Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fit-23 ta’ Marzu 2021 – Nokia Technologies Oy vs Daimler AG

(Kawża C-182/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Düsseldorf

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Nokia Technologies Oy

Konvenut: Daimler AG

Partijiet oħra fil-proċedura: Continental Automotive GmbH, Continental Automotive Hungary Kft., Bury Sp. z.o.o., TomTom Sales B.V., VALEO Telematik und Akustik GmbH (li kienet Peiker acustic GmbH), Robert Bosch GmbH, Huawei Technologies Deutschland GmbH, TomTom International B.V., Sierra Wireless S.A.

Domandi preliminari

A.    Jeżisti obbligu li tingħata liċenzja bi prijorità lil fornituri?

Impriża li tinsab fi stadju sussegwenti fil-proċess ekonomiku tista’ tinvoka, bħala difiża f’azzjoni għal kontrafazzjoni intiża li titwaqqaf il-kontrafazzjoni mressqa mid-detentur ta’ privattiva essenzjali għal standard stabbilit minn organizzazzjoni tal-istandardizzazzjoni (iktar ’il quddiem “PES”), f’sitwazzjoni fejn l-imsemmi detentur ikun intrabat b’mod irrevokabbli, quddiem l-organizzazzjoni tal-istandardizzazzjoni, li jagħti din il-privattiva taħt liċenzja lil terzi taħt kundizzjonijiet ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet FRAND”), l-eċċezzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE jekk l-istandard li għalih il-privattiva kontenzjuża hija essenzjali, jew ċerti partijiet minn dan l-istandard, ikunu diġà implimentati fi prodott preliminari akkwistat mill-konvenut fl-azzjoni għall-kontrafazzjoni, f’sitwazzjoni fejn il-fornituri li jkunu jixtiequ jiksbu liċenzja jiġu rrifjutati, mid-detentur tal-privattiva, l-għoti ta’ liċenzja illimitata taħt kundizzjonijiet FRAND fir-rigward tat-tipi kollha ta’ użu rilevanti fid-dawl tad-dritt dwar il-privattivi, fir-rigward tal-prodotti li jimplimentaw l-istandard?

Dan ikun il-każ b’mod partikolari meta, fis-settur ekonomiku kkonċernat tad-distributur tal-prodott finali, tkun l-użanza li s-sitwazzjoni tad-disponibbiltà tal-privattivi użati fir-rigward tal-partijiet li jinqalgħu tiġi kkjarifikata bil-kisba ta’ liċenzji mill-fornituri?

Teżisti prijorità fl-għoti ta’ liċenzji fir-rigward tal-fornituri f’kull stadju tal-katina tal-provvista jew biss fir-rigward tal-fornitur li jinsab immedjatament fl-istadju preċedenti għad-distributur tal-prodott finali fi tmiem tal-katina taż-żieda ta’ valur? Hawnhekk huma determinanti wkoll l-użanzi kummerċjali?

Il-projbizzjoni tal-abbuż prevista fid-dritt dwar l-akkordji timplika li l-fornitur għandu jingħata l-liċenzja illimitata tiegħu stess taħt kundizzjonijiet FRAND fir-rigward tat-tipi kollha ta’ użu rilevanti fid-dawl tad-dritt dwar il-privattivi, fir-rigward tal-prodotti li jimplimentaw l-istandard, fis-sens li d-distributuri finali (u, jekk ikun il-każ, ix-xerrejja fi stadju preċedenti) ma jkunx għad għandhom għalfejn jiksbu, min-naħa tagħhom, liċenzja separata għalihom stess min-naħa tad-detentur tal-PES sabiex jevitaw kontrafazzjoni meta l-parti li tinqala’ kkonċernata tintuża konformement mal-użu intenzjonat tagħha?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: l-Artikolu 102 TFUE jipprevedi kundizzjonijiet partikolari dwar il-kwalità u/jew il-kwantità, jew kundizzjonijiet oħra, fir-rigward tal-kriterji li fuq il-bażi tagħhom id-detentur ta’ PES jiddeċiedi kontra liema persuna li potenzjalment wettqu kontrafazzjoni ta’ privattivi, fid-diversi livelli tal-istess katina ta’ produzzjoni jew ta’ żieda fil-valur, ser jiftaħ azzjoni għal kontrafazzjoni intiża li titwaqqaf il-kontrafazzjoni?

B.     Applikazzjoni konkreta tar-rekwiżiti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2015, Huawei Technologies 1 :

Irrispettivament mill-fatt li l-obbligi ta’ azzjoni li għandhom reċiprokament id-detentur ta’ PES u l-utent ta’ PES (twissija fir-rigward tal-kontrafazzjoni, talba għall-għoti ta’ liċenzja, offerta ta’ liċenzja taħt kundizzjonijiet FRAND; offerta ta’ liċenzja lill-fornitur li għandu jibbenefika bi prijorità minn liċenzja) għandhom jiġu ssodisfatti fl-istadju prekontenzjuż, huwa possibbli li dawn l-obbligi, li ma kinux twettqu qabel infetħet il-proċedura, jitwettqu a posteriori, jiġifieri matul il-proċedura ġudizzjarja u mingħajr ma jintilfu drittijiet?

Għandu jitqies li ma hemmx talba serja għall-għoti ta’ liċenzja min-naħa tal-utent tal-privattiva sakemm minn evalwazzjoni kompleta taċ-ċirkustanzi kollha li fiha ssir din it-talba ma jirriżultax b’mod ċar u inekwivoku li l-utent tal-PES jixtieq din il-liċenzja u huwa lest jikkonkludi kuntratt ta’ liċenzja mad-detentur tal-PES taħt kundizzjonijiet FRAND, ikunu xi jkunu l-modalitajiet ta’ dawn il-kundizzjonijiet (li, fl-assenza ta’ offerta ta’ liċenzja fformulata f’dak il-mument, bl-ebda mod ma jkunu diġà prevedibbli)?

Persuna li twettaq kontrafazzjoni u li, għal diversi xhur wara li tkun irċeviet twissija dwar il-kontrafazzjoni, ma tweġibx għal din it-twissija, tagħti b’hekk l-impressjoni ġenerali li ma tixtieqx tikseb liċenzja, b’tali mod li, minkejja talba għal liċenzja mressqa verbalment, ma jkunx jista’ jingħad li kien hemm talba, bil-konsegwenza li l-azzjoni għal kontrafazzjoni mressqa mid-detentur ta’ PES ikollha tintlaqa’?

Kundizzjonijiet ta’ liċenzja ppreżentati mill-utent ta’ PES fil-kuntest ta’ kontro offerta jippermettu l-konklużjoni li ma kienx hemm talba għal liċenzja, bil-kundizzjoni li l-azzjoni għal kontrafazzjoni mressqa mid-detentur ta’ PES ikollha tintlaqa’ mingħajr ma jiġi eżaminat minn qabel jekk l-offerta ta’ liċenzja stess min-naħa tad-detentur ta’ PES (li saret qabel il-kontro offerta tal-utent ta’ PES) hijiex min-naħa tagħha konformi mal-kundizzjonijiet FRAND?

Tali konklużjoni hija fi kwalunkwe każ eskluża jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-liċenzja, ibbażati fuq il-kontro offerta u li jippermettu, bħala ipoteżi, il-konklużjoni li ma hemmx talba għal liċenzja, ikunu tali li l-inkompatibbiltà tagħhom mal-kundizzjonijiet FRAND la tkun evidenti u lanqas ma tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-qrati superjuri?

____________

1     C-170/13, EU:C:2015:477.