Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Mejju 2013 – Sarafraz vs Il-Kunsill

(Kawża T-273/13)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Mohammad Sarafraz (Teheran, l-Iran) (rappreżentant: T. Walter, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 206/2013, tal-11 ta’ Marzu 2013, li jimplimenta l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran, sa fejn jikkonċerna lil Mohammad Sarafraz;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrent

Il-Kunsill kiser id-dritt tar-rikorrent għal protezzjoni legali effettiva u b’mod partikolari l-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn ma pprovdiex biżżejjed motivazzjoni dwar l-inklużjoni tiegħu fl-Anness tar-Regolament ta’ Implementazzjoni kkontestat;

Il-Kunsill kiser id-dritt għal smigħ tar-rikorrent peress li ċaħħdu mill-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) Nru 359/2011 1 , li jippreżenta osservazzjonijiet dwar l-inklużjoni tiegħu fuq il-lista u, għalhekk, li jwassal lill-Kunsill jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu.

It-tieni motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi tal-inklużjoni tar-rikorrent fuq il-lista

Ir-raġunijiet invokati mill-Kunsill għall-inklużjoni tar-rikorrent fuq il-lista ma jippermettux li tiġi ddeterminata b’mod eżatt il-bażi legali li bbażat ruħha fuqha l-istituzzjoni;

Il-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti billi inkluda r-rikorrent fuq il-lista tal-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni inkwistjoni;

B’mod partikolari, l-unika raġuni preċiża invokata mill-Kunsill fil-lista ma tistax tiġġustifika l-inklużjoni tar-rikorrent.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju non bis in idem (piena doppja)

L-unika raġuni preċiża tal-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista indikata mill-Kunsill diġà kienet suġġett ta’ sanzjoni tal-awtorità tal-kontroll tax-xandir fir-Renju Unit;

Il-Kunsill ma jsostnix li, minkejja jew minħabba din is-sanzjoni, kien hemm ksur ieħor li jiġġustifika inklużjoni fuq il-lista.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent għal-libertà tax-xandir jew tal-espressjoni, għall-moviment liberu u għad-dritt ta’ proprjetà

L-inklużjoni tar-rikorrent fuq il-lista tikkostitwixxi ksur inġustifikat u sproporzjonat għal-libertajiet tiegħu tax-xandir u tal-espressjoni li hija prinċipalment intiża li tostakola, fil-konfront tar-rikorrent jew tal-korp tax-xandir li miegħu huwa impjegat, ix-xandir ta’ informazzjoni fl-Ewropa jew lejn l-Ewropa;

L-inklużjoni tar-rikorrent fuq il-lista tikkostitwixxi ksur inġustifikat u sproporzjonat ta’ drittijiet fundamentali oħra protetti (dritt għall-proprjetà, libertà professjonali, dritt għall-moviment liberu).

____________

1 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011, tat-12 ta’ April 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (ĠU L 100, p. 1).