Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Marzu 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-The Equality Tribunal – l-Irlanda) – Z vs A Government Department, the Board of Management of a Community School

(Kawża C-363/12) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2006/54/KE – Ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Omm li tikkummissjona li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata – Rifjut li jingħatalha leave mħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità jew leave tal-adozzjoni – Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbilità – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq diżabbiltà – Omm li tikkummissjona li ma jistax ikollha tarbija – Eżistenza ta’ diżabbiltà – Validità tad-Direttivi 2006/54 u 2000/78)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

The Equality Tribunal

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Z

Konvenuti: A Government Department, the Board of Management of a Community School

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - The Equality Tribunal (l-Irlanda) – Interpretazzjoni tal-Artikoli 4 u 14 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, p. 23) - Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79) - Omm bijoloġika li rrikorriet għal maternità sostituttiva - Persuna li tbati minn diżabbiltà fiżika li tipprekludiha milli twelled tarbija - Dritt għal leave tal-maternità

Dispożittiv

Id-Direttiva 2006/54/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 14 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, il-fatt ta’ rifjut li jingħata leave mħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità lil ħaddiema, fil-kwalità tagħha ta’ omm li tikkummissjona li kellha tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata.

Is-sitwazzjoni ta’ tali omm li tikkummissjona f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ leave tal-maternità jew ta’ leave tal-adozzjoni ma taqax taħt din id-direttiva.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, il-fatt li jkun irrifjutat l-għoti ta’ leave mħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità jew għal leave tal-adozzjoni lil ħaddiema li ma jistax ikollha tarbija u li rrikorriet għal arranġament ma’ omm surrogata.

Il-validità ta’ din id-direttiva ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà, iżda l-imsemmija direttiva għandha, sa fejn possibbli, tiġi interpretata b’mod konformi ma’ din il-konvenzjoni.

____________

1 ĠU C 311, 13.10.2012