Language of document : ECLI:EU:C:2012:547

Kawża C‑273/11

Mecsek‑Gabona Kft

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-dunántúli Regionális Adó Főigazgatósága

(talba għal deċiżjoni preliminari

mressqa mill-Baranya Megyei Bíróság)

“VAT — Direttiva 2006/112KE — Artikolu 138(1) — Kundizzjonijiet għal eżenzjoni ta’ tranżazzjoni intra-Komunitarja kkaratterizzata mill-obbligu tax-xerrej li jiżgura t-trasport tal-merkanzija li huwa jiddisponi minnha bħala proprjetarju mill-mument tat-tagħbija — Obbligu tal-bejjiegħ li jipprova li l-merkanzija telqet fiżikament mit-territorju tal-Istat Membru tal-provvista — Tħassir, b’effett retroattiv, tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tax-xerrej”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-6 ta’ Settembru 2012

1.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tat-taxxa — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjoni ta’ provvista intra-Komunitarja — Rifjut tal-eżenzjoni lill-bejjiegħ — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 138(1))

2.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tat-taxxa — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjoni ta’ provvista intra-Komunitarja — Tħassir, b’effett retroattiv, tan-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud tax-xerrej — Assenza ta’ effett fuq il-benefiċċju tal-eżenzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 138(1))

1.        F’ċirkustanzi li fihom, minn naħa, id-dritt li wieħed jiddisponi minn oġġett bħala proprjetarju huwa ttrasferit, fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, lil xerrej stabbilit fi Stat Membru ieħor li fil-mument tat-tranżazzjoni jkollu numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dan l-Istat Membru l-ieħor u li huwa responsabbli għat-trasport ta’ din il-merkanzija lejn id-destinazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, il-bejjiegħ jiżgura ruħu li t-trakkijiet irreġistrati barra mill-pajjiż jgħabbu l-merkanzija mill-maħżen tiegħu u jkollu d-dokumenti CMR (Konvenzjoni dwar il-Kuntratt għall-Ġarr Stradali Internazzjonali ta’ Merkanzija), mibgħuta lura lilu minn dan l-Istat Membru tad-destinazzjoni, bħala prova li l-oġġett ġie ttrasportat barra mill-Istat Membru tal-bejjiegħ, l-Artikolu 138(1) tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva 2010/88, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-benefiċċju tad-dritt għal eżenzjoni ta’ provvista intra‑Komunitarja jiġi rrifjutat lill-bejjiegħ, bil-kundizzjoni li jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li dan tal-aħħar ma ssodisfax l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-provi jew li kien jaf jew kien messu kien jaf li t-tranżazzjoni li kien għamel kienet involuta fi frodi mwettqa mix-xerrej u li ma kienx ħa l-miżuri raġonevoli kollha li seta’ jieħu sabiex jevita l-parteċipazzjoni tiegħu f’din il-frodi.

(ara l-punti 28, 55 u d-dispożittiv 1)

2.        L-eżenzjoni ta’ provvista intra‑Komunitarja, fis-sens tal-Artikolu 138(1) tad-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2010/88, ma tistax tiġi rrifjutata lill-bejjiegħ minħabba s-sempliċi raġuni li l-awtorità fiskali ta’ Stat Membru ieħor ħassret in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud tax-xerrej li, minkejja li dan it-tħassir seħħ wara l-provvista tal-merkanzija, sar b’mod retroattiv għal data qabel dik li fiha saret din il-provvista. Fil-fatt, peress li l-obbligu li l-kwalità ta’ persuna taxxabbli tiġi vverifikata huwa tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, qabel ma din tal-aħħar tagħtiha n-numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, irregolarità eventwali li taffettwa dan ir-reġistru ma tistax tirriżulta f’li ċċaħħad lil operatur, li bbaża ruħu fuq id-data li tinsab fl-imsemmi reġistru, mill-eżenzjoni li huwa għandu d-dritt li jibbenefika minnha.

(ara l-punti 63, 65 u d-dispożittiv 2)