Language of document : ECLI:EU:T:2006:391

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Diċembru 2006 (*)

"Kompetizzjoni – Artikolu 81(1) KE – Laħam ta’ l-ifrat – Sospensjoni ta’ importazzjonijiet – Iffissar ta’ struttura ta’ prezzijiet sindakali – Regolament Nru 26 – Assoċjazzjonijiet ta’ impriżi – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni – Azzjoni sindakali – Effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri – Obbligu ta’ motivazzjoni – Linji gwida għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Gravità u tul ta’ żmien tal-ksur – Ċirkustanzi aggravanti u attenwanti – Non akkumulazzjoni tas-sanzjonijet – Drittijiet tad-difiża"

Fil-kawżi magħquda T‑217/03 u T‑245/03,

Fédération nationale de la coopération bétail et viande (FNCBV), stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn R. Collin, M. Ponsard u N. Decker, avocats,

parti rikorrenti fil-kawża T‑217/03,

Fédération nationale des syndicats d’exploitants agricoles (FNSEA), stabbilita f’Pariġi,

Fédération nationale bovine (FNB), stabbilita f’Pariġi,

Fédération nationale des producteurs de lait (FNPL), stabbilita f’Pariġi,

Jeunes agriculteurs (JA), stabbilita f’Pariġi,

irrappreżentati minn B. Neouze u V. Ledoux, avocats,

partijiet rikorrenti fil-kawża T‑245/03,

sostnuti minn

Ir-Repubblika Franċiża, inizjalment irrappreżentata minn G. de Bergues, F. Million u R. Abraham, imbagħad minn M. de Bergues, E. Belliard u S. Ramet, bħala aġenti,

parti intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. Oliver, A. Bouquet u O. Beynet, bħala aġenti,

parti konvenuta

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talbiet għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/600/KE, tat-2 ta’ April 2003, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 [KE] [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Kawża COMP/C.38.279/F3 – Laħam ta’ l-ifrat Franċiż) (ĠU L 209, p.12), u, sussidjarjament, talba għal tneħħija jew għal tnaqqis tal-multi imposti bl-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. García-Valdecasas, President, J. D. Cooke u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Mejju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza 

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 26, ta’ l-4 ta’ April 1962, li japplika ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (ĠU 1962, 30, p. 993), jipprovdi li l-Artikoli [81] KE sa [86] KE, kif ukoll id-dispożizzjonijiet stabbiliti għall-implementazzjoni tagħhom, japplikaw għall-ftehim, għad-deċiżjonijiet u għall-prattiki kollha li għalihom hemm referenza fl-Artikolu [81](1) KE u fl-Artikolu [82] KE u li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni jew mal-kummerċ tal-prodotti elenkati fl-Anness [I] tat-Trattat KE, b’mod partikolari l-annimali ħajjin u l-laħam u l-ġewwieni li jittiekel, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2 tiegħu.

2        L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament jistabilixxi li ġej:

"L-Artikolu [81](1) [KE] ma għandux japplika għal dak il-ftehim, deċiżjonijiet u prattiki li għalihom hemm referenza fl-Artikolu preċedenti li jifformaw parti integrali minn organizzazzjoni tas-suq nazzjonali jew li huma meħtieġa għall-kisba tal-miri ddikjarati fl-Artikolu [33 KE]. B’mod partikolari, dan m’għandux japplika għall-ftehim, għad-deċiżjonijiet u għall-prattiki tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, jew l-assoċjazzjonijiet ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet li jappartjienu għal Stat Membru wieħed u li jirrigwardaw il-produzzjoni jew il-bejgħ ta’ prodotti agrikoli jew l-użu ta’ faċilitajiet konġunti għall-ħażna, għat-trattament jew għall-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli, u li dwarhom ma hemm l-ebda obbligu li jintalbu prezzijiet identiċi, għajr jekk il-Kummissjoni ssib illi l-kompetizzjoni hija b’hekk eskluża jew li l-miri ta’ l-Artikolu [33 KE] huma mhedda."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3        Ir-rikorrenti fil-kawża T‑217/03, il-Fédération nationale de la coopération bétail et viande (FNCBV), tgħaqqad 300 grupp ta’ kooperattivi ta’ produtturi tas-setturi tat-trobbija ta’ l-ifrat, ħnieżer u nagħaġ u madwar tletin grupp jew stabbilimenti ta’ biċċerija u ta’ pproċessar ta’ laħam fi Franza.

4        Ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03, jiġifieri l-Fédération nationale des syndicats d’exploitants agricoles (FNSEA), il-Fédération nationale bovine (FNB), il-Fédération nationale des producteurs du lait (FNPL) u l-Jeunes agriculteurs (JA), huma sindakati rregolati mil-liġi Franċiża. Il-FNSEA hija s-sindakat agrikolu Franċiż prinċipali. Fuq il-livell territorjali, hija magħmula minn sindakati lokali, magħquda f’federazzjonijiet jew unions dipartimentali tas-sindakati ta’ operaturi agrikoli (FDSEA jew UDSEA). Federazzjonijiet jikkoordinaw, f’kull reġjun, l-azzjoni tal-FDSEA u ta’ l-UDSEA. Barra minn hekk, il-FNSEA tgħaqqad 33 assoċjazzjoni speċjalizzata, li jirrappreżentaw l-interessi ta’ kull produttur, fosthom il-FNB u l-FNPL. Fl-aħħar nett, il-JA jirrappreżentaw il-bdiewa taħt il-35 sena. Sabiex wieħed ikun membru taċ-ċentru lokali tal-JA, huwa għandu jkun membru ta’ sindakat lokali li jaqa’ taħt il-FDSEA jew l-UDSEA.

I –  It-tieni kriżi msejħa "tal-mad cow disease"

5        Minn Ottubru 2000, każijiet ġodda ta’ enċifalopatija sponġiformi ta’ l-ifrat, msejħa "marda tal-mad cow disease", instabu f’diversi Stati Membri. Fl-istess ħin, każijiet tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer laqtet il-merħliet tan-nagħaġ fir-Renju Unit. Din is-sitwazzjoni kkawżat telf ta’ fiduċja min-naħa tal-konsumaturi, li kellha impatt fuq il-konsum ta’ laħam in ġenerali fl-Ewropa u b’mod partikolari wasslet lis-settur ta’ l-ifrat fi kriżi ġdida. Fil-fatt, il-konsum ta’ laħam ta’ l-ifrat naqas b’mod kunsiderevoli, b’mod partikolari fi Franza, il-volumi importati jew esportati minn dan il-pajjiż naqsu wkoll b’mod kunsiderevoli. Bl-istess mod, il-prezzijiet ta’ produzzjoni ta’ l-ifrat adulti naqsu b’mod sinjifikattiv fi Franza, filwaqt li l-prezzijiet għall-konsum finali baqgħu relattivament stabbli.

6        Sabiex jiffaċċjaw din il-kriżi, l-istituzzjonijiet Komunitarji adottaw serje sħiħa ta’ miżuri. B’hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ intervenzjoni, intiżi għall-irtirar mis-suq ta’ ċerti kwantitajiet ta’ ifrat sabiex tiġi stabbilizzata l-offerta meta mqabbla mad-domanda, ġie mwessa’ u skema ta’ xiri ta’ annimali ħajjin, kif ukoll mekkaniżmu ta’ xiri permezz ta’ sejħa għal offerti ta’ karkassi jew ta’ nofs karkassi (magħrufa bħala "skema ta’ xiri speċjali"), iddaħħlu fis-seħħ. Barra minn dan, il-Kummissjoni awtorizzat diversi Stati Membri, fosthom Franza, sabiex jagħtu sussidji għas-settur ta’ l-ifrat.

7        Madankollu dawn il-miżuri ġew meqjusa bħala insuffiċjenti mill-bdiewa Franċiżi. F’Settembru u f’Ottubru 2001, ir-relazzjonijiet bejn dawk li jrabbu l-annimali u l-biċċiera kienu partikolarment diffiċli fi Franza. B’hekk, gruppi ta’ persuni li jrabbu l-annimali waqqfu illegalment trakkijiet sabiex jikkontrollaw l-oriġini tal-laħam li kien qed jinġarr u għalqu biċċeriji. F’xi każijiet, dawn l-azzjonijiet wasslu għal qerda ta’ materjal u ta’ laħam. Sabiex jinfetħu l-biċċeriji, dawk li jrabbu l-annimali li kienu qed jipprotestaw talbu sabiex il-biċċiera, minn naħa tagħhom, b’mod partikolari jissospendu l-importazzjonijiet u japplikaw struttura ta’ prezzijiet imsejħa "sindakali".

II –  Il-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat u proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni

8        F’Ottubru 2001, inżammu diversi laqgħat bejn il-federazzjonijiet li jirrappreżentaw dawk li jrabbu l-ifrat (ir-rikorrenti fil-kawża T-245/03) u l-federazzjonijiet li jirrappreżentaw il-biċċiera [jiġifieri l-Fédération nationale de l’industrie et des commerces en gros des viandes (FNICGV) u r-rikorrenti fil-kawża T-217/03]. Fl-eżitu ta’ laqgħa ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, organizzata fuq it-talba tal-Ministru ta’ l-Agrikoltura Franċiż, ftehim ("Ftehim tal-federazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu l-annimali u l-biċċiera fuq l-istruttura ta’ prezzijiet minimi – baqar maqtula mad-dħul fil-biċċerija") intlaħaq bejn dawn is-sitt federazzjonijiet, jiġifieri l-FNSEA, il-FNB, il-FNPL, il-JA, il-FNCBV u l-FNICGV.

9        Dan il-ftehim kien jinvolvi żewġ partijiet. L-ewwel waħda kienet "impenn ta’ sospensjoni provviżorja ta’ l-importazzjonijiet", li ma kienx jiddistingwi skond it-tipi ta’ laħam ta’ l-ifrat. It-tieni waħda kienet tikkonsisti f’impenn ta’ applikazzjoni ta’ l-istruttura ta’ prezzijiet ta’ xiri [mad-]dħul [fil-]biċċerija [tal-]baqar maqtula" (jiġifieri l-baqar intiżi għat-tgħammir jew għall-produzzjoni tal-ħalib), li l-metodi tagħhom kienu definiti fil-ftehim. B’hekk, dan kien jinkludi lista ta’ prezzijiet għal kull kilogramm ta’ karkassa għal ċerti kategoriji ta’ baqar u l-metodu ta’ kalkolu tal-prezz li japplika għal kategoriji oħra, skond, b’mod partikolari, il-prezz ta’ xiri speċjali stabbilit mill-awtoritajiet Komunitarji. Il-ftehim kellu jidħol fis-seħħ fid-29 ta’ Ottubru 2001 u jiġi applikat sa l-aħħar tax-xahar ta’ Novembru 2001.

10      Fit-30 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni indirizzat lill-awtoritajiet Franċiżi ittra li titlob informazzjoni fuq il-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001.

11      Fil-31 ta’ Ottubru 2001, ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 u l-FNICGV iltaqgħu f’Rungis (Franza), fuq inizzjativa ta’ din ta’ l-aħħar. Dawn il-federazzjonijiet adottaw il-ftehim li ġej (iktar ‘il quddiem il-"protokoll ta’ Rungis"):

"Laqgħa dwar ‘Laħam ta’ importazzjoni’

31 ta’ Ottubru 2001 − Rungis

L-impriżi Franċiżi speċjalizzati fis-settur importazzjoni-esportazzjoni ltaqgħu mal-federazzjonijiet ta’ produtturi (FNSEA, FNB, FNPL u [JA]) firmatarji tal-ftehim nazzjonali interprofessjonali ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001.

[…]

Huma jaffermaw mill-ġdid il-ħtieġa essenzjali li jinstab ekwilibriju mill-ġdid bejn l-offerta u d-domanda […] 

Fis-sitwazzjoni ta’ kriżi li qatt ma ġiet ikkonstata qabel li jinsabu fiha l-produtturi, ir-rappreżentanti ta’ min ikabbar jitolbu b’insistenza lill-importaturi-esportaturi li iieħdu konjizzjoni tal-gravità tal-kriżi.

Fi tweġiba, l-importaturi-esportaturi jimpenjaw ruħhom li juru solidarjetà."

12      Fid-9 ta’ Novembru 2001, l-awtoritajiet Franċiżi wieġbu għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2001.

13      Fid-9 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni indirizzat lir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03, kif ukoll lill-FNICGV, talba għal informazzjoni, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204). Peress li l-Kummissjoni ma kinitx taf bil-fatt li r-rikorrenti fil-kawża T-217/03 kienet ukoll firmatarja tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, din ta’ l-aħħar ma kinitx destinatarja ta’ din it-talba. Il-ħames federazzjonijiet in kwistjoni weġbuha fil-15 u fit-23 ta’ Novembru 2001.

14      Fid-19 ta’ Novembru 2001, il-President tal-FNICGV informa lill-President tal-FNSEA li huwa sab ruħu mġiegħel li jantiċipa d-data finali ta’ l-applikazzjoni tal-ftehim, inizjalment prevista għat-30 ta’ Novembru 2001.

15      Fis-26 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ twissija lis-sitt federazzjonijiet firmatarji tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, fejn indikat li l-fatti li kienet taf bihom kienu jimplikaw l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni u stidniethom jippreżentawlha l-osservazzjonijiet u l-proposti tagħhom sat-30 ta’ Novembru 2001. F’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat li "[f]in-nuqqas ta’ proposti sodisfaċenti f’dan it-terminu, [hija] [kienet] tikkunsidra li tibda proċedura intiża għall-konstatazzjoni ta’ dan il-ksur, li tordna li jiġi mitmum fil-każ fejn dan il-ftehim ikun ġie pprorogat u li tista’, jekk ikun il-każ, twassal għall-impożizzjoni ta’ multi". Il-federazzjonijiet wieġbu lill-Kummissjoni billi ppreċiżaw li l-ftehim kien ser jintemm fit-30 ta’ Novembru 2001 u li mhuwiex ser jiġi pprorogat.

16      Fis-17 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni effettwat verifiki fil-bini ta’ l-FNSEA u tal-FNB f’Pariġi, skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, kif ukoll fil-bini tal-FNICGV fl-istess belt, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 14(2) ta’ dan l-istess Regolament.

17      Fl-24 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat nota ta’ lmenti indirizzata lis-sitt federazzjonijiet. Dawn ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub bejn it-23 ta’ Settembru u l-4 ta’ Ottubru 2002. Is-seduta tal-federazzjonijiet seħħet fil-31 ta’ Ottubru 2002.

18      Fl-10 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti talba għal informazzjoni skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. Hija talbithom, b’mod partikolari, jipprovdu, għas-snin 2001 u 2002, l-ammont totali u t-tqassim skond l-oriġini tagħhom tad-dħul ta’ kull federazzjoni u tal-karta tal-bilanċ tagħhom, kif ukoll, għall-aħħar sena fiskali disponibbli, id-dħul mill-bejgħ (globali u marbut mal-produzzjoni ta’ l-ifrat jew mal-biċċerija ta’ l-ifrat) tal-membri tagħhom diretti u/jew indiretti. Ir-rikorrenti wieġbet għal din it-talba permezz ta’ l-ittri tat-22, 24, 27 u 30 ta’ Jannar 2003.

III –  Id-deċiżjoni kkontestata

19      Fit-2 ta’ April 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/600/KE, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 [KE] (Kawża COMP/C.38.279/F3 − Laħam ta’ l-ifrat Franċiż) (ĠU L 209, p.12, iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), li d-destinatarji tagħha huma r-rikorrenti u l-FNICGV.

20      Skond din id-deċiżjoni, il-federazzjonijiet kisru l-Artikolu 81(1) KE minħabba li, fl-24 ta’ Ottubru 2001, laħqu ftehim bil-miktub bil-għan li jistabbilixxu prezz minimu ta’ xiri ta’ ċerti kategoriji ta’ ifrat u li jissospendu l-importazzjonijiet ta’ laħam ta’ l-ifrat fi Franza, kif ukoll, li bejn l-aħħar ta’ Novembru u l-bidu ta’ Diċembru 2001, laħqu ftehim orali bl-istess għan, li kien applikabbli mit-tmiem ta’ l-imsemmi ftehim bil-miktub.

21      Fil-premessi 135 sa 149 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni skartat l-applikazzjoni f’dan il-każ ta’ l-eżenzjoni prevista mir-Regolament Nru 26 favur ċerti attivitajiet marbuta mal-produzzjoni u mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, billi kkunsidrat li l-ftehim ma kienx neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-politika tal-biedja komuni, previsti fl-Artikolu 33 KE. Barra minn hekk, il-ftehim ikkontestat mhuwiex inkluż fost il-motivi previsti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella (ĠU L 160, p. 21), jew mill-istrumenti ta’ applikazzjoni ta’ dan. Fl-aħħar nett, il-miżuri adottati mhumiex proporzjonati ma’ l-għanijiet allegatament imfittxa.

22      Skond id-deċiżjoni kkontestata, il-ksur beda fl-24 ta’ Ottubru 2001 u baqa’ sejjer, almenu, sal-11 ta’ Jannar 2002, data li fiha ġie fit-tmiem l-aħħar ftehim lokali meħud skond l-impenn nazzjonali li l-Kummissjoni kienet taf bih.

23      Fid-dawl tan-natura u tal-firxa ġeografika tas-suq ikkonċernat, il-ksur ġie deskritt bħala gravi ħafna. Sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ responsabbiltà ta’ kull federazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat ir-rapport bejn l-ammont tal-kontribuzzjonijiet annwali li l-federazzjoni prinċipali agrikola tirċievi, jiġifieri l-FNSEA, u dak ta’ kull waħda mill-federazzjonijiet l-oħra. Peress li l-ksur kien ta’ żmien qasir, il-Kummissjoni ma żidietx l-ammont bażi għal din ir-raġuni.

24      Imbagħad, il-Kummissjoni kkunsidrat diversi ċirkustanzi aggravanti fir-rigward tar-rikorrenti:

–        hija żiedet bi 30 % l-ammont tal-multi imposti fuq l-FNSEA, fuq il-JA u fuq l-FNB minħabba l-fatt li l-membri tagħhom kienu użaw il-vjolenza sabiex iġiegħlu l-federazzjonijiet tal-biċċiera jadottaw il-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001;

–        hija kkunsidrat fil-konfront tar-rikorrenti kollha ċ-ċirkustanza aggravanti tat-tkomplija b’mod sigriet tal-ftehim wara l-ittra tagħha ta’ twissija tas-26 ta’ Novembru 2001 u applikat fir-rigward tagħhom żieda ta’ 20 %;

–        hija kkunsidrat r-rwol dominanti li l-FNB allegatament kellha fit-thejjija u fit-twettiq tal-ksur, billi żiedet bi 30% il-multa imposta fuq din il-federazzjoni.

25      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat diversi ċirkustanzi attenwanti:

–        fir-rigward tar-rwol passiv jew ta’ waħda li ssegwi li kellha l-FNPL, hija naqqset bi 30 % l-ammont tal-multa ta’ din;

–        fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża T-217/03, hija kkunsidrat, l-ewwel nett, l-intervent sostnut mill-Ministru ta’ l-Agrikoltura Franċiż favur il-konklużjoni tal-ftehim (tnaqqis ta’ 30 %) u, it-tieni nett, l-operazzjonijiet illegali ta’ għeluq ta’ l-istabbilimenti tal-membri tagħhom mill-bdiewa (tnaqqis ġdid ta’ 30 %).

26      Barra minn hekk, skond il-punt 5(b) tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ‘il quddiem il-"linji gwida"), il-Kummissjoni kkunsidrat iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża in kwistjoni, b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku kkaratterizzat mill-kriżi tas-settur, u naqqset b’60 % l-ammont tal-multi li jirriżultaw mill-applikazzjoni taż-żjidiet u tat-tnaqqis imsemmija hawn fuq.

27      Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi b’mod parikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

"Artikolu 1

Il-[FNSEA], il-[FNB], il-[FNPL], il-[JA], il-[FNICGV] u l-[FNCBV] kisru l-Artikolu 81(1), [KE] billi kkonkludew fl-24 ta’ Ottubru 2001 ftehim li kellu bħala għan li jissospendi l-importazzjonijiet fi Franza ta’ laħam ta’ l-ifrat u li jiffissa prezz minimu għal ċerti kategoriji ta’ annimali u billi laħqu ftehim orali li għandu għan simili fl-aħħar ta’ Novembru u l-bidu ta’ Diċembru 2001.

Il-ksur beda fl-24 ta’ Ottubru 2001 u pproduċa l-effetti tiegħu almenu sal-11 ta’ Jannar 2002.

Artikolu 2

Il-federazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 itemmu immedjatament il-ksur imsemmi f’dan l-Artikolu, jekk ma kinux diġà għamlu dan, u jastjenu ruħhom milli jidħlu f’kull akkordju li għandu mnejn ikollu għan jew effett identiku jew simili.

Artikolu 3

Il-multi li ġejjin huma imposti:

–        FNSEA: 12-il miljun EUR,

–        FNB: 1.44 miljun EUR,

–        JA: 600 000 EUR,

–        FNPL: 1.44 miljun EUR,

–        FNICGV: 720 000 EUR,

–        FNCBV: 480 000 EUR."

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 u fl-20 ta’ Ġunju 2003, ir-rikorrenti ppreżentaw dawn ir-rikorsi.

29      Permezz ta’ att ippreżentat fis-7 ta’ Lulju 2003, il-FNICGV ippreżentat ukoll rikors li għandu bħala għan, prinċipalment, talba għal annulament tal-multa li lilha ġiet imposta permezz tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, talba ta’ tnaqqis ta’ l-ammont ta’ din il-multa (kawża T‑252/03). B’digriet tad-9 ta’ Novembru 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors tal-FNICGV bħala inammissibbli.

30      B’atti separati, ippreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 u l-11 ta’ Lulju 2003, ir-rikorrenti ppreżentaw talbiet ta’ miżuri provviżorji li jfittxu b’mod partikolari li jiksbu eżenzjoni totali jew parzjali ta’ l-obbligu li jikkostitwixxu garanziji bankarji, imposti bħala kundizzjoni tan-nuqqas ta’ rkupru immedjat ta’ l-ammont tal-multi imposti bid-deċiżjoni kkontestata.

31      Fis-7 ta’ Ottubru 2003, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat, f’kull kawża, talba ta’ intervent in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. B’digrieti tas-6 ta’ Novembru 2003, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ dan l-intervent. Fit-23 ta’ Diċembru, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat noti ta’ intervent.

32      B’digrieti tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Jannar 2004, b’mod partikolari ġie sospiż l-obbligu tar-rikorrenti – ħlief għall-FNPL, li ma għamlitx talbiet f’dan is-sens – li jikkostitwixxu favur il-Kummissjoni garanziji bankarji sabiex jevitaw l-irkupru immedjat tal-multi, matul il-perijodu speċifiku u taħt ċerti kundizzjonijiet.

33      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fil-21 ta’ Frar, fit-8 u fid-9 ta’ Marzu 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lill-partijiet sabiex jipproduċu ċerti dokumenti u sabiex iwieġbu għal ċerti domandi. Il-partijiet wieġbu għal dawn id-domandi fit-termini stabbiliti.

34      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

35      B’digriet tat-3 ta’ April 2006, il-President ta’ l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċieda, wara li sema’ l-partijiet, li l-kawżi T‑217/03 u T‑245/03 għandhom jiġu magħquda.

36      Instemgħu t-trattazzjonijiet orali tal-partijiet kif ukoll it-tweġibiet tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta tas-17 ta’ Mejju 2006.

37      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        prinċipalment, tannula d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tneħħi l-multi imposti fuqhom permezz tad-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament għat-talba preċedenti, tnaqqas l-ammont tagħhom;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

38      Ir-Repubblika Franċiża, intervenjenti in sostenn tar-rikorrenti, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

39      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

40      B’ittri tad-19 u t-22 ta’ Mejju 2006, ir-rikorrenti bagħtu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza dokumenti li jagħmlu parti mill-inkartament amministrattiv tal-Kummissjoni li ma kinux ġew ikkomunikati fit-totalità tagħhom lill-Qorti tal-Prim’Istanza minn qabel. B’digriet tas-7 ta’ Lulju 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura orali, skond l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

41      Il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li semgħet il-partijiet, adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, skond l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, li tikkonsisti fl-inklużjoni tad-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti fid-19 u t-22 ta’ Mejju 2006 fl-inkartament. B’ittra tat-2 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet dwar dawn id-dokumenti.

42      Il-proċedura orali ġiet magħluqa fit-2 ta’ Settembru 2006.

 Fuq il-mertu

43      Prinċipalment, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Sussidjarjament, huma jitolbu t-tneħħija jew it-tnaqqis tal-multi imposti fuqhom minn din id-deċiżjoni.

I –  Fuq il-konklużjonijiet li jwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

44      Ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi in sostenn tal-konklużjonijiet tagħhom intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ dritt imwettqa fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet mitluba għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ dritt fl-istabbiliment tal-portata u tat-tul ta’ żmien tal-ksur. It-tielet motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-ftehim ikkontestat ta’ l-eċċezzjoni prevista mir-Regolament Nru 26. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fl-aħħar nett, il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni.

A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq żbalji ta’ dritt fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet mitluba għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE

45      Ir-rikorrenti ma jiċħdux il-konklużjoni tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, iżda jikkontestaw il-fatt li dan il-ftehim jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt, ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 jikkritikaw id-deskrizzjoni tagħhom, mill-Kummissjoni, bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u jsostnu li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, illimitat fir-rigward tagħhom l-eżerċizzju tal-libertà ta’ sindakat. Barra minn dan, ir-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 issostni li l-ftehim in kwistjoni ma affettwax b’mod kunsiderevoli l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fl-aħħar nett, fiż-żewġ kawżi, ir-rikorrenti jsostnu li l-ftehim ikkontestat ma jinkludix restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

1.     Fuq id-deskrizzjoni tar-rikorrenti bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi

a)     L-argumenti tal-partijiet

46      Ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 isostnu, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 81(1) KE, billi kkunsidrat li huma kienu jikkostitwixxu assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Huma jallegaw li, anki jekk jittieħdu in kunsiderazzjoni ż-żewġ livelli inferjuri ta’ l-organizzazzjonijiet ġerarkiki piramidali tagħhom (jiġifieri l-federazzjonijiet dipartimentali u s-sindakati lokali), il-membri tagħhom mhumiex impriżi iżda federazzjonijiet jew sindakati agrikoli. Bl-istess mod, il-membri tas-sindakati lokali ma jistgħux jiġu mqabbla ma’ impriżi, peress li l-kriterju ta’ adeżjoni ma’ dawn mhuwiex dak ta’ l-impriża agrikola, għaliex din l-adeżjoni mhijiex marbuta mal-kwalità ta’ l-amministraturi ta’ operaturi agrikoli fil-każ ta’ operatur individwali (peress li l-konjuġi ta’ l-operatur individwali jistgħu jissieħbu) u lanqas ma’ dik tar-rappreżentant tal-persuna ġuridika fil-każ ta’ operaturi agrikoli fis-sura ta’ kumpannija (b’kull membru jiddeċiedi individwalment jekk jissieħeb jew le mas-sindakat lokali). Huma jqisu, fit-tieni lok, li l-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed, fid-deċiżjoni kkontestata d-deskrizzjoni tagħhom bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. B’mod partikolari, hija ma weġbietx għall-osservazzjonijiet imressqa f’dan ir-rigward mill-FNSEA waqt il-proċedura amministrattiva.

47      Il-Kummissjoni tosserva, l-ewwel nett, li, sabiex tiddetermina jekk ir-rikorrenti humiex assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, għandu jiġi stabbilit min huma, in fine, il-membri tagħhom. F’din il-kawża, dawn huma operaturi agrikoli, li huma mingħajr dubju impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE. Il-Kummissjoni ssostni, fit-tieni nett, li d-deċiżjoni kkontestata tesponi fid-dettall ir-raġunijiet li għalihom hija kkonkludiet li r-rikorrenti kienu jikkostitwixxu assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

48      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 ma tikkontestax il-fatt li l-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 jikkostitwixxi, f’dak li jikkonċernaha, ftehim bejn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 isostnu li huma ma setgħux jiġu deskritti bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Huma jsostnu, essenzjalment, li la l-membri diretti tagħhom u lanqas il-membri indiretti tagħhom ma huma impriżi.

49      L-Artikolu 81(1) KE japplika għall-assoċjazzjonijiet safejn l-attività proprja tagħhom jew dik ta’ l-impriżi membri tagħhom għandha tendenza li tipproduċi l-effetti li din id-dispożizzjoni tfittex li twaqqaf (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, Van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 88). Fid-dawl ta’ l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, il-kunċett ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi għandu jiġi interpretat bħala li jista’ wkoll ikopri assoċjazzjonijiet li huma nfushom huma kkostitwiti minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il-Kummissjoni, T‑193/02, Ġabra p. II‑209, punt 69; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1999, Eurofer vs Il-Kummissjoni, T‑136/94, Ġabra p. II‑263, punt 9).

50      F’din il-kawża, ir-rikorrenti kkonkludew il-ftehim ikkontestat, mhux fl-interess u f’isem il-membri diretti tagħhom, li effettivament huma federazzjonijiet jew sindakati agrikoli, iżda fl-interess u f’isem operaturi agrikoli li huma l-membri bażi ta’ dawn ta’ l-aħħar. B’hekk, il-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, bit-titolu "Ftehim bejn il-federazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu l-annimali u l-biċċiera", huwa konkluż, b’mod partikolari, mill-"federazzjonijiet li jirrappreżentaw lil dawk li jrabbu", "bil-għan li jagħtu perspettivi ta’ relazzjonijiet ġodda fis-settur għal qligħ ekwu u leġittimu tal-partijiet, ta’ dawk li jrabbu u ta’ l-impriżi kollha". Bl-istess mod, il-protokoll ta’ Rungis jagħmel referenza espliċita għall-"[f]ederazzjonijiet ta’ produtturi". Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kellha dritt tieħu in kunsiderazzjoni l-membri indiretti jew il-membri bażi tar-rikorrenti fil-kawża T‑245/03, jiġifieri l-operaturi agrikoli, sabiex tevalwa jekk dawn kinux jikkostitwixxu assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE.

51      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kkunsidratx korrettament li l-operaturi agrikoli, li huma membri bażi jew indiretti ta’ dawn ir-rikorrenti, setgħux jiġu kkunsidrati bħala impriżi għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE.

52      Skond ġurisprudenza kostanti, il-kunċett ta’ impriża jinkludi, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ l-iffinanzjar tagħha (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 1997, Job Centre, C‑55/96, Ġabra p. I‑7119, punt 21). Tikkostitwixxi attività ekonomika kull attività li toffri oġġetti jew servizzi f’suq partikolari (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Marzu 2000, Consiglio Nazionale degli Spedizionieri Doganali vs Il-Kummissjoni, T‑513/93, Ġabra p. II‑1807, punt 36).

53      L-attività ta’ l-operaturi agrikoli, tal-bdiewa jew ta’ dawk li jrabbu l-annimali, għandhom ċertament natura ekonomika. Fil-fatt, dawn jeżerċitaw attività ta’ produzzjoni ta’ oġġetti li huma joffru għall-bejgħ bi ħlas. L-operaturi agrikoli, konsegwentement, jikkostitwixxu impriżi fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE.

54      Għalhekk, is-sindakati li jlaqqgħuhom u li jirrappreżentawhom, kif ukoll il-federazzjonijiet li jgħaqqdu dawn is-sindakati, jistgħu jiġu deskritti bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

55      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li s-sindakati lokali jistgħu jgħaqqdu wkoll il-konjuġi ta’ l-operaturi agrikoli. L-ewwel nett, huwa probabbli li l-konjuġi tal-bdiewa jew ta’ dawk li jrabbu li huma nfushom huma membri ta’ sindakat lokali agrikola jipparteċipaw ukoll fil-kompiti ta’ l-operatur tal-familja. It-tieni nett, f’kull każ, is-sempliċi fatt li assoċjazzjoni ta’ impriżi tista’ tgħaqqad ukoll persuni jew entitajiet li ma jistgħux jiġu deskritti bħala impriżi mhuwiex biżżejjed sabiex ineħħi tali natura mill-assoċjazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE. Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li, fil-każ ta’ operatur taħt il-forma ta’ kumpannija, mhijiex hija stess, permezz tar-rappreżentant tagħha, li ssir membru tas-sindakat, iżda kull wieħed mill-membri tagħha. Fil-fatt, kif ġie indikat (ara l-punt 52 iktar ‘il fuq), dak li huwa rilevanti għall-finijiet ta’ deskrizzjoni bħala impriża mhuwiex l-istatus ġuridiku jew il-forma ta’ l-operatur in kwistjoni iżda l-attività ta’ din ta’ l-aħħar u ta’ dawk li jipparteċipaw fiha.

56      Fl-aħħar nett, għandu wkoll jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq l-allegat ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, għar-raġuni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma weġbitx, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-osservazzjonijiet imressqa mill-FNSEA waqt il-proċedura amministrattiva fir-rigward tad-deskrizzjoni tagħha bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi.

57      Għandu jiġi mfakkar li, jekk, skond l-Artikolu 253 KE, il-Kummissjoni għandha ssemmi l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tad-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha sabiex tieħu din id-deċiżjoni, mhuwiex mitlub li tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt mqajma waqt il-proċedura amministrattiva (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 388).

58      F’din il-kawża, id-deċiżjoni kkontestata tesponi, fil-qasir, l-argument tal-FNSEA li tgħid li la hija impriża u lanqas assoċjazzjoni ta’ impriżi, iżda sindakat professjonali, kif ukoll l-argumenti tal-FNPL u tal-JA f’dan ir-rigward (ara t-tieni inċiż tal-premessa 97, il-premessa 98 u t-tieni inċiż tal-premessa 99, tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn l-argumenti huma miċħuda fid-dettall fid-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, huwa spjegat li r-rikorrenti jirrappreżentaw bdiewa, li jeżerċitaw attività ta’ produzzjoni ta’ oġġetti li huma joffru għall-bejgħ, u li r-Regolament Nru 26 ma jkollu l-ebda sens jekk dawn ta’ l-aħħar ma kinux ukoll impriżi (il-premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-fatt li r-rikorrenti jieħdu l-forma ta’ sindakati professjonali fis-sens tal-kodiċi tax-xogħol Franċiż ma jneħħi xejn mill-kwalità tagħhom ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (il-premessi 110 u 111 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-attività sindakali tagħhom ma tagħtihomx id-dritt li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni u li l-organizzazzjonijiet simili huma sanzjonati mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni Franċiż (ara l-premessi 112 sa 114 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata tfakkar ukoll il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza rilevanti (il-premessi 104 u 116 tad-deċiżjoni kkontestata).

59      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni mmotivat suffiċjentement, fid-deċiżjoni kkontestata, id-deskrizzjoni tar-rikorrenti bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi.

60      Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

2.     Fuq in-nuqqas ta’ impatt sensibbli fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

a)     L-argumenti tal-partijiet

61      Ir-rikorrenti fil-kawża T-217/03 issostni li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-ftehim ikkontestat kien jaffettwa b’mod sensibbli l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Hija ssostni li l-parti ta’ dan il-ftehim relatata mas-sospensjoni ta’ l-importazzjonijiet ġie immedjatament kkontestat mill-protokoll ta’ Rungis u li, f’kull każ, hija kważi ma timportax ifrat u għaldaqstant bl-ebda mod ma kienet ikkonċernata minn dan l-aspett. Fil-fatt, hija tgħaqqad kooperattivi ta’ dawk li jrabbu li huma nfushom għandhom biċċeriji sussidjarji, u dawn il-kooperattivi jiġbru u jikkummerċjalizzaw kważi esklużivament il-produzzjoni ta’ l-ifrat tal-membri tagħhom. Barra minn dan, il-Kummissjoni ma setgħatx tillimita ruħha li tibbaża tali impatt fuq il-kummerċ fuq analiżi ta’ l-effetti potenzjali tal-ftehim, iżda kellha teżamina l-effetti reali tagħha. Analiżi ta’ l-evoluzzjoni tas-suq waqt il-perijodu kkonċernat ma turix li l-ftehim pproduċa effetti fuq il-flussi ta’ importazzjoni. Fir-rigward tal-prezzijiet minimi ta’ xiri, ir-rikorrenti tosserva li l-ftehim baqa’ fis-seħħ għal kważi xahar u ssostni li dan il-perijodu qasir ċaħħadha minn kull effett fuq l-importazzjonijiet lejn Franza.

62      Il-Kummissjoni ssostni li ftehim li għandu bħala għan li jillimita l-importazzjonijiet huwa min-natura tiegħu suxxettibbli li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Hija żżid li l-ftehim fuq il-prezzijiet kien ukoll suxxettibbli li jaffettwa l-kummerċ intra Komunitarju.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

63      L-Artikolu 81(1) KE japplika biss għal ftehim li għandu mnejn jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Ftehim bejn impriżi, sabiex ikun suxxettibbli li jaffettwa l-kummerċ intra Komunitarju, għandu, fuq il-bażi ta’ l-elementi oġġettivi kollha tad-dritt jew ta’ fatt, jippermettu li jiġi kkunsidrat b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti li huwa jista’ jeżerċita influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, f’sens li jista’ jippreġudika t-twettiq ta’ suq wieħed bejn l-Istati (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, British Sugar vs Il-Kummissjoni, C‑359/01 P, Ġabra p. I‑4933, punt 27, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni T‑213/95 u T‑18/96, Ġabra p. II‑1739, punt 175).

64      F’dan il-każ, il-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 kien jinkludi impenn ta’ sospensjoni provviżorja ta’ l-importazzjonijiet tal-laħam ta’ l-ifrat fi Franza. Hekk kif osservat id-deċiżjoni kkontestata, Franza hja waħda mill-importaturi prinċipali tal-laħam ta’ l-ifrat fil-Komunità. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-importazzjonijiet (madwar 95 %) huma, barra minn hekk, ġejjin minn Stati Membri oħra (il-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata). Jirriżulta li l-ftehim ikkontestat kien neċessarjament suxxettibbli li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

65      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mwaqqa’ bl-argument tar-rikorrenti li jgħid li din il-parti "Importazzjonijiet" tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 ġiet abbandunata biss ftit ġranet iktar tard, bil-konklużjoni tal-protokoll ta’ Rungis tal-31 ta’ Ottubru 2001. Fil-fatt, kull ftehim li jgħaqqad il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. F’kull każ, kif ser ikun deċiż iktar ‘il quddiem (ara punt 136 iktar ‘il quddiem), il-protokoll ta’ Rungis, intitolat "Laqgħa dwar ‘Laħam importat’" kien espliċitament jinkludi l-importazzjonijiet u ma kienx jimplika abbandun komplet tal-miżuri ta’ sospensjoni ta’ l-importazzjonijiet deċiżi mir-rikorrenti.

66      Għandha tiġi wkoll miċħuda t-teżi tar-rikorrenti li tgħid li hija ma kinitx ikkonċernata mill-parti "Importazzjonijiet" tal-ftehim, inkwantu l-membri tagħha kważi ma kinux jimportaw ifrat. Skond iċ-ċifri mressqa mir-rikorrenti, l-attività ta’ importazzjoni tal-membri tagħha tirrappreżenta perċentwali tat-total ta’ l-importazzjonijiet tal-laħam ta’ l-ifrat fi Franza li, minkejja li huwa mnaqqas, mhuwiex kompletament negliġibbli (madwar 1.5 % fl-2001, jiġifieri 3 865 tunnellata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni żammet, waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li l-membri ta’ din importaw kwantitajiet ta’ laħam ta’ l-ifrat iktar importanti fil-passat (15 000 tunnellata waqt is-sena ta’ qabel il-bidu tal-kriżi). Għandu jintqal ukoll, li jekk huwa minnu li l-kooperattivi membri tar-rikorrenti jiġbru u jikkummerċjalizzaw il-produzzjoni ta’ l-ifrat tal-membri tagħhom, jibqa’ l-fatt li huma jistgħu wkoll, fil-limitu ta’ 20 % mid-dħul mill-bejgħ annwali tagħhom, jikkummerċjalizzaw il-produzzjoni ta’ dawk li jrabbu li mhumiex membri tagħhom. Fl-aħħar nett, f’kull każ, peress li l-ksur li għalih ipparteċipat ir-rikorrenti għandu mnejn jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni mhijiex marbuta li turi li l-parteċipazzjoni individwali tar-rikorrenti affettwat il-kummerċ intra Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Montedipe vs Il-Kummissjoni, T‑14/89, Ġabra p. II‑1155, punt 254).

67      Barra minn dan, għandu jiġi osservat li, minnha nfisha, il-parti tal-ftehim ikkontestat intiża għall-istabbiliment ta’ struttura ta’ prezzijiet minimi kellha mnejn taffettwa l-kummerċ intra Komunitarju. Fil-fatt, prattiki restrittivi tal-kompetizzjoni mifruxa fuq it-territorju kollu ta’ Stat Membru għandhom, min-natura nfisha tagħhom, l-effett li jikkonsolidaw taqsim ta’ natura nazzjonali, u b’hekk jostakolaw l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat (is-sentenza SCK u FNKvs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 179). F’dan ir-rigward, għandha tiġi stabbilita, b’mod partikolari, l-importanza ta’ l-akkordju fis-suq in kwistjoni u l-kuntest ekonomiku li fih jinsab l-akkordju. F’din il-kawża, għandu jiġi osservat li l-ifrat Franċiżi jirrappreżentaw iktar minn 25 % tal-bhejjem totali tal-Komunità (premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ suq miftuħ għall-importazzjonijiet, il-membri ta’ akkordju ta’ prezz nazzjonali jistgħu jżommu l-parti tagħhom tas-suq biss jekk jiddefendu ruħhom mill-kompetizzjoni barranija (is-sentenza British Sugarvs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 28).

68      Fl-aħħar nett, u kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li turi li l-ftehim ikkontestat kellu effett kunsiderevoli, fil-prattika, fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 63 iktar ‘il fuq, l-Artikolu 81(1) KE jitlob biss li l-ftehim u l-prattiki miftiehma restrittivi tal-kompetizzjoni jkunu suxxettibbli li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, ukoll, is-sentenza Montedipe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 253).

69      Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq in-nuqqas ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

70      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-ftehim ikkontestat ma kienx restrittiv tal-kompetizzjoni u, minn dan il-fatt, ma kienx jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE.

71      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat li l-ftehim in kwistjoni kellu għan anti-kompetittiv. Huma jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx tattribwixxi lilhom il-parti "Importazzjonijiet" ta’ dan il-ftehim u kellha tirraġuna esklużivament fuq ir-restrizzjoni eventwali ta’ kompetizzjoni dwar il-prezzijiet. Il-prezzijiet ta’ l-istruttura kkontestata ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ intervent stabbiliti mill-istess Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq (OKS) fis-settur tal-laħam ta’ l-ifrat, li jikkostitwixxu r-referenza tas-suq u li huma baxxi ħafna. Barra minn dan, il-ftehim kellu biss effetti konkreti limitati ħafna, jew saħansitra ineżistenti, għal perijodu qasir ħafna, u mingħajr riperkussjonijiet fuq il-prezzijiet għall-konsum.

72      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 kien jikkonċerna biss prezz minimu rrakkomandat, li l-osservanza tiegħu, barra minn hekk, ma setgħetx tiġi imposta mir-rikorrenti fuq il-membri tagħhom. Fir-rigward ta’ ftehim vertikali, l-iffissar ta’ prezzijiet irrakkomandati ma jikkostitwix, min-natura tiegħu, restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 4(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) tat-Trattat [KE] għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiki miftiehma (ĠU L 336, p. 21), jipprojbixxi biss l-iffissar tal-prezz għall-bejgħ mill-ġdid lil xerrej, filwaqt li, f’din il-kawża, il-biċċiera jistgħu xorta jistabbilixxu l-prezzijiet mitluba għad-distribuzzjoni bl-imnut jew għall-bejgħ bl-ingrossa. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jenfasizzaw il-partikolaritajiet tas-settur agrikolu, li ma jippermettix l-emerġenza fit-tul ta’ ekwibriju spontanju ta’ l-offerta u tad-domanda u li jitlob li jiġi rregolat b’mezzi oħra milli dawn tas-suq, peress li r-regoli tal-kompetizzjoni ma japplikawx għalih awtormatikament. In sostenn ta’ l-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 jgħaqqdu bħala anness parir legali tat-2 ta’ Ġunju 2003.

73      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti josservaw li, meta l-Kummissjoni tevalwa restrizzjoni ta’ kompetizzjoni, hija għandha tikkunsidra l-kuntest ġuridiku u ekonomiku kollu li fih il-ftehim ikkontestat ġie konkluż u jfakkru li kull ftehim bejn impriżi li jostakola l-libertà ta’ azzjoni tal-partijiet jew ta’ waħda minnhom ma jaqax neċessarjament taħt il-projbizzjoni stabbilita minn dan l-Artikolu 81(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, Ġabra p. I‑1577, punt 97). Ftehim li għandu għan jew effetti restrittivi ta’ kompetizzjoni jevadi din il-projbizzjoni jekk jippermetti li jiġu protetti għanijiet ta’ natura differenti, sakemm dawn l-effetti restrittivi jkunu bżonnjużi għal din il-protezzjoni u ma jġibux fix-xejn kull kompetizzjoni fuq parti sostanzjali tas-suq komuni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha tagħmel analiżi dettaljata u konkreta tan-natura u ta’ l-għan tal-ftehim in kwistjoni, kif ukoll ta’ l-effetti tiegħu, u hija ma għamlitx dan.

74      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni ma tatx importanza biżżejjed lis-sitwazzjoni ta’ kriżi estrema li fiha kienu jinsabu dawk il-Franċiżi li jrabbu l-ifrat adulti fiż-żmien tal-fatti. Huma jfakkru li l-prezzijiet ta’ l-ifrat ikkonċernat mill-ftehim ikkontestat kienu naqsu fl-2001, bħala medja, għal-livell l-iktar baxx tagħhom mill-1980 u li l-prezzijiet imħallsa lill-produttur wara t-tnaqqis ta’ l-ispejjeż ta’ kunsinna kienu saru inqas għall-prezz kemm sewa lilhom, anki wara tnaqqis ta’ l-għajnuna li rċevew. Il-konsum Ewropew ta’ l-ifrat kien naqas b’madwar 10 % fl-2001, tnaqqis li kellu effett dirett fuq il-Franċiżi li jrabbu, li kienu f’riskju li jisparixxu mis-suq.

75      Ir-rikorrenti jallegaw ukoll li deher li l-miżuri Komunitarji adottati wara ma kinux biżżejjed sabiex jiffaċċjaw il-kriżi. B’mod partikolari, l-iskema ta’ xiri speċjali tintervjeni biss fl-istadju tal-ħruġ mill-biċċerija filwaqt li d-dħul tal-produtturi huwa kkonċernat biss fl-istadju tad-dħul fil-biċċerija. Għalhekk, ir-riperkussjoni fuq il-produtturi tal-miżuri meħuda mill-Komunità fir-rigward tal-prezz neċessarjament issir permezz ta’ ftehim ta’ natura interprofessjonali bejn produtturi u biċċiera.

76      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 isostnu li l-Kummissjoni kellha teżamina l-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 inkwantu att li jirregola u josservaw li l-amministrazzjoni miftiehma bejn l-Istat u l-federazzjonijiet sindakali hija tradizzjonali fi Franza fis-settur agrikolu. Ir-rikorrenti wieġbu għad-domanda espliċita u pubblika tal-Gvern Franċiż, li l-għan tagħha kien li jevita lill-produtturi tal-laħam ta’ l-ifrat diżastru ekonomiku li seta’ jwassal għad-disaggregazzjoni tas-settur ta’ l-ifrat u li diġà kien jikkawża problema gravi għall-ordni pubblika. Huma josservaw li l-Ministru tal-Biedja Franċiż kien l-istigatur tal-ftehim u li, f’dikjarazzjoni lill-Parlament Franċiż, esprimew is-sostenn tagħhom għall-progress tat-tfassil ta’ dan il-ftehim.

77      Il-Kummissjoni tosserva li, peress li l-partijiet fil-ftehim ikkontestat kienu ftiehmu sabiex jaqsmu s-swieq nazzjonali u sabiex jistabbilixxu prezzijiet minimi, għandu jiġi konkluż li l-għan innifsu tagħha kien li jostakola l-kompetizzjoni. Hija ssostni li, f’kull każ, hija kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-ftehim. Il-Kummissjoni żżid li diversi miżuri kienu diġà ġew implementati fuq il-livell Komunitarju sabiex itaffu l-kriżi. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-inċentiv mill-Ministru tal-Biedja Franċiż ta’ dak iż-żmien sabiex jintlaħaq ftehim ma jaqa’ taħt l-ebda setgħa regolatorja.

78      Barra minn hekk, il-Kummissjoni titlob li l-parir legali mehmuż b’anness mir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 jiġu miċħud billi inammissibbli. Fil-fatt, l-annessi għan-noti għandhom biss funzjoni probatorja u instrumentali (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T‑31/99, Ġabra p. II‑1881), peress li d-domandi ta’ dritt Komunitarju għandhom jiġu eżaminati mir-rappreżentanti legali fid-dokumenti proċedurali nfushom.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

79      [Ammissibbiltà tal-parir legali] L-ewwel nett, għandha tiġi miċħuda t-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex jiġi miċħud bħala inammissibbli l-parir legali ppreżentat mir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03. Għandu jiġi osservat li d-dokumenti kollha mressqa mat-talba huma neċessarjament inklużi fl-inkartament. Differenti hija l-kwistjoni jekk ir-rikorrenti tistax tagħmel użu minn ċerti dokumenti jew jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tistax teħodhom in kunsiderazzjoni. Għandu jiġi osservat li l-parti prinċipali ta’ rikors tista’ tiġi elaborata u kkompletata, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ referenzi għal estratti minn dokumenti li huma annessi magħhom, sakemm id-dokumenti essenzjali ta’ l-argumenti fid-dritt, jidhru fir-rikors innifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il-Kummissjoni, T‑87/05, Ġabra p. II-3745, punt 155, u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 57). F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li r-rikorrenti żviluppaw b’mod suffiċjenti, fin-noti tagħhom, l-argument tagħhom li l-ftehim ikkontestat għandu jiġi kkunsidrat bħala att regolatorju nazzjonali. L-anness in kwistjoni, konsegwentement, iservi biss sabiex jelabora u jikkompleta dan l-argument. Għaldaqstant, ir-rikorrenti setgħat tagħmel użu minnu.

80      Fir-rigward ta’ l-ilment invokat mir-rikorrenti, dawn isostnu, essenzjalment, li l-ftehim ikkontestat ma kellux bħala għan u lanqas bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni f’suq wieħed, fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE.

81      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-ftehim konkluż mir-rikorrenti fl-24 ta’ Ottubru 2001 jipprovdi, l-ewwel nett, għal obbligu li jiġu sospiżi temporanjament l-importazzjonijiet fi Franza ta’ laħam ta’ l-ifrat u, it-tieni nett, obbligu li tiġi applikata struttura ta’ prezzijiet minimi ta’ xiri ta’ baqar maqtula mad-dħul fil-biċċerija. Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, u għar-raġunijiet esposti fil-punti 65 u 66 iktar ‘il fuq, l-eżami tan-natura restrittiva tal-ftehim ikkontestat għandu jieħu in kunsiderazzjoni mhux biss dawk il-miżuri fuq imsemmija li jikkonċernaw il-prezzijiet, iżda wkoll dawk li jirrigwardaw is-sospensjoni ta’ l-importazzjonijiet.

82      B’hekk, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-impenn ta’ sospensjoni ta’ importazzjonijiet previst fil-ftehim ikkontestat kellu, b’mod partikolari, bħala għan li jipprekludi d-dħul fi Franza ta’ laħam ta’ l-ifrat bi prezzijiet inqas minn dawk ta’ l-istruttura ta’ prezzijiet deċiża mir-rikorrenti, sabiex jiżguraw l-bejgħ tal-produzzjoni ta’ dawk il-Franċiżi li jrabbu u l-effikaċja ta’ din l-istruttura. Għandu jiġi kkonstatat li, minħabba dan il-fatt, il-ftehim ikkontestat għandu bħala għan li jaqsam is-suq nazzjonali Franċiż u b’hekk li jillimita l-kompetizzjoni fis-suq uniku.

83      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment ta’ struttura ta’ prezzijiet, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 81(1)(a) KE jipprovdi espliċitament li l-miżuri li jikkonsistu fl-iffissar b’mod dirett jew indirett il-prezzijiet tax-xiri jew tal-bejgħ jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni. Skond ġurisprudenza stabbilita, l-iffissar tal-prezzijiet jikkostitwixxi fil-fatt restrizzjoni evidenti tal-kompetizzjoni (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, T‑148/89, Ġabra p. II‑1063, punt 109, u tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II3141, punt 136).

84      F’din il-kawża, ir-rikorrenti ftiehmu fuq struttura ta’ prezzijiet ta’ xiri mad-dħul fil-biċċerija għal ċerti kategoriji ta’ l-ifrat, li kienet tipprovdi lista ta’ prezzijiet għal kull kilogramm ta’ karkassa għal ċerti kategoriji ta’ baqar u l-mod ta’ kalkolu tal-prezz li għandu jiġi applikat għal kategoriji oħra, b’mod partikolari skond il-prezz iffissat mill-awtoritajiet Komunitarji fil-kuntest ta’ skema ta’ xiri speċjali. Kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti jallegaw, jirriżulta mill-istess kontenut tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni fil-ftehim ikkontestat li ma kinux prezzijiet irrakkomandati jew indikattivi, iżda prezzijiet minimi, li l-federazzjonijiet firmatarji impenjaw ruħhom li jiżguraw l-osservanza tagħhom. Fil-fatt, dan il-ftehim kien jipprovdi li "l-kontribuzzjonijiet [għandhom] almenu jkunu koerenti ma’ din l-istruttura". Bl-istess mod, f’messaġġ tat-8 ta’ Novembru 2001 tar-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 lill-membri tagħhom, fejn analizzaw l-applikazzjoni tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, issir referenza għall-applikazzjoni ta’ l-"istruttura ta’ prezzijiet [minimi]".

85      Min-natura stess tiegħu, ftehim bħal dak in kwistjoni, konkluż bejn federazzjonijiet li jirrappreżentaw operaturi agrikoli u federazzjonijiet li jirrappreżentaw biċċiera u li jiffissaw prezzijiet minimi għal ċerti kategoriji ta’ baqar, bil-għan li jagħmluhom obbligatorji għall-operaturi ekonomiċi kollha li jintervjenu fis-swieq in kwistjoni, għandu bħala għan li jillimita l-kompetizzjoni ħielsa fuq dawn is-swieq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jannar 1985, BNIC, 123/83, Ġabra p. 391, punt 22), b’mod partikolari billi jillimita b’mod artifiċjali l-marġni tan-negozjar kummerċjali ta’ dawk li jrabbu u tal-biċċiera u billi joħloq distorsjoni fl-istabbiliment tal-prezzijiet fis-swieq in kwistjoni.

86      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mwaqqa’ bl-argument tar-rikorrenti li s-swieq agrikoli huma swieq irregolati fejn ir-regoli tal-kompetizzjoni ma japplikawx awtomatikament u fejn, ta’ spiss, l-istabbiliment tal-prezzijiet ma jirrispettax l-interazzjoni ħielsa tal-provvista u tad-domanda. Huwa minnu li s-settur agrikolu jippreżenta ċerti karatteristiċi u huwa s-suġġett ta’ regola dettaljata ħafna u spiss ta’ intervent. Madankollu, għandu jiġi osservat li, kif ukoll ser jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tielet motiv, li r-regoli ta’ kompetizzjoni Komunitarji japplikaw għas-swieq tal-prodotti agrikoli, anki jekk ċerti eċċezzjonijiet huma previsti sabiex tiġi meħuda in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ dawn is-swieq.

87      Ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu jibbażaw ruħhom fuq l-argument li l-prezzijiet ta’ l-istruttura kkontestata ma kinux ta’ natura restrittiva għaliex huma ġew iffissati b’referenza għall-prezzijiet ta’ l-iskema ta’ xiri speċjali, stabbiliti mill-Kummissjoni nfisha. L-eżami tat-tabelli komparattivi ppreżentati mill-partijiet fuq it-talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza turi li, jekk għall-baqar ta’ kwalità medja jew inferjuri l-prezzijiet tal-ftehim ġew iffissati fuq il-bażi tal-prezzijiet ipprattikati fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ xiri speċjali, min-naħa l-oħra, għall-baqar ta’ kwalità superjuri (li jirrappreżentaw 30 % tal-biċċeriji fl-2001) il-prezzijiet iffissati bil-ftehim kienu konsiderevolment ogħla mill-imsemmija prezzijiet ta’ intervent. F’kull każ, is-sempliċi fatt ta’ iffissar tal-prezzijiet minimi b’referenza għall-prezzijiet ta’ intervent pubbliku mhuwiex biżżejjed sabiex ineħħi n-natura restrittiva tal-ftehim ikkontestat. Fil-fatt, din ir-referenza għall-prezz ta’ intervent pubbliku ma tippermettix lill-istruttura kkontestata li titlef l-għan antikompetittiv tagħha, li jikkonsisti fl-iffissar b’mod dirett u artifiċjali prezz ta’ suq partikolari u li tiġi meqjusa bl-istess mod bħad-diversi mekkaniżmi ta’ sostenn u ta’ intervent pubbliku ta’ l-OKS agrikoli li għandhom bħala għan li jirregolaw is-swieq ikkaratterizatti minn offerta eċċessiva, billi tirtira parti mill-produzzjoni.

88      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jallegaw, li, skond l-Artikolu 4(a) tar-Regolament Nru 2790/1999, fi ftehim vertikali hija biss ir-restrizzjoni tal-kapaċità tax-xerrej li jistabbilixxi l-prezz tiegħu ta’ bejgħ mill-ġdid li hija pprojbita u jsostnu li l-istruttura ta’ prezzijiet stabbilita mill-ftehim ikkontestat ma tillimitax il-kapaċità tal-biċċiera li jistabbilixxu l-prezzijiet tagħhom fil-konfront tal-klijenti tagħhom. Din ir-referenza għar-Regolament Nru 2790/1999 madankollu mhijiex rilevanti f’din il-kawża. Fil-fatt, l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni ġenerali stabbilita favur ftehim vertikali l-każijiet fejn il-parti tas-suq miżmuma mill-fornitur taqbeż 30 % mis-suq rilevanti. Il-Kummissjoni osservat, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li l-produzzjoni tal-membri tal-federazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu li huma rikorrenti taqbeż sewwa dan il-limitu ta’ 30 % mis-suq Franċiż tal-laħam ta’ l-ifrat.

89      Fir-rigward ta’ l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li huma ma setgħux jimponu lill-membri tagħhom l-osservanza tal-prezzijiet minimi deċiżi, għandu jiġi kkonstatat li sabiex ftehim bejn assoċjazzjonijiet jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE, mhuwiex mitlub li l-assoċjazzjonijiet in kwistjoni jkunu jistgħu jġiegħlu lill-membri tagħhom li jesegwixxu l-obbligi li l-ftehim jimponi fuqhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1975, Frubo vs Il-Kummissjoni, 71/74, Ġabra p. 563, punti 29 sa 31). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-referenza għas-sentenza Wouters et, iċċitata iktar ‘il fuq, mhijiex rilevanti f’dan il-każ, billi ċ-ċirkustanzi ta’ fatt u l-problemi ġuridiċi mqajma mill-kawża li taw lok għal din is-sentenza, li tikkonċerna r-regolazzjoni minn assoċjazzjoni professjonali ta’ l-eżerċizzju u ta’ l-organizzazzjoni tal-professjoni ta’ avukat, mhumiex komparabbli ma’ dawk ta’ din il-kawża.

90      Ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu jibbażaw ruħhom, sabiex jiġġustifikaw il-ftehim ikkontestat, fuq il-kriżi li fiha jinsab is-settur ta’ l-ifrat fil-mument tal-fatti in kwistjoni, li b’mod partikolari laqtet lil dawk il-Franċiżi li jrabbu l-ifrat adulti. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza ma tistax, minnha nfisha, twassal għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE, ma ġewx sodisfaftti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 740). F’kull każ, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma injoratx, fl-evalwazzjoni tagħha, il-kriżi li għaddej minnha s-settur, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 10 sa 15 u 130 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn dan, il-Kummissjoni kkunsidrat dan meta stabbilit l-ammont tal-multi, billi naqqsithom b’60 % (ara l-premessi 182 sa 185 tad-deċiżjoni kkontestata).

91      Għandha tiġi wkoll miċħuda t-teżi tar-rikorrenti li l-ftehim ikkontestat jikkostitwixxi att ta’ regolazzjoni nazzjonali, li jaqbel mal-prattika, tradizzjonali fi Franza, ta’ ġestjoni miftiehma bejn l-amministrazzjoni u l-federazzjonijiet agrikoli u li kienet iġġustifikata min-nuqqas ta’ effikaċja tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet pubbliċi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett, li l-kuntest ġuridiku li fih issir il-konklużjoni tal-ftehim taħt l-Artikolu 81 KE kif ukoll id-deskrizzjoni ġuridika mogħtija f’dan il-kuntest mid-diversi sistemi legali nazzjonali differenti ma jaffettwawx l-applikabbiltà tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (is-sentenza BNIC, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 17). It-tieni nett, għandu wkoll jiġi osservat, li, waqt is-seduta, ir-rappreżentanti tar-Repubblika Franċiża eskludew li l-ftehim ikkontestat jista’ jaqa’ taħt il-ġestjoni miftiehma bejn l-amministrazzjoni u l-federazzjonijiet agrikoli, billi ppreċiżaw li din timplika r-rappreżentazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar fil-korpi konsultattivi nazzjonali u Komunitarji. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat, fit-tielet lok, li l-allegata insuffiċjenza tal-miżuri pubbliċi sabiex jiffaċċjaw il-problemi ta’ settur speċifiku tiġġustifika biss lill-operaturi privati affettwati li jimpenjaw ruħhom fi prattiki li jmorru kontra r-regoli tal-kompetizzjoni jew li jippretendu li jingħataw privileġġi li jikkorrispondu għal dawk ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, nazzjonali jew Komunitarji, sabiex jissostitwixxu l-azzjoni tagħhom flok dik ta’ l-awtoritajiet pubbliċi.

92      Bl-istess mod, fir-rigward tar-rwol li kellu l-Ministu ta’ l-Agrikoltura Franċiż fil-konklużjoni tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skond ġurisprudenza kostanti, il-fatt li l-aġir ta’ l-impriżi kien magħruf, awtorizzat jew saħansitra inkoraġġut mill-awtoritajiet nazzjonali, f’kull każ, ma jaffettwax l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 81 KE (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 Ġunju 1993, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑7/92, Ġabra p. II‑669, punt 71, u Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 118).

93      Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ppruvatx li l-ftehim ikkontestat kien ikkawża effetti fuq l-importazzjonijiet jew fuq il-prezzijiet tas-suq. Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE, it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-effetti konkreti ta’ ftehim huwa superfluwu, ladarba jkun jidher li dan għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Konsegwentement, il-prova ta’ effetti antikompetittivi reali mhijiex mitluba, meta l-għan antikompetittiv ta’ l-aġir ilmentat huwa stabbilit (is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 741; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 178). Hekk kif għadu kif ġie kkonstatat, il-Kummissjoni ppruvat li l-ftehim ikkontestat kellu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ħielsa fis-swieq in kwistjoni (ara l-punti 82 sa 85 iktar ‘il fuq). Għalhekk il-Kummissjoni mhijiex marbuta li tistabbilixxi l-effetti konkreti ta’ dawn il-miżuri fuq il-kompetizzjoni ħielsa fis-suq komuni, b’mod partikolari fi Franza.

94      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

4.     Fuq id-deskrizzjoni ta’ l-azzjoni sindakali

a)     L-argumenti tal-partijiet

95      Ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 isostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi llimitat fil-konfront tagħhom l-eżerċizzju tal-libertà sindakali, kif rikonoxxuta mill-Artikolu 12(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea pproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU 2000 C 364, 2000, p. 1). B’mod partikolari, il-Kummissjoni injorat il-funzjonijiet ta’ ġestjoni tas-sindakati agrikoli Franċiżi. Bl-istess mod, il-Kummissjoni kienet serjament impreċiża meta eżiġiet li l-federazzjonijiet sanzjonati jastjenu, fil-ġejjieni, minn kull ftehim, prattika miftiehma jew deċiżjoni li jista’ jkollha għan jew effett simili għall-ksur li huma ġew akkużati bih, filwaqt li sindakat professjonali huwa mitlub jorganizza bejn il-membri tiegħu azzjonijiet miftiehma għad-difiża ta’ l-interessi kollettivi tagħhom.

96      Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li r-rikorrenti huma sindakati ma jeżentahomx mill-applikabbiltà tar-regoli tal-kompetizzjoni, li huma regoli ta’ ordni pubblika.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

97      Skond l-Artikolu 3(1)(g) u (j) KE, l-azzjoni tal-Komunità tinkludi fl-istess waqt skema li tiżgura li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u li tiżġura politika fil-qasam soċjali. B’dan il-mod, l-Artikolu 137(1)(f) KE jistabbilixxi li l-Komunità ssostni u tikkomplimenta l-azzjoni ta’ l-Istati Membri fil-qasam tar-rappreżentar u tad-difiża kollettiva ta’ l-interessi tal-ħaddiema u ta’ dawk li jħaddmuhom u l-Artikolu 139(1) KE jipprovdi li d-djalogu bejn l-imsieħba soċjali fuq il-livell Komunitarju jista’ jwassal għal relazzjonijiet kuntrattwali. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 81(1) KE, dan jipprojbixxi l-ftehim li għandu bħala għan jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Dan l-Artikolu jikkostitwixxi dispożizzjoni fundamentali indispensabbli għat-twettiq tal-missjonijiet fdati lill-Komunità u, b’mod partikolari, għat-tħaddim tas-suq intern (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ 1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C‑126/97, Ġabra p. I‑3055, punt 36).

98      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk ċerti effetti restrittivi tal-kompetizzjoni huma mingħajr dubju inerenti fil-ftehim kollettiv konkluż bejn organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema, l-għanijiet tal-politika soċjali wara tali ftehim jiġu mhedda serjament jekk l-imsieħba soċjali jiġu suġġetti għall-Artikolu 81(1) KE fit-tfittxija komuni ta’ miżuri intiżi sabiex itejjbu l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol. B’dan il-mod, jirriżulta minn interpretazzjoni effettiva u koerenti tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, meħuda flimkien, li ftehim konkluż fil-kuntest ta’ negozjazzjonijiet kollettivi bejn imsieħba soċjali għal għanijiet bħal dawn għandhom jiġu meqjusa, minħabba n-natura u l-għan tagħhom, li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 81(1) KE (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany, C‑67/96, Ġabra p. I‑5751, punti 59 u 60). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikkjarat li din l-aħħar dispożizzjoni kienet applikabbli għal ftehim inter-professjonali konkluż minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw produtturi, kooperattivi, ħaddiema u industriji fi ħdan entità ta’ dritt pubbliku (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja BNIC, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 3 u 16 sa 20, u tat-3 ta’ Diċembru 1987, BNIC, 136/86, Ġabra p. 4789, punti 3 u 13).

99      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li n-natura u l-għan tal-ftehim ikkontestat ma jiġġustifikawx li huwa jiġi eżentat mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE.

100    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li dan il-ftehim ma jikkostitwixxix ftehim kollettiv u li ma ġiex konkluż bejn organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta’ dawk li jħaddmu u tal-ħaddiema. Fil-fatt, dawk li jrabbu ma jinsabux f’relazzjoni ta’ xogħol mal-biċċiera, għaliex huma ma jwettqux xogħolijiet favur jew taħt id-direzzjoni ta’ dawn, u lanqas huma inklużi f’dawn ta’ l-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 1999, Becu et, C‑22/98, Ġabra p. I‑5665, punt 26). Min-naħa l-oħra, kif ġie deċiż, dawk li jrabbu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala impriżi, skond l-Artikolu 81(1) KE (ara l-punt 53 iktar ‘il fuq). B’dan il-mod, il-ftehim ikkontestat jikkostitwixxi ftehim interprofessjonali konkluż bejn żewġ ħolqiet mill-katina ta’ produzzjoni fis-settur tal-laħam ta’ l-ifrat. It-tieni nett, il-ftehim ma jinkludix miżuri intiżi għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol, iżda s-sospensjoni ta’ importazzjonijiet tal-laħam ta’ l-ifrat u ta’ l-iffissar ta’ prezzijiet minimi għal ċerti kategoriji ta’ ifrat. Dawn il-miżuri għandhom bħala għan, ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ħielsa fis-suq komuni (ara l-punti 82 u 85 iktar ‘il fuq).

101    Jirriżulta li, jekk ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03, inkwantu federazzjonijiet ta’ sindakati agrikoli, jistgħu mingħajr dubju leġittimament ikollhom rwol ta’ difiża ta’ l-interessi tal-membri tagħhom, huma ma jistgħux, f’dan il-każ, jagħmlu użu mil-libertà sindakali sabiex jiġġustifikaw azzjonijiet konkreti li jmorru kontra l-Artikolu 81(1) KE.

102    Għandha tiġi ukoll miċħuda t-teżi tar-rikorrenti li tgħid li l-Kummissjoni, meta eżiġiet, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li fil-ġejjieni huma jastjenu minn kull ftehim li jista’ jkollu għan jew effett identiku jew simili għall-ksur ikkonstatat, hija ppreġudikat il-missjoni tagħhom, inkwantu sindakati professjonali, li jikkompletaw azzjonijiet miftiehma għad-difiża ta’ l-interessi kollettivi tagħhom. Billi obbligat lir-rikorrenti li jastjenu milli jirrepetu l-aġir akkużat jew li jadottaw miżuri simili, il-Kummissjoni esprimiet biss il-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan, f’dak li jikkonċerna l-aġir futur tagħhom, mill-konstatazzjoni ta’ l-illegalità li tinsab fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 311). Barra minn hekk, din l-ordni hija suffiċjentement preċiża u tibbaża ruħha fuq l-elementi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-illegalità ta’ l-aġir ssanzjonat, b’tali mod li huwa ċar li ordni bħal din ma tirrigwardax l-attività sindakali ġenerali tar-rikorrenti.

103    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ‘il fuq, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

104    Konsegwentement, dan il-motiv huwa miċħud.

B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ dritt fl-evalwazzjoni tal-portata u tat-tul ta’ żmien tal-ksur

105    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-portata u t-tul ta’ żmien tal-ksur kkunsidrat mill-Kummissjoni. L-ewwel nett, huma jsostnu li l-parti "Importazzjonijiet" tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 ġie fi tmiemu mal-firma tal-protokoll ta’ Rungis fil-31 ta’ Ottubru 2001. It-tieni nett, huma jiċħdu li l-ftehim bil-miktub ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 ġie mtawwal bi ftehim orali bl-istess għan.

1.     Id-domandi preliminari

a)     Fuq it-teħid in kunsiderazzjoni tal-ftehim lokali

 L-argumenti tal-partijiet

106    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq ftehim konkluż fuq livell lokali bejn sindakati ta’ dawk li jrabbu u biċċiera individwali sabiex jiddeterminaw it-tul ta’ żmien tal-ksur attribwit lill-federazzjonijiet nazzjonali. Huma jfakkru li l-oneru tal-prova tat-tul ta’ żmien ta’ ftehim huwa fuq il-Kummissjoni u li, safejn din għażlet li tibbaża ruħha fuq provi dokumentarji diretti sabiex tistabbilixxi l-ksur u l-parteċipazzjoni għal dan, hija ma tistax tippresupponi li parti għal dan il-ftehim baqgħet membru wara l-aħħar parteċipazzjoni tagħha ppruvata għal miżura ta’ implementazzjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punti 4281 sa 4283).

107    Ir-rikorrenti josservaw li huma mhumiex firmatarji tal-ftehim lokali in kwistjoni, għaliex dan ġie konkluż minn entitajiet ġuridiċi differenti, jiġifieri l-federazzjonijiet agrikoli dipartimentali, il-JA dipartimentali jew is-sindakati lokali. Dan il-ftehim lokali, speċjalment dak konkluż mit-30 ta’ Novembru 2001, kien esklużivament ir-riżultat ta’ l-azzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar u jiddependi mill-kapaċita tagħhom li jiksbu l-applikazzjoni ta’ prezzijiet minimi mingħand ix-xerrejja tagħhom. Ir-rikorrenti jirrferu f’dan ir-rigward għall-annotazzjonijiet bil-miktub tad-direttur ta’ l-FNB waqt il-laqgħa tad-29 ta’ Novembru 2001 ("innegozzjar l-istrutturi tagħkom fuq livell reġjonali"). Il-fatt li l-istruttura tal-prezzijiet ta’ referenza ġiet trażmessa mill-FNB lill-federazzjonijiet dipartimentali li kienu jitolbuha ma jistax iwaqqa’ din il-konklużjoni, għaliex din it-trażmissjoni ma saritx fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-ftehim nazzjonali, iżda f’dak tan-negozjati lokali mmexxija minn dawn il-federazzjonijiet. B’dan il-mod, M. E. C., wieħed mid-diretturi ta’ l-FNB, indirizza, fil-11 ta’ Diċembru 2001, din l-istruttura lil federazzjoni dipartimentali, filwaqt li fakkarha espliċitament li din l-istruttura ma kinitx akkumpanjata bi ftehim. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jikkontestaw, it-teżi tal-Kummissjoni li t-test tal-ftehim lokali kien ittieħed kważi litteralment mill-ftehim nazzjonali.

108    Ir-rikorrenti josservaw ukoll li l-firmatarji ta’ dan il-ftehim lokali ma pparteċipawx għall-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni. Ir-rikorrenti ma jistgħux iwieġbu minflokhom. Għaldaqstant, huwa kuntrarju għad-drittijiet tad-difiża u ta’ l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB) li dawn id-dokumenti ma jiġux esklużi mit-trattazzjonijiet.

109    Il-Kummissjoni tirribatti li hija setgħet validament tieħu in kunsiderazzjoni numru ta’ ftehim lokali konklużi wara l-firma tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 fl-evalwazzjoni tagħha tat-tul ta’ żmien tal-ksur. Dawn il-ftehim lokali kienu dawk li prinċipalment ġew implementati mill-ftehim ikkontestat, b’mod partikolari wara li skada l-ftehim bil-miktub. Barra minn dan, id-dokumenti kollha relatati ma’ dawn il-ftehim ittieħdu mingħand ir-rikorrenti, li juri li l-federazzjonijiet nazzjonali segwew mill-qrib l-implementazzjoni lokali tal-ftehim nazzjonali tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

110    Ir-rikorrenti jsostnu li, essenzjalment, il-Kummissjoni ma setgħetx tieħu in kunsiderazzjoni, sabiex tistabbilixxi t-tul ta’ żmien tal-ksur, ftehim li ma ġiex konkluż minnhom iżda minn federazzjonijiet dipartimentali jew minn sindakati lokali ta’ dawk li jrabbu, minn naħa, u minn biċċeriji, min-naħa l-oħra.

111    Madankollu, mhuwiex ikkontestat li l-federazzjonijiet jew is-sindakati lokali ta’ dawk li jrabbu li huma in kwistjoni kienu membri, diretti jew indiretti, tar-rikorrenti fil-kawża T‑245/03.

112    Għandu jiġi osservat li, wara l-firma tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, il-federazzjonijiet nazzjonali ta’ dawk li jrabbu talbu lill-membri tagħhom sabiex jimplementaw, fuq il-livell lokali, dan il-ftehim. B’dan il-mod, b’ittra tal-25 ta’ Ottubru 2001 tar-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 lill-membri tagħhom, b’referenza għall-firma tal-ftehim fil-ġurnata ta’ qabel, huwa indikat: "Kull wieħed fostna għandu minn issa ‘l quddiem jara li ssir applikazzjoni stretta ta’ dan il-ftehim fuq it-territorju kollu […] Aħna nistiednukom, wkoll, sabiex tiġbru, fl-iqsar żmien, il-firem ta’ l-impriżi li għadhom ma ffirmawx il-ftehim. L-impenn ta’ l-impriżi jirrigwarda wkoll prijorità mogħtija lill-provvista nazzjonali." Bl-istess mod, ittra tar-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 lill-membri tagħhom, bid-data tat-13 ta’ Diċembru 2001, tinkludi t-test li ġej: "[…] aħna nitolbu lin-netwerk kollu ta’ FNSEA li jieħu azzjoni […] sabiex jivverifka mingħand kull biċċier il-prezzijiet ipprattikati sabiex il-prezzijiet minimi tagħna għall-produzzjoni jiġu rispettati. Għal dan il-għan, aħna nitolbukom torganizzaw domandi f’kull biċċerija li tinsab fid-dipartiment tagħkom." Fl-aħħar nett, ittra tat-8 ta’ Novembru 2001 tar-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 lill-federazzjonijiet membri tagħhom turi li dawn ta’ l-aħħar kellhom jikkomunikaw lill-federazzjonijiet nazzjonali l-informazzjoni kollha li tirrigwarda l-azzjonijiet mwettqa, sabiex tkun tista’ tħejji s-segwitu ta’ l-istrateġija sindakali; din l-informazzjoni kienet tinkludi b’mod partikolari "l-lista preċiża u ddettaljata ta’ l-impriżi li [għadhom] ma ffirmawx l-istruttura jew li [ffirmawha] iżda ma [kinux] [japplikawha]".

113    Għaldaqstant, jirriżulta mill-inkartament li r-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 ħeġġew lill-membri tagħhom sabiex jieħdu azzjonijiet konkreti fil-biċċeriji li joperaw fit-territorji rispettivi tagħhom u sabiex jipparteċipaw b’dan il-mod fl-implementazzjoni tal-ftehim ikkontestat. L-azzjoni tal-federazzjonijiet dipartimentali u tas-sindakati lokali, minn dan il-fatt, tagħmel parti minn strateġija komuni mal-federazzjonijiet nazzjonali, li jiżguraw l-effikaċja, fuq it-territorju kollu Franċiż, tal-miżuri deċiżi fuq livell nazzjonali. Wieħed mill-istrumenti ta’ din l-istrateġija kien preċiżament il-konklużjoni ta’ ftehim bejn is-sindakati lokali ta’ dawk li jrabbu u l-biċċeriji.

114    B’dan il-mod, f’faks mibgħut fid-9 ta’ Novembru 2001 mill-Fédération régionale des syndicats d’exploitants agricoles (FRSEA) tan-Normandija ta’ Isfel lill-FNSEA, wara kwestjonarju mibgħut minn din ta’ l-aħħar fit-8 ta’ Novembru 2001, huwa indikat: "Operazzjonijiet u strateġiji għal applikazzjoni ta’ l-istruttura: […] Firma formali ta’ kuntratt ta’ impenn reġjonali: Osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-prezzijiet ta’ l-istruttura bejn FRSEA [Normandija ta’ Isfel] u l-biċċiera. Huma kollha impenjaw ruħhom bil-miktub u bagħtulna lura d-dokument." Bl-istess mod, f’faks tad-19 ta’ Novembru 2001 tal-FDSEA ta’ Finistère lill-FNB, wieħed jista’ jaqra: "F’dak li jikkonċerna l-operazzjonijiet imwettqa għall-istruttura […] ta’ prezzijiet [minimi], sar ftehim orali mal-biċċeriji. Il-ftehim bil-miktub għadu ma ġiex mibgħut lura lilna u għadna ma rċevejna l-ebda ilment minn dawk li jrabbu dwar in-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-istruttura." Fl-aħħar nett, f’faks tat-13 ta’ Novembru 2001 tal-FDSEA ta’ Isère lill-FNSEA u lill-FNB hemm b’anness format standard għal ftehim lokali; dan iġib it-titolu "Applikazzjoni tal-ftehim nazzjonali fuq l-istruttura ta’ prezzijiet [minimi]" u jinkludi klawżoli ta’ impenn għal osservanza ta’ l-istruttura ta’ prezzijiet u ta’ sospensjoni provviżorja ta’ l-importazzjonijiet" sakemm isir negozjar nazzjonali ġdid".

115    Barra minn hekk, il-fatt li dan il-ftehim lokali ġie ffirmat mill-biċċeriji u mhux mill-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom fuq il-livell nazzjonali (il-FNICGV u r-rikorrenti fil-kawża T‑217/03) lanqas ma jiġġustifika l-fatt li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ dan il-ftehim jiġi miċħud f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-eżistenza ta’ ftehim nazzjonali konkluż bejn ir-rappreżentanti ta’ dawk li jrabbu u dawk tal-biċċiera kien fattur deċiżiv sabiex tiġi megħluba r-reżistenza tal-biċċeriji milli jaċċettaw il-ftehim lokali li ġew ippreżentati lilhom mir-rappreżentanti ta’ dawk li jrabbu.

116    Fl-aħħar nett, jirriżulta mill-inkartament li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-ftehim lokali in kwistjoni spiss kien isegwi, essenzjalment, il-kontenut tal-ftehim nazzjonali. Fil-fatt, dan il-ftehim lokali spiss ma huwa xejn għajr it-traspożizzjoni litterali tal-ftehim nazzjonali (ara, bħala eżempju, il-ftehim iffirmat fil-31 ta’ Ottubru 2001 bejn, b’mod partikolari, il-FDSEA tal-Loire u l-biċċeriji ta’ l-istess dipartiment).

117    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li ma jistax jiġi kkunsidrat li l-ftehim lokali kien il-frott ta’ negozjar indipendenti, li mhuwiex marbut ma’ l-applikazzjoni tal-ftehim nazzjonali. Fil-fatt, il-ftehim konkluż fuq livell lokali kkostitwixxa l-estensjoni u l-implementazzjoni tal-ftehim ikkontestat.

118    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni kellha d-dritt tikkunsidra dan il-ftehim lokali sabiex tevalwa l-portata u t-tul ta’ żmien tal-ksur attribwit lir-rikorrenti.

119    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-kunsiderazzjoni tal-ftehim lokali tikser id-drittijiet tagħhom tad-difiża. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti li jikkonċernaw il-ftehim lokali li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata u li nstabu waqt l-ispezzjonijiet imwettqa fl-uffiċċji tar-rikorrenti kienu jagħmlu parti mill-inkartament amministrattiv. Għaldaqstant, ir-rikorrenti kellhom il-possibbiltà, waqt il-proċedura quddiem il-Kummissjoni, li jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti

b)     Fuq l-organizzazzjoni, l-għażla, il-kwotazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dokumenti fl-inkartament

 L-argumenti tal-partijiet

120    Ir-rikorrenti jsostnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet żnaturazzjoni tan-noti bil-miktub li nstabu fl-uffiċċju tad-direttur tal-FNB, li fuqhom hija bbażat ruħha prinċipalment sabiex tipprova l-portata u t-tul ta’ żmien tal-ftehim ikkontestat. B’hekk, hija bagħtet lir-rikorrenti biss l-estratti li hija stess għażlet, u ma kklassifikatx dawn l-estratti b’ordni kronoloġiku u lanqas ma ġabrithom flimkien, b’tali mod li huma mħallta ma’ dokumenti oħra ta’ l-inkartament. Barra minn dan, dawn in-noti jidhru wkoll fuq paġni li jinkludu wisq informazzjoni, b’mod mhux organizzat u huma ta’ spiss illeġġibbli.

121    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-eżattezza jew l-interpretazzjoni ta’ serje sħiħa ta’ ċitazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, billi jikkunsidraw li dawn mhumiex kompleti, li huma iżolati mill-kuntest tagħhom jew żbaljati, li huma jikkontradixxu fir-realtà t-teżi tal-Kummissjoni, li huma mingħajr data u li l-parteċipanti għal-laqgħat li għalihom issir riferenza ma jistgħux jiġu identifikati. Fl-aħħar nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni, billi interpretat id-dokumenti ta’ l-inkartament, qalbet l-oneru tal-prova, għaliex hija qiegħda tissupponi l-ħtija tar-rikorrenti u kkunsidrat biss id-dokumenti kontrihom u mhux dawk favurihom.

122    Il-Kummissjoni tosserva li hija ma tistax tikkwota in extenso, fit-test ta’ deċiżjoni, id-dokumenti kollha li fuqhom hija tibbaża ruħha u ssostni li l-fatt li hija twettaq għażla jista’ jiġi kkritikat biss inkwantu din twassal għal żnaturazzjoni tad-dokumenti. Barra minn hekk hija tiċħad il-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

123    Ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li huma kellhom aċċess għad-dokumenti kollha li jagħmlu parti mill-inkartament amministrattiv tal-Kummissjoni (bl-unika eċċezzjoni ta’ żewġ ittri bejn din ta’ l-aħħar u r-rappreżentant permanenti tar-Repubblika Franċiża fi ħdan l-Unjoni Ewropea). B’mod partikolari, il-Kummissjoni tosserva, mingħajr ma tiġi kontradetta mir-rikorrenti, li dawn kellhom aċċess għal kopja kompleta tal-kotba tan-noti bil-miktub in kwistjoni tad-direttur tal-FNB. Konsegwentement ir-rikorrenti setgħu jidentifikaw u jinvokaw l-elementi kollha favurihom li jinsabu fl-inkartament. Barra minn dan, ir-rikorrenti ma jallegawx li l-Kummissjoni eskludiet mill-inkartament amministrattiv jew ma inkludietx f’dan dokumenti favurihom identifikati jew pprovduti minnhom.

124    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, bħal ma sostnew ir-rikorrenti, li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, spiss ibbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq estratti ta’ diversi noti bil-miktub li nstabu u li ġew ikkopjati waqt il-verifiki effettwati fl-uffiċċji tar-rikorrenti. Dawn in-noti, essenzjalment, mhumiex iffirmati u lanqas ma jġibu data u l-kontenut tagħhom mhuwiex dejjem leġġibbli. Madankollu għandu jiġi osservat li n-nuqqas ta’ data jew ta’ firma ta’ dokument jew il-fatt li huwa miktub ħażin ma jneħħix kwalunkwe valur probatorju minn dan id-dokument, peress li l-oriġini tiegħu, id-data probabbli tiegħu u l-kontenut tiegħu jistgħu jiġu stabbiliti b’mod suffiċjentement ċar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il-Kummissjoni, T‑11/89, Ġabra p. II‑757, punt 86).

125    F’din il-kawża, il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkontestata meta dokument kien mingħajr data u attribwitlu data approssimattiva skond il-kontenut tiegħu jew il-kuntest tiegħu. Bl-istess mod, meta l-inizjali biss tal-parteċipanti tal-laqgħat kienu msemmija, il-Kummissjoni ġeneralment iddeduċiet, skond il-kuntest, liema kienu l-persuni hekk indikati. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kritiki tar-rikorrenti fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni u ta’ l-ikklassifikar ta’ dawn in-noti bil-miktub, il-Kummissjoni spjegat li d-dokumenti ta’ l-inkartament ġew ikklassifikati b’mod kronoloġiku skond id-data tal-pubblikazzjoni tagħhom jew ta’ meta nstabu, fir-rigward tad-dokumenti li jirriżultaw mill-ispezzjoni, peress li d-dokumenti, f’dan l-aħħar każ, iġibu n-numru skond l-ordni tal-kopji stabbiliti.

126    Fir-rigward ta’ l-ilmenti tar-rikorrenti dwar, b’mod partikolari, l-użu u l-interpretazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ mezzi ta’ prova speċifiċi, huma se jiġu eżaminati wara, sa fejn huma għandhom mnejn jikkontestaw il-konlużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-portata u t-tul ta’ żmien tal-ksur.

2.     F’dak li jikkonċerna l-attribuzzjoni lir-rikorrenti ta’ ftehim dwar l-importazzjonijiet

a)     L-argumenti tal-partijiet

127    Ir-rikorrenti jsostnu li l-firma tal-Protokoll ta’ Rungis tal-31 ta’ Ottubru 2001 wasslet sabiex il-parti tal-ftehim nazzjonali dwar is-sospensjoni ta’ l-importazzjonijiet – li daħal f’effett mid-29 ta’ Ottubru 2001 – tintemm biss jumejn wara, fil-31 ta’ Ottubru 2001. Għaldaqstant il-parti "Importazzjonijiet" tal-ftehim ma kellhiex iż-żmien li teżisti u ma tistax għalhekk, tiġi attribwita lilhom.

128    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żnaturat il-fatti in kwistjoni u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li dan il-Protokoll ta’ Rungis jinvolvi ftehim intiż sabiex jillimita l-volum ta’ l-importazzjonijiet. L-impenn ta’ l-importaturi u l-esportaturi, li jinsab f’dan, li juru "solidarjetà" mhuwiex intiż għall-importazzjonijiet u huwa biss affermazzjoni mill-ġdid min-naħa tal-FNICGV, fuq talba tal-federazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu, li tkompli bil-provvista taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-istruttura ta’ prezzijiet. Barra minn dan, ir-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 tosserva, li, billi hija ma kinitx firmatarja tal-Protokoll ta’ Rungis, hija mhijiex ikkonċernata, f’kull każ, b’dan l-impenn ta’ "solidarjetà". Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjonijiet tal-president tal-FNICGV, fil-jum tal-firma tal-Protokoll, jikkonfermaw li l-parti "Importazzjonijiet" kienet ġiet abbandunata.

129    Bl-istess mod, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni, billi affermat li teżisti rabta neċessarja bejn l-istruttura ta’ prezzijiet u s-sospensjoni ta’ l-importazzjonijiet, tagħmel konfużjoni bejn dak li xtaqu l-produtturi u dawk li kienu jkunu l-fatti wara l-Protokoll ta’ Rungis. Ir-rikorrenti jfakkru wkoll li l-pożizzjoni kritika ħafna, mill-bidu, tal-biċċiera-importaturi u tal-bejjiegħa bl-ingrossa-importaturi membri tal-FNICGV fir-rigward tal-parti "Importazzjonijiet" tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 u jallegaw li l-fatt li din il-parti ġiet aċċettata mill-federazzjoni ma kienx għajr ġest simboliku u li ma setax jinżamm.

130    Barra minn dan, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma ħaditx in kunsiderazzjoni dokumenti li juru li l-ftehim fuq l-importazzjonijiet ma kienx għadu jeżisti. Huma jirreferu, l-ewwel nett, għal ittra tat-8 ta’ Novembru 2001 tal-federazzjonijiet nazzjonali ta’ dawk li jrabbu lill-membri tagħhom, li minnha jirriżulta li l-applikazzjoni tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 tirrigwarda esklużivament l-applikazzjoni ta’ l-istruttura ta’ prezzijiet minimi, għaliex l-ebda referenza ma saret għal kwalunkwe restrizzjoni fuq l-importazzjonijiet. Ir-rikorrenti jsemmu, fit-tieni nett, nota bil-miktub ta’ l-14 ta’ Novembru 2001, li tindika: "ftehim restrittiv: illum tkomplija ta’ l-[importazzjonijiet]; l-ebda [miżura] ta’ ritaljazzjoni".

131    Barra minn dan, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni identifikat biss ftehim lokali, konkluż wara l-firma tal-Protokoll ta’ Rungis u li jinkludi klawżola ta’ sospensjoni ta’ l-importazzjonijiet, jiġifieri dik stabbilita fid-dipartiment ta’ Isère. Id-dokumenti li joħorġu mill-FRSEA tan-Normandija ta’ Isfel tad-9 ta’ Novembru 2001 u mill-FDSEA ta’ Finistère tad-19 ta’ Novembru 2001 huma biss rapporti li ma jurux li l-ftehim lokali kkonċernat kien jinkludi impenn ta’ sospensjoni ta’ l-importazzjonijiet. Il-ftehim lokali l-ieħor imsemmi mill-Kummissjoni ma sarx wara l-Protokoll ta’ Rungis. B’dan il-mod, il-ftehim magħmul fil-Loire jġib id-data tal-31 ta’ Ottubru 2001.

132    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-analiżi ta’ volumi tal-kummerċ tikkonferma li s-sospensjoni ta’ l-importazzjonijiet ma damitx iktar mill-31 ta’ Ottubru 2001. Huma jispjegaw li l-allegat tnaqqis fil-volum ta’ laħam ta’ l-ifrat importat f’Novembru u f’Diċembru 2001 huwa spjegat permezz tal-varjazzjoni kostanti ta’ volumi ta’ importazzjoni fix-xahar, peress li l-ebda rabta kawżali ma tista’ tiġi stabbilita bejn dan it-tnaqqis regolari u l-eżistenza ta’ allegat ftehim.

133    Il-Kummissjoni ssostni li l-parti "Importazzjonijiet" tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 ma ġietx abrogata wara l-31 ta’ Ottubru 2001 mill-Protokoll ta’ Rungis. Hija ssostni li dan il-Protokoll kien intiż sabiex tagħmel iktar flessibbli l-irbit strett iżżejjed ta’ sospensjoni totali ta’ l-importazzjonijiet, iżda b’referenza għas-"solidarjetà", kien iwassal għal-limitazzjoni ta’ l-importazzjonijiet bi prezzijiet aħjar. Fl-opinjoni tagħha, ir-rikorrenti ma tispjegax kif ftehim ta’ prezz minimu seta’ jkun sostenibbli jekk, fl-istess ħin, l-importazzjonijiet bi prezz irħas baqgħu jseħħu. Fl-aħħar nett, numru ta’ ftehim lokali konklużi fil-jum tal-Protokoll ta’ Rungis jew wara dan, skond il-ftehim nazzjonali, għadhom jinkludi impenn ta’ sospensjoni ta’ l-importazzjonijiet.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

134    L-ewwel nett, għandha tiġi miċħuda t-teżi tar-rikorrenti li tgħid li, fil-każ li l-parti "Importazzjonijiet" tkun ġiet imneħħija wara l-Protokoll ta’ Rungis, din il-parti ma tistax tiġi attribwita lilhom. Fil-fatt, il-fatt li ksur kien ta’ tul ta’ żmien qasir ħafna ma jikkontestax l-eżistenza ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE.

135    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li ftehim ta’ ffissar tal-prezzijiet minimi, sabiex ikun effettiv, jeżiġi miżuri ta’ kontroll jew ta’ limitazzjoni ta’ l-importazzjonijiet. F’din il-kawża, il-laħam ta’ l-ifrat li ġej minn Stati Membri oħra, b’mod partikolari mill-Ġermanja u mill-Olanda, kien irħas minn dak prodott fi Franza u, fid-dawl ta’ l-eżistenza ta’ offerta eċċessiva, l-effikaċja ta’ struttura ta’ prezzijiet tiddependi neċessarjament fuq il-provvista tal-biċċeriji stabbiliti fi Franza mingħand dawk il-Franċiżi li jkabbru. Jekk dan mhuwiex il-każ, mhux biss din l-istruttura ta’ prezzijiet mhijiex ta’ natura li tirrimedja għall-kriżi li sostnew dawk il-Franċiżi li jrabbu, iżda hija setgħet biss taggravaha, inkwantu l-biċċiera daru lejn il-prodotti li ġejjin minn Stati Membri oħra, jew saħansitra minn pajjiżi terzi.

136    F’kull każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, li l-Protokoll ta’ Rungis tal-31 ta’ Ottubru 2001 ma eliminax għal kollox il-miżuri ta’ sospensjoni ta’ l-importazzjonijiet li jinsabu fil-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, anki jekk, kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet fid-deċiżjoni kkontestata, huwa llimitahom.

137    Fil-fatt, għandha tiġi miċħuda immedjatament it-teżi tar-rikorrenti li tgħid li dan il-Protokoll ma kienx jirrigwarda l-importazzjonijiet iżda l-istruttura ta’ prezzijiet. Fil-fatt, il-Protokoll ta’ Rungis iġib it-titolu "Laqgħa dwar ‘Laħam ta’ importazzjoni". Fih jiġi indikat li "[l]-impriżi Franċiżi speċjalizzati fis-settur ta’ l-importazzjoni-esportazzjoni ltaqgħu mal-federazzjonijiet tal-produtturi […] firmatarji tal-ftehim nazzjonali interprofessjonali ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001". Ir-referenzi li jinsabu fil-Protokoll huma magħmula għall-importaturi-esportaturi, peress li t-test ma jinkludi, min-naħa l-oħra, l-ebda referenza għall-istruttura ta’ prezzijiet. Jirriżulta li l-Protokoll ta’ Rungis kien jirreferi għall-parti "Importazzjonijiet" tal-ftehim ikkontestat. Il-messaġġ tal-31 ta’ Ottubru 2001 tal-President tal-FNICGV lill-membri tagħha jikkonferma din il-konklużjoni (ara l-punt 140 iktar ‘il fuq).

138    Għandu jiġi kkonstatat li l-Protokoll ta’ Rungis, wara xi kunsiderazzjonijiet ta’ natura introduttiva jinkludi, b’mod partikolari l-estratt li ġej:

"Fil-każ ta’ kriżi mingħajr preċedenti li għaddejjin minnha l-produtturi, ir-rappreżentanti ta’ dawk li jrabbu jitolbu b’mod ferm lill-importaturi-esportaturi li jieħdu konjizzjoni tal-gravità tal-kriżi.

Fi tweġiba l-importaturi-esportaturi jimpenjaw ruħhom li juru solidarjetà."

139    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, b’mod partikolari l-bżonn ta’ kontroll ta’ l-importazzjonijiet sabiex tiġi assigurata l-effikaċja ta’ l-istruttura ta’ prezzijiet, li tibqa’ kompletament fis-seħħ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dan l-impenn ta’ "solidarjetà" aċċettat mill-importaturi-esportaturi għandu jinftiehem, kif il-Kummissjoni analizzatu fid-deċiżjoni kkontestata, bħala aċċettazzjoni min-naħa ta’ dawn li jillimitaw l-importazzjonijiet tal-laħam ta’ l-ifrat, favur il-produzzjoni ta’ dawk il-Franċiżi li jrabbu.

140    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mwaqqa’ mill-messaġġ tal-31 ta’ Ottubru 2001 tal-President tal-FNICGV lill-membri tagħha, iċċitata iktar ‘il fuq, li fiha hemm miktub: "Aħna sibna kompromess […] li jippermetti lill-importaturi li jżommu l-attività tagħhom u li jiżguraw bl-aħjar mod il-moviment liberu tal-prodotti maħduma u kkummerċjalizzati mill-impriżi tagħna." Fil-fatt, quddiem it-termini ċari tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 (jiġifieri l-"[impenn] ta’ sospensjoni provviżorja ta’ l-importazzjonijiet"), li l-President tal-FNICGV ifakkar ukoll fil-messaġġ tiegħu, dan it-test jibqa’ ambigwu. B’hekk, il-President tal-FNICGV isemmi "kompromess" u jirreferi mhux għat-twettiq totali tal-moviment liberu tal-prodotti in kwistjoni, iżda "għall-aħjar" twettiq tiegħu.

141    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Protokoll ta’ Rungis ma neħħiex kompletament il-parti "Importazzjonijiet" tal-ftehim ikkontestat.

142    Din il-konklużjoni mhijiex kontradetta miż-żewġ dokumenti invokati mir-rikorrenti sabiex juru li l-parti "Importazzjonijiet" ma kinitx għadha fis-seħħ f’Novembru 2001.

143    B’hekk, fir-rigward ta’ l-ittra tat-8 ta’ Novembru 2001 tar-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 lill-membri tagħhom, hija kellha l-għan "[ġ]imgħatejn wara l-firma u ġimgħa wara t-twaqqif ta’ l-istruttura ta’ prezzijiet [minimi], [… li] tanalizza l-applikazzjoni u l-osservanza ta’ dan il-ftehim fid-dipartimenti". Hekk kif josservaw ir-rikorrenti, din in-nota tirreferi biss għall-miżuri dwar l-applikazzjoni ta’ l-istruttura ta’ prezzijiet. Madankollu, is-sempliċi fatt li din l-ittra ma tirreferix għall-parti "Importazzjonijiet" mhuwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex juri li dan kien ġie abandunnat.

144    F’dak li jikkonċerna n-noti bil-miktub ta’ l-14 ta’ Novembru 2001, min-naħa ta’ kap ta’ dipartiment tal-FNSEA, fihom huwa effettivament indikat "ftehim ristrett: illum tkomplija ta’ l-[importazzjonijiet]; l-ebda [miżura] ta’ ritaljazzjoni". Madankollu għandu jiġi osservat li, kif il-Kummissjoni tosserva, jirriżulta mill-kuntest tagħhom li l-parti rilevanti ta’ dawn in-noti tagħmel riferenza għad-definizzjoni ta’ l-istrateġija tar-rikorrenti fil-kawża T‑245/03, sabiex ihejju t-tweġiba tagħhom għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2001 (ara punt 13 iktar ‘il fuq). Għaldaqstant, dawn huma dokumenti li jinkludu biss il-pożizzjoni li r-rikorrenti riedu jġibu fil-konjizzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, hemm diversi referenzi fit-test ta’ dawn in-noti bil-miktub għal "Brussell", għal "BSL" jew għad-"DĠ Kompetizzjoni". B’hekk, wieħed jista’ jaqra’: "DĠ Kompetizzjoni → Test FNSEA sa nofsinhar" u, wara, "Risposta miftiehma jew inkella komuni". Uħud minn dawn it-testi bil-miktub jikkonfermaw li l-estratt invokat mir-rikorrenti kien jagħmel parti mill-osservazzjonijiet li kellhom jiġu inklużi fir-risposta li kellha tintbagħat lill-Kummissjoni. Għandhom jiġu ċċitati, per eżempju, dawn li ġejjin, li li jinsabu qrib dan l-estratt fid-dokument ikkonċernat: "Bażijiet ta’ difiża" jew "difiża tal-produtturi". Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-estratti invokati mir-rikorrenti mhumiex oġġettivi u m’għandhomx l-affidabbiltà neċessarja sabiex jiġi rikonoxxut il-valur probatorju tagħhom.

145    Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi osservat li numru ta’ ftehim lokali li fihom klawżoli ta’ sospensjoni ta’ l-importazzjonijiet ġew konklużi fl-istess jum tal-firma tal-Protokoll ta’ Rungis jew wara din. B’hekk, nota tal-FDSEA tal-Loire tal-31 ta’ Ottubru 2001 semmiet il-konklużjoni, f’din id-data, ta’ ftehim bejn il-FDSEA, iċ-ċentru dipartimentali tal-JA u "s-settur tal-laħam dipartimentali". F’din in-nota huwa indikat li "l-impriżi kollha li ġew msejħa […] iffirmaw il-ftehim u impenjaw ruħhom li japplikawh". Il-ftehim li jinsab fl-anness jiripproduċi kważi litteralment il-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 u jinkludi "[impenn] ta’ sospensjoni provviżorja ta’ l-importazzjonijiet". Bl-istess mod, jirriżulta mill-inkartament li, fid-dipartiment ta’ l-Isère, ġew konklużi, f’Novembru 2001, almenu tliet ftehim lokali mal-biċċiera, f’applikazzjoni tal-ftehim nazzjonali u li jinkludu obbligu ta’ sospensjoni provviżorja ta’ l-importazzjonijiet "sakemm isir negozjar nazzjonali ġdid": b’hekk, qabel it-13 ta’ Novembru 2001 mal-kumpannija Provi, fit-13 ta’ Novembru mal-grupp Bigard u fil-15 ta’ Novembru mal-kumpanniji Carrel u Isère Viandes et salaisons.

146    Barra minn dan, għandhom jiġu miċħuda l-kritiki tar-rikorrenti fir-rigward ta’ l-użu, fid-deċiżjoni kkontestata, tad-dokumenti maħruġa mill-FRSEA tan-Normandija ta’ Isfel tad-9 Novembru 2001 u mill-FDSEA ta’ Finistère tad-19 ta’ Novembru 2001, ibbażati fuq il-fatt li dawn id-dokumenti mhumiex għajr rapporti li ma jurux li l-ftehim lokali kkonċernati kienu jinkludu impenn ta’ sospensjoni ta’ l-importazzjonijiet. Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li d-dokument tad-19 ta’ Novembru 2001 ma kienx ikkwotat mill-Kummissjoni sabiex tintwera l-eżistenza tal-parti "Importazzjonijiet" iżda bħala eżempju ta’ l-applikazzjoni lokali ta’ l-istruttura ta’ prezzijiet (ara l-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 114 iktar ‘il fuq). It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna d-dokument tad-9 ta’ Novembru 2001, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni għamlet użu minnu biss sabiex turi l-eżistenza ta’ kontrolli lokali ta’ l-oriġini tal-laħam (ara l-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-dokument in kwistjoni effettivament jinkludi l-estratt li ġej: "l-Orne u l-Calvados jeffettwaw kontroll fuq it-trakkijiet ta’ laħam ta’ [importazzjoni]: m’hemm xejn li għandu jiġi rrappurtat."

147    Għandhom ukoll jiġu miċħuda l-argumenti li r-rikorrenti jibbażaw fuq l-analiżi statistika tal-volumi ta’ importazzjoni fi Franza ta’ laħam ta’ l-ifrat. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, jekk il-Kummissjoni ċertament ikkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-istatistiċi disponibbli kienu juru tnaqqis sensibbli ta’ l-importazzjonijiet f’Novembru 2001 meta mqabbla ma’ dawk ta’ Ottubru 2001 u f’Diċembru 2001 meta mqabbla ma’ dawk ta’ Novembru 2001 u li l-livelli ta’ importazzjoni reġgħu kjarament għan-normal f’Jannar 2002 (premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata), xorta jibqa’ l-fatt li hija kkonkludiet li dan it-tnaqqis ta’ l-importazzjonijiet ma setax jiġi attribwit b’ċertezza għall-ftehim (premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq din id-data statistika sabiex tipprova t-tul taż-żmien tal-parti "Importazzjonijiet", l-argumenti tar-rikorrenti li jikkontestaw l-interpretazzjoni ta’ dawn iċ-ċifri mhumiex rilevanti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, f’kull każ, li l-istatistiċi mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi konkluż li l-ftehim fuq l-importazzjonijiet ma kienx jeżisti wara l-31 ta’ Ottubru 2001.

148    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 li jgħid li hija ma kinitx ikkonċernata mill-impenn ta’ solidarjetà stabbilit mill-Protokoll ta’ Rungis, peress li ma kinitx firmatarja, biżżejjed jiġi kkonstatat li dan il-Protokoll ma kienx jinkludi ftehim ġdid u kien biss irendi iktar flessibli l-klawżola oriġinali ta’ sospensjoni ta’ l-importazzjonijiet li tinsab fil-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, li r-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 hija firmatarja tiegħu. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 għarfet li, la waqt l-iffirmar tal-Protokoll ta’ Rungis u lanqas iktar tard, ma informat lill-membri tagħha bl-allegata tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni tal-laħam ta’ l-ifrat. Hija ġġustfikat lilha nfisha billi sostniet li l-membri tagħha ma kinux ikkonċernati mill-miżuri fuq l-importazzjonijiet. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li almenu x’uħud mill-membri tagħha importaw ifrat fi Franza, minkejja li dawn l-kwantitajiet kienu relattivament żgħar meta mqabbla ma’ l-importazzjonijiet globali (ara punt 66 iktar ‘il fuq).

149    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ‘il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball billi kkunsidrat li, minkejja l-Protokoll ta’ Rungis, il-parti "Importazzjonijiet" tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 ma ġietx abbandunata kompletament wara l-31 ta’ Ottubru 2001.

3.     F’dak li jikkonċerna l-attribuzzjoni lir-rikorrenti ta’ ftehim orali sigriet wara l-aħħar tax-xahar ta’ Novembru 2001

a)     L-argumenti tal-partijiet

150    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet li l-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 kien ġie estiż verbalment u b’mod sigriet mill-partijiet wara t-30 ta’ Novembru 2001.

151    Huma jfakkru li l-proroga ta’ ftehim tista’ biss tirriżulta minn elementi li juru l-espressjoni tal-kunsens tal-partijiet kollha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tipprova, f’din il-kawża, il-qbil bejn l-intenzjonijiet tal-federazzjonijiet ta’ produtturi u tal-federazzjonijiet ta’ biċċiera favur it-tkomplija tal-ftehim. Ir-rappreżentanti tal-biċċiera, jiġifieri l-FNICGV u r-rikorrenti fil-kawża T‑217/03, kellhom kull raġuni li ma jtawwluhx lil hinn mill-aħħar ta’ Novembru 2001, wara li l-Kummissjoni għarrfithom li hija tqis li dan il-ftehim jikser l-Artikolu 81 KE. B’hekk, il-FNICGV informat lill-membri tagħha, fit-30 ta’ Novembru 2001, li l-ftehim mhux ser jiġġedded.

152    Barra minn dan, ir-rikorrenti josservaw li l-fatt li t-tiġdid tal-ftehim ġie kkunsidrat jew diskuss mhuwiex biżżejjed sabiex juri li huwa ġie effettivament ipprorogat. Huma jsostnu wkoll li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha esklużivament fuq elementi li jirriżultaw mid-dikjarazzjonijiet unilaterali tal-federazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu biss, li kienu jinkludu biss talbiet min-naħa tas-sindakati. Peress li l-oneru tal-prova kien fuq il-Kummissjoni, hija kellha, skond ir-rikorrenti, tipproduċi dokumenti li ġejjin mill-biċċiera li jikkonfermaw is-sħubija tagħhom fiż-żamma ta’ l-istruttura fuq il-livell nazzjonali wara t-30 ta’ Novembru 2001.

153    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni tibbaża fuq in-noti bil-miktub tad-direttur tal-FNB dwar il-laqgħat tad-29 ta’ Novembru u tal-5 ta’ Diċembru 2001. Fl-opinjoni tagħhom, minn dawn id-dokumenti jirriżulta li, waqt dawn il-laqgħat, ir-rappreżentanti ta’ dawk li jrabbu għarrfu li, mix-xahar ta’ Diċembru 2001, huwa bl-azzjoni sindakali li ser jippruvaw jiksbu mill-biċċiera, f’dan il-qasam, l-applikazzjoni tal-prezzijiet previsti fl-istruttura. Ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll it-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li din l-allegata tkomplija b’mod sigriet tal-ftehim tirrigwarda wkoll l-importazzjonijiet, billi l-ebda element imsemmi mill-Kummissjoni li jikkonċerna ż-żewġ laqgħat tad-29 ta’ Novembru u tal-5 ta’ Diċembru 2001 ma jagħmel l-ebda referenza għall-importazzjonijiet.

154    Barra minn dan, ir-rikorrenti jindikaw li l-Kummissjoni tipprova tiġġustifika l-eżistenza tal-ftehim orali bin-natura sigrieta tiegħu. Jekk il-kelma "sigriet" ġiet evokata fil-ktieb tar-rappreżentant tal-FNB, din it-tismija hija madankollu kontradetta fil-prattika mir-reklamar magħmul mill-federazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu għat-talbiet sindakali tagħhom. Ir-rikorrenti josservaw li ftehim sigriet ma kien ta’ ebda interess f’dan il-kuntest, billi l-presidenti tal-federazzjonijiet firmatarji ma setgħux jikkomunikawh lill-membri kollha tagħhom.

155    Fir-rigward ta’ l-allegat ftehim lokali wara t-30 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni identifikat wieħed biss minnhom, jiġifieri dak konkluż fit-18 ta’ Diċembru bejn il-FDSEA, il-JA tad-dipartiment ta’ Sarthe u l-grupp Socopa. Huwa biss fuq dan il-ftehim li l-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha li tgħid li l-ksur baqa’ sejjer wara t-30 ta’ Novembru 2001. Barra minn dan, ir-rikorrenti jaffermaw, li l-Kummissjoni ma kellhiex fid-dispożizzjoni tagħha t-test ta’ dan il-ftehim, peress li d-dokumenti li jirreferu għalih isemmu biss ftehim fuq l-istruttura ta’ prezzijiet, b’dan il-mod differenti mill-ftehim nazzjonali ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001. Barra minn hekk, l-allegati "ftehim imġedda" identifikati mill-Kummissjoni ma jinkludux indikazzjoni tad-data, tal-firmatarji jew tar-reġjun ikkonċernat.

156    Barra minn dan, ir-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 issostni li, peress li l-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda dokument bil-miktub tal-biċċiera jew li jimplika lill-biċċiera, hija kellha tipprova l-implementazzjoni tal-ftehim ikkontestat wara t-30 ta’ Novembru 2001 billi tibbaża ruħha fuq rapporti ta’ prezzijiet irreġistrati fuq is-suq li juru ż-żamma ta’ l-istruttura. Jekk il-Kummissjoni kienet ippruvat turi l-eżistenza tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 permezz ta’ rapporti ta’ prezzijiet irreġistrati fuq livell nazzjonali li jikkorrispondu għall-ewwel tliet ġimgħat ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim, hija ma kkomunikat l-ebda ċifra fuq l-allegata tkomplija ta’ dan il-ftehim.

157    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni, b’ittra tas-26 ta’ Diċembru 2001, informathom li l-proroga biss tal-ftehim bil-miktub ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 setgħet tagħti lok għall-sanzjonijet. Huma kkonkludew li, jekk tissanzjonahom mingħajr ma tkun ippruvat l-eżistenza tal-ftehim orali li jkun allegatament tawwal l-imsemmi ftehim bil-miktub, il-Kummissjoni mhux biss tkun wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ dritt iżda wkoll ma tkunx osservat l-impenji tagħha lejhom, fatt li jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi.

158    Il-Kummissjoni ssostni li ftehim fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE ma huwa suġġett għal rekwiżit formali, peress li ftehim mhux bil-miktub jista’ jikkostitwixxi perfettament akkordju pprojbit. Hija tosserva li, matul it-tieni perijodu ta’ ħmistax-il ġurnata tax-xahar ta’ Novembru 2001, ir-rikorrenti kienu għadhom jikkunsidraw it-tiġdid bil-miktub tal-ftehim u ssostni li, wara li ġiet abbandunata l-possibbiltà ta’ tiġdid bil-miktub, il-partijiet qablu fuq it-tiġdid sigriet tal-ftehim matul żewġ laqgħat, fid-29 ta’ Novembru u fil-5 ta’ Diċembru 2001. Barra minn dan, il-Kummissjoni tosserva li diversi dokumenti juru t-tkomplija tal-ftehim wara t-30 ta’ Diċembru 2001 u ssostni li għalhekk ma kienx neċessarju li tinġab ukoll il-prova li huwa pproduċa effetti. Fl-aħħar nett, hija tikkontesta l-interpretazzjoni magħmula mir-rikorrenti ta’ l-ittra tagħha tas-26 ta’ Diċembru 2001 u tallega li, f’kull każ, peress li l-ftehim ġie mġedded, din id-domanda mhijiex rilevanti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

159    Għandu jiġi mfakkar li l-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 kien jipprovdi bħala data ta’ tmiem l-aħħar ta’ Diċembru 2001. Madankollu, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li d-19 ta’ Diċembru 2001, jiġifieri xi jiem wara li rċieva t-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, il-President tal-FNICGV informa lill-President tal-FNSEA li huwa sab ruħu "obbligat li jantiċipa għal dan il-jum id-data finali ta’ l-applikazzjoni tal-ftehim". Madankollu, ma jirriżultax mill-inkartament li l-partijiet firmatarji l-oħra kienu effettivament ipproponew id-data tat-tmiem tal-validità tal-ftehim. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li l-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 ġie fi tmiemu fit-30 ta’ Diċembru 2001, iżda l-fatt li dan il-ftehim ġie mġedded, b’mod orali u sigriet, wara din l-aħħar data. Għalhekk hemm lok li l-eżami tal-Qorti tal-Prim’Istanza jiġi llimitat għal din l-aħħar domanda.

160    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, hekk kif il-Kummissjoni kkonfermat waqt is-seduta, id-deċiżjoni kkontestata tikkaratterizza l-ksur in kwistjoni bħala ftehim konkluż bejn, minn naħa, federazzjonijiet li jirrappreżentaw dawk li jrabbu, u, min-naħa l-oħra, federazzjonijiet li jirrappreżentaw il-biċċiera. Konsegwentement, hekk kif ir-rikorrenti jsostnu, sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ l-allegat ftehim orali li tawwal jew ġedded il-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni kellha turi s-sħubija f’dan il-ftehim dan kemm tar-rappreżentanti ta’ dawk li jrabbu kif ukoll tal-biċċiera.

161    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha biss fuq mezzi ta’ prova li ġejjin mir-rappreżentanti ta’ dawk li jrabbu u kellha tipproduċi wkoll dokumenti li ġejjin mill-biċċiera. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tipproduċi provi li ġejjin direttament mir-rappreżentanti tal-biċċiera, jekk dokumenti oħra jsostnu suffiċjentement il-parteċipazzjoni ta’ dawn fil-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 512).

162    Għandu jiġi osservat li, sabiex tiġi pprovata l-proroga tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 wara t-tmiem ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq sensiela ta’ elementi: l-ewwel nett, dokumenti li jindikaw li t-tiġdid tal-ftehim kien previst, inkluż f’data wara l-allegat annullament mill-FNICGV, fid-19 ta’ Diċembru 2001; it-tieni nett, dokumenti li jirreferu għal ftehim tal-partijiet kollha, akkumpanjat b’impenn li ma jiġix żvelat, waqt żewġ laqgħat li seħħew fid-29 ta’ Diċembru u fil-5 ta’ Diċembru 2001; it-tielet nett, elementi li jirriżultaw fl-implementazzjoni tal-ftehim wara t-tmiem ta’ Novembru 2001.

163    Għaldaqstant għandhom jiġu eżaminati, wara, dawn il-mezzi ta’ prova stabbiliti mill-Kummissjoni, fid-dawl ta’ l-ilmenti invokati mir-rikorrenti fil-konfront tagħhom.

 Fuq it-tħejjija tal-proroga tal-ftehim

164    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva li, waqt it-tieni perijodu ta’ ħmistax-il ġurnata tax-xahar ta’ Novembru 2001, il-partijiet kienu qegħdin jikkunsidraw il-proroga bil-miktub tal-ftehim ikkontestat. Il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq noti bil-miktub tad-direttur tal-FNB u fuq posta elettronika tat-28 ta’ Diċembru 2001 indirizzata minn rappreżentant tal-FRSEA ta’ Bretagne lill-FNB.

165    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li dawn in-noti bil-miktub kienu jirreferu għal laqgħa ta’ xogħol li nżammet, skond il-Kummissjoni, bejn it-22 u s-27 ta’ Diċembru 2001 u li fiha attenda l-President tal-FNICGV, L. S. Minn dawn in-noti jirriżulta li l-ġejjieni tal-"Ftehim ta’ settur" wara t-tmiem ta’ Novembru 2001 ġie diskuss, kemm f’dak li jikkonċerna l-parti "Prezz" kemm f’dak li jikkonċerna l-parti "Importazzjonijiet". Waqt dawn id-diskussjonijiet, il-FNICGV irrifjutat li "tkompli [bil-]ftehim miktub". In-noti jikkunsidraw ukoll li "jerġgħu jidħlu f’sitwazzjoni ta’ legalità". Il-possibbiltà ta’ "progress fuq il-ftehim" madankollu ġiet eżaminata.

166    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li fil-posta elettronika tat-28 ta’ Diċembru 2001, iċċitata iktar ‘il fuq, huwa miktub: "Tkomplija ta’ l-istruttura fil-ġimgħat li ġejjin: il-biċċiera kollha li ltaqgħu ddikjaraw li huma lesti jżommu l-istruttura sakemm l-operaturi kollha jimpenjaw ruħhom fl-istess waqt." Madankollu dan it-test juri biss l-intenzjoni ta’ ċerti biċċiera li jżommu l-miżuri fuq il-prezzijiet, jekk ftehim jiġi konkluż f’dan is-sens.

167    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, jekk il-Kummissjoni ċertament kellha d-dritt tuża dawn id-dokumenti sabiex turi li r-rikorrenti kienu kkunsidraw u ddiskutew it-tiġdid tal-ftehim bil-miktub ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, dawn id-dokumenti ma jippruvawx, minnhom infushom, li dan it-tiġdid kien effettivament seħħ.

 Fuq it-tiġdid tal-ftehim waqt il-laqgħat tad-29 ta’ Diċembru u tal-5 ta’ Diċembru 2001

168    Il-Kummissjoni ssostni li, wara li ġiet abbandunata l-idea tat-tiġdid bil-miktub, il-partijiet ftiehmu fuq tiġdid sigriet tal-ftehim waqt żewġ laqgħat li nżammu fid-29 ta’ Diċembru u fil-5 ta’ Diċembru 2001.

–       Il-laqgħa tad-29 ta’ Diċembru 2001

169    F’dak li jikkonċerna l-laqgħa tad-29 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 57 sa 60), tibda billi teżamina n-noti bil-miktub tad-direttur tal-FNB. Dawn in-noti jirreferu espliċitament għal-"Laqgħa tal-Ħamis 29 ta’ Novembru". Kif jirriżulta mit-titolu tagħha, l-ewwel parti ta’ dawn in-noti hija ddedikata għat-thejjija tat-tweġiba tar-rikorrenti għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2001. B’mod partikolari f’din il-parti wieħed isib: "L-[importazzjonijiet] komplew[.] Osservanza mhux totali tal-ftehim ta’ prezz[.] Il-ftehim, id-diffikultajiet → innegozjaw l-istrutturi tagħkom reġjonalment", u fuq kollox "Naqblu, naċċettaw li l-ftehim mhux ser jiġġedded". Bl-istess mod, f’kaxxa fil-parti ta’ fuq fuq il-lemin hemm miktub: "Info minn barra? + m’hemmx qbil iktar? … + ftehim fuq il-prezz". Fid-dawl tal-kuntest tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li dawn it-testi juru biss id-definizzjoni tal-pożizzjoni li r-rikorrenti kien bi ħsiebhom jadottaw quddiem il-Kummissjoni. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti jsostnu, dawn it-testi ma jippruvawx li ġie deċiż li tintemm l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri kkontestati.

170    B’hekk, wieħed jista’ jaqra’ wara: "Ma jistax jiġġedded [fid-dawl tan-natura] repprensibbli[.] Għandha tibqa’ l-pressjoni sabiex jiġu applikati l-prezzijiet ta’ intervent (fil-fatt dan ifisser l-applikazzjoni ta’ l-istruttura)[.] Tikkomunikawx b’mod frenetiku." Jirriżulta minn dan it-test li l-federazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu kienu bi ħsiebhom ikomplu jeżiġu l-applikazzjoni tal-prezzijiet minimi, iżda din id-darba, formalment, bħala talba sindakali. Fil-fatt, huwa miktub: "Diskussjoni dwar prezz indikattiv Strutturi reġjonali?". Bl-istess mod, in-noti jinkludu t-test li ġej: "għandha tintbagħat ittra lill-FNICGV − FNCBV [.] FNB[:] nikkunsidraw il-komunikazzjoni[,] l-ebda ftehim milħuq iżda nkomplu bl-għanijiet sindakali tagħna". Fl-aħħar nett, wieħed jista’ jaqra’ wkoll: "Stqarrija għall-istampa [.] Struttura = tmur kontra l-KEE għaldaqstant nieqfu iżda naġixxu billi nissuġġerixxu prezz[,] aħna li nrabbu[,] għanijiet sindakali".

171    Barra minn dan, dawn in-noti bil-miktub jinkludu testi li minnhom jirriżulta, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, li din l-istrateġija li hija intiża sabiex titkompla l-osservanza tal-prezzijiet minimi rċeviet l-approvazzjoni tar-rappreżentanti tal-biċċiera. Fil-fatt, diversi referenzi jsiru għal "LS", li l-Kummissjoni, mingħajr ma tiġi kontradetta mir-rikorrenti, tidentifika bħala referenzi għall-president tal-FNICGV. B’hekk:

–        "Ftehim iffirmat: ma jistax jitkompla (LS)[.] LS = OK għal osservanza ta’ prezz stabbilit għall-irtirar". Taħt dawn in-noti tinsab lista ta’ prezzijiet għal ċerti kategoriji ta’ laħam ta’ l-ifrat mdawwra bl-indikazzjoni "OK ftehim";

–        "‘Prezz indikattiv’, ‘prezz gwida’, ‘prezz oġġettiv[,] ‘prezz remunerattiv’, ‘prezz oġġettiv stabbilit minn dawk li jrabbu’, ‘għan ta’ dawk li jrabbu’ LS = mhux ser nikteb xejn/tali".

172    Bl-istess mod, dawn it-testi jirreferu diversi drabi għall-inizjali "FT", li donnhom jindikaw il-President tar-rikorrenti fil-kawża T‑217/03.

173    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, fl-aħħar paġna ta’ dan id-dokument ("Sunt"), hemm mikub: "Bilanċ tajjeb, unanimu [.] ‘ftehim’ għal osservanza tal-’prezz oġġettiv stabbilit minn dawk li jrabbu (orali/bit-telefon)".

174    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, li n-noti bil-miktub dwar il-laqgħa tad-29 ta’ Diċembru 2001 jistgħu jiġu interpretati fis-sens li r-rappreżentanti tal-biċċiera taw il-kunsens tagħhom għat-tkomplija ta’ l-applikazzjoni tal-miżuri kkontestati. Għalhekk hemm lok li tiġi miċħuda t-teżi li tgħid li dawn id-dokumenti ma jurux li r-rieda tal-federazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu li jkomplu l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri biss fil-kuntest ta’ l-azzjoni sindakali tagħhom, fin-nuqqas u barra minn ftehim mal-biċċiera. Fil-fatt, din it-teżi hija kontradetta mill-kontenut ta’ dawn l-istess noti.

175    Barra minn hekk, hekk kif tosserva d-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessa 63), diversi dokumenti oħra kkonfermaw li r-rikorrenti ftiehmu oralment, waqt din il-laqgħa tad-29 ta’ Diċembru 2001, dwar it-tkomplijja tal-ftehim ikkontestat.

176    L-ewwel nett, f’intervista ta’ l-4 ta’ Diċembru 2001 tal-viċi president tal-FNB, M. G. H., mal-Vendée agricole, li hija disponibbli fuq is-sit ta’ l-Internet tal-FNSEA, dan iddikjara: "Il-ġimgħa l-oħra, aħna insistejna fuq l-interess ta’ din l-istruttura sabiex jiġi mwaqqaf l-effett spirali tat-tnaqqis fil-prezzijiet. L-impriżi jirrikonoxxu l-impatt tiegħu, iżda fl-istess waqt jixtiequ jikkonformaw ruħhom mar-rakkomandazzjonijiet ta’ Brussell. Minn issa ‘l quddiem, mhux ser nibqgħu nitkellmu dwar ftehim interprofessjonali fuq struttura iżda dwar għanijiet f’termini ta’ prezzijiet minimi. Aħna dejjem neżiġu l-kunċett ta’ struttura sindakali!" Il-viċi president tal-FNB żied: "M’hemm xejn miktub fuq dan il-ftehim ‘ġdid’. Hemm biss kliem. Iżda ta’ portata importanti ħafna. Ir-rappreżentanti ta’ l-impriżi fuq il-livell nazzjonali kkomunikaw ukoll [oralment] il-kontenut tad-diskussjonijiet tagħna." Fl-aħħar nett, b’referenza għal diversi biċċeriji ta’ Vendée, huwa indikat: "Aħna nappellawlhom sabiex insiru nafu jekk huma rċevewx il-kunsinni [dwar il-prezzijiet diskussi l-ġimgħa l-oħra] ta’ l-istrutturi nazzjonali tagħhom li huma identiċi għal tagħna."

177    It-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi, fil-premessa 64, għal nota ta’ informazzjoni kurrenti tal-federazzjoni ta’ Vendée tal-5 ta’ Diċembru 2001. Din in-nota tindika: "[Il-]ftehim verbali rratifikat fi tmiem il-ġimgħa l-oħra mis-settur ta’ l-ifrat qed idum sabiex jiġi applikat konkretament fuq it-territorju […] Is-settur kollu kellu jibgħat informazzjoni fuq dan l-‘akkordju’ fil-bidu tal-ġimgħa." Wara li semma d-diskussjonijiet bejn manifestanti u biċċier, id-dokument jippreċiża: "[D]awk responsabbli għall-biċċerija ltaqgħu [mal-President tal-FNICGV]. Dan ta’ l-aħħar ikkonferma d-diskussjonijiet tal-ġimgħa ta’ qabel."

–       Il-laqgħa tal-5 ta’ Diċembru 2001

178    Dwar il-laqgħa tal-5 ta’ Diċembru 2001, li nżammet fl-okkażjoni tal-jum nazzjonali tal-laħam ta’ l-ifrat, qabel kollox għandu jiġi eżaminat, kif tagħmel id-deċiżjoni kkontestata fil-premessa 66, posta elettronika tas-6 ta’ Diċembru 2001 inidirizzata minn rappreżentant tal-FRSEA ta’ Bretagne lill-presidenti tal-FDSEA tar-reġjun tagħha. Din il-posta elettronika, li tirreferi għal-"laqgħa tal bieraħ", tindika dan li ġej:

"Fuq [l-]aspett tal-prezzijiet minimi, il-presidenti nazzjonali tal-FNICGV u tal-FNCBV iddikjaraw rwieħhom li jafu bil-bżonn li jinżammu prezzijiet tas-suq u li jgħarrfu dan il-bżonn lill-membri tagħhom. Madankollu ma għandna l-ebda ftehim bil-miktub fuq dan il-punt u ż-żamma tal-prezzijiet tiddependi mill-kapaċità tagħna li nagħmlu biżżejjed pressjoni fis-settur. Għaldaqstant jiena nissuġġerixxi li minn tmiem din il-ġimgħa tikkuntattjaw […] il-biċċiera tad-dipartiment tagħkom sabiex tiżguraw ruħkom bl-impenn tagħhom li jżommu l-prezzijiet fuq il-bażi pre-eżistenti u aġġornata u sabiex tavżawhom bl-azzjoni sindakali li nistgħu nimplementaw mill-ġimgħa d-dieħla fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-impenn."

179    Imbagħad, id-deċiżjoni kkontestata tikkunsidra, fil-premessa 67, nota ta’informazzjoni tal-FNPL, mibgħuta b’faks fl-10 ta’ Diċembru 2001 u li wkoll tirreferi għall-jum nazzjonali tal-laħam ta’ l-ifrat, li "rratifikat it-tkomplija ta’ l-istruttura". F’din in-nota, huwa indikat li "ir-rappreżentanti tal-biċċiera ([FT u LS]) jaqblu fuq it-tiġdid mhux bil-miktub ta’ l-istruttura".

180    Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi, fil-premessi 68 u 69, għal testi oħra tan-noti bil-miktub tad-direttur tal-FNB, bit-titolu "Jum tal-laħam ta’ l-ifrat – 5 ta’ Diċembru 2001". Dawn in-noti jinkludi l-estratti li ġejjin: "għandna niefqu ngħidu ‘kontra l-[importazzjonijiet]’, u mmorru għal [ristoranti u fornitura ta’ l-ikel]", "żball = li ktibna s-sospensjoni ta’ l-[importazzjonijiet] iżda ġejna mċanfra minn Brussell u oħrajn tal-COPA. Mingħajr ma niktbu dan, inkomplu fuq ‘prezzijiet gwida’ jew prezzijiet li mhux mixtieq li l-prezzijiet [jonqsu iktar minn hekk]". Bl-istess mod, eżattament wara osservazzjonijiet attribwiti lill-presidenti tar-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 u tal-FNICGV, huwa miktub: "ma nistgħux niktbu iktar iżda nkomplu." Barra minn dan, il-President tal-FNICGV indika: "aħna ser inżommu [l-impenn tagħna] dwar [prezz speċjali ta’ xiri]" u "messaġġ mgħoddi lill-impriżi tagħna […] [b’mod] informali, l-istruttura ser titkompla". Fl-aħħar nett, il-President tar-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 indika f’dan ir-rigward: "Iva OK iżda għandu jkun hemm applikazzjoni minn kulħadd." Fir-rigward ta’ din l-aħħar referenza, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti fil-kawża T‑217/03, ir-referenza għal "applikazzjoni minn kulħadd" ma tagħmilx impossibbli l-applikazzjoni ta’ l-istruttura u lanqas tneħħi l-valur probatorju mid-dikjarazzjoni in kwistjoni.

 Fuq din l-implementazzjoni tal-ftehim wara t-tmiem tax-xahar ta’ Novembru 2001

181    Barra minn dan, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi referenzi għal diversi azzjonijiet immexxija fuq il-livell lokali li jikkonfermaw it-tkomplija ta’ l-implementazzjoni tal-ftehim wara t-30 ta’ Novembru 2001 (premessi 92 sa 94 tad-deċiżjoni kkontestata).

182    B’mod partikolari, nota tal-FDSEA ta’ Vendée tat-18 ta’ Diċembru 2001 tosserva li biċċier (il-grupp Socopa), wara li l-istabbilimenti tiegħu ġew magħluqa, aċċetta li japplika l-istruttura ta’ prezzijiet minimi għall-ifrat femminili sal-11 ta’ Jannar 2002.

183    Bl-istess mod, l-inkartament jinkludi żewġ kopji ta’ dokument bit-titolu "Ftehim tal-25 ta’ Ottubru 2001 (imġedded)", fejn tinsab ir-referenza li ġejja: "Iffirmat u meqjus applikabbli mill-FNSEA, mill-FNB, mill-FNICGV u mill-FNCBV/SICA". Hekk kif josservaw ir-rikorrenti, dawn id-dokumenti huma mingħajr data. Madankollu l-Kummissjoni identifikathom, fil-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala, rispettivament, faks li l-"FDSEA 79" irċeviet fit-13 ta’ Diċembru 2001 u dokument indirizzat fl-istess ġurnata mill-FDSEA ta’ Deux-Sèvres lil biċċier.

184    Fl-aħħar nett, faks indirizzat minn rappreżentant tal-FDSEA ta’ Maine-et-Loire lid-direttur tal-FNB fil-11 ta’ Diċembru 2001 u bit-titolu "Kontrolli fil-biċċeriji ta’ Maine-et-Loire" jindika: "l-ebda anamolija misjuba – struttura applikata – l-ebda importazzjoni".

 Il-konklużjonijiet

185    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ‘il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni pprovat kif mitlub mil-liġi, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti komplew bl-applikazzjoni tal-ftehim ikkontestat, b’mod orali u sigriet, wara t-tmiem tax-xahar ta’ Novembru 2001, u dan minkejja l-ittri tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Diċembru 2001 li jinformawhom li dan il-ftehim kien jirriżulta fl-eżistenza ta’ ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni.

186    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mwaqqa’ mill-argumenti tar-rikorrenti li t-tkomplija b’mod sigriet ta’ ftehim tneħħi kull effikaċja mill-imsemmi ftehim. Għandu jiġi kkonstatat li l-inkartament effettivament jinkludi diversi referenzi għar-rieda tar-rikorrenti li ma tiżvelax pubblikament l-eżistenza ta’ impenn bejn ir-rappreżentanti ta’ dawk li jrabbu u dawk tal-biċċiera wara li l-ftehim bil-miktub jiġi fi tmiemu. Madankollu l-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li n-natura sigrieta ma tneħħix kull effikaċja mill-ftehim, b’mod partikolari safejn il-federazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu baqgħu jitolbu pubblikament il-prezzijiet ta’ l-istruttura, anki jekk din id-darba taħt il-forma apparenti ta’ talba sindakali, u baqgħu jikkomunikawhom lill-membri tagħha. Bl-istess mod, l-inkartament jippermetti li jiġi konkluż li r-rappreżentanti tal-biċċiera nfurmaw ukoll oralment lil ċerti biċċeriji b’dan (ara l-punt 177 iktar ‘il fuq).

187    Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li t-tkomplija tal-ftehim tista’ tiġi kontradetta biss fuq il-bażi ta’ nota tal-FNICGV tat-30 ta’ Diċembru 2001 li tindika li "[l-]istruttura ta’ prezzijiet ta’ xiri minim[i] tal-baqar magħżula għall-qatla konkluża fl-24 ta’ Ottubru 2001 [ma kinitx] u mhux [ser tiġi] imġedda" u li "[tali kienet] il-konklużjoni tal-laqgħa li [nżammet il-jum ta’ qabel] f’Pariġi fil-preżenza tal-firmatarji ta’ dan il-ftehim". Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din id-dikjarazzjoni tagħmel parti mill-istrateġija ta’ komunikazzjoni pubblika tal-FNICGV, b’mod partikolari wara li din il-federazzjoni ġiet avżata mill-Kummissjoni bil-possibbiltà li tiġi ssanzjonata minħabba l-ftehim ikkontestati. F’kull każ, kif intqal iktar ‘il fuq, dokumenti wara din id-data juru l-parteċipazzjoni tal-president tal-FNICGV fit-tiġdid tal-ftehim.

188    Fl-aħħar nett, peress illi l-Kummissjoni ppruvat, fuq il-bażi ta’ indizji dokumentarji, it-tkomplija tal-ftehim, hija mhijiex marbuta, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti jsostnu, li tipprova din it-tkomplija fuq il-bażi ta’ l-eżami ta’ l-effetti tal-ftehim fuq il-prezzijiet ipprattikati matul il-perijodu in kwistjoni.

189    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ġustament qieset fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur kien ikopri l-perijodu bejn l-24 ta’ Ottubru 2001 u l-11 ta’ Jannar 2002.

190    Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

C –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni prevista mir-Regolament Nru 26

1.     L-argumenti tal-partijiet

191    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret ir-Regolament Nru 26 u wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ dritt meta rrifjutat li tagħti lill-akkordju kkontestat id-deroga mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE prevista mill-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament favur ċerti attivitajiet marbuta mal-produzzjoni u mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli. Huma jqisu li l-ftehim in kwistjoni kien neċessarju għat-twettiq ta’ l-għanijiet tal-politika agrikola komuni.

192    Għaldaqstant ir-rikorrenti jsostnu, hekk kif irrikonoxxiet id-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehim ikkontestat kellu bħala għan li jiżgura livell ta’ għajxien minimu għal dawk li jrabbu l-ifrat. Barra minn dan, huma josservaw li l-għan ta’ stabbilizzazzjoni tas-swieq ġie mwettaq ukoll, għaliex l-imsemmi ftehim daħħal fis-seħħ mekkaniżmu ta’ prezz li kien jikkontribwixxi sabiex jiġi evitat ix-xkiel eżistenti u ppermetta lil dawk li jrabbu li jbiegħu l-produzzjoni tagħhom bi prezzijiet remunerattivi u għaldaqstant li jiffaċċjaw il-kriżi mingħajr ma jgħibu mis-suq. Madankollu, il-ftehim ma kienx iqiegħed f’perikolu l-għanijiet ta’ tkabbir tal-produttività u ta’ garanzija tal-provvista u ta’ prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi, li fil-konfront tagħhom l-imsemmi ftehim kien newtrali.

193    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet marbuta li tipprova tikkonċilja dawn id-diversi għanijiet (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Ottubru 1973, Balkan-Import-Export, 5/73, Ġabra p. 1091, punt 24, u tas-17 ta’ Diċembru 1981, Ludwigshafener Walzmühle et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, 197/80 sa 200/80, 243/80, 245/80 u 247/80, Ġabra p. 3211, punt 41). B’mod partikolari minħabba l-krizi eċċezzjonali tas-settur bovin, hija kellha tagħti prijorità lill-għanijiet ta’ stabbilizzazzjoni tas-swieq u ta’ garanzija ta’ livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoni agrikola. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra li t-tqabbil ta’ l-għanijiet kollha msemmija mill-Artikolu 33(1) KE kien jippermetti l-konklużjoni għall-applikazzjoni tad-deroga prevista mir-Regolament Nru 26.

194    Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża T-245/03 jikkritikaw it-teżi tal-Kummissjoni, esposta fil-premessi 146 u 147 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatt li l-miżuri adottati ma kinux previsti mir-Regolament Nru 1254/1999 huwa biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-deroga prevista mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 26. Ir-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 tallega li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ dritt meta kkunsidrat li l-ftehim ma kienx jagħmel parti mill-għanijiet previsti mill-OKS. B’mod partikolari, hija ssostni li huwa kien konformi ma’ l-għanijiet stabbiliti fil-premessi 2 u 31 tar-Regolament Nru 1254/1999, kif ukoll fl-Artikolu 38(1) tiegħu.

195    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ dritt inwantu hija kkunsidrat li l-ftehim ikkontestat kien sproporzjonat. Barra minn dan, il-Kummissjoni ma kinitx immotivat din il-konklużjoni u lanqas speċifikat dawk il-miżuri l-oħra li mhumiex previsti mill-ftehim ikkontestat u li ppermettew li jiġi evitat tnaqqis fil-prezzijiet.

196    Il-Kummissjoni ssostni li l-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 26 għandha tiġi interpretata u applikata b’mod restrittiv. F’din il-kawża, il-ftehim ikkontestat jista’ jidher bħala rilevanti, fl-aħjar każ, sabiex jinkiseb wieħed biss mill-ħames għanijiet stabbiliti mill-Artikolu 33 KE (jiġifieri dak intiż għall-garanzija ta’ livell ġust ta’ għajxien lill-popolazzjoni agrikola) u kjarament m’għandux x’jaqsam ma’ l-erbgħa l-oħra. Barra minn dan, huwa joħroġ barra mill-kuntest ta’ l-OKS fis-settur tal-laħam ta’ l-ifrat u jidher, f’kull każ, sproporzjonat sabiex jinkisbu l-għanijiet imfittxa. Fl-aħħar nett, il-ftehim ma jistax jibbenfika mid-deroga in kwistjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

197    Qabel kollox, għandu jiġi osservat, li ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fuq is-swieq tal-prodotti agrikoli tagħmel parti mill-għanijiet tal-politika agrikola komuni. Fil-fatt, minkejja li huwa minnu li l-Artikolu 36 KE jafda f’idejn il-Kunsill r-responsabbiltà li tistabbilixxi l-miżura li fiha r-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji huma applikabbli għall-produzzjoni u għall-kummerċ tal-prodotti agrikoli, sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tas-swieq ta’ dawn il-prodotti, jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju ta’ l-applikabbiltà tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji fis-settur agrikolu (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque et National Farmers’ Union, C‑137/00, Ġabra p. I‑7975, punti 57 u 58).

198    Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 26, l-Artikolu [81](1) KE japplika għall-ftehim kollha, id-deċiżjonijiet u l-prattiki msemmija minn din id-dispożizzjoni li jirrigwardaw il-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli elenkati fl-anness [I] tat-Trattat KE, b’mod partikolari l-annimali ħajjin u l-laħam u ġewwieni li jittiekel, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-istess regolament. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi b’mod partikolari li l-Artikolu [81](1) KE mhuwiex applikabbli għall-ftehim, deċiżjonijiet u prattiki li huma neċessarji għat-twettiq ta’ l-għanijiet tal-politika agrikola komuni, skond l-Artikolu [33] KE.

199    Fir-rigward ta’ deroga mir-regola ta’ applikazzjoni ġenerali ta’ l-Artikolu 81(1) KE, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 26 għandu jiġi interpretat b’mod ristrett (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 1995, Oude Luttikhuis et, C‑399/93, Ġabra p. I‑4515, punt 23; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1997, Florimex u VGB vs Il-Kummissjoni, T‑70/92 u T‑71/92, Ġabra p. II‑693, punt 152). Min-naħa l-oħra, hija ġurisprudenza kostanti li l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 26, li tipprovdi l-eċċezzjoni invokata, tapplika biss jekk il-ftehim in kwistjoni jiffavorixxi t-twettiq ta’ l-għanijiet kollha ta’ l-Artikolu 33 (is-sentenza Oude Luttikhuis et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 25; is-sentenza Florimex u VGB vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 153; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Frubo vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 25 sa 27). Madankollu l-Qorti tal-Prim’Istanza indikat li, f’każ ta’ kunflitt bejn dawn l-għanijiet li, xi drabi, huma diverġenti, il-Kummissjoni tista’ tipprova tikkonċiljahom (is-sentenza Florimex u VGB vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 153). Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mit-test ta’ l-istess l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 26, il-ftehim in kwistjoni għandu jkun "neċessarju" għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet (is-sentenza Oude Luttikhuis et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 25; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Florimex u VGB vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 171 u 185).

200    Skond l-Artikolu 33(1) KE, l-iskop tal-politika agrikola komuni għandu jkun:

"a)       li tkabbar il-produzzjoni agrikola billi [t]ippromwovi progress tekniku u billi [t]assigura l-iżvilupp razzjonali ta’ produzzjoni agrikola u l-aħjar utilizzazzjoni possibbli tal-fatturi ta’ produzzjoni, speċjalment tan-nies tax-xogħol,

b)       li tassigura b’dan il-mod livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoni agrikola, partikolarment billi [t]kabbar il-qligħ individwali tal-ħaddiema fl-agrikoltura,

c)       li tagħmel is-swieq stabbli,

d)       li tiggarantixxi id-disponibbilita’ tal-provvisti,

e)       li tassigura prezzijiet raġonevoli fil-kunsinna tal-prodotti lill-konsumatur."

201    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-ftehim ikkontestat kien neċessarju għat-twettiq ta’ tnejn minn dawn l-għanijiet, jiġifieri dawk intiżi għall-garanzija ta’ livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoni tal-bdiewa u għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq, u li kien newtrali fil-konfront tat-tliet għanijiet l-oħra, li għaldaqstant ma kienx ta’ preġudizzju għalihom.

202    Hekk kif josservaw ir-rikorrenti, il-ftehim ikkontestat kellu bħala għan prinċipali li jgħin lil dawk li jrabbu l-ifrat fi Franza, fil-kuntest tas-sitwazzjoni ta’ kriżi ta’ dan is-settur fiż-żmien tal-fatti ta’ dawn il-kawżi. Għaldaqstant, jista’ jiġi kkunsidrat bħala għan li jiżgura livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoni agrikola, skond l-Artikolu 33(1)(b) KE.

203    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 ma kienx intiż għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq, prevista mill-Artikolu 33(1)(ċ), KE, u lanqas ma seta’ jiġi kkunsidrat bħala neċessarju f’dan ir-rigward. Kif ġie osservat fid-deċiżjoni kkontestata, il-kriżi li laqtet is-settur tal-laħam ta’ l-ifrat bejn l-2000 u l-2001 kienet ibbażata fuq nuqqas kbir ta’ bilanċ bejn l-offerta u d-domanda, ikkawżat fuq kollox minn tnaqqis qawwi fil-konsum minħabba l-kriżi ta’ fiduċja li rriżultat mis-sejba ta’ każijiet ġodda tal-marda tal-mad cow disease u tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer (ara l-premessi 12, 13 u 142 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, l-istabbilizzazzjoni tas-swieq kienet titlob, l-ewwel nett, miżuri intiżi għat-tnaqqis tal-volum ta’ l-offerta, konsiderevolment eċċessiv, u l-promozzjoni tal-konsum ta’ laħam ta’ l-ifrat, li kien qed jonqos b’mod qawwi.

204    Il-ftehim ikkontestat ma kienx jipprovdi miżuri f’dan ir-rigward. Barra minn dan, il-prezzijiet minimi li huwa kien jistabbilixxi mhux biss ma kinux suxxettibbli li jwasslu għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq, iżda setgħu saħansitra jmorru kontra dan l-għan, inkwantu huma setgħu jinvolvu żieda fil-prezzijiet li tista’ tnaqqas jerġa’ iktar il-konsum u b’hekk tkabbar id-differenza bejn l-offerta u t-talba. Barra minn dan, l-istabbiliment ta’ struttura ta’ prezzijiet jirrappreżenta ffissar artifiċjali tal-prezzijiet, li jmur kontra kemm il-formazzjoni naturali tagħhom fis-suq kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ sostenn u ta’ intervent pubbliku. Barra minn hekk, din setgħet biss tkun miżura li hija purament ċiklika, li ma kinitx intiża sabiex tipproduċi effetti fi żmien medju jew fit-tul fis-swieq in kwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-limitazzjoni ta’ l-importazzjonijiet fi Franza tal-laħam ta’ l-ifrat neċessarjament kellha mnejn tikkawża distorsjoni fil-kummerċ intrakomunitarju tal-laħam ta’ l-ifrat u għaldaqstant li jkun ta’ preġudizzju għall-istabbiltà tas-swieq in kwistjoni f’diversi Stati Membri.

205    Bl-istess mod, ftehim li jillimita l-importazzjonijiet ta’ prodotti li huma rħas u li jiffissa prezzijiet minimi ma jistax jiġi kkunsidrat bħala newtrali meta mqabbel ma’ l-għan intiż għall-garanzija ta’ prezzijiet raġonevoli fil-kunsinna lill-konsumaturi, skond l-Artikolu 33(1)(e) KE. Fil-fatt, hekk kif il-Kummissjoni qieset fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, fir-rigward b’mod partikolari tas-settur tar-ristoranti u l-fornitura ta’ l-ikel, li juża fil-biċċa l-kbira laħam importat, is-sospensjoni ta’ l-importazzjonijiet setgħet probabbilment jkollha bħala effett li tgħolli l-prezzijiet. Barra minn dan, il-prezzijiet ta’ l-istruttura, anki jekk ġew iffissati fl-istadju tad-dħul fil-biċċerija, kienu wkoll suxxettibbli li jiġu trażmessi lill-konsumaturi.

206    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ‘il fuq, għandu jiġi konkluż li l-ftehim ikkontestat jista’ jiġi kkunsidrat neċessarju biss fil-konfront ta’ l-għan intiż sabiex jassigura livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoni agrikola. Min-naħa l-oħra, dan il-ftehim seta’ jkun ta’ ħsara, faċilment, għall-istabbiliment ta’ prezzijiet raġonevoli fil-kunsinna tal-prodotti lill-konsumaturi. Fl-aħħar nett, huwa ma kienx jikkonċerna – u, a fortiori, ma kienx neċessarju – għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq, għall-garanzija tas-sigurtà tal-provvista u tat-tkabbir tal-produttività ta’ l-agrikoltura. Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 199 iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta kkunsidrat li t-tqabbil ta’ dawn id-diversi għanijiet ma kienx jippermetti li jiġi konkluż li d-deroga prevista mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 26 hija applikabbli f’din il-kawża.

207    Barra minn hekk, għandhom jiġu miċħuda l-ilmenti diretti kontra l-konstatazzjoni li tinsab fil-premessi 146 u 147 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li dan il-ftehim ikkontestat mhuwiex inkluż fost il-mezzi previsti mir-regoli ta’ l-OKS fis-settur tal-laħam ta’ l-ifrat, fosthom, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1254/1999. Kuntrarjament għal dak li jallegaw r-rikkorenti fil-kawża T‑245/03, il-Kummissjoni ma kkonkludietx li din iċ-ċirkustanza hija biżżejjed, minnha nfisha, sabiex teskludi l-applikabbiltà tad-deroga bbażata fuq ir-Regolament Nru 26, iżda llimitat ruħha li tikkunsidra dan l-element, wara kollox ġustament, in sostenn tal-konklużjoni tagħha li l-ftehim in kwistjoni ma kienx neċessarju għat-twettiq ta’ l-għanijiet tal-politika agrikola komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Florimex et VGB vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 148 sa 151). Għandha tiġi wkoll miċħuda t-teżi tar-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 li tgħid li l-ftehim kien parti mill-għanijiet ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet elenkati mir-rikorrenti (jiġifieri l-premessi 2 u 31 u l-Artikolu 38(1) ta’ dan ir-regolament) b’mod partikolari jillimitaw ruħhom li jipprovdu għall-possibbiltà għall-istituzzjonijiet Komunitarji li jieħdu passi fil-każ ta’ tfixkil tas-suq (ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 43 ta’ dan ir-regolament) u bl-ebda mod ma jiġġustifikaw ftehim mingħajr limitazzjoni ta’ l-importazzjonijiet u ta’ iffissar ta’ prezzijiet minimi.

208    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argumenti dwar il-proporzjonalità tal-miżuri kkontestati, l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud. Il-Kummissjoni mmotivat kif titlob il-liġi, fil-premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata, il-konklużjoni tagħha li l-iffissar tal-prezzijiet u s-sospensjoni ta’ l-importazzjonijiet kienu jikkostitwixxu restrizzjonijiet gravi tal-kompetizzjoni u ma setgħux jiġu meqjusa bħala proporzjonati għall-għanijiet ta’ dan il-ftehim. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tindika l-miżuri li r-rikorrenti setgħu jadottaw sabiex il-ftehim tagħhom ikun konformi ma’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 26. L-ilment li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat, fl-eżami tagħha ta’ l-applikabbiltà tad-deroga prevista minn din id-dispożizzjoni, in-natura sproporzjonata tal-miżuri previsti mill-ftehim lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, għall-applikazzjoni ta’ din id-deroga, miżuri jistgħu jiġu kkunsidrati bħala neċessarji għat-twettiq ta’ l-għanijiet tal-politika agrikola komuni biss jekk huma proporzjonati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Florimex u VGB vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 177). F’din il-kawża, anki fir-rigward tas-swieq agrikoli speċifiċi u tal-kriżi tas-settur ta’ l-ifrat fiż-żmien tal-fatti, il-limitazzjoni ta’ l-importazzjonijiet u l-iffissar tal-prezz ma jistgħux jiġu kkunsidrati, fid-dawl tan-natura tagħhom ta’ ksur serju tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħala miżuri proporzjonati għall-għanijiet imfittxa.

209    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

D –  Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

1.     L-argumenti tal-partijiet

210    Ir-rikorrenti jsostnu li d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li tikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandha tinkludi preżentazzjoni ta’ l-ilmenti fformulata fi kliem ċar biżżejjed, anki jekk sommarjament, sabiex tippermetti lill-persuni interessati jieħdu effettivament konjizzjoni ta’ l-aġir li qed ikunu akkużati bih, sabiex ikunu jistgħu effettivament jiddefendu ruħhom qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II‑1989, punt 63).

211    L-ewwel nett, f’din il-kawża, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma semmietx fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha li, sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multa tal-federazzjonijiet l-oħra minbarra l-FNSEA, hija kienet ser tieħu in kunsiderazzjoni l-ammont tal-kontribuzzjonijiet annwali mħallsa mill-membri tagħhom. It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma kienet indikat fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li hija kienet ser tikkalkula l-ammont tal-multi skond id-dħul mill-bejgħ tal-membri li huwa direttament jew indirettament marbut magħhom. B’hekk, il-Kummissjoni ma għarfithomx bl-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ġiet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-elementi prinċipali sabiex tikkalkula l-multa, u għaldaqstant ir-rikorrenti ma setgħux iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

212    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li tillimita ruħha li tidentifika bħala awtur ta’ ksur entità kollettiva ma tippermettix lill-kumpanniji li jikkostitwixxu din il-kollettività li jkunu informati suffiċjentement għajr dwar il-multi li ser ikunu imposti fuqhom individwalment jekk il-ksur jiġi kkonstatat u mhijiex biżżejjed sabiex iwissihom rigward l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi imposti meta mqabbla ma’ evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ kull kumpannija fl-aġir li jikkostitwixxi l-allegat ksur (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, C‑395/96 P u C‑396/96 P, Ġabra p. I‑1365, punti 144 sa 146).

213    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li ntbagħtet ittra mill-Kummissjoni, fl-10 ta’ Jannar 2003, li fiha huma mitluba jagħtu informazzjoni finanzjarja ma kienx biżżejjed sabiex jiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Peress li din l-ittra ntbagħtet lir-rikorrenti wara l-preżentazzjoni ta’ l-osservazzjonijiet tagħhom u wara d-data tas-smigħ tagħhom, huma ma setgħux jiddefendu ruħhom fuq l-aspetti in kwistjoni. Barra minn dan, din it-talba ma tindika xejn dwar l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni.

214    Il-Kummissjoni tosserva li, skond il-ġurisprudenza, hija marbuta biss, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha, li tindika li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u li ssemmi l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jwasslu għal multa (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 21).

215    Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma setgħux jinjoraw il-fatt li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tal-membri tagħhom kien ser jittieħed in kunsiderazzjoni u kellhom kull opportunità sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fid-dawl tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Huma kellhom ukoll il-possibbiltà li jesprimu rwieħhom fuq il-kwistjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħhom, peress li, fl-10 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni bagħtitilhom talba għal informazzjoni f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 23).

216    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkontesta r-rilevanza tas-sentenza Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, invokata mir-rikorrenti. F’din il-kawża, id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tindika b’mod ċar li l-Kummissjoni kienet qed tikkunsidra li timponi multi fuq ir-rikorrenti, destinatarji ta’ din il-komunikazzjoni u għaldaqstant mhux fuq il-federazzjonijiet intermedjarji jew l-operaturi agrikoli individwali. Fid-dawl tal-ġurisprudenza li tieħu in kunsiderazzjoni l-membri ta’ l-assoċjazzjonijiet, ir-rikorrenti setgħu jindunaw perfettament bir-riskju u jiddefendu ruħhom fuq dan il-punt waqt il-proċedura amministrattiva.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

217    Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedimenti kollha li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju ,li għandu jiġi osservat anki f’każ ta’ proċedura ta’ karattru amministrattiv (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni, T‑308/94, Ġabra p. II‑925, punt 39). Skond dan il-prinċipju, id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi garanzija proċedurali essenzjali. Din id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet għandha tindika, b’mod ċar, l-elementi kollha essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura (is-sentenza Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 142).

218    Skond ġurisprudenza kostanti, meta l-Kummissjoni tindika espliċitament, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u meta ssemmi l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt suxxettibbli li jwasslu għal multa, bħall-gravità u t-tul ta’ żmien ta’ l-allegat ksur u l-fatt li dan sar intenzjonalment jew b’negliġenza, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt ta’ smigħ ta’ l-impriżi. Billi tagħmel dan, hija tagħtihom l-elementi neċessarji kollha sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni tal-ksur, iżda wkoll kontra l-fatt li jiġu imposti multa (is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 21; is-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 78).

219    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha ssemmi fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha li hija kienet ser tieħu in kunsiderazzjoni l-ammont tal-kontribuzzjonijiet annwali mħallsa sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multa tal-federazzjonijiet minbarra l-FNSEA, u li kienet ser tikkalkula l-ammont tal-multi skond id-dħul mill-bejgħ tal-membri tar-rikorrenti.

220    L-ewwel nett, f’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażat ruħha fuq il-kontribuzzjonijiet li r-rikorrenti rċevew sabiex tikkalkula l-ammont bażi tal-multi (il-premessi 169 u 170 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, wara li stabbiliet li, fid-dawl tal-gravità tal-ksur, l-ammont bażi tal-multa imposta fuq il-federazzjoni agrikola prinċipali (il-FNSEA) kien ta’ 20 miljun EUR, il-Kummissjoni użat ir-rapport bejn l-ammont tal-kontribuzzjonijiet annwali li kull waħda mill-federazzjonijiet l-oħra tirċievi u dak tal-FNSEA bħala kriterju oġġettiv ta’ l-importanza relattiva tal-federazzjonijiet agrikoli differenti u għalhekk tal-livell tagħhom ta’ responsabbiltà fit-twettiq tal-ksur. B’hekk, dawn l-ammonti ġew stabbiliti għal wieħed minn ħamsa (FNPL), wieħed minn għaxra (FNB u FNCBV) u wieħed minn għoxrin (JA) ta’ l-ammont stabbilit għall-FNSEA.

221    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, hekk kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, ikkunsidrat id-dħul mill-bejgħ tal-membri bażi tar-rikorrenti sabiex tivverfika r-rispett, mill-multi imposti, tal-limitu ta’ 10 % stabbilit mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

222    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li tagħti indikazzjonijiet fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet dwar il-livell tal-multi kkunsidrati, sakemm l-impriżi ma ngħatawx l-opportunità li jsostnu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-ilmenti miġjuba kontrihom, jammonta għal antiċipazzjoni b’mod mhux xieraq tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 21; is-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 66). A fortiori, il-fatt li tissemma, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-kwistjoni tar-rispett tal-limitu ta’ l-10 % għall-multa li, eventwalment, ser tiġi imposta mid-deċiżjoni finali jammonta ukoll għal antiċipazzjoni b’mod mhux xieraq ta’ din id-deċiżjoni.

223    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, is-sentenza Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, mhijiex rilevanti f’din il-kawża. Fil-fatt, fil-punti 143 sa 146 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li l-Kummissjoni kienet marbuta li tindika mingħajr ekwivoku, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-persuni li jistgħu jiġu imposti multa u ddeċidiet li dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li tillimita ruħha li tidentifika bħala awtur ta’ ksur entità kollettiva ma tippermettix lill-kumpanniji li jikkostitwixxu din il-kollettività li jiġu informati suffiċjentement għajr dwar il-multi li ser ikunu imposti fuqhom individwalment u mhijiex suffiċjenti sabiex twissihom li l-ammont tal-multi ser jiġi stabbilit skond evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ kull kumpannija fl-aġir li jikkostitwixxi l-allegat ksur. F’dawn il-kawżi, il-Kummissjoni ma imponietx sanzjonijet fuq il-membri, diretti jew indiretti, tar-rikorrenti, iżda fuq dawn ta’ l-aħħar, minħabba fil-livell tagħhom ta’ responsabbiltà fil-ksur (premessa 169 u l-Artikoli 1 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata), hekk kif ukoll stqarr fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (ara l-premessa 108). Fil-fatt, il-fatt li jittieħed in kunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li wettqet ksur ma jfissirx li multa ġiet imposta fuq dawn (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Frar 1994, CB u Europay vs Il-Kummissjoni, T‑39/92 et T‑40/92, Ġabra p. II‑49, punt 139).

224    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ‘il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti minħabba li ma ndikatx, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li hija kien biħsieba tikkunsidra l-ammont tal-kontribuzzjonijiet annwali li dawn jirċievu u d-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħhom sabiex, rispettivament, tikkalkula l-ammont ta’ bażi tal-multi u tivverefika l-limitu ta’ 10 % stabbilit mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

225    Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

E –  Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

226    Ir-rikorrenti jfakkru li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li toħloq preġudizzju għandha tippermetti lill-qorti Komunitarja li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità u lill-persuna kkonċernata li tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda, sabiex tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha u tivverifika jekk id-deċiżjoni hijiex fondata (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 mai 1998, Gruber + Weber vs Il-Kummissjoni, T‑310/94, Ġabra p. II‑1043, punt 40).

227    Huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħmel l-ebda referenza għall-ammont tad-dħul mill-bejgħ li l-Kummissjoni kkunsidrat sabiex tistabbilixxi l-multi, u lanqas għall-verifika li ma ntlaħaqx il-limitu ta’ 10 % stabbilit mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. B’hekk, il-Kummissjoni ma semmietx li hija ddeċidiet li tikkalkula dan il-limitu fuq il-bażi tal-kumulu tad-dħul mill-bejgħ tal-membri tar-rikorrenti, u lanqas ma ppreċiżat il-membri in kwistjoni. Motivazzjoni estremament preċiża hija neċessarja f’din il-kawża, ladarba l-Kummissjoni ħadet konjizzjoni, għall-ewwel darba, ta’ kawża li tikkonċerna sindakati agrikoli u ladarba hija bi ħsiebha tagħmel deroga mill-kundizzjonijiet restrittivi ta’ teħid in kunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni. It-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-10 ta’ Jannar 2003 ma tistax, f’kull każ, tikkumpensa għal dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni. Fl-aħħar nett, dan il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni jwassal, skond ir-rikorrenti fil-kawża T‑217/03, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u mhux biss dik tal-parti dwar il-multi.

228    Ir-Repubblika Franċiża tosserva li d-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 253 KE. L-ispjegazzjonijiet li l-Kummissjoni tipprova ġġib għall-ewwel darba fir-risposta tagħha ma jirrimedjawx din is-sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Frar 2002, INMA u Itainvest vs Il-Kummissjoni, T‑323/99, Ġabra p. II‑545, punt 76).

229    Qabel kollox, il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv ma jistax jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, iżda biss dik ta’ l-Artikolu 3 tiegħu, inkwantu dan l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni jikkonċerna l-livell tal-multi u mhuwiex rilevanti għar-realtà tal-fatti, u lanqas għad-deskrizzjoni ġuridika tagħhom. F’kull każ, hija rrispettat perfettament, f’din il-kawża, l-obbligu ta’ motivazzjoni.

230    Il-Kummissjoni tosserva li dan l-obbligu huwa sodisfatt peress li hija tindika l-elementi li hija kkunsidrat sabiex tikkalkula l-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2000, Enso Española vs Il-Kummissjoni, C‑282/98 P, Ġabra p. I‑9817, punti 40 u 41, u SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punti 56 sa 65; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 218). Għaldaqstant, hija mhijiex marbuta li tindika fid-deċiżjoni tagħha d-dħul mill-bejgħ ikkunsidrat u lanqas il-perċentwali ta’ dan li huwa rrappreżentat mill-multa, peress li l-kwistjoni jekk il-limitu ta’ 10 % intlaħaqx mhijiex parti mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni. Fil-fatt, il-limitu ta’ 10 % huwa l-limitu massimu legali tal-multa li tista’ tiġi imposta u mhuwiex parti mill-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda.

231    Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fil-kuntest tiegħu u tfakkar li hija indikat b’mod ċar li bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida, li fosthom il-punt 5(ċ) jippermettilha li timponi fuq assoċjazzjoni multa ekwivalenti għat-totalità tal-multi individwali li setgħu jiġu imposti fuq kull wieħed mill-membri tagħha. Ir-rikorrenti ma jistgħux jinjoraw il-prinċipji li jirregolaw il-kalkolu tal-multa, b’mod partikolari l-fatt li l-Kummissjoni tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħha sabiex tivverifika li l-limitu ta’ 10 % ma nqabiżx. Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata meħuda fit-totalità tagħha li l-ksur twettaq mir-rikorrenti mhux għalihom infushom iżda favur il-membri tagħhom.

232    Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, fl-10 ta’ Jannar 2003, hija talbet lil kull wieħed mir-rikorrenti jinformawha bid-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħhom. Ir-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 bagħtulha din l-informazzjoni b’ittra tas-27 ta’ Jannar 2003. Iċ-ċifri pprovduti minn din il-federazzjoni juri li l-limitu ta’ 10 % kien ħafna ‘il bogħod milli jinkiseb. Ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 indikawlha, min-naħa l-oħra, li ma kinux f’sitwazzjoni li jipprovdulha din l-informazzjoni. Quddiem dan ir-rifjut, il-Kummissjoni setgħet tadotta deċiżjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17, jekk ikun xieraq, flimkien ma’ pagament ta’ penalità perjodika jew multi, li tordna l-produzzjoni ta’ din l-informazzjoni, iżda hija llimitat ruħha li tqis, fid-dawl ta’ l-informazzjoni disponibbli, li ma kien jeżisti l-ebda riskju li l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-membri tar-rikorrenti jiġi milħuq.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

233    Hija ġurisprudenza kostanti li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u mingħajr ekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtur ta’ l-att, b’tali mod li tippermetti lill-individwi kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. L-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut ta’ l-att, tan-natura tal-motivi invokati u ta’ l-interess li d-destinatarji jew individwi oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex neċessarju li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi kkunsidrata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha kif ukoll ir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (is-sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 216; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II-4407, punt 96).

234    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni bil-fatt li ma mmotivatx espliċitament, fid-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-multi imposti ma kinux jaqbżu l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u li ma pprżentatx ir-raġunijiet li għalihom, għall-finijiet tal-verifika tar-rispett ta’ dan il-limitu, hija setgħat tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħhom.

235    Għandu jiġi kkonstatat li, effettivament, l-ebda premessa tad-deċiżjoni kkontestata ma hija ddedikata għall-eżami tar-rispett tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ li għalih huma suġġetti l-multi. Il-Kummissjoni lanqas ma indikat li, għall-finijiet tal-verifika tar-rispett ta’ dan il-limitu, kellu jittieħed in kunsiderazzjoni, f’din il-kawża, id-dħul mill-bejgħ tal-membri bażi tar-rikorrenti u lanqas, a fortiori, iġġustifikat tali possibbiltà.

236    Madankollu, il-Kummissjoni tqis li r-rispett tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ huwa biss il-limitu legali massimu tal-multa u mhuwiex parti mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni.

237    Għandu jiġi osservat li l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ imsemmi fl-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17 jirrigwarda d-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriża jew ta’ l-assoċjazzjoni li wettqet il-ksur li, minħabba l-fatt li hija d-destinatarja tad-deċiżjoni, hija f’pożizzjoni li tivverifika r-rispett ta’ dan il-limitu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ebda motivazzjoni speċifika ma hija meħtieġa rigward l-applikazzjoni ta’ dan il-limitu. Madankollu, meta l-Kummissjoni titbiegħed mill-approċċ normali tagħha u tikkunsidra, għall-finijiet ta’ l-impożizzjoni tal-multa, dħul mill-bejgħ differenti minn dak tad-destinatarju tad-deċiżjoni li tissanzjona l-ksur, bħad-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ l-assoċjazzjoni sanzjonata, hija għandha neċessarjament timmotiva b’mod speċifiku d-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward sabiex tippermetti lid-destinatarju tad-deċiżjoni li jivverfika li l-limitu ta’ 10 % ġie rrispettat fil-kalkolu tal-multa.

238    B’hekk, meta l-Kummissjoni timponi multa fuq impriża individwali awtriċi ta’ ksur, fil-fatt hija mhijiex neċessarjament marbuta, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi speċifiċi, li timmotiva espliċitament ir-rispett tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriża in kwistjoni. Din ta’ l-aħħar għandha tkun taf kemm bl-eżistenza ta’ dan il-limitu legali kif ukoll bl-ammont konkret tad-dħul mill-bejgħ tagħha u tista’, għaldaqstant, tevalwa, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni fid-deċiżjoni ta’ sanzjoni, jekk il-limitu ta’ 10 % inqabiżx mill-multa imposta fuqha.

239    Min-naħa l-oħra, meta l-Kummissjoni tissanzjona assoċjazzjoni ta’ impriżi u tivverfika r-rispett tal-limitu legali ta’ l-10 % tad-dħul mill-bejgħ fuq il-bażi tat-total tad-dħul mill-bejgħ miksub mill-membri kollha jew minn parti mill-membri ta’ din l-assoċjazzjoni, hija għandha tindika dan espliċitament fid-deċiżjoni tagħha u għandha tesponi r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-kunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-membri. Fin-nuqqas ta’ motivazzjoni bħal din, il-persuni kkonċernati mhumiex f’pożizzjoni li jkunu jafu l-ġustifikazzjoni ta’ deċiżjoni bħal din u lanqas ma jistgħu jivverifikaw b’mod konformi mar-regoli r-rispett tal-limitu legali f’din il-kawża.

240    Din il-konklużjoni mhijiex imwaqqa’ mill-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni fil-punt 230 iktar ‘il fuq, li tgħid li, fir-rigward tal-portata ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni rigward il-kalkolu ta’ l-ammont ta’ multa imposta għal ksur tar-regoli Komunitarji ta’ kompetizzjoni, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li hija kkunsidrat fl-applikazzjoni tal-linji gwida u li ppermettewlha li tistabbilixxi l-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tirrigwarda biss il-kwistjoni tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa u mhux dik tal-verifika li s-sanzjoni finalment stabbilit ma taqbiżx il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriża jew ta’ l-assoċjazzjoni ssanzjonata.

241    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni kellha tindika, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ tal-membri bażi tar-rikorrenti – billi tippreċiża, fejn xieraq, jekk jirrigwardax il-membri kollha tagħhom jew kategoriji speċifiċi ta’ dawn – għall-finijiet tal-verifika tar-rispett mill-multi imposti tal-limitu legali ta’ 10 %. Il-Kummissjoni kellha wkoll turi liema ċirkustanzi kienu jippermettulha li tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ akkumulat mill-membri tar-rikorrenti għan dan il-għan.

242    Barra minn hekk, il-Kummissjoni, ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt li hija indikat, fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet ser tibbaża ruħha fuq il-linji gwida. Din ir-referenza ġenerika hija magħmula fit-taqsima li tirrigwarda l-istabbiliment ta’ l-ammont tal-multi u għandha bħala għan biss li tfakkar il-kriterji li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda referenza, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-punt 5(ċ) tal-linji gwida, li jirrigwarda l-possibbiltà ta’ kunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni.

243    Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tibbaża ruħha fuq l-ittri mibgħuta lir-rikorrenti fl-10 ta’ Jannar 2003 sabiex titlobhom il-komunikazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħhom. Fil-fatt, anki jekk jiġi kkunsidrat, fid-dawl ta’ dawn it-talbiet, li r-rikorrenti setgħu jifmhu li d-deċiżjoni kkontestata kienet ħadet in kunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħhom għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu ta’ 10 %, jibqa’ l-fatt li dawn it-talbiet ma jistgħux jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward, b’mod partikolari n-nuqqas totali ta’ indikazzjoni tar-raġunijiet li għalihom dawn iċ-ċifri sabiex jiġi stabbilit jekk dan il-limitu nqabiżx.

244    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 ma kinux ipprovdew lill-Kummissjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħhom, dan il-fatt lanqas ma jista’ jeżenta lill-Kummissjoni milli tippreżenta, fit-test tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis xieraq li tieħu in kunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ miksub minn dawn il-membri u dak li fir-rigward tiegħu hija kienet tikkunsidra li, f’dan il-każ, il-limitu ta’ 10 % ma nqabiżx.

245    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha mill-Artikolu 253 KE.

II –  Fuq il-konklużjonijiet intiżi għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa

246    Ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi in sostenn tal-konklużjonijiet tagħhom intiżi għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multi li ġew imposti fuqhom mid-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tal-linji gwida. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ dritt imwettqa fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u ta’ dritt kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fit-teħid in kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 fl-iffissar ta’ l-ammont ta’ multi. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ non akkumulazzjoni tas-sanzjonijet. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fit-teħid in kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi previsti mill-Artikolu 5(b) tal-linji gwida.

A –  Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-linji gwida

1.     L-argumenti tal-partijiet

247    L-ewwel nett, ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 isostnu, li l-linji gwida jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Huma josservaw li l-evalwazzjoni ta’ l-effett tal-ftehim jew tal-prattiki fuq it-tħaddim tas-suq huwa element essenzjali sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ gravità ta’ ksur. Madankollu, sabiex ksur jiġi deskritt bħala gravi ħafna, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma tikkunsidra l-effetti tiegħu, iżda biss in-natura tiegħu u l-firxa ġeografika tas-suq ikkonċernat. Barra minn dan, meta skond il-punt 1A tal-linji gwida, il-ksur ikun ġie deskritt bħala gravi ħafna, hija tiġi suġġetta għal multa ta’ ammont ta’ tluq minimu ta’ 20 miljun EUR, li huwa diskrezzjonali u arbitrarju. Barra minn dan, dan l-ammont minimu jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tikkunsidra l-importanza, it-tul ta’ żmien u n-natura ta’ l-entità kkonċernata jew tal-profitti li hija ħadet mill-ksur.

248    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu, li l-linji gwida jiksru l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. L-ewwel nett, huma jsostnu li l-punt 1A tal-linji gwida jippermetti lill-Kummissjoni li tiffissa l-ammont bażi ta’ multa għal somma ogħla minn miljun EUR jew għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ miksub mill-impriża akkużata. Skond ir-rikorrenti, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, minħabba li jistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-kriterji tal-gravità u tat-tul ta’ żmien tal-ksur fl-istadju ta’ l-istabbiliment ta’ l-ammont bażi tal-multa, ma jippermettix li dan l-ammont bażi – bħal, wara kollox, l-ammont finali tal-multa – jista’ jaqbeż dawn il-limiti. It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu, li l-punt 1B tal-linji gwida jikkunsidra l-kriterju tat-tul ta’ żmien tal-ksur biss, sabiex iżid l-ammont tal-multa, li jwassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra bl-istess mod ksur li jkun dam ftit jiem u ksur li jkun dam għal kważi sena.

249    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li l-uniċi kriterji msemmija espliċitament mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 huma l-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur, peress li din id-dispożizzjoni ma timponix limiti oħra u lanqas preċiżazzjonijiet fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multi għajr ir-rispett tal-limitu li jikkonċerna d-dħul mill-bejgħ ta’ kull impriża. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-ksur gravi ħafna huwa prattika li l-għan innifsu tagħha jmur manifestament kontra l-prinċipju tas-suq intern u sabiex tiġi ggarantita n-natura dissważiva tal-multi, ma jidher bl-ebda mod sproporzjonat li jittieħed bħala punt ta’ tluq ammont ta’ 20 miljun EUR. F’kull każ, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, huwa possibbli li l-ammont ikun inqas minn 20 miljun EUR fil-kategorija tal-ksur gravi ħafna. It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni, li l-limitu tal-multa għandu jiġi implementat fil-kuntest ta’ l-ammont finali ta’ din, qabel l-applikazzjoni tal-klemenza, u li l-fatt li t-tul ta’ żmien qasir mhuwiex fattur li jnaqqas il-multa, iżda sempliċement fattur newtru, ma jiksirx l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

250    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat, li għalkemm il-linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din ta’ l-aħħar hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 17, huma jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, il-metodu li l-Kummissjoni użat sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multi. Għaldaqstant, teżisti f’din il-kawża, rabta diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali kkostitwit mil-linji gwida. Peress li r-rikorrenti mhumiex f’pożizzjoni li jitolbu l-annullament tal-linji gwida, dawn jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punti 274 u 276, u tad-29 ta’ Diċembru 2005, Heubach vs Il-Kummissjoni, T‑64/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35).

251    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-linji gwida jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu huma ma jikkunsidrawx, l-effetti tal-ftehim jew tal-prattiki in kwistjoni fl-istabbiliment tal-kategorija tal-ksur gravi ħafna.

252    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-punt 1A tal-linji gwida jistabbilixxi li jikkostitwixxu b’mod partikolari ksur gravi ħafna "restrizzjonijiet orizzontali ta’ tip ‘kartell ta’ prezz’ u kwoti ta’ tqassim tas-swieq, jew prattiċi oħra li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, bħal dawk intiżi li jaqsmu s-swieq nazzjonali". Hija ġurisprudenza kostanti li l-akkordji dwar il-prezzijiet jew dwar it-tqassim tas-swieq jikkostitwixxu min-natura tagħhom ksur gravi ħafna (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Strintzis Lines Shipping vs Il-Kummissjoni, T‑65/99, Ġabra p. II‑5433, punt 168, Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, T‑66/99, Ġabra p. II‑5515, punt 280, u tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale vs Il-Kummissjoni, T-49/02 sa T-51/02, Ġabra p. II-3033, punti 173 u 174). Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, konsegwentement, li l-Kummissjoni, billi esponiet, fil-linji gwida tagħha, li dan it-tip ta’ ksur għandu jiġi meqjus bħala ksur gravi ħafna, ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’kull każ, il-punt 1A tal-linji gwida jipprovdi, fl-ewwel inċiż tiegħu, li l-evalwazzjoni tan-natura tal-gravità tal-ksur għandha tikkunsidra l-impatt konkret tagħha fuq is-suq meta jista’ jiġi evalwat. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi, għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-effetti tal-ksur in kwistjoni sabiex tikkwalifikah bħala gravi ħafna jew le.

253    Imbagħad, f’dak li jikkonċerna l-allegata natura diskrezzjonarja u arbitrarja ta’ l-ammont ta’ 20 miljun EUR previst għal dan il-ksur gravi ħafna, għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li, skond ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni tiddisponi, fil-kuntest tar-Regolament Nru 17, minn marġni ta’ evalwazzjoni fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multi sabiex tkun tista’ torjenta l-aġir ta’ l-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (is-sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 76). Għandu wkoll jiġi osservat li l-ammonti ta’ tluq previsti mil-linji gwida huma biss "dawk possibbli", il-Kummissjoni għandha kull libertà sabiex tiffissa ammont ta’ tluq inqas minn 20 miljun EUR. L-ammonti fissi previsti mil-linji gwida għalhekk huma biss indikattivi, u ma jistgħux għaldaqstant jirriżultaw fi ksur, per se, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (is-sentenza Heubach vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 40 u 44).

254    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu, li l-metodu stabbilit fil-punt 1A tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multa huwa kuntrarju għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, inkwantu huwa jikkunsidra l-possibbiltà ta’ l-iffissar ta’ ammont bażi tal-multa ogħla minn miljun EUR jew għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ miksub mill-impriża akkużata.

255    Madankollu din it-teżi ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, minħabba li jiddisponi li l-Kummissjoni tista’ timponi multi ta’ ammont li jista’ jitla’ għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ miksub fis-sena ta’ negozju preċedenti minn kull waħda mill-impriżi li tkun ipparteċipat fil-ksur, jitlob biss li l-multa li tiġi finalment imposta fuq impriża tiġi mnaqqsa fil-każ fejn hija taqbeż 10 % tad-dħul mill-bejgħ, indipendentement mill-operazzjonijiet ta’ kalkolu intermedjarji intiżi sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni l-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur. Konsegwentement, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma jipprojbixxix lill-Kummissjoni milli tirreferi, fil-kalkolu tagħha, għal ammont intermedjarju li jaqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriża kkonċernata, sakemm l-ammont tal-multa finalment imposta fuq din l-impriża ma jaqbiżx dan il-limitu massimu (is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 287 u 288). Din il-premessa tgħodd ukoll għall-ammont minimu ta’ miljun EUR.

256    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-punt 1B tal-linji gwida jikser l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, inkwantu huwa ma jieħu in kunsiderazzjoni l-kriterju tat-tul ta’ żmien tal-ksur biss sabiex iżid l-ammont tal-multa.

257    Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jistabbilixxi li, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul ta’ żmien ta’ dan il-ksur. Il-punt 1B tal-linji gwida jipprovdi, f’dan ir-rigward, li t-tul ta’ żmien tal-ksur jista’ jimplika l-iffissar ta’ eventwali ammont addizzjonali ta’ multa, meta mqabbel ma dak li ġie stabbilit fuq il-bażi tal-gravità. B’hekk, il-linji gwida jiddistingwu l-ksur ta’ tul ta’ żmien qasir (b’mod ġenerali inqas minn sena), li għalih l-ebda ammont addizzjonali ma huwa impost, minn ksur ta’ tul ta’ żmien medju (ġeneralment bejn sena u ħames snin), li għalih dan l-ammont addizzjonali jista’ jitla’ għal 50 % mill-ammont adottat għall-gravità tal-ksur, u, fl-aħħar nett, ksur ta’ tul ta’ żmien twil (ġeneralment ta’ iktar minn ħames snin), li għalih huwa previst ammont addizzjonali fis-sena ta’ 10 % ta’ l-ammont adottat għall-gravità tal-ksur. Għaldaqstant, il-linji gwida ma jieħdux in kunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien qasir ħafna ta’ ksur sabiex inaqqsu l-ammont tal-multa inizjalment stabbilita.

258    Il-fatt li l-ksur huwa ta’ tul ta’ żmien qasir bl-ebda mod ma jaffettwa l-gravità tiegħu, hekk kif jirriżulta minn natura tiegħu. Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament qieset fl-ewwel inċiż ta’ l-ewwel paragrafu tal-punt 1B tal-linji gwida, li t-tul ta’ żmien qasir tal-ksur, jiġifieri tul ta’ żmien ta’ inqas minn sena, jiġġustifika biss li l-ebda ammont addizzjonali ma jiġi attribwit għall-ammont stabbilit skond il-gravità tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 283).

259    Għall-bqija, għandu jiġi osservat li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-linji gwida ma joħorġux barra mill-kuntest ġurdiku tas-sanzjonijiet kif definit mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, il-metodu ġenerali għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi stabbilit fil-linji gwida huwa bbażat fuq iż-żewġ kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jiġifieri l-gravità tal-ksur u t-tul ta’ żmien tiegħu, u jirrispetta l-limitu massimu fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull impriża, stabbilita mill-istess dispożizzjoni (is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 231 u 232; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punti 189 u 190; is-sentenza Heubach vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 37).

260    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ‘il fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

B –  Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ dritt imwettqa fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur

1.     L-argumenti tal-partijiet

261    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kellhiex tiddeskrivi l-ksur bħala "gravi ħafna", iżda bħala "gravi". Huma jirrepetu li l-Kummissjoni ma setgħetx tapplika fir-rigward tagħhom il-parti «Importazzjonijiet» tal-ftehim u kkontestaw it-tul taż-żmien tal-parti "Prezz" ta’ din. Barra minn dan, huma jakkużaw lill-Kummissjoni li ma kkunsidratx l-impatt dgħajjef tal-miżuri kkontestati fuq it-tħaddim tas-suq. Fil-fatt, il-fatti li bihom ġew akkużati ma kkawżaw l-ebda dannu fuq is-settur tal-laħam ta’ l-ifrat, peress li l-ftehim ma kellu l-ebda impatt fuq il-prezzijiet u lanqas fuq l-importazzjonijiet. B’hekk, il-biċċiera qatt ma allegaw li sostnew dannu minħabba l-ftehim fuq l-istruttura ta’ prezzijiet, li, barra minn hekk, ma kellu l-ebda impatt fuq il-prezzijiet għall-konsum. Madankollu, il-Kummissjoni ma informatx ruħha la dwar l-importanza tas-settur ekonomiku in kwistjoni u lanqas fuq l-impatt reali tal-ftehim. Skond ir-rikorrenti, hija ma setgħetx tillimita ruħha li tinvoka l-impossibbiltà li tikkwantifika b’mod preċiż biżżejjed l-effetti reali attribwibbli għall-ftehim. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-kuntest ġuridiku u ekonomiku kollu tal-kawża in kwistjoni, b’mod partikolari tal-kriżi tas-settur u ta’ l-ineffikaċja tal-miżuri Komunitarji sabiex dawn jiġu megħluba. Fl-aħħar nett, huma jsostnu li l-ksur kien jissanzjona ftehim vertikali u mhux ftehim orizzontali.

262    Il-Kummissjoni ssostni li, fid-dawl tan-natura tal-ksur u tal-firxa ġeografika tas-suq in kwistjoni, il-ksur kien mingħajr dubju gravi ħafna.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

263    Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, ġie deċiż li l-Kummissjoni ma kienet wettqet l-ebda żball f’dak li jikkonċerna l-istabbiliment tat-tul ta’ żmien u tal-firxa tal-ftehim ikkontestat. Għaldaqstant għandhom jiġu miċħuda l-kritiki rigward id-deskrizzjoni tal-gravità ta’ dan il-ftehim ibbażati fuq teħid in kunsiderazzjoni żbaljat tat-tul taż-żmien u tal-firxa tal-ksur.

264    Imbagħad, għandu jiġi osservat li l-ksur in kwistjoni, jiġifieri s-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta’ l-importazzjonijiet tal-laħam ta’ l-ifrat u ta’ l-iffissar ta’ struttura ta’ prezzijiet minimi huma partikolarment gravi. Hekk kif qieset ġustament il-Kummissjoni fit-tielet inċiż tal-punt 1A tal-linji gwida, il-prattiki intiżi sabiex jaqsmu s-swieq nazzjonali jikkostitwixxu, bħala regola ġenerali, ksur gravi ħafna. Bl-istess mod, il-miżuri ta’ iffissar tal-prezzijiet kienu jikkostitwixxu, f’din il-kawża, ksur gravi ħafna. Fil-fatt, din il-parti tal-ftehim ikkontestat kellha bħala għan li tiffissa l-prezzijiet minimi għal ċerti kategoriji ta’ baqar bil-għan li jagħmilhom obbligatorji għall-operaturi ekonomiċi kollha li jintervjenu fis-swieq in kwistjoni (ara l-punt 85 iktar ‘il fuq). Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mwaqqa’ mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li din il-ftehim ikkontestat kien jikkostitwixxi ftehim vertikali. B’hekk, għandu jiġi mfakkar li dan il-ftehim kien ġie stabbilit mill-federazzjonijiet li jirrappreżentaw parti importanti ħafna kemm ta’ dawk li jrabbu kif ukoll tal-biċċiera fi Franza, tnejn mill-ħoloq tal-katina ta’ produzzjoni fis-settur tal-laħam ta’ l-ifrat (ara l-punt 88 iktar ‘il fuq). Barra minn hekk, il-ksur issanzjonat kien jaffettwa s-suq prinċipali ta’ l-ifrat fl-Ewropa, li barra minn hekk kien jaqbeż, skond il-limitazzjoni ta’ l-importazzjonijiet, l-uniku kuntest nazzjonali. Barra minn dan, mhuwiex ikkontestat li l-federazzjonijiet firmatarji tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 kienu l-assoċjazzjonijiet prinċipali fis-settur tat-trobbija u tal-biċċeriji ta’ l-ifrat fi Franza.

265    Fir-rigward tat-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-effetti tal-ftehim, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni ġusta tal-punt 1A tal-linji gwida, li jsemmi t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-impatt konkret fuq is-suq tal-ksur, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ dan, biss meta dan l-impatt jkun jista’ jiġi stabbilit. Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni eżaminat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-evoluzzjoni ta’ l-importazzjonijiet fi Franza tal-laħam ta’ l-ifrat u tal-prezzijiet medji għal diversi kategoriji ta’ laħam ta’ l-ifrat wara l-ftehim ikkontestat, u kkonkludiet, madankollu, li ma kinitx f’sitwazzjoni li tikkwantifika l-effetti reali ta’ dan il-ftehim fuq il-kummerċ intrakomunitarju u fuq il-prezzijiet (premessi 78, 81 u 167 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argumenti li jikkonċernaw il-kuntest ekonomiku tal-kawża, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kkunsidrat dan il-kuntest fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari skond l-applikazzjoni tal-5(b) tal-linji gwida (ara punti 350 sa 361 iktar ‘il fuq). F’kull każ, din il-kwistjoni ser tiġi eżaminata iktar fid-dettall iktar ‘il quddiem.

266    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, f’din il-kawża, id-deskrizzjoni tal-ksur bħala "gravi ħafna" kienet iġġustifikata.

267    Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

C –  Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq l-iżbalji ta’ evalwazzjoni u ta’ dritt u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fit-teħid in kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti

268    Ir-rikorrenti jikkontestaw iż-żjieda ta’ l-ammont tal-multi magħmula fuq il-bażi ta’ x’uħud miċ-ċirkustanzi aggravanti kkunsidrati mill-Kummissjoni, jiġifieri dik dwar it-tkomplija b’mod sigriet tal-ftehim kif ukoll dik dwar l-użu tal-vjolenza. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 titlob it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ diversi ċirkustanzi attenwanti. Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni, bit-teħid in kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti, wettqet żball ta’ evalwazzjoni u ta’ dritt u kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

1.     F’dak li jikkonċerna ċ-ċirkustanza aggravanti rigward it-tkomplija b’mod sigriet tal-ftehim

a)     L-argumenti tal-partijiet

269    Ir-rikorrenti jiċħdu t-tkomplija b’mod sigriet tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 u jikkontestaw, għaldaqstant, iż-żjieda ta’ 20 % ta’ l-ammont tal-multi imposti fuq din il-bażi.

270    Il-Kummissjoni tqis li l-ftehim tkompla, b’mod sigriet u mhux bil-miktub, wara d-data li fih skada l-ftehim bil-miktub ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

271    Għandu jiġi osservat li, fis-26 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ twissija lir-rikorrenti, li fiha għarrfithom li l-fatti li kienet taf bihom, fosthom il-konklużjoni tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, kienu juru l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, li hija kellha ttemm. Ir-rikorrenti wieġbu lill-Kummissjoni li dan il-ftehim kien se jintemm fit-30 ta’ Diċembru 2001 u li ma kienx ser jiġi mġedded (ara l-punt 15 iktar ‘il fuq). Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddecidiet li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, dawn komplew il-ftehim tagħhom wara t-30 ta’ Diċembru 2001, b’mod sigriet, minkejja t-twissija tal-Kummissjoni u bi ksur ta’ l-assigurazzjonijiet mogħtija minnhom lil din ta’ l-aħħar (ara l-punt 185 iktar ‘il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni kellha dritt takkuża lir-rikorrenti, bħala ċirkustanza aggravanti, dwar it-tkomplija tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 324), u b’hekk iżżid b’20 % l-ammont tal-multi.

272    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

2.     F’dak li jikkonċerna ċ-ċirkustanza aggravanti dwar l-użu tal-vjolenza

a)     L-argumenti tal-partijiet

273    Ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 jikkontestaw iż-żjieda bi 30 % tal-multi imposti fuq l-FNSEA, fuq l-FNB u fuq l-JA minħabba l-allegat użu mill-membri tagħhom tal-vjolenza sabiex jiksbu mill-biċċiera l-firma tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 u sabiex jivverifikaw, wara, l-applikazzjoni tiegħu.

274    Huma josservaw li, qabel l-24 ta’ Ottubru 2001, l-azzjonijiet lokali mwettqa kellhom prinċipalment bħala għan li jiksbu mill-Gvern Franċiż l-implementazzjoni ta’ ċertu numru ta’ miżuri, kif ukoll li juru lill-opinjoni pubblika li dawk li jrabbu biss kienu qed ibatu l-konsegwenzi tal-kriżi. Huwa f’kuntest ta’ nuqqas ta’ tama li, fil-15 ta’ Ottubru 2001, waħda minn dawn l-azzjonijiet tat lok għal atti ta’ vjolenza gravi ħafna. Madankollu, il-FNSEA ma appellatx għall-għeluq tal-biċċeriji u lanqas a fortiori għal atti ta’ vjolenza.

275    Dawn l-azzjonijiet marru konsiderevolment għall-agħar, b’mod partikolari fil-jum tat-23 ta’ Ottubru 2001, fil-Lvant ta’ Franza. F’din il-klima ta’ tensjoni estrema, il-Ministru tal-Biedja Franċiż ħa l-inizjattiva li jlaqqa’ b’urġenza lir-rikorrenti u l-federazzjonijiet tal-biċċiera. Minn dan, ir-rikorrenti jikkonkludu li l-vjolenza ma ġietx użata mill-federazzjonijiet nazzjonali ta’ dawk li jrabbu sabiex jiksbu mill-biċċiera l-firma tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, iżda li kien permezz ta’ l-iffirmar ta’ dan il-ftehim li l-vjolenza setgħet tintemm fit-territorju. Wara l-iffirmar tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, is-sitwazzjoni kienet differenti skond ir-reġjuni, peress li r-rappreżentanti ta’ diversi sindakati lokali jew dipartimentali ma kellhomx l-istess aġir. F’kull każ, l-azzjonijiet li setgħu jiġu eżegwiti f’ċerti dipartimenti setgħu jiġu eżegwiti fil-kuntest ta’ l-azzjoni sindakali eżerċitata minn dawn is-sindakati lokali jew dipartimentali u għaldaqstant ma setgħux jiġu attribwiti lir-rikorrenti.

276    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet marbuta li tirrispetta l-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punti 78 u 79), u li, għaldaqstant, hija setgħet tikkunsidra l-vjolenza fl-aġir bħala ċirkustanza aggravanti biss kieku ġabet il-prova konkreta li kull waħda mit-tliet federazzjonijiet in kwistjoni kienu effettivament ħajjru lill-membri tagħhom sabiex jirrikorru għal tali atti.

277    Il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti ma jikkontestaw la l-eżistenza ta’ atti ta’ vjolenza, u lanqas dawk li ġew kkawżati mill-membri indiretti tagħhom. Dan l-aġir seta’ jiġi attribwit lir-rikorrenti, li kienu rrakkomandaw mobilizzazzjoni sindakali u spiss ġew infurmati bir-riżultat ta’ l-operazzjonijiet organizzati u mwettqa sabiex jaċċertaw ruħhom mill-applikazzjoni tal-ftehim nazzjonali u kultant mitluba mir-rikorrenti nfushom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li dan l-aġir kien jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti kontra r-rikorrenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

278    Id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata, fil-premessa 173, li l-agrikolturi membri tar-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 użaw il-vjolenza sabiex iġiegħlu lill-federazzjonijiet tal-biċċiera jadottaw il-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001 u li għamlu użu minn mezzi ta’ forza fiżika sabiex jimplementaw strumenti ta’ verifika ta’ l-applikazzjoni tal-ftehim, bħalma huma operazzjonijiet illegali ta’ kontroll ta’ l-oriġini tal-laħam.

279    Fil-fatt, jirriżulta mill-inkartament li diversi azzjonijiet ġew eżegwiti fi Franza minn gruppi ta’ dawk li jrabbu, b’mod partikolari fil-biċċeriji, sabiex jiġi impost ir-rispett ta’ prezzijiet minimi ta’ xiri ta’ l-ifrat u sabiex jiġu ostakolati l-importazzjonijiet tal-laħam ta’ l-ifrat. L-inkartament juri wkoll li, fil-kuntest ta’ x’uħud minn dawn l-azzjonijiet, seħħew atti ta’ vjolenza, jiġifieri għeluq ta’ biċċeriji, distruzzjoni ta’ laħam, vandaliżmu ta’ l-impriżi u kontrolli illegali.

280    Ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 jammettu li azzjonijiet bħal dawn seħħew. Madankollu, huma jikkontestaw li dawn jistgħu jiġu attribwiti lilhom, għaliex huma ma twettqux mill-membri diretti tagħhom iżda mill-membri tas-sindakati lokali jew dipartimentali. Barra minn dan, huma jaffermaw li qatt ma invokaw atti ta’ vjolenza bħal dawn.

281    F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi osservat li r-rikorrenti fil-kawża T‑245/03, b’mod partikolari l-FNSEA, il-FNB u l-JA, ipparteċipaw b’mod deċiżiv fid-definizzjoni u fl-organizzazzjoni ta’ l-azzjoni sindakali intiża għall-impożizzjoni tar-rispett ta’ prezzijiet minimi għal ċerti kategoriji ta’ baqar u tas-sospensjoni ta’ l-importazzjonijiet fi Franza tal-laħam ta’ l-ifrat. Din l-azzjoni b’mod partikolari ġiet implementata minn diversi sindakati u federazzjonijiet agrikoli, membri diretti jew indiretti tar-rikorrenti, kif ukoll minn gruppi ta’ dawk li jrabbu, li mhuwiex ikkontestat li kienu ta’ spiss membri ta’ dawn is-sindakati agrikoli.

282    B’hekk, ir-rendikont ta’ laqgħa ta’ koordinazzjoni miżmuma fis-16 ta’ Ottubru 2001 bejn rappreżentanti tal-FNSEA, tal-FNB, tal-JA u tal-FNPL tqis li l-FNB kienet ipproponiet li "tiġi imposta struttura tal-prezz imħallas lill-produttur għall-kategoriji differenti ta’ baqar magħżula għall-qatla". Huwa wkoll indikat li l-istrateġija sindakali proposta sabiex jirnexxielha timponi din l-istruttura kienet titlob, b’mod partikolari, il-"kontroll ta’ l-oriġini tal-laħam, b’mod partikolari [fir-ristoranti u fil-fornitura ta’ l-ikel]" u l-"mobilizzazzjoni tal-produtturi kollha tas-settur għal dan il-għan, jiġifieri rifjut li jbiegħu taħt il-prezz u/jew denunzja ta’ dawk li jixtru b’inqas". Fl-aħħar nett, dan ir-rendikont jirreferi għall-bżonn ta’ "mobilizzazzjoni tan-netwerk għal din l-istrateġija l-ġdida". Bl-istess mod, nota ta’ informazzjoni tal-FNB lill-oqsma ta’ l-ifrat tad-19 ta’ Ottubru 2001 tinvoka t-"tkomplija u l-intensifikazzjoni tal-mobilizzazzjoni ta’ l-oqsma ta’ l-ifrat fuq id-direzzjonijiet definiti mill-uffiċċju ta’ FNB, sabiex tinkiseb struttura ta’ prezzijiet minim[i] tal-baqar magħżula għall-qatla". B’hekk, huwa indikat li "mobilizzazzjoni sindakali qawwija [kienet] imperattiva għal dan il-għan", u li din kellu "jkollha bħala għan li tikseb l-adeżjoni ta’ l-impriżi għal dan il-prinċipju", filwaqt li tippreċiża li "azzjoni magħquda u kkoordinata tal-produtturi kollha [kienet] indispensabbli".

283    Wara l-firma tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, nota komuni tar-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 lill-membri tagħhom tal-25 ta’ Ottubru 2001 tindika: "Kull wieħed minnha għandu, minn issa ‘l quddiem, ikun attent ħafna li ssir applikazzjoni stretta ta’ dan il-ftehim fit-territorju kollu." Barra minn dan, f’nota komuni oħra tat-13 ta’ Diċembru 2001, huwa mitlub "[lill-membri] kollha tan-netwerk FNSEA li jimmobilizzaw ruħhom […] sabiex jivverifikaw il-prezzijiet ipprattikati għand kull biċċier" u, għal dan, "li jitolbu informazzjoni mingħand kull biċċerija li tinsab [fid-dipartiment tagħhom].

284    Minn dak li ntqal iktar ‘il fuq għandu jiġi konkluż li l-azzjoni fuq il-post tas-sindakati lokali kienet parti minn strateġija organizzata mir-rikorrenti. Diversi dokumenti ta’ l-inkartament juru, barra minn hekk, li huwa fil-kuntest ta’ dawn l-azzjonijiet li seħħew ċerti atti ta’ vjolenza in kwistjoni.

285    B’hekk, artiklu ta’ l-istampa tas-17 ta’ Ottubru 2001 jagħti rendikont tal-vandaliżmu tar-refriġerejters ta’ biċċier f’Fougères, li matulu x’uħud minn dawk li jrabbu qabdu ma’ dawn ir-refriġerejters b’daqqiet ta’ żbarra tal-ħadid u ħarqu karkassi ta’ l-ifrat. L-artiklu josserva li "[dawk] li jkabbru kienu rrabbjati u [wieġbu] għall-kelma miftiehma nazzjonali mgħoddija mill-FDSEA u mill-[JA]." Bl-istess mod, huwa indikat dan li ġej:

"Il-President tal-FDSEA ta’ Mayenne jiddenunzja l-importazzjonijiet tal-laħam barrani. Warajh, karkassi u gzuz ta’ kaxex li jagħtu n-nar lil fjamma enormi. ‘Sibna dak li konna qed infitxxu. Il-laħam maħżun hawnhekk ġie maqtul fl-Olanda, fl-Awstrija, fil-Ġermanja jew fl-Italja’".

286    Bl-istess mod, artiklu ta’ l-istampa tal-25 ta’ Ottubru 2001 isemmi għeluq ta’ fabbriki ta’ l-ipproċessar ta’ laħam ta’ l-ifrat, ta’ biċċeriji u ċentri ta’ akkwist, imwettqa minn sindakati agrikoli Franċiżi fil-jiem preċedenti. L-artiklu, wara li jindika li l-mexxejja ta’ dawn is-sindakati kienu affermaw li, minkejja t-tneħħija ta’ dan l-għeluq, "it-truppi tagħhom kienu ser jibqgħu mmobilizzati, peress li kienu qed jantiċipaw ‘spezzjonijiet’ ta’ dawn is-siti sabiex jiġi vverifikat jekk l-impriżi jirrispettawx l-embargo", jirriproduċi d-dikjarazzjonijiet li ġejjin tal-President tal-FNSEA, magħmula barra mill-kuntest tal-konferenza stampa: "Ser niltaqgħu magħhom. Jekk huma ma jifmhux, għandha mezzi ta’ persważjoni." L-artiklu jindika li, barra minn hekk, "[dawk] il-Franċiżi li jrabbu [kienu] invokaw […] lill-Franċiżi sabiex jibbojkottjaw il-laħam ta’ l-ifrat barrani, u heddew, barra minn hekk, b’ritaljazzjoni, l-impriżi li jixtru tali laħam wara d-29 ta’ Ottubru".

287    Fl-aħħar nett, f’intervista ta’ l-4 ta’ Diċembru 2001, il-viċi president tal-FNB afferma li l-istruttura ta’ prezzijiet kellha bżonn, sabiex tiġi applikata, tal-"mobilizzazzjoni fuq il-post ta’ dawk li jrabbu ", filwaqt li afferma li, jekk il-prezzijiet proposti mill-biċċiera ma kinux konformi ma’ dawk mogħtija, dawn kienu ser jagħlqu l-biċċeriji akkużati.

288    Barra minn hekk, għandha tiġi miċħuda t-teżi tar-rikorrenti li tgħid li l-atti ta’ vjolenza ma ġewx użati mill-federazzjonijiet nazzjonali ta’ dawk li jrabbu sabiex jiksbu mill-biċċiera l-firma tal-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001, peress li din il-firma pjuttost ippermettiet li l-vjolenza fuq it-territorju tieqaf. Fil-fatt, l-ewwel nett, dan il-ftehim jipprovdi espliċitament li l-federazzjonijiet li jirrappreżentaw il-biċċiera laħquh "[s]abiex jerġgħu jinfetħu l-biċċeriji". It-tieni nett, peress li dawn l-azzjonijiet spiss seħħew fil-kuntest ta’ l-azzjoni sindakali mibdija mir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03, dawn ta’ l-aħħar ma jistgħux jiggġustifikaw il-konklużjoni ta’ ftehim bħal dan bil-bżonn li jiġi stabbilit mill-ġdid l-ordni pubbliku affettwat minn din l-azzjoni.

289    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni kellha dritt tattribwixxi lill-FNSEA, lill-FNB u lill-JA ċirkustanza aggravanti bbażata fuq l-użu tal-vjolenza u li b’hekk iżżid bi 30 % l-ammont tal-multi imposti fuq dawn.

290    Għalhekk jirriżulta li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

3.     F’dak li jikkonċerna n-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti

a)     L-argumenti tal-partijiet

291    Ir-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 issostni li l-Kummissjoni ma kkunsidratx iċ-ċirkustanzi attenwanti kollha previsti mil-linji gwida. Hija tirreferi b’mod partikolari għan-nuqqas ta’ effett tal-ftehim fuq is-suq u għat-twaqqif tal-ksur ma’ l-ewwel interventi tal-Kummissjoni. Hija tinvoka wkoll ir-rwol esklużivament passiv tagħha fit-twettiq tal-ksur, minkejja d-dikjarazzjonijiet tar-rappreżentanti tagħha. Dawn l-elementi għandhom iwasslu sabiex il-Kummissjoni teżentaha minn kull multa.

292    Il-Kummissjoni tirribatti li l-argumenti tar-rikorrenti mhumiex fondati fil-fatt u fid-dritt.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

293    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-argument li r-rikorrenti waqqfet il-ksur ma’ l-ewwel interventi mill-Kummissjoni mhijiex fondata fil-fatt. Fil-fatt, ġie deċiż li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, dawn komplew bil-ftehim tagħhom wara t-30 ta’ Diċembru 2001, minkejja t-twissija tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Diċembru 2001 u billi kisru l-assigurazzjonijiet li huma taw lil din ta’ l-aħħar.

294    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li d-dikjarazzjonijiet tal-President tar-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 jikkontradixxu t-teżi ta’ din ta’ l-aħħar li hija kellha biss rwol esklużivament passiv fit-twettiq tal-ksur. Fil-fatt, f’ittra tad-9 ta’ Diċembru 2001 lill-president tal-FNSEA, il-President tar-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 jafferma dan li ġej: "Ir-[rikorrenti fil-kawża T‑217/03] ħadet sehem attiv fin-negozjati ta’ l-24 ta’ Ottubru li wasslu għall-ftehim fuq struttura ta’ prezzijiet minim[i] għall-baqar. Minkejja li d-diskussjoni kienet diffiċli […] din setgħet timxi ‘l quddiem rapidament fuq il-prinċipju ta’ struttura ta’ prezzijiet minim[i], u naħseb li, flimkien mal-federazzjoni tiegħi, ikkontribwejna ħafna għal dan." F’kull każ, il-Kummissjoni naqqset b’60 % l-ammont tal-multa tar-rikorrenti, billi kkunsidrat żewġ ċirkustanzi attenwanti relatati ma’ l-intervent in sostenn tal-Ministru tal-Biedja Franċiż favur il-konklużjoni tal-ftehim u l-operazzjonijiet illegali ta’ għeluq ta’ l-istabbilimenti tal-membri tar-rikorrenti. Sa ċertu punt, dawn iċ-ċirkustanzi attenwanti huma ġġustifikati mill-fatt li r-rikorrenti ma kellhiex rwol dominanti jew attiv ħafna fil-ksur, peress li l-parteċipazzjoni tagħha f’dan hija spjegata, almenu parzjalment, miċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.

295    Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma ħaditx in kunsiderazzjoni f’dan il-każ ċirkustanza attenwanti bbażata fuq l-allegat nuqqas ta’ effetti tal-ftehim ikkontestat fuq is-swieq. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, li ma jirriżultax mill-inkartament li l-ftehim ikkontestat ma kkawżax effetti fuq is-swieq in kwistjoni. B’mod partikolari, il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tikkwantifika l-effetti reali tal-ftehim fuq il-prezzijiet u fuq il-kummerċ intrakomunitarju premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata) ma jfissirx li ma pproduċa l-ebda effett. F’kull każ, għandu jiġi osservat li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-effetti li jirriżultaw minn ksur għandhom jiġu effettwati, jekk ikun il-każ, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt ta’ dan fuq is-suq sabiex tiġi evalwata l-gravità tiegħu, u mhux f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ l-aġir individwali ta’ kull impriża għall-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti (is-sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 189).

296    Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tikkunsidra li l-ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi attenwanti m’għandha tiġi attribwita lir-rikorrenti fil-kawża T‑217/03.

297    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

298    Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

D –  Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multi

1.     L-argumenti tal-partijiet

299    Ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 isostnu, qabel kollox, li jirriżulta mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 li l-Kummissjoni ma tistax timponi fuq assoċjazzjoni ta’ impriżi li ma għandhiex dħul mill-bejgħ ammont ta’ multa ogħla minn miljun EUR. Din id-dispożizzjoni, fil-fatt, għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni ristretta, fid-dawl tan-natura kważi repressiva tas-sanzjonijet li hija tipprovdi.

300    Ir-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 issostni li, min-naħa tagħha, il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ japplika għal kwalunkwe ammont ta’ multa, anki jekk huwa inqas minn miljun EUR. Awtorizzazzjoni ta’ multa li tmur ‘lil hinn minn dan il-limitu tikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ proporzjonalità u tippenalizza sistematikament l-impriżi ż-żgħar.

301    Ir-rikorrenti jsostnu li l-multi imposti mid-deċiżjoni kkontestata jaqbżu l-limitu ta’ 10 % mid-dħul mill-bejgħ tagħhom. B’hekk, peress li l-ammont tad-dħul tar-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 jitla’ għal 1 726 864 EUR fl-2002, il-multa ta’ 480 000 EUR tirrappreżenta iktar minn 25 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha. Fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża T‑245/03, il-multi imposti jirrappreżentaw rispettivament, 200 % tal-kontribuzzjonijiet annwali tal-FNSEA, 240 % ta’ dawk tal-FNB, 80 % f’dak li jikkonċerna l-FNPL u, fl-aħħar nett, 200 % fir-rigward tal-JA.

302    Ir-rikorrenti jsostnu, f’dan ir-rigward, li l-kalkolu tal-konformità ma’ dan il-limitu ma setax isir billi jittieħed in kunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri rispettivi tagħhom, diretti jew indiretti.

303    Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza li t-teħid in kunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu ta’ 10 % huwa possibbli biss jekk, skond ir-regoli interni tagħha, l-assoċjazzjoni in kwistjoni tista’ torbot lill-membri tagħha (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2000, Finnboard vs Il-Kummissjoni, C‑298/98 P, Ġabra p. I‑10157, punt 66; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza CB u Europay vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 136; tal-21 ta’ Frar 1995, SPO et vs Il-Kummissjoni, T‑29/92, Ġabra p. II‑289, punt 385; SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 252, u ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Finnboard vs Il-Kummissjoni, T‑338/94, Ġabra p. II‑1617, punt 270). B’hekk, id-dħul mill-bejgħ tal-membri għandu jittieħed in kunsiderazzjoni biss jekk l-akkordju kkontestat huwa parti mill-għan innifsu ta’ l-istatuti ta’ l-assoċjazzjoni in kwistjoni jew jekk dawn l-istatuti kienu jippermettu li huma jiġu marbuta (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-4 ta’ Ġunju 1996, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, T‑18/96 R, Ġabra p. II‑407, punti 33 u 34).

304    Ir-rikorrenti jsostnu li ma setgħux jorbtu lill-membri rispettivi tagħhom. B’hekk, ir-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 tallega li hija għandha s-sempliċi poter ta’ difiża morali u professjonali tal-membri tagħha u ta’ rappreżentazzjoni ta’ dawn quddiem awtoritajiet pubbliċi jew organizzazzjonijiet professjonali u li hija mhijiex assoċjazzjoni li tieħu ħsieb l-interessi kummerċjali tal-membri tagħha jew li tikkonkludi ftehim f’isimhom. Bl-istess mod, ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 jaffermaw li l-ebda dispożizzjoni legali u l-ebda dispożizzjoni fl-istatuti rispettivi tagħhom ma jawtorizzahom li jidħlu f’impenji f’isem il-membri tagħhom. A fortiori huma m’għandhomx il-kapaċità li jingaġġaw il-"membri tal-membri msieħba mal-membri tagħhom", jiġifieri dawk li jrabbu li huma persuni fiżiċi, membri tas-sindakati lokali.

305    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 isostnu li, anki li kieku kellhom is-setgħa, skond ir-regoli interni tagħhom, li jorbtu lill-membri tagħhom, il-Kummissjoni ma setgħetx, f’kull każ, tapplika l-metodu ta’ l-akkumulazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ dawn ta’ l-aħħar sabiex tikkalkula f’din il-kawża l-ammont tal-multi. Fil-fatt, ir-rikorrenti mhumiex federazzjonijiet awtonomi, iżda għandhom membri komuni. Għaldaqstant, kellha tittieħed in kunsiderazzjoni, għal kull federazzjoni, biss l-akkumulazzjoni tad-dħul ta’ dawk li jrabbu li huma membri ta’ din il-federazzjoni biss.

306    Il-Kummissjoni l-ewwel nett issostni li l-argument li hija ma tistax timponi fuq assoċjazzjoni ta’ impriżi li m’għandiex dħul mill-bejgħ ammont ta’ multa ogħla minn miljun EUR huwa bbażat fuq qari żbaljat ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

307    Barra minn hekk, hija ssostni li, skond il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, hija marbuta li teżamina r-rispett tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ biss meta timponi multa li taqbeż il-miljun EUR (is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 119). Peress li r-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 ġiet imposta multa ta’ 480 000 EUR, il-Kummissjoni ma setgħetx ma tirrispettax dan il-limitu massimu fil-konfront tagħha.

308    Il-Kummissjoni tosserva li l-punt 5(ċ) tal-linji gwida jipprovdi li, fil-kawżi li jinvolvu assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, meta jkun impossibli li jiġu imposti multi individwali fuq l-impriżi membri, l-assoċjazzjoni għandha tiġi imposta multa globali ekwivalenti għat-totalità tal-multi individwali li setgħu jiġu imposti fuq kull wieħed mill-membri tagħha. Fil-fatt, il-limitazzjoni għall-baġit ta’ federazzjoni ma jirrifettix il-piż reali tal-partijiet fi ftehim.

309    Il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni mressqa mir-rikorrenti tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 303 iktar ‘il fuq. Hija tosserva li, skond din il-ġurisprudenza, il-limitu ta’ 10 % jista’ jiġi kkalkulat skond id-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi "almenu meta, skond ir-regoli interni tagħha, l-assoċjazzjoni tista’ torbot lill-membri tagħha". Il-Kummissjoni ssostni li l-espressjoni "almenu meta" mhijiex sinonimu ta’ "taħt il-kundizzjoni li", iżda pjuttost "għall-inqas" jew "f’kull każ". Din il-ġurisprudenza ma teskludix li ċirkostanzi oħra speċifiċi jistgħu jiġġustifikaw il-kunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni. B’hekk, hija tosserva li, f’dawn il-kawżi, il-ftehim ġie konkluż mill-federazzjonijiet nazzjonali għall-benefiċċju tal-membri tagħhom. Ir-rikorrenti m’għandhomx attività ekonomika, u, għaldaqstant, ftehim purament kummerċjali huwa ta’ interess ekonomiku għall-membri tagħhom biss. L-interessi tal-federazzjonijiet u dawk tal-membri tagħhom isiru ħaġa waħda, peress li r-rikorrenti m’għandhom l-ebda interess propju li jikkonkludu l-ftehim.

310    Il-Kummissjoni sssostni, f’kull każ, li r-rikorrenti kellhom f’din il-kawża l-kapaċità li jorbtu lill-membri tagħhom, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ‘il fuq. Hija tosserva li l-istatuti ta’ assoċjazzjoni m’għandhomx isemmu neċessarjament din il-kapaċità, peress li din tista’ tirriżulta mill-għaqda ta’ diversi dispożizzjonijiet. Bl-istess mod, il-bżonn li torbot lill-membri ma jimplikax is-setgħa li torbothom legalment. F’kull każ, jirriżulta mill-eżami ta’ l-istatuti tar-rikorrenti li dawn jistgħu jorbtu lill-membri rispettivi tagħhom.

311    Skond il-Kummissjoni, jekk jittieħed bħala bażi ta’ kalkolu d-dħul mill-bejgħ tal-membri bażi tar-rikorrenti, il-multi imposti f’dan il-każ ma qabżux il-limitu ta’ 10 %. L-ewwel nett, fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża T‑217/03, skond l-istimi li jinsabu fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Jannar 2003, l-ammont tal-multa jidher fil-fatt marġinali meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħha. It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna r-rikorrenti fil-kawża T‑245/03, il-Kummissjoni tosserva li, fil-kunsiderazzjoni tan-numru tal-membri tal-FNSEA ddikjarat minn din, it-tqassim tat-total tal-multi bejn in-numru ta’ operaturi agrikoli membri jammonta għal 48.68 EUR għal kull membru. Konsegwentement, dħul mill-bejgħ medju fis-sena ta’ 500 EUR għal kull membru huwa biżżejjed sabiex jiġi evitat li jintlaħaq dan il-limitu. Bl-istess mod, peress li s-settur tal-laħam ta’ l-ifrat iġġenera madwar 4.4 biljun EUR ta’ dħul mill-bejgħ fl-2002 u peress li l-FNSEA ddikjarat li tirrappreżenta 70 % mill-agrikolturi Franċiżi, id-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħha għandu jirrappreżenta madwar 3 biljun EUR. L-ammont totali tal-multi jilħaq il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ dawk li jrabbu l-ifrat tal-FNSEA biss jekk dawn jiġġeneraw inqas minn 160 miljun EUR ta’ dħul mill-bejgħ, jiġifieri jekk jirrappreżentaw 3.5% tas-settur ta’ l-ifrat. Fl-aħħar nett, anki jekk jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li dawk li jrabbu huma membri ta’ diversi assoċjazzjonijiet, il-kalkolu ma jinbidilx. B’hekk, bit-tqassim tal-multa tal-FNSEA fuq il-270 000 membri li mhumiex membri tal-JA, iċ-ċifra li tirriżulta hija ta’ 44.44 EUR għal kull operatur.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

312    L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ timponi fuq l-impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi multi ta’ mhux inqas minn elf EUR u mhux iktar minn miljun EUR, u dan l-ammont ta’ l-aħħar jista’ jinġab għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ miksub fis-sena ta’ negozju preċedenti minn kull waħda mill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur.

313    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża T‑245/03, din id-dispożizzjoni ma tipprojbixxix lill-Kummissjoni milli timponi multi ogħla minn miljun EUR fuq assoċjazzjonijiet li allegatament ma jagħmlux dħul mill-bejgħ. Skond ġurisprudenza kostanti, l-użu tal-kelma ġenerika "ksur" fl-Artikolu 15(2) safejn hija tkopri mingħajr distinzjoni l-ftehim, il-prattiki miftiehma u d-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, tindika li l-limiti previsti minn din id-dispożizzjoni japplikaw bl-istess mod għall-ftehim u għall-prattiċi miftiehma, kif ukoll għad-deċizjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (ara s-sentenza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Finnboard vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 270, u l-ġurisprudenza ċċitata). Hekk kif ser jiġi ppreċiżat iktar ‘il quddiem, meta assoċjazzjoni ta’ impriżi m’għandhiex attività ekonomika tagħha jew meta d-dħul mill-bejgħ tagħha ma jurix l-influwenza li din l-assoċjazzjoni tista’ teżerċita fuq is-suq, il-Kummissjoni tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ din sabiex tikkalkula l-ammont massimu tal-multa li tista’ tiġi imposta fuqha.

314    Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ jirrigwardax biss il-multi li l-ammont tagħhom huwa ogħla minn miljun EUR, għandu jiġi osservat, bħalma għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, li, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, l-unika referenza espliċita għad-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriża jikkonċerna l-limitu massimu ta’ multa li taqbeż miljun EUR (punt 119 tas-sentenza). Madankollu, għandu jiġi osservat li l-linji gwida jistabbilixxu, fil-punt 5, (a), li r-riżultat finali tal-kalkolu tal-multa, magħmul skond l-iskema prevista fil-punti 1 sa 3, "fl-ebda każ" ma jista jaqbeż 10 % tad-dħul mill-bejgħ dinji ta’ l-impriżi, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Peress li l-Kummissjoni kienet marbuta li tikkonforma mal-linji gwida, għandu jiġi konkluż li l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ kellu jiġi rrispettat f’din il-kawża anki f’dak li jikkonċerna l-iffissar ta’ multi ta’ ammont inqas minn miljun EUR, bħal dawk imposti fuq ir-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 u tal-JA (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 388).

315    Huwa paċifiku bejn il-partijiet li, f’dan il-każ, il-multi li ġew imposti fuq ir-rikorrenti jaqbżu 10 % tad-dħul mill-bejgħ rispettiv tagħhom, jekk dan jiġi mifhum bħala l-ammont globali tad-dħul tagħhom, b’mod partikolari l-kontribuzzjonijiet mħallsa mill-membri tagħhom u s-sussidji mogħtija lilhom. Madankollu, tqum il-kwistjoni jekk, hekk kif issostni l-Kummissjoni, ir-rispett ta’ dan il-limitu seta’ madankollu jkun ikkalkulat, f’din il-kawża, skond id-dħul mill-bejgħ tal-membri tar-rikorrenti.

316    Għandu jiġi mfakkar li l-linji gwida jipprovdu, fil-punt 5(ċ), li fil-kawżi li jinvolvu assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, safejn huwa possibbli, l-impriżi membri ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet għandhom ikunu destinatarji tad-deċiżjonijiet u għandhom jiġu imposti multi individwali. Madankollu, fil-każ fejn din il-proċedura tkun impossibli (per eżempju jekk jeżistu diversi eluf ta’ impriżi membri), l-assoċjazzjoni għandha tiġi imposta multa globali ekwivalenti għat-totalità tal-multi individwali li jistgħu jiġu imposti fuq kull wieħed mill-membri ta’ din l-assoċjazzjoni.

317    Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ għandu jiġi kkalkulat skond id-dħul mill-bejgħ miksub minn kull impriża parti fil-ftehim u prattiki miftiehma jew mill-impriżi membri kollha ta’ l-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi, almenu meta, skond ir-regoli interni tagħha, l-assoċjazzjoni tista’ torbot lill-membri tagħha. Din il-possibbiltà li jittieħed in kunsiderazzjoni f’dan ir-rigward id-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriżi membri kollha ta’ assoċjazzjoni hija ġġustifikata, fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multi, peress li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-influwenza li l-impriża setgħet wettqet fuq is-suq, per eżempju minħabba fid-daqs u tal-poter ekonomiku tagħha, li dwarhom jista’ jagħti indikazzjonijiet id-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriża, kif ukoll l-effett dissważiv li għandhom jeżerċitaw dawn il-multi. L-influwenza li setgħet teżerċita fuq is-suq assoċjazzjoni ta’ impriżi ma tiddependix mid-dħul mill-bejgħ tagħha, li ma jindikax la d-daqs tagħha u lanqas il-poter ekonomiku tagħha, iżda mid-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħha li jagħti indikazzjoni tad-daqs u tal-poter ekonomiku tagħha (is-sentenzi CB u Europay vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 136 u 137; SPO et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 385, u ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Finnboard vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 270).

318    Madankollu, din il-ġurisprudenza ma teskludix li, f’każijiet partikolari, dan it-teħid in kunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni jista’ wkoll ikun possibbli anki jekk din ta’ l-aħħar ma jkollhiex, formalment, il-poter li torbot lill-membri tagħha, fid-dawl tan-nuqqas ta’ regoli interni li jagħtuha tali kapaċità. Il-fakultà tal-Kummissjoni li timponi multi ta’ ammont xieraq għall-ksur in kwistjoni tista’, inkella, tkun kompromessa, inkwantu assoċjazzjonijiet li għandhom dħul mill-bejgħ żgħir ħafna iżda li jgħaqqdu, mingħajr ma jkunu jistgħu jorbtuhom formalment, numru għoli ta’ impriżi li, flimkien, jiksbu dħul mill-bejgħ importanti, ma jistgħux jiġu ssanzjonati ħlief b’multi mnaqqsa ħafna, anki jekk il-ksur imwettaq minn dawn seta’ jkollu influwenza kunsiderevoli fis-swieq in kwistjoni. Barra minn dan, din iċ-ċirkustanza tmur kontra l-bżonn li jiġi assigurat l-effett dissważiv tas-sanzjonijet kontra l-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni Komunitarji.

319    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li ċirkustanzi speċifiċi oħra, minbarra l-eżistenza ta’ regoli interni li jippermettu lill-assoċjazzjoni torbot lill-membri tagħha, jistgħu jiġġustifikaw it-teħid in kunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-membri ta’ l-assoċjazzjoni in kwistjoni. B’mod partikolari, dan japplika għal każijiet fejn il-ksur imwettaq minn assoċjazzjoni jirrigwarda l-attivitajiet tal-membri tagħha u fejn il-prattiki antikompetittivi in kwistjoni huma mwettqa mill-assoċjazzjoni direttament għall-benefiċċju ta’ dawn ta’ l-aħħar u b’kooperazzjoni magħhom, peress li l-assoċjazzjoni m’għandhiex interessi oġġettivi li għandhom natura awtonoma meta mqabbla ma’ dawk tal-membri tagħha. Minkejja li, f’uħud minn dawn il-każijiet, il-Kummissjoni tista’ eventwalment, minbarra li tippenalizza lill-assoċjazzjoni in kwistjoni, timponi multi individwali fuq kull waħda mill-impriżi membri, dan jista’ jkun fil-fatt partikolarment diffiċli, jekk mhux impossibli, meta n-numru ta’ dawn ikun għoli ħafna.

320    L-ewwel nett, f’din il-kawża, għandu jiġi osservat li l-federazzjonijiet rikorrenti għandhom bħala missjoni fundamentali li jiddefendu u li jirrappreżentaw l-interessi tal-membri bażi tagħhom, jiġifieri operaturi agrikoli, gruppi ta’ kooperattivi u biċċeriji. B’hekk, fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża T‑245/03, il-FNSEA għandha bħala għan li tirrappreżenta u tiddefendi l-interessi tal-professjoni agrikola u, għal dan il-għan, torganizza, tikkoordina u tarmonizza l-interessi professjonali kollha ta’ l-operaturi agrikoli membri tas-sindakati bażi (Artikolu 8 ta’ l-istatuti); il-FNB għandha bħala għan l-organizzazzjoni, ir-rappreżentazzjoni u d-difiża ta’ interessi komuni tal-produtturi kollha ta’ l-annimali ta’ l-ispeċji ta’ l-ifrat (Artikolu 7 ta’ l-istatuti tagħha); il-FNPL għandha bħala għan il-koordinazzjoni, l-organizzazzjoni, ir-rappreżentazzjoni u d-difiża ta’ l-interessi tal-produtturi kollha tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (Artikolu 6 ta’ l-istatuti tagħha); fl-aħħar nett, il-JA għandhom b’mod partikolari bħala għan li jirrappreżentaw lill-agrikolturi żgħażagħ u li jiddefendu l-interessi tagħhom (Artikolu 6 ta’ l-istatuti tagħha). F’dak li jikkonċerna r-rikorrenti fil-kawża T‑217/03, skond l-Artikolu 2(1) ta’ l-istatuti tagħha, hija għandha bħala missjoni, b’mod partikolari li tiżgura d-difiża morali u professjonali tal-membri tagħha, fosthom il-gruppi ta’ produtturi ta’ l-annimali u s-sussidjarji tagħhom li joqtlu l-annimali.

321    It-tieni nett, il-ftehim ikkontestat ma kienx jirrigwarda l-attività tar-rikorrenti nfushom iżda dik tal-membri bażi tagħhom. Fil-fatt, ir-rikorrenti la jbiegħu, la jixtru, u lanqas jimportaw laħam ta’ l-ifrat. Għaldaqstant huma mhumiex ikkonċernati direttament la mill-impenn ta’ sospensjoni ta’ importazzjonijiet u lanqas mill-istabbiliment ta’ struttura ta’ prezzijiet minimi. Il-miżuri stabbiliti fil-ftehim ikkontestat jaffettwaw biss il-membri bażi tar-rikorrenti, li barra minn dan, huma dawk li kellhom jimplementawhom.

322    It-tielet nett, għandu jiġi osservat li l-ftehim ikkontestat ġie konkluż direttament għall-benefiċċju tal-membri bażi tar-rikorrenti. Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-federazzjonijiet ta’ operaturi agrikoli, il-ftehim kellu bħala għan li jippermetti lill-membri tagħhom li jrabbu l-ifrat li jbiegħu l-produzzjoni tagħhom u li jiksbu prezzijiet remunerattivi, sabiex jiffaċċjaw il-kriżi tas-settur fiż-żmien tal-fatti in kwistjoni. F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, il-federazzjonijiet tal-biċċiera, għandu jitqies li, jekk il-miżuri adottati, jiġifieri l-iffissar ta’ prezzijiet minimi u s-sospensjoni jew limitazzjoni ta’ l-importazzjonijiet, jistgħu jidhru potenzjalment kuntrarji għall-interessi tal-biċċeriji, inkwantu huma setgħu jinvolvu żjieda fl-ispejjeż ta’ operat tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li l-konlużjoni tal-ftehim ikkontestat kellu bħala għan, fil-kuntest tat-tensjoni f’din il-kawża, li jippermetti lil dawn l-impriżi li jibdew mill-ġdid bl-attività tagħhom u li jnaqqsu, sa ċertu punt, it-theddid kontrihom. B’hekk, dan il-ftehim jipprovdi espliċitament li l-federazzjonijiet li jirrappreżentaw il-biċċiera kkonkludew il-ftehim "[s]abiex jinfetħu mill-ġdid il-biċċeriji".

323    Ir-raba’ nett, għandu jiġi osservat li, kif ġie indikat, il-ftehim ikkontestat ġie implementat b’mod partikolari bil-konklużjoni ta’ ftehim lokali bejn federazzjonijiet dipartimentali u sindakati lokali agrikoli – jiġifieri membri tar-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 – u tal-biċċeriji (ara l-punti 112 sa 115 iktar ‘il fuq). Barra minn dan, il-verifika tar-rispett u ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim spiss saret permezz ta’ azzjonijiet konkreti ta’ gruppi ta’ dawk li jrabbu.

324    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, f’dan il-każ, kien hemm ġustifikazzjoni għal kunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-membri bażi tar-rikorrenti sabiex jiġi kklakulat il-limitu massimu ta’ 10 % skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. B’mod partikolari, id-dħul mill-bejgħ biss ta’ dawn kien jikkostitwixxi indikazzjoni xierqa, f’dan il-każ, tal-poter ekonomiku tar-rikorrenti u għaldaqstant ta’ l-influwenza li setgħu jeżerċitaw fuq is-swieq in kwistjoni.

325    Din il-possibbiltà li jittieħed in kunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri bażi tar-rikorrenti għandha madankollu tiġi limitata, f’dan il-każ, għal dawk fost il-membri tagħhom li kienu attivi fis-swieq affettwati mill-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dawk li jrabbu l-ifrat, il-biċċeriji u dawk li jipproċessaw il-laħam. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra l-FNB u, f’miżura inqas, il-FNPL, parti żgħira biss mill-membri diretti jew indiretti tar-rikorrenti kellha interessi fis-settur tat-trobbija ta’ l-ifrat, fil-każ tar-rikorrenti fil-kawża T‑245/03, jew tal-biċċerija ta’ l-ifrat, fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża T‑217/03. Fil-fatt, il-ftehim ma kienx jirrigwarda l-attività tal-membri tar-rikorrenti li ma kinux attivi fis-swieq ta’ l-ifrat, huwa ma ġiex konkluż għall-benfiċċju ta’ dawn, u dawn il-membri probabbilment ma pparteċipawx fl-implementazzjoni tal-miżuri kkontestati. Konsegwentement, id-dħul mill-bejgħ tagħhom ma jistax jintuża, f’dan il-każ, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu ta’ 10 %.

326    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk l-ammonti tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata qabżux il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ stabbilit mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

327    B’hekk, f’dak li jikkonċerna r-rikorrenti fil-kawża T‑217/03, jirriżulta mill-istimi li hija pprovdiet fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Jannar 2003 lill-Kummissjoni li l-multa li ġiet imposta fuqha tirrappreżenta bejn 0.05 u 0.2 % tad-dħul mill-bejgħ fl-2002 tal-kooperattivi tal-biċċeriji u ta’ proċessar li huma membri tagħha, skond jekk jiġux meħuda jew le in kunsiderazzjoni l-impriżi li huma membri kemm tar-rikorrenti kif ukoll tas-Syndical national de l’industrie des viandes (SNIV), is-sindakat speċjalizzat li jgħaqqad l-impriżi industrijali l-kbar tas-settur.

328    Fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża T‑245/03, il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhiex informazzjoni preċiża dwar id-dħul mill-bejgħ ta’ dawk li jrabbu l-ifrat li huma membri ta’ l-imsemmija rikorrenti. Fil-fatt, ir-rikorrenti, qabel kollox, fuq talba tal-Kummissjoni, waqt il-proċedura amministrattiva, u, imbagħad, tal-Qorti tal-Prim’Istanza, f’din il-kawża, sostnew li ma setgħux jippreżentaw id-dħul mill-bejgħ, imqar approssimattiv, ta’ dawk il-membri tagħhom li jrabbu. Ir-rikorrenti lanqas ma kienu f’pożizzjoni li jindikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza n-numru ta’ dawk li jrabbu l-ifrat li huma membri bażi, rispettivament, tal-FNSEA u tal-JA, u sostnew li l-FNB u l-FNPL m’għandhomx, strettament, membri bażi.

329    Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 indikaw li, fl-2002, id-dħul mill-bejgħ fi Franza marbut mal-produzzjoni tas-settur ta’ l-ifrat adulti kien ta’ 4 552 biljun EUR u li dak li jirrigwarda l-biċċeriji ta’ l-ifrat adulti kien ta’ 3 430 biljun EUR Jekk tiġi kkunsidrata l-iżgħar waħda fost dawn iċ-ċifri, għandu jiġi konkluż li l-multi imposti fuq ir-rikorrenti ma jaqbżux il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-membri tagħhom li jrabbu l-ifrat jekk dawn jirrappreżentaw almenu 3.5 % għall-FNSEA, 0.42 % għall-FNB, 0.18 % għall-JA u 0.42 % għall-FNPL tad-dħul mill-bejgħ globali. L-ebda waħda mir-rikorrenti ma tikkontesta li l-membri tagħha jirrappreżentaw parti sinjifikattiva tad-dħul mill-bejgħ marbuta mal-biċċeriji ta’ l-ifrat adulti fi Franza. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, bħala tweġiba għal domanda magħmula mill-imħallef għall-proċeduri sommarji, ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 ammettew il-possibbiltà li l-membri tal-FNSEA setgħu jirrappreżentaw madwar 50 % tal-240 000 operatur agrikolu li għandhom iktar minn ħamest ifrat adulti fi Franza (id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Jannar 2004, FNSEA et vs Il-Kummissjoni, T‑245/03 R, Ġabra p. II‑271, punt 89).

330    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li ġie stabbilit suffiċjentement, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-multi imposti fuq ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 ma jaqbżux il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-membri rispettivi tagħhom.

331    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mwaqqa’ bl-argument tar-rikorrenti li jgħid li, peressi li l-membri tagħhom huma komuni, il-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni, għal kull federazzjoni, l-akkumulazzjoni tad-dħul ta’ dawk li jrabbu li huma membri ta’ din biss. Effettivament, kif isostnu r-rikorrenti, dawk kollha li jrabbu li huma membri diretti jew indiretti tal-FNB, tal-FNPL jew tal-JA huma, fl-istess ħin, membri indiretti tal-FNSEA. Madankollu, għall-finijiet tal-verifika tar-rispett tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, huwa biżżejjed f’dan il-każ li l-ammont akkumulat tal-multi imposti fuq l-erba’ rikorrenti fil-kawża T‑245/03 ikun taħt l-10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ dawk li jrabbu li huma membri bażi tal-FNSEA, il-federazzjoni li tgħaqqad it-tliet federazzjonijiet rikorrenti l-oħra. Sabiex dan il-limitu ma jinqabiżx f’din il-kawża, ikun biżżejjed li d-dħul mill-bejgħ ta’ dawk li jrabbu li huma membri bażi tal-FNSEA jirrappreżenta almenu 4.52 % tad-dħul mill-bejgħ marbut mal-biċċeriji ta’ l-ifrat adulti fi Franza. Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dan huwa l-każ f’din il-kawża.

332    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 ma jistgħux jibbażaw iktar ruħhom fuq l-argument li l-FNB u l-FNPL m’għandhomx, strettament, membri bażi, inkwantu l-ebda agrikoltur ma huwa membru tagħhom, direttament jew indirettament. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-federazzjonijiet jirċievu kontribuzzjonijiet mingħand federazzjonijiet dipartimentali (skond, rispettivament, in-numru totali ta’ bhejjem tad-dipartiment u skond il-litri ta’ ħalib prodott f’dan). Dawn il-federazzjonijiet dipartimentali jgħaqqdu sindakati lokali, li tagħhom huma membri dawk li jrabbu. Għaldaqstant, dawk li jrabbu l-ifrat jistgħu, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, jiġu kkunsidrati bħala membri bażi tal-FNB u tal-FNPL, bl-istess mod li huma kkunsidrati bħala membri bażi tal-FNSEA.

333    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonkludi li l-multi imposti fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata ma jaqbżux il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-membri rispettivi tagħhom.

334    Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

E –  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ non akkumulazzjoni tas-sanzjonijet

1.     L-argumenti tal-partijiet

335    Ir-rikorrenti josservaw li l-prinċipju ta’ non akkumulazzjoni tas-sanzjonijet jew ne bis in idem jipprojbixxi li persuna tkun tista’ tiġi ssanzjonata diversi drabi għal fatt wieħed. Dan il-prinċipju, li jinsab fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, huwa ta’ applikazzjoni kostanti, fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 1972, Boehringer Mannheim vs Il-Kummissjoni, 7/72, Ġabra p. 1281, punt 3) u jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 59).

336    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ssanzjonat diversi drabi l-istess persuni għall-istess ksur, inkwantu l-FNB, il-JA u l-FNPL huma membri tal-FNSEA. Il-persuni fiżiċi li jrabbu l-ifrat li kienu membri fuq livell lokali tas-sindakati lokali jistgħu indirettament jiġu marbuta mal-FNSEA u mal-FNB, kif ukoll mal-FNPL (ladarba huma proprjetarji ta’ baqar li jipproduċu l-ħalib) u fl-aħħar nett għall-JA (jekk huma għandhom inqas minn 35 sena). Bl-istess mod, x’uħud mill-membri, tar-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 huma wkoll membri tal-FNSEA. Minħabba f’hekk, dawn il-persuni huma imposti indirettament diversi multi, filwaqt li l-Kummissjoni tista’ takkużahom biss, indirettament, b’fatt wieħed u identiku. Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argument tal-Kummissjoni li l-prinċipju ne bis in idem ma jistax jiġi applikat fil-kawża minħabba l-eżistenza ta’ proċedura unika. F’dan il-każ, il-proċeduri paralleli mibdija mill-Kummissjoni kontra r-rikorrenti ikkawżaw ripetizzjoni tas-sanzjonijet fil-konfront tagħhom. Barra minn dan, ma tistax tiġi ristretta l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għall-impriżi akkużati għall-istess ksur minn diversi awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

337    Barra minn dan, ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 jikkonstataw li l-Kummissjoni, fl-iffissar ta’ l-ammont bażi tal-multi, ibbażat ruħha fuq ir-rapport li jeżisti bejn l-ammont tal-kontribuzzjonijiet annwali li tirċievi l-FNSEA u dawk li tirċievi kull federazzjoni oħra in kwistjoni. Il-proporzjonijiet ikkunsidrati mhumiex eżatti, peress li l-FNB u l-FNPL jgħaddu lill-FNSEA parti mill-kontribuzzjonijiet annwali li jirċievu (jiġifieri, fl-2001, madwar 10 %, li jikkorrispondi għall-60 979 EUR, għall-FNB, u 15 %, li jirrappreżenta 181 670 EUR, għall-FNPL). Għaldaqstant, il-proporzjonijiet ikkunsidrati għandhom jiġu mnaqqsa bl-ammont dovut.

338    Ir-Repubblika Franċiża tosserva li ma jistax jiġi kkontestat, f’dan il-każ, li persuni fiżiċi huma membri ta’ diversi federazzjonijiet, imqar minħabba l-fatt li ċerti federazzjonijiet huma membri tal-FNSEA, u għaldaqstant li dawn il-persuni ġew imposti darbtejn b’multi għall-istess ksur fid-dritt tal-kompetizzjoni. Dan ifisser li huma jiġu imposti multa eċċessiva u jammonta għal ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

339    Il-Kummissjoni tosserva li, fil-ġurisprudenza Komunitarja, il-prinċipju ne bis in idem japplika għal każijiet fejn impriża ssanzjonata (jew li tista’ tiġi ssanzjonata) fuq il-livell Komunitarju għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ġiet ukoll issanzjonata (jew tista’ tiġi ssanzjonata), fi proċedura oħra, f’pajjiż terz jew fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et, 14/68, Ġabra p. 1, u Boehringer Mannheim vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq). Skond il-Kummissjoni, is-sempliċi identità tal-fatti mhijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, għaliex hemm ukoll il-bżonn li l-partijiet ikunu identiċi. F’dan il-każ, kull federazzjoni kienet involuta minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, kull waħda, permezz ta’ l-influwenza tagħha fuq is-suq, li hija neċessarja għall-effikaċja tal-ftehim. Il-fatt li ċerti persuni huma membri ta’ diversi federazzjonijiet minn dawn ma jneħħi xejn mill-fatt li kull waħda mir-rikorrenti ħadet parti fil-ftehim. Fl-aħħar nett, il-proporzjonalità tal-multi imposti fuq diversi federazzjonijiet li għandhom membri komuni hija assigurata permezz tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, iżda ma tistax twassal għal immunità ta’ dawn il-membri.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

340    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ne bis in idem jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt komunitarju li l-imħallef għandu jassigura li jiġi rispettat. Fil-qasam tad-dritt komunitarju tal-kompetizzjoni, dan il-prinċipju jipprojbixxi li impriża tiġi kkundannata jew li jittieħdu proċedimenti kontriha mill-ġdid mill-Kummissjoni minħabba aġir anti-kompettitiv li għalih hija ġiet issanzjonata jew li għalih ġiet iddikjarata mhux responsabbli permezz ta’ deċiżjoni finali preċedenti tal-Kummissjoni (is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punti 85 u 86, u tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 130 u 131). L-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem huwa suġġett għal tliet kundizzjonijiet ta’ identità tal-fatti, unità ta’ min jikser il-liġi u unità ta’ l-interess legali protett. Dan il-prinċipju jipprojbixxi għaldaqstant li l-istess persuna tiġi ssanzjonata għal iktar minn darba għall-istess aġir illegali sabiex jiġi protett l-istess assi legali (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u P, Ġabra p. I‑123, punt 338).

341    F’din il-kawża, il-Kummissjoni ssanzjonat lill-federazzjonijiet rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni u l-livell ta’ responsabbiltà ta’ kull waħda mill-federazzjonijiet fil-ksur (ara l-premessa 169 u l-Artikoli 1 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, ir-rikorrenti kollha pparteċipaw, anki jekk b’intensità u involviment differenti, fil-ksur issanzjonat bid-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, il-federazzjonijiet rikorrenti kollha ffirmaw il-ftehim ta’ l-24 ta’ Ottubru 2001. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħat leġittimament tippenalizza kull federazzjoni li ħadet sehem fil-ftehim ikkontestat billi bbażat ruħha fuq ir-rwol individwali ta’ kull waħda kellha fl-iffirmar u fl-applikazzjoni ta’ l-imsemmi ftehim u fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti u aggravanti rispettivi ta’ kull wieħed minnhom.

342    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mwaqqa’, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03, bil-fatt li l-FNB, il-FNPL u l-JA huma membri tal-FNSEA. Fil-fatt, dawn il-federazzjonijiet għandhom personalità ġuridika indipendenti, baġits separati u għanijiet li mhux dejjem jaqblu. B’hekk, huma jikkonkludu l-azzjonijiet sindakali rispettivi tagħhom sabiex jiddefendu l-interessi speċifiċi tagħhom (ara punt 320 iktar ‘il fuq). Il-fatt li, f’din il-kawża, dawn il-federazzjonijiet fil-biċċa l-kbira kkoordinaw l-azzjoni tagħhom, kif ukoll dik tal-membri rispettivi tagħhom, għal għanijiet komuni ma jistax jeżenta lil kull waħda minn dawn il-federazzjonijiet mir-responsabbiltà rispettiva tagħhom fil-ksur.

343    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li donnhom qed isostnu r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma imponietx multi fuq il-membri bażiċi tagħhom, diretti jew indiretti. Fil-fatt, il-fatt li jittieħed in kunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fid-determinazzjoni tal-limitu ta’ 10 % ma jfissirx li multa ġiet imposta fuqhom, u lanqas, minnu nnifsu, li l-assoċjazzjoni in kwistjoni għandha l-obbligu li tgħaddi fuq il-membri tagħha l-piż ta’ din il-multa (is-sentenza CB u Europay vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 139). Peress li l-operaturi agrikoli individwali li huma membri indiretti tal-federazzjonijiet rikorrenti fil-kawża T‑245/03 ma ġewx issanzjonati fid-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-fatt li l-membri bażi tal-FNB, tal-FNPL u tal-JA jiġifieri wkoll membri tal-FNSEA jipprekludi lill-Kummissjoni milli tissanzjona individwalment kull waħda minn dawn il-federazzjonijiet. A fortiori, mhuwiex rilevanti li x’uħud mill-membri tar-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 huma wkoll membri tal-FNSEA.

344    Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, l-identiċità bejn min wettaq il-ksur kienet nieqsa, inkwantu d-deċiżjoni kkontestata ma tippenalizzax diversi drabi l-istess entitajiet jew l-istess persuni għall-istess fatti. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-prinċipju ne bis in idem ma ġiex ippreġudikat. Bl-istess mod, peress li l-membri diretti jew indiretti, tar-rikorrenti ma ġewx suġġetti għal multi darbtejn għall-istess ksur, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, lanqas ma kien hemm, f’din il-kawża, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

345    Barra minn hekk, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 li jgħidu li l-Kummissjoni, fil-mument ta’ l-iffissar ta’ l-ammont bażi tal-multi, ikkalkulat żbaljatament ir-rapport eżistenti bejn l-ammont tal-kontribuzzjonijiet annwali li tirċievi l-FNSEA u dak tal-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-FNB u lill-FNPL. B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li taġġusta ċ-ċifri tal-FNB u tal-FNPL billi tneħħi minn dawn l-ammonti l-kontribuzzjonijiet imħallsa minn din lill-FNSEA. Fil-fatt, peress li l-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet ttieħed in kunsiderazzjoni bħala indikatur oġġettiv ta’ l-importanza relattiva ta’ kull federazzjoni, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tikkunsidra li ċ-ċifri rilevanti kienu dawk tal-kontribuzzjonijiet globali rispettivi tagħhom, li jirreflettu l-livell ta’ rappreżentanza ta’ kull rikorrenti.

346    Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

F –  Fuq is-sitt motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fit-teħid in kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi previsti mill-Artikolu 5(b) tal-linji gwida

1.     L-argumenti tal-partijiet

347    Ir-rikorrenti fil-kawża T-217/03 isostnu li t-tnaqqis ta’ 60 % adottat mill-Kummissjoni, skond il-punt 5(b) tal-linji gwida, sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-kuntest partikolari tal-kriżi ta’ l-ifrat kellu jiġi applikat fuq l-ammont bażi tal-multa, u mhux fuq is-somma li tirriżulta mill-applikazzjoni fuq dan taż-żjidiet u tnaqqis li jikkorrispondi, rispettivament, għaċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti. Ma teżisti l-ebda ġustifikazzjoni sabiex issir deroga mill-prinċipju ta’ determinazzjoni tal-multi, li jinsab fil-punt 2 tal-linji gwida, li jikkonsisti fil-kalkolu ta’ l-ammont bażi u fit-tnaqqis jew iż-żjieda tiegħu permezz ta’ perċentwali. Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni t-teħid in kunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku bħala ċirkustanza attenwanti, kif hija għamlet f’kawżi oħra.

348    Ir-rikorrenti fil-kawża T-245/03 isostnu, min-naħa tagħhom, li l-Kummissjoni, meta applikat il-punt 5(b) tal-linji gwida, ma ġibditx il-konklużjonijiet xierqa miċ-ċirkustanzi li ġejjin, esposti fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessi 181 u 184): l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ għan ta’ lukru tar-rikorrenti; it-tieni nett, il-fatti speċifiċi marbuta mal-prodott agrikolu in kwistjoni; it-tielet nett, il-fatt li l-Kummissjoni ssanzjonat għall-ewwel darba akkordju konkluż esklużivament bejn il-federazzjonijiet fir-rigward ta’ prodott agrikolu bażi li jinvolvi tnejn mill-ħoloq tal-katina ta’ produzzjoni; ir-raba’ nett, l-elementi speċifiċi tal-kuntest ta’ kriżi eċċezzjonali. Ir-rikorrenti josservaw f’dan ir-rigward li l-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni tar-Renju Unit, fid-deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2003, ma imponewx multi fuq assoċjazzjoni ta’ produtturi tal-laħam ta’ l-ifrat ta’ l-Irlanda ta’ Fuq li kkonkludew ftehim fuq il-prezzijiet, fid-dawl tal-kuntest li fih din kienet interveniet, li wkoll kien affettwat mill-kriżi tal-mad cow disease u mill-epidemija tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer. Ir-rikorrenti josservaw li, f’dan il-każ, elementi bħal dawn ma wasslux lill-Kummissjoni sabiex tadatta adegwatament il-multi, u l-ammonti finali baqgħu eċċessivi.

349    Il-Kummissjoni ssostni li t-teżi tar-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 fuq il-metodu ta’ kalkolu tat-tnaqqis relata maċ-ċirkustanzi previsti fil-punt 5(b) tal-linji gwida ma tirrispettax kemm l-ittra kif ukoll l-ispirtu ta’ dawn il-linji gwida. L-ilment li l-kuntest ekonomiku kellu jittieħed in kusniderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti jikkostitwixxi motiv ġdid u għaldaqstant inammissibbli. Fir-rigward ta’ l-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża T-245/03, il-Kummissjoni tosserva li t-tnaqqis ta’ multa b’60 % mogħtija f’dan il-każ m’għandux ekwivalenti fil-prattika preċedenti tagħha.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

350    Il-punt 5(b) tal-linji gwida jipprovdi:

"Jiddependi miċ-ċirkustanzi, għandha tittieħed kunsiderazzjoni, meta jsiru l-kalkolazzjoniet imsemmija hawn fuq, ta’ ċerti fatturi oġġettivi bħal kuntest ekonomiku speċifiku, kull benefiċċju ekonomiku jew finanzjarju magħmul mill-awturi ta’ l-offiżi […], il-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-impriżi in kwistjoni u l-kapaċità reali tagħhom li jħallsu f’kuntest soċjali speċifiku, u l-multi għandhom jiġu emendati kif xieraq."

351    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat il-kuntest ekonomiku tal-kawża, milqut b’mod partikolari mill-kriżi gravi tas-settur ta’ l-ifrat, u applikat tnaqqis ta’ 60 % għall-ammont li jirriżulta minn żjieda jew minn tnaqqis ta’ l-ammont bażi tal-multi minħabba fiċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti meħuda in kunsiderazzjoni.

352    L-ewwel nett, għandu tiġi miċħuda t-teżi tar-rikorrenti fil-kawża T‑217/03 li tgħid li dan it-tnaqqis ta’ 60 % kellu jiġi applikat għall-ammont bażi tal-multa u mhux għall-ammont diġà miżjud u mnaqqas minħabba ċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti kkunsidrati. Fil-fatt, il-linji gwida jirrigwardaw ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, rispettivament, fil-punti 2 u 3, li jipprovdu li l-"ammont bażiku se jiżdied" u l-"l-ammont bażiku se jitnaqqas". Min-naħa l-oħra, il-punt 5(b) jipprovdi li ċirkustanzi oħra huma kkunsidrati "meta jsiru l-kalkolazzjoniet imsemmija hawn fuq" u jipprovdi li jservu sabiex "l-multi […] jiġu emendati kif xieraq". Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-mod ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni rrispetta d-dispożizzjonijiet tal-linji gwida.

353    It-tieni nett, fir-rigward ta’ l-argument sussidjarju tar-rikorrenti fil-kawża T‑217/03, li jgħid li l-kuntest ekonomiku kellu jittieħed in kunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti, għandu jiġi kkonstatat li huwa ġie invokat biss fl-istadju tar-replika u li, għaldaqstant, huwa jikkostitwixxi motiv ġdid u għaldaqstant għandu jiġi miċħud, skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli ta’ Proċedura. F’kull każ, għandu jiġi osservat li l-punt 5(b) tal-linji gwida jirreferi espliċitament għat-teħid in kunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku partikolari ta’ kawża u li, min-naħa l-oħra, dan il-kriterju mhuwiex espliċitament imsemmi fil-punt 3 tal-linji gwida, li jirreferi għaċ-ċirkustanzi attenwanti. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqietx żball meta kkunsidrat il-kuntest ekonomiku tal-kawża skond il-punt 5(b) tal-linji gwida u mhux skond iċ-ċirkustanzi attenwanti, kif xtaqet ir-rikorrenti.

354    It-tielet nett, f’dak li jikkonċerna, ir-rinviju għad-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit tat-3 ta’ Frar 2003, biżżejjed jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ma tistax tiġi marbuta, fl-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi tal-kawża, bid-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali f’kawżi ftit jew wisq simili.

355    Fl-aħħar nett, fir-raba’ nett, għandha tingħata risposta għall-argumenti tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ġibditx il-konklużjonijiet xierqa taċ-ċirkustanzi tal-kawża u kellha, skond il-punt 5(b) tal-linji gwida, tnaqqas iktar il-multi.

356    Għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’mod partikolari kkunsidrat, fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet tissanzjona għall-ewwel darba akkordju konkluż esklużivament bejn federazzjonijiet ta’ sindakati, li jirrigwarda prodott agrikolu bażi u li jinvolvi tnejn mill-ħoloq tal-katina ta’ produzzjoni, kif ukoll il-kuntest ekonomiku partikolari tal-kawża, li jmur lil hinn mis-sempliċi tnaqqis fil-prezzijiet jew mill-eżistenza ta’ marda magħrufa sew. Dan il-kuntest ekonomiku huwa kkaratterizzat mill-elementi li ġejjin: l-ewwel nett, it-tnaqqis fil-konsum tal-laħam ta’ l-ifrat, b’mod partikolari wara l-kriżi tal-mad cow disease, li laqtet settur li diġà kien f’sitwazzjoni diffiċli; it-tieni nett, l-istabbiliment mill-awtoritajiet Komunitarji u nazzjonali ta’ miżuri ta’ intervent intiżi sabiex jistabbilixxu mill-ġdid l-ekwilibriju fis-suq tal-laħam ta’ l-ifrat; it-tielet nett, is-sitwazzjoni ta’ telf ta’ fiduċja tal-konsumaturi marbuta mal-biża’ dwar il-marda tal-mad cow disease; ir-raba’ nett, is-sitwazzjoni ta’ l-agrikolturi li, minkejja l-miżuri Komunitarji ta’ aġġustament applikati minn Franza, jinsabu quddiem prezzijiet ta’ baqar fid-dħul fil-biċċerija li qed jerġgħu jonqsu, filwaqt li l-prezzijiet għall-konsum baqgħu, min-naħa tagħhom, stabbli (premessi 181 sa 185 tad-deċiżjoni kkontestata).

357    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti lir-rikorrenti tnaqqis ta’ 60 % ta’ l-ammont ta’ multi, skond il-punt 5(b) tal-linji gwida.

358    Għandu jiġi mfakkar li, minkejja li l-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, b’kompetenza assoluta fis-sens ta’ l-Artikolu 229 KE fuq ir-rikorsi ppreżentati mid-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tiffissa multa u tista’, konsegwentement, tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta.

359    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li d-diversi ċirkustanzi identifikati u kkunsidrati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, skond il-punt 5(b) tal-linji gwida, huma ta’ natura eċċezzjonali ħafna. Din in-natura eċċezzjonali tirriżulta kemm mill-karatteristiċi partikolari tar-rikorrenti u mill-missjonijiet u setturi ta’ attività rispettivi tagħhom, kif ukoll, b’mod iktar partikolari, miċ-ċirkustanzi tal-kuntest ekonomiku partikolari tal-kawża.

360    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li t-tnaqqis ta’ 60 % tal-multi deċiż mill-Kummissjoni skond il-punt 5(b) tal-linji gwida, minkejja li huwa importanti, ma jiħux biżżejjed in kunsiderazzjoni n-natura eċċezzjonali ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha.

361    Għaldaqstant, sabiex tieħu in kunsiderazzjoni bis-sħiħ u korrettament iċ-ċirkustanzi kollha identifikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u fid-dawl tal-fatt li hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni tissanzjona dan it-tip ta’ aġir antikompetittiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-eżerċizzju ta’ setgħa assoluta tagħha ta’ ġurisdizzjoni, tqis li huwa xieraq li tistabbilixxi għal 70 % il-perċentwali ta’ tnaqqis tal-multi mogħti lir-rikorrenti skond il-punt 5(b) tal-linji gwida.

III –  Fuq il-metodu tal-kalkolu u l-ammont finali tal-multa

362    Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punti 241 u 245 iktar ‘il fuq, li l-Kummissjoni naqset, fid-deċiżjoni kkontestata, milli twettaq l-obbligi ta’ motivazzjoni tagħha, għalhiex hija ma indikatx li kienet użat id-dħul mill-bejgħ tal-membri bażi tar-rikorrenti għall-kalkolu ta’ ammont li ma jaqbiżx il-limitu ta’ 10 % skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u lanqas ma esponiet iċ-ċirkustanzi li jippermettulha li tieħu in kunsiderazzjoni dan id-dħul mill-bejgħ akkumulat. Madankollu għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punti 324 u 325 iktar ‘il fuq, li l-Kummissjoni kellha d-dritt, f’dan il-każ, li tieħu in kunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ bażi tar-rikorrenti sabiex tikkalkula dan il-limitu, sakemm dan jirrigwarda membri attivi fis-swieq affettwati mill-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata.

363    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta’ motivazzjoni msemmi iktar ‘il fuq m’għandux jirriżulta fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din tagħti biss lok għal deċiżoni ġdida, li hija identika, fuq il-mertu, għad-deċiżjoni annullata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi/OHMI (TDI), T‑16/02, Ġabra p. II‑5167, punt 97), u lanqas f’emenda fl-ammont tal-multi.

364    Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punt 361 iktar ‘il fuq, għandu jiġi mnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti billi jiġi applikat perċentwali ta’ 70 % skond il-punt 5(b) tal-linji gwida, minflok il-perċentwali ta’ 60 % applikat mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-ammonti ta’ dawn il-multi huma ffissati għal:

–        360 000 EUR għar-rikorrenti fil-kawża T‑217/03;

–        9 000 000 EUR għall-FNSEA;

–        1 080 000 EUR għall-FNB;

–        450 000 EUR għall-JA;

–        1 080 000 EUR għall-FNPL.

 Fuq l-ispejjeż

365    Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. F’din il-kawża, għandu jiġi deċiż li r-rikorrenti għandhom isostnu l-ispejjeż tagħhom konnessi mal-proċedura prinċipali kif ukoll tliet kwarti mill-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni li huma konnessi ma’ din il-proċedura. Il-Kummissjoni għandha tbati kwart mill-ispejjeż tagħha konnessi ma’ din il-proċedura prinċipali u l-ispejjeż kollha konnessi mal-proċeduri sommarji.

366    Skond l-Artikolu 87(4) tar-Regoli ta’ Proċedura, ir-Repubblika Franċiża, il-parti intervenjenti, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-ammont tal-multa imposta fuq il-Fédération nationale de la coopération bétail et viande, rikorrenti fil-kawża T‑217/03, huwa ffissat għal 360 000 EUR.

2)      L-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti fil-kawża T‑245/03 huwa ffissat għal 9 000 000 EUR għall-Fédération nationale des syndicats d’exploitants agricoles, għal 1 080 000 EUR għall-Fédération nationale bovine, għal 1 080 000 EUR għall-Fédération nationale des producteurs de lait u għal 450 000 EUR għall-Jeunes agriculteurs.

3)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

4)      Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom konnessi mal-proċedura prinċipali u tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni konnessi ma’ din il-proċedura.

5)      Il-Kummissjoni għandha tbati kwart mill-ispejjeż tagħha konnessi mal-proċedura prinċipali u l-ispejjeż kollha konnessi mal-proċeduri sommarji.

6)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

García-Valdecasas

Cooke

Labucka

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-13 ta’ Diċembru 2006.

Reġistratur

 

      Aġent President

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  It-tieni kriżi msejħa "tal-mad cow disease"

II –  Il-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat u proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni

III –  Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq il-mertu

I –  Fuq il-konklużjonijiet li jwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq żbalji ta’ dritt fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet mitluba għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE

1.  Fuq id-deskrizzjoni tar-rikorrenti bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq in-nuqqas ta’ impatt sensibbli fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Fuq in-nuqqas ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4.  Fuq id-deskrizzjoni ta’ l-azzjoni sindakali

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ dritt fl-evalwazzjoni tal-portata u tat-tul ta’ żmien tal-ksur

1.  Id-domandi preliminari

a)  Fuq it-teħid in kunsiderazzjoni tal-ftehim lokali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

b)  Fuq l-organizzazzjoni, l-għażla, il-kwotazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dokumenti fl-inkartament

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  F’dak li jikkonċerna l-attribuzzjoni lir-rikorrenti ta’ ftehim dwar l-importazzjonijiet

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  F’dak li jikkonċerna l-attribuzzjoni lir-rikorrenti ta’ ftehim orali sigriet wara l-aħħar tax-xahar ta’ Novembru 2001

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tħejjija tal-proroga tal-ftehim

Fuq it-tiġdid tal-ftehim waqt il-laqgħat tad-29 ta’ Diċembru u tal-5 ta’ Diċembru 2001

–  Il-laqgħa tad-29 ta’ Diċembru 2001

–  Il-laqgħa tal-5 ta’ Diċembru 2001

Fuq din l-implementazzjoni tal-ftehim wara t-tmiem tax-xahar ta’ Novembru 2001

Il-konklużjonijiet

C –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ l-eċċezzjoni prevista mir-Regolament Nru 26

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

D –  Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

E –  Fuq il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

II –  Fuq il-konklużjonijiet intiżi għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa

A –  Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq l-illegalitŕ tal-linji gwida

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ dritt imwettqa fl-evalwazzjoni tal-gravitŕ tal-ksur

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C –  Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq l-iżbalji ta’ evalwazzjoni u ta’ dritt u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ fit-teħid in kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti

1.  F’dak li jikkonċerna ċ-ċirkustanza aggravanti rigward it-tkomplija b’mod sigriet tal-ftehim

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  F’dak li jikkonċerna ċ-ċirkustanza aggravanti dwar l-użu tal-vjolenza

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  F’dak li jikkonċerna n-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

D –  Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multi

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

E –  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ non akkumulazzjoni tas-sanzjonijet

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

F –  Fuq is-sitt motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fit-teħid in kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi previsti mill-Artikolu 5(b) tal-linji gwida

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

III –  Fuq il-metodu tal-kalkolu u l-ammont finali tal-multa

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.