Language of document : ECLI:EU:T:2016:340

Kawża T-276/13

Growth Energy
u

Renewable Fuels Association

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Dumping – Importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti – Dazju antidumping definittiv – Rikors għal annullament – Assoċjazzjoni – Nuqqas ta’ interess dirett tal-membri – Inammissibbiltà – Dazju antidumping fuq skala internazzjonali – Trattament individwali – Teħid ta' kampjuni – Drittijiet tad-difiża – Nondiskriminazzjoni – Dmir ta’ diliġenza"

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Rikors ta' assoċjazzjoni professjonali li tħares u tirrappreżenta l-membri tagħha – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Rikors ippreżentat b'mod parallel minn membru – Inammissibbiltà tar-rikors tal-assoċjazzjoni

(ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Rikors ta' assoċjazzjoni professjonali li tħares u tirrappreżenta l-membri tagħha – Rikors ippreżentat bħala rappreżentant ta' membri mingħajr dritt ta' vot – Inammissibbiltà

(ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Regolament li jimponi dazji antidumping – Dazji differenti imposti fuq impriżi differenti – Ammissibbiltà limitata għal kull impriża fir-rigward tad-dispożizzjonijiet partikolari li jikkonċernawha

(ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 157/2013)

4.      Rikors għal annullament – Sentenza ta' annullament – Effetti – Rikors ta' assoċjazzjoni professjonali li tħares u tirrappreżenta l-membri tagħha – Effetti tal-annullament fil-konfront tal-membri tagħha – Portata

(ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

5.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Rikors ta' assoċjazzjoni professjonali li tħares u tirrappreżenta l-membri tagħha – Rikors ippreżentat fuq bażi individwali – Rikors intiż għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-assoċjazzjoni – Ammissibbiltà

(ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikoli 6(7), 19(1) u (2), u 20(2), (4) u (5))

6.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Interess dirett – Kriterji – Regolament li jimponi dazji antidumping – Interess dirett ta' produtturi li ma esportawx il-prodott milqut minn dazju antidumping

(ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

7.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Interess individwali – Kriterji – Regolament li jimponi dazji antidumping – Interess individwali ta' produtturi li ma esportawx il-prodott milqut minn dazju antidumping

(ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

8.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Eżistenza ta' rimedji oħrajn – Nuqqas ta' impatt

(ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

9.      Proċedura ġudizzjarja – Intervent – Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mhux imqajma mill-konvenut – Inammissibbiltà – Eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku – Eżami ex officio mill-qorti

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 40; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 142(3))

10.    Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Neċessità ta’ interess reali u attwali – Regolament li jimponi dazji antidumping – Interess ġuridiku ta' assoċjazzjoni professjonali li tħares u tirrappreżenta l-membri tagħha

(ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

11.    Ftehimiet internazzjonali – Qbil li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ – GATT tal-1994 – Impossibbiltà li jiġu invokati l-Ftehimiet tal-ODK biex tiġi kkontestata l-legalità ta' att tal-Unjoni – Eċċezzjonijiet – Att tal-Unjoni intiż biex jiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu jew li jirreferi għalih espressament u preċiżament

(Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, “Ftehim antidumping tal-1994”, Artikolu 6.10 u 9.2; Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 9(5))

12.    Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiċi ta' dumping – Iffissar ta’ dazji antidumping – Obbligu li jiġu imposti dazji individwali lil kull fornitur – Portata – Interpretazzjoni fid-dawl tal-ftehim antidumping tal-GATT tal-1994 – Impożizzjoni ta' dazji individwali lill-esportaturi jew produtturi inklużi fil-kampjun li kkooperaw fl-investigazzjoni

(Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, “Ftehim antidumping tal-1994”, Artikolu 6.10 u 9.2; Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 9(5) u 17(1) u (3))

13.    Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiċi ta' dumping – Żvolġiment tal-investigazzjoni – Teħid ta' kampjuni – Bidla fil-kompożizzjoni ta' teħid ta' kampjun – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 17)

14.    Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiċi ta' dumping – Iffissar ta’ dazji antidumping – Obbligu li jiġu imposti dazji individwali lil kull fornitur – Eċċezzjonijiet – Interpretazzjoni fid-dawl tal-ftehim antidumping tal-GATT tal-1994 – Diffikultajiet ta' stabbiliment ta' prezz għall-esportazzjoni individwali għal produttur inkluż fil-kampjun li kkoopera fl-investigazzjoni – Esklużjoni

(Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, “Ftehim antidumping tal-1994”, Artikolu 6.10 u 9.2; Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 9(5))

15.    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Rispett fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi – Antidumping – Ksur – Kundizzjonijiet – Possibbiltà għall-impriża kkonċernata li tiżgura aħjar id-difiża tagħha fin-nuqqas ta' irregolarità proċedurali

16.    Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Regolament li jimponi dazji antidumping – Obbligu għall-istituzzjoni li tispjega r-raġunijiet għall-bidla fil-pożizzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva – Assenza

(Artikolu 296 TFUE)

17.    Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Identifikazzjoni tas-suġġett tal-kawża – Espożizzjoni ċara u preċiża tal-motivi invokati

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 44(1)(c))

18.    Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiċi ta' dumping – Proċedura antidumping – Dritt ta' aċċess għad-dokumenti mhux kunfidenzjali tal-proċedura – Ksur – Annullament tar-regolament antidumping ikkontestat – Kundizzjoni – Possibbiltà għall-impriża kkonċernata li twassal il-proċedura amministrattiva għal riżultat differenti fin-nuqqas tal-ksur imsemmi

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 6(7))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 45, 49-51)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 52-55)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 58, 59)

4.      L-effetti tal-annullament ta' regolament jistgħu jipproduċu ruħhom fir-rigward tal-membri kollha ta’ assoċjazzjoni professjonali li tħares u tirrappreżenta lill-membri tagħha li ppreżentat rikors għal annullament, biss sa fejn ir-rikorsi tal-imsemmija membri kienu ammissibbli.

Fil-fatt, kieku kien mod ieħor, assoċjazzjoni professjonali tkun tista' tinvoka l-locus standi ta' wħud mill-membri tagħha biex tikseb l-annullament ta' regolament favur il-membri kollha tagħha, inklużi dawk li ma jissodisfawx, individwalment, il-kundizzjonijiet imsemmija fir-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Dan iwassal biex jiġu evitati r-regoli relattivi għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament.

(ara l-punti 60, 61)

5.      Peress li r-Regolament bażiku antidumping Nru 1225/2009 jagħti garanziji proċedurali lill-persuni li pparteċipaw fil-proċess ta' adozzjoni ta' regolament li jimponi dazji antidumping, l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-industrija kkonċernata minn tali regolament u li pparteċipaw fil-proċedura antidumping għandhom jitqiesu, bħala partijiet interessati fil-proċedura, li għandhom locus standi għall-annullament tar-regolament imsemmi minħabba li huma direttament u individwalment ikkonċernati, sa fejn ir-rikorsi għal annullament tagħhom huma intiż għas-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħhom

Fil-fatt, il-fatt li persuna li tintervjeni, b’mod mod jew ieħor, fil-proċess li jwassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni huwa ta’ natura li jindividwalizza lil din il-persuna fir-rigward tal-att inkwistjoni fil-każ biss li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli tagħtiha ċerti garanziji proċedurali.

(ara l-punti 81, 82, 87)

6.      Il-produtturi ta' prodott milqut minn dazju antidumping li ma humiex involuti fl-esportazzjoni tiegħu lejn l-Unjoni, ikunu direttament ikkonċernati, skont ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mir-regolament li jistabbilixxi d-dazju antidumping meta jkun stabbilit li volum kbir tal-prodott provenjenti mill-produtturi msemmija kien ġie esportat regolarment lejn l-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni.

Fil-fatt, l-ammissibbiltà ta' rikors kontra regolament li jimponi dazji antidumping ma tiddependix mill-istatus tar-rikorrent bħala produttur jew esportatur. Peress li d-dazji antidumping huma marbuta mal-prodotti esportati, produttur, anki jekk ma għandux il-kwalità ta' esportatur tal-imsemmija prodotti, jista' jinsab sostanzjalment milqut mill-impożizzjoni ta' tali dazji antidumping fuq il-prodott ikkonċernat importat fl-Unjoni.

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-esportaturi jbatu d-dazju antidumping u jseħħ li l-katina kummerċjali tal-prodott ikkonċernat tiġi interrotta b'mod li dawn ma jkunux f'pożizzjoni li jpoġġu l-oneru tad-dazju antidumping fuq il-produtturi, l-istabbiliment ta' dazju antidumping ibiddel il-konsegwenzi legali li taħthom il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott imsemmi sseħħ fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, il-pożizzjoni legali tal-produtturi tal-prodotti msemmija fis-suq tal-Unjoni hija, f’kull każ, direttament u sostanzjalment milquta.

F'dan il-kuntest, l-istruttura tal-arranġamenti kuntrattwali bejn l-operaturi ekonomiċi fi ħdan il-katina kummerċjali tal-prodott ikkonċernat ma għandha ebda effett fuq il-kwistjoni jekk produttur tal-prodott imsemmi huwiex direttament ikkonċernat mir-regolament li jistabbilixxi dazji antidumping. Barra minn hekk, il-fatt li produttur ikun jaf eżattament liema merkanzija li tirriżulta mill-produzzjoni tiegħu tiġi esportata lejn l-Unjoni huwa irrilevanti għall-kwistjoni jekk dan huwiex direttament milqut mir-regolament li jistabbilixxi dazji antidumping.

(ara l-punti 97, 104, 108, 110, 114, 116, 117)

7.      Il-produtturi ta' prodott milqut minn dazju antidumping li ma humiex involuti fl-esportazzjoni tiegħu lejn l-Unjoni jkunu individwalment ikkonċernati, skont ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, minn regolament li jistabbilixxi dazju antidumping fil-każ li, l-ewwel nett, ikunu jistgħu jipprovaw li kienu ġew identifikati fl-atti tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill jew ikkonċernati mill-investigazzjonijiet preparatorji u, it-tieni nett, il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun sostanzjalment milquta mid-dazju antidumping li huwa s-suġġett tar-regolament imsemmi.

F'dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar min eżattament implementa l-prattiki ta’ dumping inkwistjoni ma hijiex rilevanti għad-determinazzjoni jekk il-produtturi humiex individwalment ikkonċernati mir-regolament li jistabbilixxi dazju antidumping fuq skala nazzjonali għall-importazzjoni tal-prodott inkwistjoni lejn l-Unjoni. Fil-fatt, il-produtturi kkonċernati jbatu l-konsegwenzi tal-imputazzjoni tal-prattiki antidumping anki jekk dawn il-prattiki ma humiex imputati lilhom.

Barra minn hekk, l-imputazzjoni tal-prattiki ta' dumping lill-impriża li l-locus standi tagħha huwa eżaminat ma hijiex kundizzjoni neċessarja biex jiġi konkluż l-interess individwali tagħha. L-imputazzjoni tal-prattika ta’ dumping lil produttur jew lil esportatur hija element li jista’ jindividwalizza lil dan, iżda ma hijiex rekwiżit għal dawn l-operaturi ekonomiċi.

Barra minn hekk, il-fatt li l-istituzzjonijiet iddeċidew li ma jużawx l-informazzjoni pprovduta mill-produtturi kkonċernati biex jikkalkolaw marġni ta’ dumping individwali fir-rigward tagħhom, ma jistax jeskludi l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn dawn il-produtturi.

(ara l-punti 122, 134, 135, 139)

8.      F'dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà ta' rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, il-kwistjoni jekk ir-rikorrent għandux rimedji oħrajn sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu ma għandha ebda effett fuq l-eżami tal-interess dirett u individwali fir-rigward tal-att ikkontestat.

(ara l-punt 147)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 157)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 158-160)

11.    Fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tagħhom, il-ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ODK), li jifforma parti minnhom il-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali fuq it-tariffi doganali u l-kummerċ tal-1994 (Ftehim antidumping), ma jinsabux, fil-prinċipju, fost ir-regoli li fir-rigward tagħhom il-qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huwa biss f’sitwazzjoni fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni teżegwixxi obbligu partikolari li tkun assumiet fil-kuntest tal-ODK, jew f’każ fejn l-att tal-Unjoni jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-ftehimiet tal-ODK, li l-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ il-legalità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tal-ODK.

Fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-Ftehim antidumping tal-ODK fil-liġi tal-Unjoni, mill-adozzjoni stess Regolament Nru 765/2012 li jemenda r-regolament bażiku antidumping jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li, permezz tal-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku antidumping Nru 1225/2009, l-Unjoni kellha l-intenzjoni li teżegwixxi obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-ODK, li f’dan il-każ jinsab fl-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK.

Peress li, barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni, meta adotta r-Regolament Nru 765/2012 sabiex jimplementa r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-organu ta' arbitraġġ tal-ODK, ma kienx jikkunsidra bħala neċessarju li jemenda t-termini ta’ “importazzjonijiet ta’ prodott mill-għejun kollha li jinstab li kien l-oġġett ta’ dumping u li kkawża l-ħsara”, l-istess bħat-termini “fornitur” u “mhux prattikabbli” li jinsabu fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku antidumping, għandu jiġi konkluż li t-termini msemmija għandhom jiġu interpretati b'mod konformi mal-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim antidumping tal-ODK.

(ara l-punti 175, 177, 178, 180, 183, 184)

12.    L-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku antidumping Nru 1225/2009 kif ukoll l-Artikolu 9.2 tal-ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi doganali u l-kummerċ tal-1994 (Ftehim antidumping) jistabbilixxu li, fil-prinċipju, dazju antidumping għandu jiġi impost individwalment għal kull fornitur fuq l-importazzjonijiet ta’ prodott, indipendentement mis-sors tagħhom, li dwarhom ġie kkonstatat li huma s-suġġett ta’ dumping u li jikkawżaw dannu. Mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li operatur li ma jitqiesx li għandu l-kwalità ta’ fornitur ma għandu ebda dritt għall-impożizzjoni ta’ dazju antidumping individwali fir-rigward tiegħu.

Skont id-dritt tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ODK), kull esportatur jew produttur magħżul fil-kampjun u li b’hekk ikkoopera mal-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni matul l-investigazzjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jitqies li huwa fornitur fis-sens tal-Artikolu 9.2 tal-ftehim antidumping tal-ODK.

F’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku antidumping, l-Artikolu 9(5) tar-regolament imsemmi għandu jiġi interpretat konformement mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim antidumping tal-ODK. Barra minn hekk, mill-Artikolu 17(1) u (3) tar-Regolament bażiku antidumping, interpretat b'mod konformi mad-dritt tal-ODK, jirriżulta li anki jekk il-produtturi li ma ġewx inklużi fil-kampjun inizjali huma fondati biex jibbenefikaw mill-kalkolu ta’ marġni individwali, a fortiori, il-produtturi li ġew inklużi f’dan il-kampjun huma fondati wkoll. F’dan ir-rigward, l-aħħar frażi tal-Artikolu 9(6) tar-regolament bażiku antidumping tfakkar li dazji individwali għandhom jiġu applikati għall-importazzjonijiet provenjenti mill-esportaturi jew mill-produtturi li jibbenefikaw minn trattament individwali, konformement mal-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament.

Isegwi li, b’applikazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku antidumping, kull esportatur jew produttur li ntgħażel fil-kampjun tal-fornituri tal-prodott li huwa s-suġġett tad-dumping u li b’hekk ikkoopera mal-istituzzjonijiet matul l-investigazzjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jitqies li huwa fornitur fis-sens tal-Artikolu 9(5) tal-imsemmi regolament.

(ara l-punti 187, 192-194)

13.    Meta, fil-kuntest ta' investigazzjoni relattiva għad-dumping, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tirrikorri għat-teħid ta’ kampjuni, l-għan tal-kostituzzjoni ta’ kampjun ta’ produtturi-esportaturi huwa li tiġi stabbilita, matul investigazzjoni limitata, bl-iktar mod eżatt possibbli, il-pressjoni fuq il-prezzijiet subita mill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li temenda, f’kull mument, il-kompożizzjoni ta’ kampjun skont il-bżonnijiet tal-investigazzjoni. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni tal-ftehim antidumping tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ODK) jew tar-Regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009 ma tobbliga lill-istituzzjonijiet li jżommu lill-produtturi inizjalment inklużi fil-kampjun tal-fornituri tal-prodott li huwa s-suġġett tad-dumping jekk ikunu jqisu li dawn ma għandhomx il-kwalità ta’ fornituri jew li ma jikkostitwux sorsi ta’ importazzjoni tal-prodott li huwa s-suġġett tad-dumping u li jikkawżaw dannu.

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk għandux jinżamm operatur f’kampjun, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li din għandha teżamina.

(ara l-punt 195)

14.    Għandu jiġi interpretat it-terminu "mhux prattikabbli" msemmi fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku antidumping Nru 1225/2009 konformement mat-terminu analogu użat fl-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi doganali u l-kummerċ tal-1994 (ftehim antidumping).

Għaldaqstant, meta l-awtorità tagħmel użu mit-teħid ta’ kampjuni, it-terminu “mhux prattikabbli” użat fl-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku antidumping jawtorizza, fil-prinċipju, żewġ eċċezzjonijiet għad-determinazzjoni ta’ marġni ta’ dumping individwali kif ukoll għall-istabbiliment ta’ dazji antidumping individwali għall-operaturi li kkooperaw fl-investigazzjoni, jiġifieri, l-ewwel nett, il-każ tal-produtturi jew esportaturi mhux inklużi fil-kampjun, ħlief dawk li għalihom l-Artikolu 17(3) tar-regolament bażiku antidumping jistabbilixxi marġni ta’ dumping individwali, u, it-tieni nett, il-każ tal-operaturi li jikkostitwixxu entità unika. Fi kliem ieħor, sa fejn l-istituzzjonijiet għamlu użu mit-teħid ta’ kampjuni, fil-prinċipju, eċċezzjoni għad-determinazzjoni ta’ marġni ta’ dumping individwali kif ukoll għall-istabbiliment ta’ dazji antidumping individwali hija possibbli biss għall-impriżi li ma jifformawx parti minn kampjun u li ma għandhomx b’mod ieħor dritt li jkollhom dazju antidumping individwali tagħhom stess. B’mod partikolari, l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku antidumping ma jippermetti ebda eċċezzjoni għall-obbligu li jiġi stabbilit dazju antidumping individwali għal produttur inkluż fil-kampjun li kkoopera fl-investigazzjoni, meta l-istituzzjonijiet iqisu li ma jkunux f’pożizzjoni li jistabbilixxu għalih prezz għall-esportazzjoni individwali.

Għalhekk, mill-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku antidumping jirriżulta li, meta produtturi u/jew esportaturi jkunu jifformaw parti minn kampjun, l-istituzzjonijiet huma marbuta li jippreċiżaw id-dazji antidumping dovuti minn kull fornitur.

(ara l-punti 232, 233)

15.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 250-252, 269, 278, 296, 307, 338)

16.    Meta regolament li jistabbilixxi dazji antidumping definittivi jiddaħħal fil‑kuntest sistematiku ta’ sistema ta’ miżuri, ma jistax jiġi mistenni li l‑motivazzjoni tiegħu tispeċifika l‑punti varji ta’ fatt u ta’ liġi, ta’ spiss numerużi u kumplessi, li jkunu s‑suġġett tiegħu, u lanqas li l‑istituzzjonijiet jieħdu pożizzjoni dwar l‑argumenti kollha invokati mill‑partijiet interessati. Bil‑kontra, huwa suffiċjenti li l‑awtur tal‑att jesponi l‑fatti u l‑kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li jkollhom importanza essenzjali fl‑ekonomija tar‑regolament ikkontestat.

Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni fil-kuntest tal-miżuri antidumping ma jimponix fuq l-istituzzjonijiet li jispjegaw għalfejn pożizzjoni maħsuba f’ċertu stadju tal-proċedura antidumping kienet eventwalment infondata.

(ara l-punti 253, 289)

17.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 254, 265, 266, 281, 335)

18.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 314-320, 327)