Language of document : ECLI:EU:C:2021:149

DIGRIET TAL-VIĊI-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

25 ta’ Frar 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura mħaffa – Assenza ta’ effett utli – Rabta ma’ proċedura nazzjonali għal miżuri provviżorji”

Fil-Kawżi magħquda C‑14/21 u C‑15/21,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sicilia, l-Italja), permezz ta’ digrieti tat-23 ta’ Diċembru 2020, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Jannar 2021, fil-proċeduri

SEA Watch eV

kontra

Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti (C‑14/21 u C‑15/21),

Capitaneria di Porto di Palermo (C‑14/21),

Capitaneria di Porto di Porto Empedocle (C‑15/21),

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur, J. Passer, u l-Avukat Ġenerali, A. Rantos,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU 2009, L 131, p. 57), u tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sikurezza tal-Ħajja fuq il-Baħar, konkluża f’Londra fl-1 ta’ Novembru 1974 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1185, Nru 18961, p. 3).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, Sea Watch eV u l-Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti (il-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport, l-Italja) kif ukoll il-Capitaneria di Porto di Palermo (il-kapitanerija tal-port ta’ Palermo, l-Italja) u, min-naħa l-oħra, Sea Watch u dan l-istess ministeru kif ukoll il-Capitaneria di Porto di Porto di Porto Empedocle (il-kapitenerija tal-port ta’ Porto Empedocle, l-Italja) dwar żewġ ordnijiet ta’ arrest mogħtija, rispettivament minn kull waħda minn dawn il-kapiteneriji u li jirrigwardaw, rispettivament, il-bastimenti msejħa Sea Watch 4 u Sea Watch 3.

 Il-kawżi prinċipali

3        Sea Watch hija organizzazzjoni umanitarja mingħajr skop ta’ lukru li għandha s-sede tagħha f’Berlin (il-Ġermanja). L-istatuti tagħha jistipulaw li l-għan tagħha huwa, b’mod partikolari, is-salvataġġ ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ diffikultà fil-baħar kif ukoll iż-żamma u l-operat ta’ bastimenti, dgħajjes u apparat tat-titjir sabiex jiġu salvati dawn il-persuni. B’konformità ma’ dan l-għan, hija teżerċita fil-prattika attivitajiet ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni fil-Baħar Mediterran permezz ta’ bastimenti li tagħhom hija kemm is-sid kif ukoll l-operatur. Fost dawn il-bastimenti hemm b’mod partikolari żewġ bastimenti, imsejħa rispettivament Sea Watch 3 u Sea Watch 4, li huma rreġistrati fir-reġistru nazzjonali Ġermaniż, li jtajru l-bandiera Ġermaniża u li kull wieħed minnhom ġie ċċertifikat minn korp ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni stabbilit fil-Ġermanja bħala “bastiment ta’ tagħbija ġenerali — polivalenti”.

4        Matul is-sajf tal-2020, is-Sea Watch 3 u Sea Watch 4 telqu mill-port ta’ Burriana (Spanja) u salvaw diversi mijiet ta’ persuni li kienu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ diffikultà fl-ilmijiet internazzjonali tal-Baħar Mediterran. Sussegwentement, il-kmandanti rispettivi ta’ dawn il-bastimenti ġew informati mill-Italian Maritime Rescue Coordination Centre (iċ-Ċentru Taljan għall-Koordinazzjoni tas-Salvataġġi fil-Baħar) li l-Ministero degli Interni (il-Ministeru għall-Intern, l-Italja) kien awtorizza l-iżbark u t-trasbord tal-persuni kkonċernati fil-bastimenti li kienu jinsabu fil-port ta’ Palermo (l-Italja), fir-rigward tas-Sea Watch 4, u fil-Porto Empedocle (l-Italja), fir-rigward tas-Sea Watch 3, u li għalhekk dawn ingħataw l-ordni li jidderieġu l-bastiment tagħhom lejn dawn iż-żewġ portijiet sabiex iwettqu dawn l-operazzjonijiet.

5        Ladarba twettqu l-imsemmija operazzjonijiet, il-Ministro della Sanità (il-Ministru għas-Saħħa Pubblika, l-Italja) ordna li dawn iż-żewġ bastimenti jibqgħu ankrati viċin l-imsemmija portijiet għal finijiet, l-ewwel nett, ta’ konfinament tal-ekwipaġġi intiżi għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-marda Covid-19 u, fit-tieni lok, għat-tindif, għad-diżinfettar u għaċ-ċertifikazzjoni sanitarja.

6        Fi tmiem il-proċeduri ta’ tindif u ta’ diżinfettar, il-kaptan tal-port ta’ Palermo u dak tal-port ta’ Porto Empedocle wettqu spezzjonijiet abbord, u wara ordnaw l-arrest, rispettivament, tas-Sea Watch 4 u tas-Sea Watch 3 minħabba li kienu kkonstataw l-eżistenza ta’ għadd ta’ irregolaritajiet tekniċi u operazzjonali, li wħud minnhom kellhom jiġu kklassifikati bħala “serji” u kienu jiġġustifikaw, bħala tali, dan l-arrest.

7        Minn dak iż-żmien ’l hawn, Sea Watch temmet uħud minn dawn l-irregolaritajiet. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-irregolaritajiet li fadal (iktar ’il quddiem l-“irregolaritajiet inkwistjoni”) ma humiex ipprovati. Dawn l-irregolaritajiet jirrigwardaw, essenzjalment, il-fatt li s-Sea Watch 3 u Sea Watch 4 ma huma, skont l-awtoritajiet Taljani kompetenti, la ċċertifikati sabiex jilqgħu abbord u jittrasportaw diversi mijiet ta’ persuni, kif għamlu matul is-sajf tal-2020, u lanqas ma għandhom tagħmir tekniku adattat, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ipproċessar tal-ilma mormi, id-doċċi u l-latrini.

8        F’dawn iċ-ċirkustanzi, Sea Watch ippreżentat, quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sicilia, l-Italja), żewġ rikorsi għal annullament kontra l-miżuri li permezz tagħhom il-kaptan tal-port ta’ Palermo u dak tal-port ta’ Porto Empedocle ordnaw l-arrest, rispettivament, tas-Sea Watch 4 u Sea Watch 3 sakemm jintemmu l-irregolaritajiet inkwistjoni, kif ukoll kontra r-rapporti ta’ spezzjoni annessi ma’ dawn il-miżuri u kull att preliminari ieħor, marbut jew sussegwenti għall-imsemmija miżuri.

9        Barra minn hekk, Sea Watch żiedet ma’ dawn ir-rikorsi talbiet għal miżuri provviżorji, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji, li hija mmotivat bl-eżistenza ta’ riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan applikabbli f’dan il-qasam.

10      Fit-talbiet tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tindika b’mod partikolari li l-elementi li jinsabu fil-proċessi rispettivi tal-kawżi prinċipali juru li l-eżistenza tal-irregolaritajiet inkwistjoni hija s-suġġett ta’ teħid ta’ pożizzjoni diverġenti min-naħa mhux biss tal-partijiet f’dawn il-kawżi, iżda wkoll tal-awtoritajiet kompetenti fl-Italja, l-Istat tal-port, u fil-Ġermanja, l-Istat tal-bandiera. Fil-fatt, l-awtoritajiet kompetenti Taljani jqisu, essenzjalment, li dawn l-irregolaritajiet huma pprovati u li għandhom jintemmu, filwaqt li l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti jikkunsidraw li interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt internazzjonali applikabbli tippermetti li jiġi konkluż li ma hemmx tali irregolaritajiet.

11      Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/16 u tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sikurezza tal-Ħajja fuq il-Baħar tqajjem kwistjonijiet ta’ dritt kumplessi, ġodda u ta’ importanza kbira għall-Istati Membri kollha, li r-riżoluzzjoni tagħhom hija neċessarja sabiex tkun tista’ tiddeċiedi l-kawżi prinċipali.

12      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sicilia) iddeċidiet, f’kull waħda miż-żewġ kawżi prinċipali, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ħames domandi preliminari fformulati f’termini kważi identiċi. Hija talbet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta dawn il-kawżi għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 2021, dawn il-kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq it-talbiet ta’ implementazzjoni tal-proċedura mħaffa

14      Skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta n-natura ta’ kawża teħtieġ li tiġi ttrattata f’qasir iż-żmien, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, eċċezzjonalment, ex officio, jiddeċiedi li jissuġġetta din il-kawża għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura.

15      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju timmotiva t-talbiet tagħha intiżi sabiex dawn il-kawżi jiġu suġġetti għall-proċedura mħaffa prevista f’din id-dispożizzjoni billi ssostni l-elementi li ġejjin.

16      Qabelxejn, din il-qorti tenfasizza, essenzjalment, li dawn il-kawżi jikkonċernaw qasam sensittiv sa fejn jirrigwardaw l-attivitajiet ta’ salvataġġ ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ diffikultà li jitwettqu fil-Baħar Mediterran, sa mis-snin 2014 u 2015, minn organizzazzjonijiet mhux governattivi ta’ natura umanitarja permezz, b’mod partikolari, ta’ bastimenti ta’ tagħbija li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri, fosthom is-Sea Watch 3 u Sea Watch 4.

17      Sussegwentement, l-imsemmija qorti tesponi, essenzjalment, li l-miżuri ta’ arrest imposti fuq il-bastimenti operati minn Sea Watch jaqgħu fil-kuntest ta’ numru ta’ miżuri li huma ta’ natura li jaffettwaw, b’mod ġenerali, l-attivitajiet imsemmija fil-punt preċedenti. Fil-fatt, kważi l-bastimenti kollha li jwettqu dawn l-attivitajiet huma, fil-preżent, is-suġġett ta’ miżuri ta’ arrest adottati mill-kaptani tal-portijiet Taljani differenti (b’mod partikolari dawk tal-portijiet ta’ Olbia, ta’ Palermo, ta’ Porto Empedocle u ta’ Venezia) u mmotivati mill-fatt li huma ma josservawx ir-rekwiżiti meħtieġa.

18      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju, fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, li jiġi kkjarifikat malajr il-kuntest ġuridiku li huma eżerċitati fih dawn l-attivitajiet, billi tirrileva mhux biss li l-osservanza tar-rekwiżiti meħtieġa fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa tikkostitwixxi kwistjoni ta’ ordni pubbliku, iżda wkoll li fil-preżent, fl-assenza ta’ tali kjarifika, ma jeżisti ebda strument li jippermetti li tintemm il-prattika ta’ arrest ta’ bastimenti.

19      Fl-aħħar nett, din il-qorti hija tal-opinjoni li t-termini medji għat-trattament tal-kawżi mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettulhiex li tiddeċiedi l-kawżi prinċipali qabel il-bidu tas-sajf tal-2021, filwaqt li l-esperjenza tas-snin preċedenti turi li huwa matul dan l-istaġun li normalment ikunu kkonċentrati l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ ta’ persuni f’diffikultà li jitwettqu fil-baħar Mediterran mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi bħal Sea Watch u l-omologi tagħha.

20      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, l-imsemmija qorti tqis li huwa neċessarju li tikseb, fi żmien qasir, risposti għad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tosserva li, fid-dawl tat-talbiet tagħha intiżi sabiex dawn il-kawżi jiġu suġġetti għall-proċedura mħaffa, hija stess ċaħdet, b’mod purament provviżorju u bla ħsara għal deċiżjoni definittiva dwar dan is-suġġett ladarba tkun magħrufa d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn it-talbiet, it-talbiet għal miżuri provviżorji li kienu sarulha minn Sea Watch għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji.

21      Fid-dawl tal-elementi ppreżentati mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-inċertezza legali li tista’ toħloq piż fuq l-attivitajiet ta’ parti f’kawża nazzjonali li fil-kuntest tagħha l-qorti kompetenti tqis neċessarju li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domandi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, minn naħa, u l-interess leġittimu ta’ din il-parti li ssir taf fl-iqsar żmien possibbli d-drittijiet tagħha skont id-dritt tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu ċirkustanzi li jistgħu jkunu preżenti f’diversi kawżi u għalhekk ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw li kawża preliminari tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Diċembru 2017, M. A. et, C‑661/17, mhux ippubblikata, EU:C:2017:1024, punt 16, kif ukoll is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2021, The International Protection Appeals Tribunal et, C‑322/19 u C‑385/19, EU:C:2021:11, punt 47).

22      Fil-fatt, din il-proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż sabiex jirrispondi għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja, li l-eżistenza tagħha għandha tiġi stabbilita f’relazzjoni maċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-kawża li fir-rigward tagħha tkun tressqet talba għal proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Diċembru 2017, M. A. et, C‑661/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:1024, punt 17).

23      Fit-tieni lok, u għall-istess raġuni, in-numru kbir ta’ persuni li jistgħu jsibu ruħhom fl-istess inċertezza bħall-partijiet fil-kawża prinċipali jew sitwazzjonijiet legali potenzjalment ikkonċernati mid-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tagħti wara li tkun kisbet risposti għad-domandi preliminari li tkun għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja jew minn deċiżjonijiet li din il-qorti jew qrati nazzjonali oħra jistgħu jintalbu jagħtu f’kawżi simili ma jikkostitwixxix, bħala tali, ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika l-użu tal-proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 2016, Banco Santander, C-96/16, mhux ippubblikat, EU:C:2016:566, punt 18; tal-20 ta’ Settembru 2018, Minister for Justice and Equality, C‑508/18 u C‑509/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:766, punt 14, kif ukoll is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Falsifikazzjoni ta’ ordnijiet ta’ trasferiment bankarju), C‑584/19, EU:C:2020:1002, punt 36).

24      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, filwaqt li hija evidenti n-natura importanti u sensittiva tal-kawżi prinċipali u tar-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti għad-domandi li sarulha, fil-qasam ikkonċernat tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 2018, Vitali, C‑63/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:199, punt 16, kif ukoll tas-27 ta’ Frar 2019, M. V. et, C‑760/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:170, punt 17), dawn l-elementi differenti, li l-eżistenza tagħhom, f’dan il-każ, tirriżulta b’mod ċar mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju miġbura fil-punti 17 u 18 ta’ dan id-digriet, ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw li dawn il-kawżi jiġu suġġetti għall-proċedura mħaffa.

25      Fit-tielet u l-aħħar lok, mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju miġbura fil-qosor fil-punti 16 u 19 ta’ dan id-digriet jirriżulta, b’mod ċar, li l-kawżi li fil-kuntest tagħhom din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma kkaratterizzati, lil hinn mill-kwistjonijiet legali tagħhom u mill-konsegwenzi konkreti tagħhom, minn dimensjoni umana importanti u delikata, sa fejn dawn jikkonċernaw il-kundizzjonijiet li fihom organizzazzjonijiet mhux governattivi ta’ natura umanitarja huma mitluba jeżerċitaw attivitajiet ta’ salvataġġ ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ diffikultà fil-baħar. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, b’mod partikolari, li hija titlob l-implementazzjoni tal-proċedura mħaffa sabiex tikseb, min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, risposti f’terminu li jippermettilha tiddeċiedi l-kawżi prinċipali qabel il-bidu tas-sajf tal-2021, staġun li matulu l-esperjenza tgħallem normalment huma kkonċentrati l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ ta’ persuni f’diffikultà jew f’periklu li jitwettqu fil-Baħar Mediterran.

26      Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li tilwima nazzjonali tkun ta’ natura urġenti u li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tkun obbligata tagħmel kollox sabiex tiżgura r-riżoluzzjoni rapida ma jiġġustifikax, fih innifsu, li l-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-kawża preliminari li tikkorrispondi għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Lulju 2017, Mobit, C‑350/17 u C‑351/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:626, punt 6, kif ukoll tad-29 ta’ Novembru 2017, Bosortwh u Hurley, C‑603/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:933, punt 9).

27      Fil-fatt, din il-proċedura hija differenti, kemm minħabba l-għan kif ukoll minħabba l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni, minn proċedura għal miżuri provviżorji bħal dik prevista fl-Artikoli 160 sa 166 u 190 tar-Regoli tal-Proċedura fir-rigward ta’ rikorsi diretti u tal-appelli (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ April 2016, Il-Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:232, punt 18, u tal-11 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑441/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:794, punt 15), jew dik applikabbli quddiem il-qorti tar-rinviju, kif imsemmi fil-punt 20 ta’ dan id-digriet.

28      B’mod partikolari, il-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura għandha l-għan li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti, f’terminu qasir, deċiżjoni dwar il-mertu fil-kawża preliminari mressqa quddiemha u mhux li tevalwa n-neċessità li jiġu adottati miżuri provviżorji sakemm tingħata tali deċiżjoni.

29      Barra minn hekk, b’differenza mill-proċeduri għal miżuri provviżorji msemmija fil-punt 27 ta’ dan id-digriet, il-proċedura mħaffa ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi mingħajr dewmien u, jekk ikun hemm bżonn, b’mod provviżorju dwar id-domandi magħmula lilha, iżda timponilha minn qabel li tirrispetta d-dritt għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub li l-Artikolu 105(3) tar-Regoli tal-Proċedura jagħti lill-partijiet fil-kawża prinċipali u lill-partijiet ikkonċernati l-oħra msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fosthom l-Istati Membri, li jistgħu, skont l-Artikolu 38(4) ta’ dawn ir-regoli, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-lingwa tagħhom. Minbarra t-termini marbuta mal-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit hemm ukoll, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw it-traduzzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-lingwi uffiċjali differenti tal-Unjoni, dak tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Istati Membri fil-lingwa tal-kawża, imbagħad dak tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-pubblikazzjoni tagħha.

30      Issa, f’dan il-każ, fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti u tad-data li fiha l-qorti tar-rinviju ppreżentat it-talbiet tagħha għal deċiżjoni preliminari, ma jidhirx li huwa possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk dawn il-kawżi jiġu suġġetti għall-proċedura mħaffa, li tagħti deċiżjoni dwarhom f’terminu li josserva l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u li jippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi l-kawżi prinċipali qabel il-bidu tas-sajf tal-2021, kif din indikat li għandha tagħmel għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 19 u 25 ta’ dan id-digriet.

31      Minn dan isegwi li r-rikors għal tali proċedura ma jistax, fi kwalunkwe każ, jilħaq l-għan imsemmi fil-punt preċedenti ta’ dan id-digriet u għalhekk ma għandux effett utli f’dawn il-kawżi (ara, b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Diċembru 2017, de Diego Porras, C‑619/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:1025, punt 25). Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx li l-Qorti tal-Ġustizzja tidderoga mid-dispożizzjonijiet ġeneralment applikabbli tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, f’dan il-każ, abbażi tal-Artikolu 105(1) ta’ dawn ir-regoli.

32      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull qorti nazzjonali li tkun adita b’kawża rregolata mid-dritt tal-Unjoni għandu jkollha s-setgħa li tieħu l-miżuri provviżorji li jippermettu li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li għandha tingħata dwar l-eżistenza tad-drittijiet invokati abbażi ta’ dan id-dritt, jekk ikun il-każ billi tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt intern li jostakolaw din is-setgħa. Dan huwa l-każ a fortiori meta l-qorti nazzjonali kompetenti tiddeċiedi li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, fejn tali miżuri provviżorji jistgħu jkunu adegwati sabiex jiġi żgurat l-effett utli tas-sistema ta’ rinviju preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C‑213/89, EU:C:1990:257, punti 21 sa 23).

33      Għalhekk, l-ewwel nett, hija l-qorti nazzjonali adita b’tilwima ta’ natura urġenti, li hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa r-riskji konkreti għall-partijiet u li tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li għandha tadotta, fl-istennija tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri provviżorji adegwati kollha sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li hija mitluba hija stess sabiex tagħti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ April 2018, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:253, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha, kif hija pprevediet fit-talbiet tagħha għal deċiżjoni preliminari, kif miġbura fil-qosor fil-punt 20 ta’ dan id-digriet, tiddeċiedi jekk miżuri provviżorji humiex adegwati sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-deċiżjonijiet li hija mitluba tagħti u, jekk ikun il-każ, tiddetermina l-miżuri li għandhom jiġu adottati.

35      Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tiddeċiedi dawn il-kawżi bi prijorità, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dawn il-kawżi, kif jirriżultaw mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju miġbura fil-qosor fil-punti 16 sa 19 ta’ dan id-digriet.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li t-talbiet tal-qorti tar-rinviju intiżi sabiex il-kawżi preżenti jkunu suġġetti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura ma jistgħux jintlaqgħu.

Għal dawn il-motivi, Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

It-talbiet tat-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sicilia, l-Italja) intiżi sabiex il-Kawżi magħquda C14/21 u C15/21 jiġu suġġetti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja huma miċħuda.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.