Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn The Equality Tribunal (l-Irlanda) fit-30 ta' Lulju 2012 - Z vs A Government Department u the Board of Management of a Community School

(Kawża C-363/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

The Equality Tribunal

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Z

Konvenuti: A Government Department u the Board of management of a Community School

Domandi preliminari

Fid-dawl tas-segwenti dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea:

l-Artikolu 3 tar-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

l-Artikoli 8 u 157 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea u/jew

l-Artikoli 21, 23, 33 u 34 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

Id-Direttiva 2006/54/KE, u b'mod partikolari l-Artikoli 4 u 14 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li jkun hemm diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess meta mara - li l-wild ġenetiku tagħha jkun twieled permezz ta' ftehim ma' mara oħra li twelled it-tarbija għaliha, u li tkun responsabbli mill-kura tal-wild ġenetiku tagħha mit-twelid - ma tingħatax leave bi ħlas ekwivalenti għal leave tal-maternità u/jew għal leave tal-adozzjoni?

Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, id-Direttiva 2006/54/KE 2 hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija tad-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea?

Fid-dawl tas-segwenti dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea:

l-Artikolu 10 tar-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea u/jew,

l-Artikoli 21, 26 u 34 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

Id-Direttiva 2000/78/KE , u b'mod partikolari l-Artikoli 3(1) u 5 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li jkun hemm diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà meta mara - li tbati minn diżabbiltà li tipprekludiha milli twelled tarbija, li l-wild ġenetiku tagħha jkun twieled permezz ta' ftehim ma' mara oħra li twelled it-tarbija għaliha, u li tkun responsabbli mill-kura tal-wild ġenetiku tagħha mit-twelid - ma tingħatax leave bi ħlas ekwivalenti għal leave tal-maternità u/jew għal leave tal-adozzjoni?

Fil-każ li għat-tielet domanda tingħata risposta negattiva, id-Direttiva 2006/78/KE hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija tad-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea?

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltajiet tista' tiġi invokata għall-finijiet ta' interpretazzjoni u/jew ta' kontestazzjoni tal-validità tad-Direttiva 2000/78/KE?

Fil-każ li għall-ħames domanda tingħata risposta affermattiva, id-Direttiva 2000/78/KE, u b'mod partikolari l-Artikoli 3 u 5 tagħha, hija kompatibbli mal-Artikoli 5, 6, 27(1)(b) u 28(2)(b) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltajiet?

____________

1 - Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta' Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, p. 23)

2 - Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta' Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79)