa tiegħu.

C –    It-tielet parti tat-tieni domanda preliminari u t-tielet domanda preliminari

29.      Permezz tat-tielet parti tat-tieni domanda preliminari u t-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-proċeduri ta’ oppożizzjoni u ta’ appell previsti fid-dritt Belġjan, inkluża l-possibbiltà li jiġu estiżi t-termini għall-preżentazzjoni ta’ dawn ir-rimedji f’każ ta’ forza maġġuri, humiex konformi mar-rekwiżiti ta’ eżami mill-ġdid f’każijiet eċċezzjonali taħt l-Artikolu 19(1) tar-Regolament OEI.

1.      L-argumenti ewlenin tal-partijiet

30.      Il-Gvern Pollakk, wara li eżamina d-differenzi bejn “forza maġġuri” u “ċirkostanzi straordinarji li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tad-debitur”, jiddikjara li l-possibbiltà li jiġu estiżi t-termini ta’ dekadenza li d-debitur ma setax jikkonforma magħhom minħabba forza maġġuri jew minħabba ċirkustanzi straordinarji li ma jistgħux jiġu attribwiti għalih, tipprovdi biżżejjed protezzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 19(1) iċċitat iktar 'il fuq.

31.      Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 50 BGW, kif interpretat mill-ġurisprudenza Belġjana, ma jidhirx li jawtorizza l-estensjoni tat-termini previsti (għall-appell u l-oppożizzjoni) b’mod li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 19 tar‑Regolament OEI, b’mod partikolari għaliex il-kunċett ta’ “forza maġġuri” fid-dritt Belġjan huwa interpretat b’mod restrittiv ħafna li ma jħalli ebda lok għal każijiet li jkunu “ċirkostanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 19, iċċitat iktar 'il fuq.

32.      Il-Gvern Belġjan jipproponi li tingħata risposta konġunta għall-ewwel tliet domandi preliminari fis-sens li d-debitur fi kwalunkwe każ fil-Belġju, anki f’każ ta’ forza maġġuri jew ċirkustanzi straordinarji, għandu rimedju adegwat u suffiċjenti li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tal-OEI. Fir-rigward tal-kunċetti ta’ “forza maġġuri” u ta’ “ċirkostanzi straordinarji li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tad-debitur” jinnota li l-“forza maġġuri”, kif iddefinita mill-Hof van Cassatie Belġjana, tkopri wkoll “ċirkustanzi straordinarji li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tad-debitur”, sakemm id-debitur ma setax jaġixxi u sakemm ċirkustanzi bħal dawn kienu imprevedibbli u inevitabbli. Barra minn hekk, skont il-Gvern Belġjan, konvenut li ma kienx jaf bl-eżistenza tal-proċedura u li ma kien irċieva ebda notifika tad-deċiżjoni tal-qorti dejjem seta’ ressaq oppożizzjoni jew appell kontra dik id-deċiżjoni mill-mument li sar jaf biha, anki jekk it-terminu normali sabiex jitressqu dawn ir-rimedji jkun skada, bil-kundizzjoni li jkun aġixxa minnufih.

2.      Kunsiderazzjonijiet

33.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, l-ordinament ġuridiku Belġjan essenzjalment jipprevedi żewġ modi ta’ appell kontra deċiżjoni f’kawża bħal dik ta’ hawnhekk: l-oppożizzjoni, imfassla speċifikament sabiex jiġu appellati s-sentenzi mogħtija f’kontumaċja (Artikoli 1047 et seq tal-BGW ), u l-appell (Artikoli 1050 et seq tal-BGW). Kif stabbilit fl-Artikoli 1048 u 1051 BGW għar-rikors jew appell rispettiv, it-terminu għall-preżentazzjoni ta’ dawn huwa ta’ xahar, li jibda jiddekorri min-notifika tas-sentenza, liema terminu huwa estiż skont l-Artikolu 55 tal-BGW f’każ li l-konvenut ma jkollux id-domiċilju tiegħu fil-Belġju. Skont il-qorti tar-rinviju, il-Hof van Cassatie Belġjana tinterpreta l-Artikolu 50 BGW fis-sens li, f’każ ta’ forza maġġuri, l-estensjoni tat-terminu għall-preżentazzjoni ta’ appelli hija aċċettata.

34.      L-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali għandha ssir mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li “mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ rinviju preliminari, dwar l-intepretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u jekk il-mod kif tinterpretahom il-qorti tar-rinviju huwiex tajjeb” (9). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex “timplementa” r-regoli tad-dritt tal-Unjoni f’każ ta’ fatt iddeterminat (10).

35.      Għalhekk, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju l-gwida kollha neċessarja dwar il-kontenut tal-Artikolu 19 tar-Regolament OEI u r-rekwiżiti stabbiliti fih, filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tasal għall-konsegwenzi tal-interpretazzjoni li talbet u tiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi mar-rekwiżiti proċedurali minimi stabbiliti fl-Artikolu 19, iċċitat iktar 'il fuq.

36.      Kif diġà enfasizzajt iktar 'il fuq, l-Artikolu 19 tar-Regolament OEI jistabbilixxi, bħall-bqija tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tiegħu, sett ta’ regoli proċedurali minimi li l-proċeduri ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ oriġini għandhom jissodisfaw sabiex id-deċiżjonijiet dwar il-krediti mhux ikkontestati mogħtija mill-qrati tiegħu jkunu jistgħu jiġu ċċertifikati f’dan l-Istat Membru bħala ordnijiet Ewropej ta’ infurzar. B’mod partikolari, l-Artikolu 19 imsemmi jipprevedi ż-żewġ każijiet deskritti fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Kif diġà indikajt, sabiex ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru jitqies li ssodisfa l-istandards minimi għall-eżami mill-ġdid f’każijiet eċċezzjonali għandu jkun possibbli li d-debitur ikun jista’ jitlob l-eżami mill-ġdid tas-sentenza dwar kreditu mhux ikkontestat jekk ikun hemm wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet.

37.      Il-każ tal-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament OEI huwa mfassal speċifikament għall-każ fejn id-dokument li kellu jiġi kkontestat mid-debitur ġie nnotifikat lilu b’wieħed mill-modi previsti fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, li kollha għandhom komuni l-fatt li ma hemm l-ebda garanziji, iżda biss probabbiltà għolja, li d-debitur, li huwa maħsub biex jirċeviha, ikun irċeviha, kif tenfasizza l-premessa 14 tar-Regolament OEI. Madankollu, jista’ jkun il-każ, u dan jaqa’ fl-Artikolu 19(1)(b) tar-regolament imsemmi, li n-notifika tkun saret, anki fit-termini tal-Artikolu 13 (jiġifieri, bil-prova li d-debitur ikun irċeviha), iżda d-debitur ma setax, għal raġunijiet ta’ forza maġġuri jew ċirkustanzi straordinarji li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jikkontesta l-kreditu. Jista’ jkun il-każ ukoll li n-notifika tkun saret b’mod difettuż, mingħajr ma jkunu ġew osservati l-istandards minimi stabbiliti fir-Regolament OEI.

38.      B’mod speċifiku, il-każ ta’ notifika li ma saritx b’mod validu, jew anki li ma saritx, wassal għas-sentenza eco cosmetics u Raiffeisenbank St. Georgen (11), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dispożizzjoni apparentement simili għall-Artikolu 19 tar-Regolament OEI, jiġifieri l-Artikolu 20 tar-Regolament 1896/2006 (12). L-Artikolu 20 imsemmi jipprevedi, f’każijiet eċċezzjonali, lill-konvenut li jitob l-eżami mill-ġdid ta’ ordni ta’ ħlas Ewropew maħruġa matul proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropew. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta ordni ta’ ħlas Ewropew ma jkunx ġie nnotifikat b’mod li jissodisfa r-rekwiżiti minimi stabbiliti fir-Regolament 1896/2006, ma japplikawx il-proċeduri stabbiliti fih, inter alia, fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament. F’każijiet bħal dawn, il-konvenut ma kellux possibbiltà reali u ammissibbli sabiex jopponi għal din l-ordni fit-termini stabbiliti fl-Artikolu 16 tar-regolament imsemmi (13). Meta l-irregolarità li tkun affettwat in-notifika dehret biss wara li l-ordni ta’ ħlas Ewropew ikun ġie ddikjarat eżegwibbli, il-konvenut għandu jkun jista’ jikkontestah skont ir-rimedji disponibbli fid-dritt nazzjonali (14), b’tali mod li, jekk jirriżulta li kien hemm tali irregolarità, id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà hija nulla.

39.      Fil-fehma tiegħi, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza eco cosmetics u Raiffeisenbank St. Georgen (15) dwar l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006 ma jistax, fil-fehma tiegħi, jiġi traspost għal dispożizzjoni bħall-Artikolu 19 tar-Regolament OEI. Skont is-sentenza ċċitata iktar 'il fuq, notifika li ma tissodisfax ir-rekwiżiti minimi tar-Regolament 1896/2006 ma tagħtix il-possibbiltà lid-debitur li jikkontesta l-ordni ta’ ħlas Ewropew permezz tar-rimedju speċifikament previst għal dan fir-regolament innifsu, jiġifieri dak tal-oppożizzjoni. F’każijiet bħal dawn, il-metodu ta’ eżami mill-ġdid tal-Artikolu 20 tar-regolament imsemmi lanqas biss jinfetaħ. Jekk l-ordni ta’ ħlas Ewropew ikun sar eżegwibbli bħala konsegwenza tal-impossibbiltà tal-konvenut sabiex jippreżenta oppożizzjoni, din l-eżegwibbiltà tista’ tiġi kkontestata permezz tar-rikorsi li jirreferi għalihom l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1896/2006 għal kwalunkwe kwistjoni proċedurali li ma hijiex koperta fiha, iżda mhux permezz tal-Artikolu 20 tiegħu.

40.      Issa, għall-kuntrarju tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, l-Artikolu 19 tar-Regolament OEI ma joħloqx u ma jirregolax rikors ta’ eżami mill-ġdid tad-dritt tal-Unjoni stess (16), iżda jistabbilixxi serje ta’ rekwiżiti minimi li d-dritt proċedurali tal-Istati Membri għandu jissodisfa (b’mod astratt) sabiex id-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati tagħhom ikunu jistgħu jiġu ċċertifikati bħala ordnijiet Ewropej ta’ infurzar (17). Fil-kuntest tar-Regolament OEI, in-notifika tad‑dokument li d-debitur kellu jikkontesta tkun saret b’mod difettuż, anki fil-każ, li tirreferi għalih il-Kummissjoni, li jkun intuża mezz ta’ notifika bi prova li d-debitur ikun irċeviha skont l-Artikolu 13 tar-Regolament dwar l-Ordni Ewropew ta’ Infurzar, l-Artikolu 19 tar-Regolament OEIjibqa’ japplika.

41.      Madankollu, sabiex jissodisfaw il-kundizzjonijiet proċedurali minimi stipulati fl-Artikolu 19 tar-Regolament OEI, ir-rimedji previsti fid-dritt nazzjonali ma jistgħux jistabbilixxu, b’mod partikolari f’każijiet fejn in-notifika tkun saret difettuża, għalkemm mhux f’dawn il-każijiet biss, terminu li jibda jiddekorri fil-mument li ssir in-notifika tad-dokument li d-debitur għandu jikkontestah. Fil-fatt, għal diversi raġunijiet, jista’ jkun il-każ li ssir in-notifika iżda, minkejja dan, id-debitur ma jsirx jaf, fit-terminu stabbilit fid-dritt nazzjonali, dwar il-kontenut tan-notifika, jew li, mingħajr nuqqas min-naħa tiegħu, ma jsirx jaf dwarha fi żmien utli sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu. Kif sostnut mill-qorti tar-rinviju stess fit-tweġiba tagħha għal talba għal informazzjoni addizzjonali, “it-terminu jista’, fil-fatt, jiskadi qabel mad-debitur seta’ jeżerċita r-rimedju tiegħu”.

42.       Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja (fir-rigward tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001) (18) fis-sentenza ASML (19), fejn iddikjarat li “sabiex jiġi kkunsidrat li kien ‘possibbli’, fis-sens tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, għall-konvenut li jressaq appell kontra deċiżjoni mogħtija f’kontumaċja kontrih, huwa jrid ikollu konoxxenza tal-kontenut tagħha, b’tali mod li dan il-konvenut seta’, fi żmien raġonevoli, jinvoka d-drittijiet tad-difiża tiegħu quddiem il-qorti tal-Istat ta’ oriġini”(20). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għamlet l-istess fis-sentenza li hija tat fil-kawża Miragall Escolano et (21), li skontha “id-dritt li titressaq azzjoni jew appell għandu jiġi eżerċitat minn meta l-partijiet interessati setgħu effettivament isiru jafu dwar id-deċiżjonijiet tal-qorti li jimponu piż fuqhom jew li jistgħu jippreġudikaw id-drittijiet jew l-interessi leġittimi tagħhom”.

43.      Għaldaqstant inqis li d-dritt ta’ Stat Membru li jimpedixxi lill-konvenut milli jitlob l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni wara li jkun skada t-terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri mill-mument tan-notifika u mhux minn meta l-konvenut sar jaf bil-kontenut tagħha, ma jissodisfax l-istandards minimi għall-eżami mill-ġdid f’każijiet eċċezzjonali. Jekk dan huwa l-każ fid-dritt nazzjonali għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju

44.      Dwar jekk il-possibbiltà ta’ estensjoni f’każ ta’ forza maġġuri jew ċirkustanzi straordinarji li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tad-debitur tat-termini preskritti tar-rimedji stipulati fil-BWG, hijiex biżżejjed sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament OEI, ninsisti fuq il-fatt li l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali għandha ssir mill-qorti tar-rinviju. Issa, il-fatt li l-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament OEI juża b’mod parallel il-kategoriji “forza maġġuri” u “ċirkostanzi straordinarji” li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tad-debitur fl-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament OEI, juri b’mod ċar li din id-dispożizzjoni tagħmel distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti (22). Għalhekk, minn dan jista’ jiġi dedott, fil-fehma tiegħi, li r-Regolament OEI jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tappoġġja estensjoni tat-termini għall-appell ta’ sentenza tal-qorti fuq kreditu kkontestat biss fil-każ ta’ “forza maġġuri”, mingħajr ma jitqiesu ċirkustanzi straordinarji oħrajn li ma jkun hemm nuqqas min-naħa tad-debitur li setgħu impedixxew lil dan milli jikkontesta t-talba. Dan huwa kompletament konsistenti mal-għan li tingħata ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni bħala ordni Ewrpew ta’ infruzar biss jekk ikunu ġew iggarantiti biżżejjed id-drittijiet tad-debitur għad-difiża u għal smigħ ġust (ara l-premessi 10 u 11 tar-Regolament OEI). Jekk dan ikun il-każ bil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel din l-evalwazzjoni.

45.      Bħala konklużjoni, nipproponi li r-risposta għat-tielet parti tat-tieni domanda preliminari u għat-tielet domanda preliminari fis-sens li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timpedixxi lid-debitur milli jitlob l-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni wara li jkun skada terminu ta’ xahar li jkun beda jiddekorri mill-mument tan-notifika u mhux mill-mument li fih id-debitur effettivament sar jaf dwar il-kontenut tan-notifika ma tissodisfax l-istandards minimi għall-eżami mill-ġdid f’każijiet eċċezzjonali. Il-qorti nazzjonali hija dik li għandha tevalwa jekk id-dritt proċedurali nazzjonali u l-interpretazzjoni tiegħu li jagħmlu l-qrati tal-Istat Membru jippermettix l-estensjoni tat-termini għall-appell ta’ deċiżjoni tal-qorti fuq kreditu mhux ikkontestat, mhux biss f’każijiet ta’ forza maġġuri, iżda wkoll meta jseħħu ċirkustanzi straordinarji oħra li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tad-debitur li setgħu impedixxew li dan jikkontesta l-kreditu, kif previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament OEI.

D –    Ir-raba’ domanda preliminari

46.      Permezz tar-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk iċ-ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-qorti bħala ordni Ewropew ta’ infurzar hijiex att ta’ natura ġudizzjarja, li jaqa’ fir-responsabbiltà tal-qorti, li għandu jintalab fl-att promotur jew jekk tistax issir mir-reġistratur tal-qorti.

1.      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

47.      Il-Gvern Belġjan iqis li ċ-ċertifikazzjoni ma hijiex att ta’ natura ġudizzjarja, u għalhekk tista’ ssir mir-reġistratur tal-qorti.

48.      Il-Gvern Pollakk josserva li, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, huwa d-dritt nazzjonali li għandu jistabbilixxi liema awtorità tkun responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni. Ma għandhiex neċessarjament tkun qorti, sakemm jiġi osservat il-prinċipju ta’ effettività.

49.      Għall-Gvern Portugiż, ir-regolament imsemmi ma jeħtieġx neċessarjament li qorti tiċċertifika talba mhux ikkontestata bħala ordni Ewropew ta’ infurzar ta’ kreditu mhux ikkonestat (23), iżda jafferma li, fil-każ ta’ deċiżjonijiet tal-qorti, id-deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni hija att ġudizzjarju, b’tali mod li l-qorti li tagħti deċiżjoni għandha wkoll ġurisdizzjoni sabiex tivverifika li r-rekwiżiti tar-regolament sabiex tiġi ċċertifikata bħala ordni Ewropew ta’ infurzar ikunu ssodisfatti. Deċiżjoni li tippermetti r-rikonoxximent awtomatiku u mingħajr ebda formalità oħra ta’ ordni ta’ infurzar partikolari għandha neċessarjament tittieħed minn qorti (24).

50.      Il-Kummissjoni ma tqisx li ċ-ċertifikazzjoni għandha neċessarjament issir minn qorti, u għalhekk l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li din issir minn uffiċjal pubbliku ta’ qorti jew tribunal, sakemm ma tiġix ipperikolata l-effettività tar-Regolament OEI u ma jiġux imposti piżijiet addizzjonali fuq il-partijiet ikkonċernati. Skont il-Kummissjoni (25), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni li jkunu fdati sabiex jipprovdu ċ-ċertifikazzjoni ikollhom taħriġ legali adegwat sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-evalwazzjonijiet oġġettivi rikjesti mir-regolament.

2.      Kunsiderazzjonoijiet

51.      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament OEI jindika biss li t-talba għal ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni dwar kreditu mhux ikkontestat bħala ordni Ewropew ta’ infurzar għandha tiġi ppreżentata quddiem “il-qorti ta’ oriġini” (26), iżda tħalli “xi flessibbiltà għall-Istati membri fir-rigward tal-allokazzjoni tal-ġurisdizzjoni” (27). Filwaqt li tinvoka din il-“flessibbiltà”, il-Belġju għażel li jattribwixxi lir-reġistratur, minflok lill-qorti, il-funzjoni ta’ ċertifikazzjoni skont ir-Regolament OEI (28).

52.      Nemmen li l-ewwel nett għandha ssir distinzjoni, kif jidher li tagħmel il-qorti tar-rinviju meta tippreżenta d-domanda preliminari, bejn “ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti bħala ordni Ewropew ta’ infurzar” (Artikolu 6 tar-Regolament OEI) u “ħruġ ta’ ċertifikat” (Artikolu 9 tar-Regolament OEI) (29). Inqis li l-ħruġ taċ-ċertifikat, ladarba tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni bħala ordni Ewropew ta’ infurzar (li jeħtieġ verifika tal-osservanza tar-rekwiżiti minimi tar-Regolament OEI), ma huwiex neċessarjament att li għandu jittieħed mill-qorti, u għalhekk jista’ jsir mir-reġistratur tal-qorti.

53.      F’dak li jirrigwarda ċ-ċertifikazzjoni nnifisha, apparti l-argument purament grammatikali tal-fatt li r-Regolament OEI jirreferi dejjem għal “qorti” sabiex jindika l-awtorità responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni (30), għandi dubji serji jekk dan l-eżami jistax jitħalla f’idejn ir-reġistratur. Fil-fatt, l-eżami mitlub skont ir-Regolament OEI ma huwiex eżami purament formali, iżda jeħtieġ stħarriġ tar-regolarità tad-deċiżjoni mogħtija minn qorti u tal-proċedura segwita. Dan jimplika li jiġi vverifikat, fost oħrajn, jekk id-dritt tal-Istat ta’ oriġini jippermettix l-eżami mill-ġdid skont it-termini elenkati fl-Artikolu 19 tar-Regolament OEI, imsemmi, u dan, fil-każ partikolari tal-Belġju, jidher li huwa suġġett ta’ kontroversja intensa fil-ġurisprudenza kif ukoll fid-duttrina, kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju (31).

54.      Speċjalment meta teżisti kontroversja tant kbira dwar jekk id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru josservax jew le l-istandards minimi stabbiliti fl-Artikolu 19 imsemmi, inqis li d-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni bħala ordni Ewropew ta’ infurzar għandha, fil-fehma tiegħi, titħalla biss f’idejn l-imħallef. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li d-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni ma hijiex suġġetta għal appell, kif previst fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament OEI (32), u li l-qrati tal-Istat Membru ta’ infurzar ma humiex se jkunu jistgħu jeżaminaw mill-ġdid jekk fl-Istat Membru ta’ oriġini ġewx osservati l-istandards proċedurali minimi (33).

55.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u speċifikament sabiex jiġi ggarantit, b’mod speċjali f’ċirkustanzi ta’ kontroversja intensa fil-ġurisprudenza bħal dik ta’ dan il-każ, ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tad-difiża tad-debitur u d-dritt għal smigħ ġust, it-tnejn li huma rrikonoxxuti fl-Artikolu 47 tal-Karta, inqis li d-deċiżjoni taċ-ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti bħala ordni Ewropew ta’ infurzar għandha titħalla f’idejn il-qorti, mingħajr preġudizzju għall-fatt li r-reġistratur jista’ jkun fdat bil-kompitu tal-ħruġ taċ-ċertifikat ikkonċernat.

56.      Rigward jekk iċ-ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti bħala ordni Ewropew ta’ infurzar għandhiex tintalab fl-att promotur (l-aħħar inċiż tal-ewwel parti tar-raba’ domanda preliminari), l-Artikolu 6 tar-Regolament OEI jipprevedi li d-deċiżjoni dwar kreditu mhux ikkontestat mogħti fi Stat Membru għandha tkun iċċertifikata bħala ordni Ewropew ta’ infurzar, fuq talba indirizzata lill-qorti tal-oriġini f’kull żmien. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, ikun illoġiku li jintalab li l-applikazzjoni għal ċertifikazzjoni tiġi ppreżentata fl-att promotur (għalkemm, bla dubju, it-talba tista’ ssir f’dak l-istadju) minħabba li f’dak iż-żmien xorta ma jistax ikun magħruf jekk il-kreditu huwiex ser jiġi kkontestat jew le u jekk, għaldaqstant, id-deċiżjoni mogħtija fit-tmiem ta’ din il-proċedura hijiex se tosservax ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex tiġi ċċertifikata bħala ordni Ewropew ta’ infurzar.

57.      Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb ir-raba’ domanda preliminari billi tipprovdi li d-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti bħala ordni Ewropew ta’ infurzar għandha titħalla f’idejn il-qorti, mingħajr preġudizzju għall-fatt li dan jista’ jinkariga lir-reġistratur tal-qorti sabiex joħroġ iċ-ċertifikat ikkonċernat.

E –    Il-ħames domanda preliminari

58.      Il-ħames domanda preliminari, li titressaq f’każ li ċ-ċertifikazzjoni bħala ordni Ewropew ta’ infurzar ma tkunx att ta’ natura ġudizzjarja, tirrigwarda l-mument li fih għandha tintalab din iċ-ċertifikazzjoni. B’mod partikolari, il-qroti tar-rinviju tistaqsi jekk tistax tintalab iċ-ċertifikazzjoni bħala ordni Ewropew ta’ infurzar wara li d-deċiżjoni tal-qorti li tintalab iċ-ċertifikazzjoni tagħha tkun saret res judicata.

59.      Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata għar-raba’ domanda preliminari, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ħames domanda preliminari.

60.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-proposta tiegħi fir-rigward tar-raba’ domanda preliminari, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ntalbet tikkonferma jekk fil-kawża prinċipali kienx hemm realment il-każ li r-rikorrenti fl-att promotur ma talabx il-proċedura taċ-ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni. Peress li l-qorti tar-rinviju kkonfermat li r-rikorrent fil-fatt kien talab fl-att promotur li s-sentenza tiġi ċċertifikata bħala ordni Ewropew ta’ infurzar, nemmen li fi kwalunkwe każ ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ħames domanda preliminari peress li hija magħmula b’mod ipotetiku.

IV – Konklużjoni

61.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Hof van Beroep te Antwerpen:

1)      Ma hemmx ksur tal-Artikolu 288 TFUE minħabba s-sempliċi fatt li l-ordimanent ġuridiku nazzjonali ma jipprevedix proċedura speċifika ta’ eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux ikkontestati.

2)       Fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni bħala ordni Ewropew ta’ infurzar tad-deċiżjonijiet tal-qrati ta’ Stat Membru, ma jkunx biżżejjed li l-ordinament ġuridiku ta’ dak l-Istat jipprevedi l-possibbiltà li jintalab eżami mill-ġdid jekk in-notifika lid-debitur ta’ ċitazzjoni jew l-att promotur ikunu saru bil-mod imsemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 805/2004 u jkunu ssodisfatti r-rekwiżiti l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 19(1)(a) tar-regolament imsemmi. Huwa meħtieġ ukoll li l-ordinament ġuridiku ta’ dak l-Istat Membru jippermetti wkoll l-eżami mill-ġdid f’każ fejn id-debitur (ukoll fil-każ ta’ notifiki magħmula permezz tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 805/2004) ma setax jikkontesta l-kreditu minħabba forza maġġuri jew ċirkustanzi straordinarji, mingħajr nuqqas min-naħa tiegħu. Il-proċedura magħżula mill-Istat Membru għandha tirrispetta b’mod suffiċjenti d-drittijiet tad-debitur għad-difiża u għal smigħ ġust u tippermetti eżami mill-ġdid sħiħ tad-deċiżjoni, li ma jkunx limitat biss għall-kwistjonijiet tad-dritt.

 3)       Il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timpedixxi lid-debitur milli jitlob eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni wara li jkun skada terminu li jibda jiddekorri mill-mument tan-notifika u mhux mill-mument li fih id-debitur effettivament sar jaf dwar il-kontenut tan-notifika, ma tissodisfax l-istandards minimi għall-eżami mill-ġdid f’każijiet eċċezzjonali. Il-qorti tar-rinviju hija dik li għandha tevalwa jekk id-dritt proċedurali nazzjonali u l-interpretazzjoni tiegħu li jagħmlu l-qrati tal-Istat Membru, tistax testendi l-iskadenzi għall-appell ta’ deċiżjoni tal-qorti fuq kreditu mhux ikkontestat, mhux biss f’każijiet ta’ forza maġġuri, iżda wkoll f’dawk fejn jeżistu ċirkustanzi straordinarji oħra li ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tad-debitur li jistgħu jimpedixxuh milli jikkontesta l-kreditu, kif previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 805/2004.

4)       Id-deċiżjoni taċ-ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti bħala ordni Ewropew ta’ infurzar għandha titħalla f’idejn il-qorti, mingħajr preġudizzju għall-fatt li dan jista’ jinkariga lir-reġistratur tal-qorti biex joħroġ iċ-ċertifikat.

5)      Ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ħames domanda preliminari.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38).


3 – Ara, b’analoġija, ’is-sentenza Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, b’referenza għall-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32; test konsolidat fil-ĠU 1998, C 27, p. 1), li “anki jekk il-Konvenzjoni hija intiża sabiex tassigura s-simplifikazzjoni tal-formalitajiet li jirregolaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni reċiproċi tas-sentenzi tal-qrati jew tribunali, dan l-għan ma jistax jintlaħaq billi jiġu mdgħajfa d-drittijiet tad-difiża” (punt 43). Ara wkoll is-sentenza Debaecker u Plouvier (49/84, EU:C:1985:252, punt 10).


4 – L-enfasi hija miżjuda minni. “Stat Membru ta’ l-oriġini” hija ddefinita fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament OEI bħala “l-Istat Membru li fih tkun ingħatat is-sentenza […] u għandu jiġi ċertifikat bħala Ordni Ewropew ta’ Infurzar”.


5–      Fil-punt 27 tal-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tindika li hemm proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu miftuħa kontra l-Belġju, iżda l-ksur ma jirreferix għall-assenza ta’ adattament tad-dritt Belġjan għall-istandards proċedurali minimi previsti fl-Artikoli 12 et seq tar-Regolament OEI (inkluż l-Artikolu 19 tiegħu), iżda l-fatt, inter alia, li l-Belġju qed jiċċertifika deċiżjonijiet tal-Qorti bħala ordnijiet Ewroprej ta’ infurzar minkejja li l-Kummissjoni ma ġietx innotifikata, skont l-Artikolu 30(1) tar-regolament imsemmi, dwar l-eżistenza fid-dritt Belġjan ta’ proċedura li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 19. Dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bħalissa għadu pendenti, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar dan ir-rinviju preliminari.


6–      F’dan is-sens ara wkoll Pabst, S., “Art. 19 EG-VollstrTitel VO”, f’Rauscher, T. (ed.):Europäisches Zivilprozess- und Kollisionsrecht – Kommentar. Sellier, 2010, punt 13.


7 – Ara, inter alia, Arnold, S., “VO (EG) 805/2004 – Art. 19”, f’Geimer u Schütze, Internationaler Rechtsverkehr in Zivil- und Handelssachen, 2014, punt 1; Pabst, S., op. cit. (nota 6), punt 4, kif ukoll Kropholler/von Hein, “Art. 19 EuVTVO”, f’Europäisches Zivilprozessrecht, id-disa’ ed. Frankfurt am Main: Verlag Recht und Wirtschaft GmbH, 2011, punt 5, u l-awturi ċċitati hemmhekk.


8 – Il-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu ma hijiex ċara minħabba li n-nuqqas litteralment jirreferi għan-notifika, meta fir-realtà, meta din issir mingħajr prova tar-riċeviment, assolutament ma tiddependix fuq id-debitur. Loġikament, għalhekk, wieħed għandu jifhem li r-responsabbiltà tad-debitur tirreferi għaċ-ċirkustanzi li fihom hu jsir jaf dwar in-notifika , u għalhekk se jkun responsabbli jekk, pereżempju, minħabba negliġenza ma jivverifikax regolarment il-posta tiegħu [ara f’dan is-sens Pabst, S., op. cit. (nota 6), punt 9, u Arnold, S., op. cit. (nota 7), punt 11; kif ukoll van Drooghenbroeck, J.F., u Brij, S., : “La pratique judiciaire au défi du titre exécutoire européen”, f’de Leval, G., u Candela Soriano, M., (koordinaturi), Espace judiciaire européen. Acquis et enjeux futurs en matière civile. Brussell: Larcier, 2007, p. 249].


9–      Fost oħrajn, is-sentenza Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10–      Fost oħrajn, is-sentenzi Patriciello ( C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 21, u NLB Leasing (C‑209/14, EU:C:2015:440, punt 25).


11 – C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144.


12 – Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1).


13 – Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 41 tas-sentenza ċċitata, “sa fejn l-ordni għal ħlas Ewropea ma tiġix ikkomunikata jew innotifikata b’mod konformi mal-istandards minimi stabbiliti [fir-Regolament Nru 1896/2006], il-konvenut […]ma jkollux neċessarjament l-informazzjoni utli kollha sabiex ikun jista’ jiddeċiedi jekk għandux jopponi din l-ordni”. Dan jaffettwa min-naħa tagħha l-validità tal-proċeduri li jiddependu fuq l-iskadenza tat-terminu għall-oppożizzjoni, bħal fil-każ tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid imsemmija fl-Artikolu 20 iċċitat iktar 'il fuq.


14 – Sentenza eco cosmetics u Raiffeisenbank St. Georgen, C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144, punti 46 u 47.


15 – C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144.


16 – Ara, f’dan is-sens ukoll, Pabst, S. op. cit. (nota 6), punt 3.


17 – F’dan ir-rigward, ara wkoll, Arnold, S., op. cit. (nota 7), punt 4, li jenfasizza li, għall-kuntrarju tal-Artikolu 19 tar-Regolament OEI, b’mod differenti mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, ma jipprevedi ebda konsegwenza konkreta għall-każ fejn għandha tintlaqa’ t-talba għal eżami mill-ġdid ippreżentata mid-debitur (ibidem, punt 8).


18 – Regolament tal-Kunsill (KE), tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42). Kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-Artikolu 19 tar-Regolament OEI għandu funzjoni simili għal dik tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, b’tali mod li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija rilevanti għal dik tal-ewwel.


19 – C-283/05, EU:C:2006:787, punt 48.


20 – Ara wkoll is-sentenza Debaecker u Bouwman (49/84, EU:C:1985:252): “il-fatt jekk in-notifika tkunx saret fi żmien utli biex titħejja difiża jiddependi fuq evalwazzjoni tal-fatti u, għaldaqstant, ma tistax tkun irregolata la mid-dritt nazzjonali tal-qorti ta’ oriġini, u lanqas mid-dritt nazzjonali tal-qorti meħtieġa” (punt 27).


21 – QEDB, sentenza Miragall Escolano et al c. Spanja, tal-25 ta’ Jannar 2000, Recueil des arrêts et décisions 2000‑I, p. 275, p. 37.


22 – Il-formula użata hija l-istess bħal dik tal-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament Nru 1896/2006, skont liema l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat, fid-digriet Novontech-Zala kft., C‑324/12, EU:C:2013:205, punt 24), li huma żewġ kategoriji differenti, li tgħid li “huwa meħtieġ, fin-nuqqas ta’ każ ta’ forza maġġuri, [...] [li jeżistu] ċirkustanzi straordinarji li minħabba fihom il-konvenut kien imxekkel milli jikkontesta l-pretensjoni fit-terminu previst għal dan il-għan”.


23 – Punt 18 tal-osservazzjonijiet tiegħu.


24 – Punt 15 tal-osservazzjonijiet tiegħu.


25 – Punt 13 tal-osservazzjonijiet tiegħu.


26 – Kif iddefinita fl-Artikolu 4(6) bħala “il-qorti jew tribunal responsabbli għall-proċeduri fiż-żmien tat-twettieq tal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1)(a), (b) jew (ċ)”.


27 – COM(2004) 90 final, paragrafu 3.3.2., osservazzjonijiet dwar dak li kien l-Artikolu 5 tal-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament.


28 – Dan sar permezz taċ-ċirkolari ministerjali tat-22 ta’ Ġunju 2005 (Moniteur belge tat-28 ta’ Ottubru 2005, p. 47402). Kritiki ħafna dwar din is-soluzzjoni Kropholler u von Hein, “Art. 6 EuVTVO”, f’Europäisches Zivilprozessrecht, id-disa’ edizzjoni. Frankfurt am Main: Verlag Recht und Wirtschaft GmbH, 2011, punt 3, u l-awturi ċċitati hemmhekk. Tista’ tara wkoll, b’referiment b’mod partikolari għall-każ Belġjan, van Drooghenbroeck, J.F. u Brijs, S., Un titre exécutoire européen. Bruxelles: Larcier, 2006, p. 14 et seq; tal-istess awturi, “La pratique judiciaire au défi du titre exécutoire européen”, f’de Leval, G, u Candela Soriano, M., (coords.), Espace judiciaire européen. Acquis et enjeux futurs en matière civile. Bruxelles: Larcier, 2007, p. 215 et seq, u Gielen, P., “Le titre exécutoire européen, cinq ans après: rêve ou réalité?”. Journal des Tribunaux 2010, p. 571. Sommarju komplet tal-ġurisprudenza Belġjana f’dan il-qasam u l-prattika żviluppata fil-Belġju mill-qrati iu r-reġistraturi tal-qorti fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-qorti bħala ordnijiet Ewropej ta’ infurzar f’Vanheukelen, D., “Le titre exécutoire européen – Approche d’un praticien du droit”, f’de Leval, G. u Georges, F., (dirs.): Le Droit judiciaire en mutation. En hommage à Alphonse Kohl. Lieja: Anthemis, 2007, p. 17 et seq.


29 – “L-OEI ma huwiex ‘tip ta’ deċiżjoni speċjali’, iżda ‘kwalità’ ta’ ċerti deċiżjonijiet, tranżazzjonijiet u dokumenti li, ladarba jinstab li nħarġu skont ċerti rekwiżiti u ċċertifikati f’dokument (jiġifieri ċ-ċertifikat tal-OEI) il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti, tippermetti li fil-Komunità Ewropea dawn iżommu l-istess natura ta’ eżegwibbiltà li jgawdu fl-Istat Membru li fih ikunu nħarġu [...] Iċ-ċertifikat tal-OEI[...] huwa d-dokument li jiċċertifika l-konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq u jesprimi l-kontenut essenzjali tad-deċiżjoni [...] eżegwibbli [...] Il-kwalità tal-OEI hija rreġistrata permezz taċ-‘ċertifikat ta’ OEI’ xieraq” [traduzzjoni libera] [Gil Nievas, R. u Carrascosa González, J., “Consideraciones sobre el Reglamento 805/2004, de 21 de abril de 2004, por el que se establece un título ejecutivo europeo para créditos no impugnados”, f’ Calvo Caravaca A.L. u Castellanos Ruiz, E.,(dirs.): La Unión Europea ante el Derecho de la globalización. Colex, 2008, p. 380 u 381].


30 – Ara wkoll il-premessa 17, li tirreferi għall-“ qrati kompetenti biex jiflu l-konformità sħiħa ma’ l-istandards minimi ta’ proċedura”.


31 – Ara wkoll ix-xogħlijiet tal-awturi Belġjani ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28.


32 – Ir-rettifika taċ-ċertifikat ta’ Ordni Ewropew ta’ Infurzar hija possibbli biss minħabba l-preżenza ta’ żball materjali li jiddetermina l-eżistenza ta’ diskrepanzi bejn id-deċiżjoni u ċ-ċertifikat [Artikolu 10(1)(a)) tar-Regolament OEI] jew ir-revoka tiegħu meta l-ħruġ taċ-ċertifikat ikun sar manifestament b’mod żbaljat skont ir-rekwiżiti tar-regolament stess [Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament OEI].


33 – Premessa 18 tar-Regolament OEI.