Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2013 – Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il-Kunsill

(Kawża T-276/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Growth Energy (Washington, l-Istati Uniti), Renewable Fuels Association (Washington, l-Istati Uniti) (rappreżentant: P. Vander Schueren, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 157/2013, tat-18 ta’ Frar 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 49, p. 10), sa fejn dan jaffettwa lir-rikorrenti u lill-membri tagħhom; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw għaxar motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod kuntrarju għar-Regolament bażiku, peress li hija għażlet dazju aplikabbli għal pajjiż sħiħ u rrifjutat li tikkalkola dazju tad-dumping individwali, u dan minkejja l-fatt li hija kellha l-informazzjoni kollha li kellha bżonn sabiex tagħmel dan. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti rilevanti, żball ta’ liġi, naqset milli tagħti r-raġunijiet għall-konklużjonijiet tagħha, kisret id-dmir tagħha ta’ kura u kisret id-drittijiet tad-difiża kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li n-nuqqas, min-naħa tal-Kummissjoni, milli taġġusta l-prezz tal-esportazzjoni meta kkalkolat il-marġni tad-dumping, u dan billi ma għamlitx aġġustament ’il fuq fir-rigward tal-prezzijiet tal-esportazzjoni għal taħlitiet tal-blender ikkonċernat, jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti rilevanti u żball ta’ liġi.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest, min-naħa tal-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tal-fatti rilevanti u fuq ksur, min-naħa tagħha, tar-Regolament bażiku u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi stmat il-volum tal-importazzjonijiet tal-bijoetanol mill-Istati Uniti iktar milli suppost u billi ma ttrattatx lil dawn l-imprtazzjonijiet b’mod simili għal importazzjonijiet tal-istess prodott minn pajjiżi terzi.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tar-Regolament bażiku, min-naħa tal-Kummissjoni, meta wettqet kalkoli tal-marġni tal-ħsara.

Il-ħames motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ksur tar-Regolament bażiku, min-naħa tal-Kummissjoni, meta bbażat id-determinazzjoni tal-marġni tal-ħsara fuq industrija tal-Unjoni li ma timmanifatturax prodott simili u billi ddefinixxiet l-industrija tal-Unjoni qabel ma ddefinixxiet il-prodott simili.

Is-sitt motiv ibbażat fuq vizzju tar-Regolament ikkontestat u dan bħala riżultat ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ liġi peress li l-ħsara materjali li huwa jipprovdi għaliha hija ddeterminata fuq data li tappartjeni għal kampjun mhux rappreżentattiv ta’ produtturi tal-Unjoni.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, billi kkonkludiet li kawżi oħra ta’ ħsara materjali ma jiksrux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonjiet immirati u l-ħsara allegata lill-industrija tal-Unjoni.

It-tmien motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, min-naħa tal-Kunsill, billi adotta miżura ta’ dumping li ma kinitx neċessarja.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ nondiskriminazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, billi qieset li l-investigazzjoni dwar il-bijoetanol li joriġina mill-Istati Uniti kienet ibbażata fuq ilment adegwat, meta dan tal-aħħar ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament bażiku.

L-għaxar motiv ibbażat fuq ksur multipli, min-naħa tal-Kummissjoni, tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u fuq nuqqas, ukoll min-naħa tal-Kummissjoni, li tagħti raġunijiet fl-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, peress li l-iżvelar definittiv li fuqu dan huwa bbażat ma kienx jinkudi fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali għall-adozzjoni tal-miżuri definittivi. Il-Kummissjoni bidlet ukoll il-perijodu ta’ validità tal-miżuri mingħajr ma tat raġunjijiet filwaqt li ma ppermettietx lir-rikorrenti jaċċedu l-fajl mhux kunfidenzjali fi żmien utli u lanqas ma tat biżżejjed ħin sabiex ir-rikorrenti jissottomettu kummenti dwar l-iżvelar definittiv.