Language of document : ECLI:EU:T:2014:991

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

25 ta’ Novembru 2014 (*)

“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Proporzjonalità — Natura xierqa — Neċessità — Assenza ta’ natura arbitrarja — Motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑402/13,

Orange, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn J.‑P. Gunther u A. Giraud, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Dawes u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjonijiet C (2013) 4103 finali u C (2013) 4194 finali tal-Kummissjoni, tal-25 u tas-27 ta’ Ġunju 2013, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, indirizzati rispettivament lil France Télécom SA u Orange kif ukoll lill-kumpanniji kollha li huma direttament jew indirettament ikkontrollati minnha,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek (Relatur), President, I. Labucka u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Orange (qabel l-1 ta’ Lulju 2013, France Télécom SA), hija kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Franċiż li b’mod partikolari għandha bħala għan li tipprovdi servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, inkluż it-telefonija fissa u mobbli, ta’ aċċess għall-internet lill-impriżi u lill-persuni fiżiċi. Fil-qasam tal-internet, ir-rikorrenti hija l-fornitur ta’ aċċess għall-internet permezz tan-netwerk nazzjonali tagħha “Orange Internet” li miegħu huma konnessi l-klijenti tagħha. Hija topera wkoll in-netwerk internazzjonali tagħha għat-trażmissjoni tal-kontenut Internet “Open Transit International”, interkonness ma’ Orange Internet, iżda konness ukoll ma’ numru ta’ netwerks internazzjonali oħra.

 Il-proċedura quddiem l-Awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni

2        Fid-9 ta’ Mejju 2011, Cogent Communications Inc. u Cogent Communications France (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien “Cogent”) ressqu lment quddiem l-Awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni (iktar ʼil quddiem l-“Awtorità”) fejn irrapportaw prattiki tar-rikorrenti li jmorru kontra l-Artikolu L. 420‑2 tal-Kodiċi tal-kummerċ u l-Artikolu 102 TFUE. Cogent allegat l-eżistenza ta’ rifjut ta’ aċċess għal faċilità essenzjali kif ukoll ta’ prattiki ta’ “tromboning”, ikkritikat id-dgħjufija tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni li ngħatatilha mir-rikorrenti f’Pariġi (Franza) u l-implementazzjoni ta’ politika ta’ fatturazzjoni tal-kapaċitajiet addizzjonali fil-kuntest tal-ftehimiet ta’ “peering”, u invokat restrizzjoni fil-propagazzjoni ta’ “prefissi/routes to peers” u ta’ prattiki ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

3        Fl-20 ta’ Settembru 2012, l-Awtorità adottat id-deċiżjoni tagħha 12‑D‑18 dwar prattiki implementati fis-settur tas-servizzi reċiproċi ta’ interkonnessjoni fil-qasam tal-konnettività mal-internet. Wara li eżaminat il-prattiki rrapportati minn Cogent u s-suq rilevanti, l-Awtorità, minn naħa, ikkunsidrat, essenzjalment, li l-imsemmija prattiki jew ma kinux ġew ipprovati, jew inkella ma kinux jikkostitwixxu abbuż ta’ pożizzjoni dominanti u, min-naħa l-oħra, qieset prima facie li seta’ eventwalment jeżisti biss tħassib dwar il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ eventwali kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Essenzjalment, kien prevedibbli li l-livell baxx ħafna tal-prezzijiet imposti mir-rikorrenti fuq ċerti fornituri indipendentement mill-kontenut u/jew mill-applikazzjonijiet fuq l-Internet għall-aċċess tal-persuni rreġistrati ma setax jiġi rreplikat minn Cogent u seta’ jikkostitwixxi prattika ta’ kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Filwaqt li tinnota l-opaċità tar-relazzjoni bejn Orange Internet u Open Transit International, l-Awtorità kkonkludiet li kien diffiċli sabiex tiġi kkontrollata r-realtà ta’ tali prattika. Bħala risposta għal dan it-tħassib, ir-rikorrenti pproponiet żewġ impenji li jirrigwardaw, minn naħa, il-formalizzazzjoni ta’ protokoll intern bejn Orange Internet u Open Transit International u, min-naħa l-oħra, il-verifika tal-implementazzjoni tal-protokoll mid-dipartimenti investigattivi tal-Awtorità, liema impenji kienu saru obbligatorji permezz tad-deċiżjoni tal-Awtorità.

 Investigazzjoni tal-Kummissjoni

4        Fit-18 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni Ewropea indirizzat, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), talbiet għal informazzjoni lir-rikorrenti kif ukoll lis-sussidjarja Pollakka tagħha. Dawn it-talbiet għal informazzjoni kienu jirrigwardaw aġir antikompetittiv eventwali fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi ta’ konnettività mal-internet u tal-aċċess għall-utenti finali konnessi man-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Ir-rikorrenti u s-sussidjarja Pollakka tagħha wieġbu għal dawn it-talbiet fil-15 ta’ Frar 2012.

5        Fil-25 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2013) 4103 finali, tal-25 ta’ Ġunju 2013, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, indirizzata lil France Télécom kif ukoll lill-kumpanniji kollha kkontrollati direttament jew indirettament minnha, li tordnalhom li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni. Fid-dawl tal-bidla tal-isem tar-rikorrenti, il-Kummissjoni adottat, fis-27 ta’ Ġunju 2013, id-Deċiżjoni C (2013) 4194 finali, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, indirizzata lil Orange kif ukoll lill-kumpanniji kollha kkontrollati direttament jew indirettament minnha, li tordnalhom li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni. Bl-eċċezzjoni tal-identifikazzjoni tad-destinatarji tagħhom, il-kontenut tad-Deċiżjonijiet C (2013) 4103 finali u C (2013) 4194 finali huwa identiku (iktar ʼil quddiem, meħudin flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

6        Il-premessi 3 sa 10 tad-deċiżjonijiet ikkontestati huma redatti kif ġej:

“(3) Il-Kummissjoni għandha indikazzjonijiet li [r-rikorrenti] jista’ jkollha pożizzjoni dominanti f’suq wieħed rilevanti jew iktar għal dak li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi ta’ konnettività mal-internet.

(4) Il-Kummissjoni għandha indikazzjonijiet li [r-rikorrenti] tista’ timplementa prattiki li jillimitaw u/jew inaqqsu mill-kwalità tas-servizzi ta’ konnettività mal-internet fiż-ŻEE. Tali prattiki jistgħu jinkludu:

a)      ‘Tromboning’. [Ir-rikorrenti] tista’ tippermetti lil ċerti fornituri ta’ tranżitu jistabbilixxu interkonnessjoni b’kapaċità adegwata man-netwerk [tar-rikorrenti] biss f’postijiet imwarrba, anki jekk ir-[rikorrenti] u l-fornitur(i) ta’ tranżitu inkwistjoni jinsabu u jistgħu jistabbilixxu interkonnessjoni f’postijiet li jinsabu iktar viċin fiż-ŻEE, inkluż fit-territorju tal-Istat jew tal-Istati Membri fejn [ir-rikorrenti stess] toffri servizzi ta’ aċċess għall-broadband internet; u/jew

b)      Konġestjoni ta’ portijiet. [Ir-rikorrenti] tista’ tirrifjuta, u/jew ittawwal l-implementazzjoni tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni ma’ ċerti fornituri ta’ tranżitu, fatt li jwassal għall-konġestjoni tal-portijiet eżistenti; u/jew

c)      Restrizzjoni għall-propagazzjoni ta’ routes. Billi tapplika restrizzjonijiet għall-propagazzjoni ta’ routes fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha ta’ tranżitu, [ir-rikorrenti] tista’ ġġiegħel l-operaturi ta’ tranżitu u n-[netwerks ta’ distribuzzjoni tal-kontenut] sabiex jaqbdu direttament man-netwerk [tar-rikorrenti] sabiex jilħqu lill-utenti finali ta’ [din tal-aħħar] jew sabiex jipprovdu lil dawn l-istess utenti finali livell ta’ kwalità aċċettabbli; u/jew

d)      Rapporti tat-traffiku restrittivi. [Ir-rikorrenti] tista’ tapplika rapporti tat-traffiku restrittivi bejn it-traffiku li jidħol u t-traffiku li joħroġ, li jkollhom bħala effett li jillimitaw it-traffiku li jidħol tal-operaturi ta’ tranżitu intiż għall-utenti finali, u/jew tista’ titlob li l-operaturi ta’ tranżitu jħallsu għat-traffiku li jidħol indipendentement minn dan ir-rapport; u/jew

e)      Kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Id-differenza bejn il-prezz [tar-rikorrenti] mitlub lill-operaturi ta’ tranżitu għall-aċċess għan-netwerk tagħha u l-prezz [tar-rikorrenti] ffatturat għas-servizzi ta’ tranżitu tagħha stess tista’ tkun tali li l-operaturi ta’ tranżitu li jkunu daqstant effiċjenti [bħar-rikorrenti] ma jkunux jistgħu jikkompetu għall-provvista ta’ ċerti servizzi ta’ trażitu.

(5)      Barra minn hekk, il-prattiki deskritti fil-premessa 4 iktar ʼil fuq setgħu wasslu għall-konsegwenza li l-fornituri indipendenti ta’ kontenut u/jew ta’ applikazzjonijiet fuq l-internet tqiegħdu f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ kompetittiv sabiex jagħtu servizz lill-utenti finali [tar-rikorrenti] meta mqabbla mal-provvista tal-istess kontenut u/jew applikazzjonijiet [mir-rikorrenti] stess.

(6)      Il-Kummissjoni għandha indikazzjonijiet li l-prattiki deskritti fil-premessa 4 iktar ʼil fuq setgħu seħħew minn tal-inqas mill-2005 u jistgħu jkunu għadhom fis-seħħ. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li dawn il-prattiki seħħew matul perijodu ta’ żmien itwal.

(7)      Fil-każ li jirriżulta li dawn l-allegazzjonijiet huma fondati, il-prattiki deskritti fil-premessa 4 iktar ʼil fuq jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE.

(8)      Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika l-fatti kollha rilevanti rigward il-prattiki deskritti fil-premessa 4 u l-kuntest li fih dawn seħħew, huwa meħtieġ li jsiru spezzjonijiet skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003.

(9)      Il-Kummissjoni għandha indikazzjonijiet li l-prattiki deskritti fil-premessa 4 huma motivati minn kunsiderazzjonijiet li huma suġġetti għall-kunfidenzjalità l-iktar stretta, li l-għarfien tagħhom huwa limitat għall-persunal fi gradi għolja [tar-rikorrenti] u għal numru limitat ta’ impjegati ta’ fiduċja [u li] d-dokumentazzjoni dwar dawn il-prattiki u dwar il-motivazzjoni tagħhom għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju u miżmuma f’postijiet u/jew miżmuma taħt forma li tiffaċilita l-ħabi tagħha, in-nuqqas ta' tqegħid għad-dispożizzjoni tagħha jew għad-distruzzjoni tagħha fil-każ ta’ spezzjoni.

(10)      Sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja tal-ispezzjonijiet attwali, huwa essenzjali li dawn isiru mingħajr avviż minn qabel lill-impriżi ssuspettati li pparteċipaw fil-ksur u li bosta mill-ispezzjonijiet isiru fl-istess ħin.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        L-Artikolu 1 tad-deċiżjonijiet ikkontestati jindika fl-ewwel paragrafu tiegħu: “[Ir-rikorrenti], kif ukoll l-impriżi kollha li huma direttament jew indirettament ikkontrollati minnha, huma obbligati li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni dwar il-parteċipazzjoni eventwali tagħhom fi prattiki li jiksru l-Artikolu 102 TFUE u [l‑] Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE għal dak li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi ta’ konnettività mal-internet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjonijiet ikkontestati “[l-]ispezzjoni ser tibda fid-9 ta’ Lulju 2013 jew ftit wara” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9        L-Artikolu 3 tad-deċiżjonijiet ikkontestati jippreċiża li “[d]in id-deċiżjoni hija indirizzata [lir-rikorrenti] kif ukoll lill-impriżi kollha li huma direttament jew indirettament ikkontrollati minnha [; din] id-deċiżjoni ser tiġi nnotifikata lill-impriżi li lilhom hija tindirizza skont l-Artikolu 297(2) TFUE, immedjatament qabel l-ispezzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10      L-ispezzjoni saret bejn id-9 ta’ Lulju u t-13 ta’ Lulju 2013 u kienet tirrigwarda erba’ siti tar-rikorrenti. Fis-17 ta’ Lulju 2013, kopja forensika ta’ hard disks, li ttieħdet waqt l-investigazzjoni, ġiet eżaminata fil-bini tal-Kummissjoni fil-preżenza ta’ rappreżentanti tar-rikorrenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Fil-31 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

13      Fit-2 ta’ Mejju 2014, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fis-sens tal-Artikolu 64(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar għamlet mistoqsija bil-miktub lir-rikorrenti li wieġbet fit-termini imposti.

14      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2014.

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

17      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, ibbażati, essenzjalment, minn naħa, fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ “amministrazzjoni tajba” u, min-naħa l-oħra, fuq in-natura arbitrarja tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ “amministrazzjoni tajba”

18      Ir-rikorrenti tikkontesta n-natura proporzjonata u neċessarja tal-użu ta’ miżura ta’ spezzjoni, sa fejn l-Awtorità investigat preżunzjonijiet ta’ ksur identiċi u kienet adottat deċiżjoni li taċċetta impenji meħuda minnha mingħajr ma waslet għal konklużjoni li kien hemm ksur tal-Artikolu 102 TFUE, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni setgħet biss tiġi informata bil-proċedura miftuħa mill-Awtorità u bid-deċiżjoni finalment adottata. F’dan il-kuntest, hija tirreferi għal prinċipju ta’ ne bis in idem, kif ukoll għall-obbligu tal-Kummissjoni, skont il-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”, li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ. Ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni tal-Awtorità hija mingħajr ambigwità kontra miżura ta’ spezzjoni sa fejn, l-ewwel nett, hija partikolarment motivata u speċifika, it-tieni nett, hija teskludi l-prattiki kollha msemmija fl-ilment li permezz tiegħu tressqet il-kawża quddiem l-Awtorità, it-tielet nett, hija tesprimi opinjonijiet favorevoli fir-rigward tal-aġir tar-rikorrenti, u r-raba’ nett, l-ebda inċident fl-implementazzjoni tal-impenji tagħha ma kien ġie rrappurtat. Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-użu ta’ miżura ta’ spezzjoni ma jistax jitqies bħala proporzjonat fil-każ fejn il-Kummissjoni tkun naqset milli tikkonsulta minn qabel il-fajl tal-proċedura quddiem l-Awtorità.

19      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, saħansitra fl-eventwalità li jiġi aċċettat li huwa f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità li titwettaq spezzjoni dwar prattiki li l-konformità tagħhom mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni kienet diġà ġiet stabbilita u li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha ħafna informazzjoni, din tal-aħħar tista’ biss tfittex b’mod leġittimu informazzjoni addizzjonali. Hija ssostni li dan ma kienx il-każ hawnhekk, peress li l-Kummissjoni wettqet riċerki li r-riżultat tagħhom seta’ jwassal biss għal dokumenti li diġà kienu jagħmlu parti mill-fajl għad-dispożizzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għaċ-ċirkustanzi li, l-ewwel nett, il-Kummissjoni użat, fil-kuntest tar-riċerki tagħha fuq il-kompjuters maqbuda, kliem prinċipali marbuta mal-investigazzjoni tal-Awtorità jew mal-impenji konklużi; it-tieni nett, hija ħadet inkunsiderazzjoni t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li hija kienet bagħtet preċedentement lir-rikorrenti u, it-tielet nett, l-uniku impjegat li nstema’ formalment matul l-investigazzjoni kien diġà nstema’ mill-Awtorità.

20      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti teċepixxi n-natura sproporzjonata tal-miżura ta’ spezzjoni minħabba li l-preżunzjonijiet ta’ ksur imsemmija fir-raba’ premessa tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma humiex, min-natura tagħhom, sigrieti. Hija tenfasizza li dawn kollha jirrigwardaw il-politika tagħha dwar “peering” li hija pubblika u aċċessibbli lil kulħadd permezz tas-sit tal-internet tagħha. L-imsemmija politika hija wkoll perfettament konformi mal-istandards tas-suq u trasparenti għall-atturi fis-suq. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata bix-xewqa li tiġi magħrufa l-motivazzjoni tal-politika tagħha, peress li, b’applikazzjoni ta’ ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti għandu kontenut oġġettiv u ma jimplikax intenzjoni li ssir ħsara.

21      Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel motiv jiġi miċħud.

22      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’applikazzjoni ta’ ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, filwaqt li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi maħluqa ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra, EU:C:1990:391, punt 13, u tal-14 ta’ Lulju 2005, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑180/00, Ġabra, EU:C:2005:451, punt 103).

23      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tordna spezzjoni, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tippresupponi li l-miżuri previsti ma jikkawżawx inkonvenjenzi eċċessivi u intollerabbli meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija tal-ispezzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, Ġabra, EU:C:2002:603, punt 76). Madankollu, l-għażla li għandha ssir mill-Kummissjoni bejn spezzjoni mwettqa fuq sempliċi mandat u spezzjoni ordnata permezz ta’ deċiżjoni ma tiddependix minn ċirkustanzi bħall-gravità partikolari tas-sitwazzjoni, l-urġenza estrema jew in-neċessità ta’ diskrezzjoni assoluta, iżda mill-bżonnijiet ta’ investigazzjoni adegwata, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-każ partikolari. Għalhekk, meta deċiżjoni ta’ spezzjoni hija intiża sempliċement li tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor flimkien l-elementi neċessarji sabiex tevalwa l-possibbiltà ta’ eżistenza ta’ ksur tat-Trattat, tali deċiżjoni ma tkunx qiegħda tinjora l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic vs Il‑Kummissjoni, 136/79, Ġabra, EU:C:1980:169, punti 28 sa 30, u Roquette Frères, iċċitata iktar ʼil fuq, EU:C:2002:603, punt 77).

24      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li hija l-Kummissjoni li għandha, bħala prinċipju, tevalwa jekk informazzjoni hijiex neċessarja sabiex ikun jista’ jinkixef ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u, anki jekk hija diġà jkollha indizji, jew saħansitra provi, dwar l-eżistenza ta’ ksur, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tqis neċessarju li tordna investigazzjonijiet addizzjonali sabiex tkun tista’ tiddetermina aħjar il-ksur jew it-tul tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il‑Kummissjoni, 374/87, Ġabra, EU:C:1989:387, punt 15, u Roquette Frères, punt 23 iktar ʼil fuq, EU:C:2002:603, punt 78).

25      Dan il-motiv jista’ jinftiehem bħala li jinkludi kemm kritika dwar in-natura xierqa tad-deċiżjonijiet ikkontestati, jiġifieri l-kapaċità tagħhom li jwettqu l-għanijiet imfittxija, kif ukoll dwar in-natura neċessarja tagħhom, li timplika assenza ta’ alternattivi inqas restrittivi għall-miżura ta’ spezzjoni li saret. Il-Qorti Ġenerali tqis, għalhekk, li huwa xieraq li l-argument tar-rikorrenti ippreżentat fil-kuntest ta’ dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet distinti skont liema hija tikkontesta n-natura xierqa jew neċessarja tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

 Fuq l-ewwel parti tal-motiv, dwar in-natura xierqa tad-deċiżjonijiet ikkontestati

26      L-argument tar-rikorrenti jista’ jinftiehem bħala li jikkontesta n-natura xierqa tad-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba, essenzjalment, li l-Awtorità diġà wettqet investigazzjoni, li kkonkludiet li r-rikorrenti kienet konformi fl-aġir tagħha mhux biss mad-dritt Franċiż tal-kompetizzjoni iżda wkoll mal-Artikolu 102 TFUE. L-analiżi tar-rikorrenti twassal għalhekk, essenzjalment, sabiex issostni li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, u fid-dawl tal-analiżi li tissemma fid-deċiżjoni tal-Awtorità, l-għanijiet imsemmija fid-deċiżjonijiet ikkontestati relatati mal-verifika tal-kompatibbiltà tal-aġir tar-rikorrenti mal-Artikolu 102 TFUE diġà intlaħqu u li, għaldaqstant, l-imsemmija deċiżjonijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala adattati sabiex dawn jintlaħqu.

27      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li jekk tali argument jiġi segwit dan iwassal sabiex tiġi kklassifikata bħala mhux xierqa miżura ta’ spezzjoni minħabba li l-preżunzjonijiet ta’ ksur li jirrigwardawha kienu diġà s-suġġett ta’ investigazzjoni fuq livell nazzjonali, fatt li jmur direttament kontra l-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li, bħala prinċipju, il-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta b’deċiżjoni mogħtija minn qorti nazzjonali jew awtorità nazzjonali b’applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 102 TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tieħu, f’kull mument, deċiżjonijiet individwali b’applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, anki meta ftehim jew prattika tkun diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali u d-deċiżjoni prevista mill-Kummissjoni tikkontradiċi lil din id-deċiżjoni ġudizzjarja (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB, C‑344/98, Ġabra, EU:C:2000:689, punt 48; tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑339/04, Ġabra, EU:T:2007:80, punt 79, u tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, T‑271/03, Ġabra, EU:T:2008:101, punt 120).

28      Lanqas ma jista’ jiġi aċċettat ir-riferiment għall-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-rikors, fl-ipoteżi li dan tressaq insostenn tal-kontestazzjoni tan-natura xierqa tad-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba li, essenzjalment, ma huwiex xieraq li tittieħed miżura ta’ spezzjoni fir-rigward ta’ aġir li r-rikorrenti ddikjarat li ma kinitx responsabbli għalih.

29      Ċertament, skont ġurisprudenza konstanti, il-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jiġi osservat fil-proċeduri intiżi għall-impożizzjoni ta’ multi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni. Dan il-prinċipju jipprekludi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li impriża tiġi kkundannata jew imħarrka darba oħra minħabba aġir antikompetittiv li abbażi tiegħu ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu ġiet iddikjarata li ma hijiex responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata (ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, Ġabra, EU:C:2012:72, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri ma humiex awtorizzati jieħdu deċiżjonijiet li permezz tagħhom jiddikjaraw impriża bħala mhux responsabbli għall-ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE, jiġifieri li jikkonstataw l-assenza ta’ ksur tal-imsemmi artikolu, peress li jirriżulta kemm mill-formulazzjoni, mill-istruttura tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll mill-għan imfittex minn dan tal-aħħar, li l-konstatazzjonijiet tal-assenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102 TFUE huma rriżervati għall-Kummissjoni, minkejja l-fatt li dan l-artikolu huwa applikat fi proċedura mibdija minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2011, Tele2 Polska, C‑375/09, Ġabra, EU:C:2011:270, punti 20 sa 30). Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan ir-rigward, tenfasizza b’mod partikolari li l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni “negattiva” fuq il-mertu minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ tippreġudika l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 102 TFUE, li hija waħda mill-għanijiet tar-Regolament Nru 1/2003 enfasizzata permezz tal-ewwel premessa tiegħu, peress li tista’ tfixkel lill-Kummissjoni milli tikkonstata sussegwentement li l-prattika inkwistjoni tikkostitwixxi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (sentenza Tele2 Polska, iċċitata iktar ʼil fuq, EU:C:2011:270, punt 28).

31      Għalhekk, meta awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, taċċetta impenji jew tikkonstata li ma hemmx lok li tintervjeni, hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li ħadet deċiżjoni li tikkonkludi li ma kienx hemm ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax effettivament tinvoka d-deċiżjoni adottata mill-Awtorità fir-rigward tagħha għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami.

32      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti jista’ wkoll jinftiehem bħala li jikkontesta n-natura xierqa tal-miżura ta’ spezzjoni minħabba li l-Kummissjoni kienet ġiet informata dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003 u ma għamlitx użu mill-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 li hija stess tiftaħ proċedura li permezz tagħha l-Awtorità titneħħielha l-kompetenza tagħha. Ir-rikorrenti tidher li minn dan tiddeduċi li l-Kummissjoni kkunsidrat jew li d-deċiżjoni tal-Awtorità kienet konformi mal-Artikolu 102 TFUE, jew inkella li l-kawża ma kienx ħaqqa interess partikolari. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha, skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, titlob li jingħatawlha l-osservazzjonijiet eventwali bil-miktub tal-Kummissjoni wara n-notifika tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li:

“[M]hux aktar tard min 30 ġurnata qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrikjedi li ksur jinġab fit-temm, aċċetazzjoni ta’ rbit jew irtirar tal-benefiċ[ċ]ju ta’ l-eżenzjoni ġenerali tar-Regolament, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri ħa tinforma il-Kummissjoni. Għal dak il-għan, ħa jipprovdu l-Kummissjoni b’summarju fuq il-każ, id-deċiżjoni maħsuba jew, fl-assenza ta’ dan, kwalunkwe dokumenti oħra li jindikaw x’azzjoni ħa tiġi meħuda. Din l-informazzjoni tista’ tiġi mqegħda għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stati Membri oħra. Mat-talba tal-Kummissjoni, l-awtorità tal-kompetizzjoni li qed taggixxi ħa tqiegħed għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni dokumenti oħra li huma neċessarji għall-istima tal-każ. L-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni tista’ tiġi mqegħda għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra. Awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali jistgħu ukoll jiskambjaw informazzjoni neċessarja bejniethom għall-istima ta’ każ li qed jinnegozjawħ taħt l-Artikolu [101 TFUE] jew [102 TFUE].”

34      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi:

“[L-]inizjazzjoni [il-ftuħ] mil[l]-Kummissjoni tal-proċeduri għall-adottazzjoni ta’ deċiżjoni taħt Kapitolu III jirrileva l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri tal-kompetenzi t[a]għhom [ineħħi l-kompetenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri] li japplikaw l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE]. Jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru qed tagixxi diġa fuq il-każ, il-Kummissjoni għandha tibda proċeduri wara li tikkonsulta lil dik l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali”.

35      Huwa minnu li minn qari ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet meħudin flimkien jirriżulta li l-wasla għand il-Kummissjoni tal-abbozzi ta’ deċiżjonijiet, mingħand awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003 tista’ tkun l-okkażjoni għall-Kummissjoni sabiex teżerċita l-prerogattiva u s-setgħa diskrezzjonali li jagħtiha l-Artikolu 11(6) ta’ dan l-istess regolament li tneħħi l-kompetenza ta’ awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru sabiex tapplika l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] f’każ speċifiku.

36      Minn dan madankollu ma jirriżultax li, fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni ma taqbilx mal-evalwazzjoni rigward l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE li hija esposta fl-abbozz tad-deċiżjoni nnotifikat mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, jew fl-eventwalità fejn hija jkollha dubji f’dan ir-rigward, hija għandha neċessarjament l-obbligu li tiftaħ proċedura skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, u lanqas li l-assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura twaqqafha milli tkun tista’ tipproċedi sussegwentement bl-investigazzjoni tagħha stess sabiex tasal għal riżultat differenti minn dak li tkun waslet għalih l-imsemmija awtorità tal-kompetizzjoni.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni, inkarigata permezz tal-Artikolu 105(1) TFUE bil-missjoni li tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti mill-Artikolu 101 TFUE u 102 TFUE, għandha tiddefinixxi u timplementa l-orjentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Sabiex twettaq dan l-obbligu, hija tista’ tagħti livelli differenti ta’ prijorità lill-ilmenti li jitressqu quddiemha u għandha għal dan il-għan setgħa diskrezzjonali (sentenzi tal-4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il‑Kummissjoni, C‑119/97 P, Ġabra, EU:C:1999:116, punt 88, u tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il‑Kummissjoni, C‑449/98 P, Ġabra, EU:C:2001:275, punt 36). Il-Qorti Ġenerali tqis li dan jgħodd ukoll fil-każ tal-implementazzjoni tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003.

38      Din l-ispjegazzjoni hija barra minn hekk ikkorraborata permezz tal-politika li l-Kummissjoni spejgat fil-paragrafu 54(b) tal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network ta’ awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43), skont liema tali intervent huwa biss possibbli fil-każ li abbozz ta’ deċiżjoni nnotifikat imur manifestament kontra ġurisprudenza stabbilita. Għalhekk, ma jistax jiġi dedott mill-imsemmija komunikazzjoni li l-Kummissjoni riedet timponi l-intervent tagħha f’kull ċirkustanza fejn ikollha dubji rigward il-konformità mal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE tal-abbozz ta’ deċiżjoni nnotifikat.

39      Għalhekk, l-assenza ta’ intervent tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 ma tistax titqies bħala aċċettazzjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni tal-Awtorità fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE.

40      Konsegwentement, l-ebda konklużjoni dwar in-natura xierqa ta’ investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni ma tista’ tiġi dedotta miċ-ċirkustanza li hija ma użatx il-prerogattiva mogħtija lilha mill-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 wara n-notifika ta’ abbozz ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li għandha għan simili.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-kritika kontra n-natura xierqa tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma hijiex fondata u, għalhekk, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tintlaqa’ t-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ppreżentata mir-rikorrenti, imsemmija fil-punt 32 iktar ʼil fuq.

 Fuq it-tieni parti, dwar in-natura neċessarja tad-deċiżjonijiet ikkontestati

42      In-natura neċessarja tad-deċiżjonijiet ikkontestati hija kkontestata mir-rikorrenti għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, hija tikkontesta n-neċessità tad-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba l-fatt li kienet teżisti alternattiva inqas restrittiva għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ spezzjoni, li tikkonsisti fl-eżami tal-fajl tal-proċedura quddiem l-Awtorità, u ssostni li, billi ma wettqitx tali eżami, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti fil-każ ineżami u, b’dan il-mod, kisret ukoll il-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkontesta n-natura neċessarja tal-miżura ta’ spezzjoni peress li din kienet tirrigwarda informazzjoni li kienet diġà fil-pussess tal-Kummissjoni jew li setgħet kienet mingħajr l-użu tal-imsemmija spezzjoni.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ alternattiva inqas restrittiva mid-deċiżjonijiet ikkontestati kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

43      Fir-replika, ir-rikorrenti tallega “li kien jeżisti mod inqas restrittiv sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tilħaq l-għan tagħha (billi tagħmel użu mill-proċedura nazzjonali), liema mezz il-Kummissjoni injorat [u li kien ikun] naturalment bla ħsara għall-għażla tal-Kummissjoni, ladarba din l-informazzjoni tinġabar u tiġi eżaminata, li tagħżel b’għarfien sħiħ jekk it-twettiq ta’ spezzjoni kinitx għadha miżura proporzjonata.” Għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tirċievi l-fajl tal-Awtorità, minbarra għall-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003, ir-rikorrenti tirreferi għall-Artikolu 18(6) u għall-Artikolu 20(4) ta’ dan l-istess regolament.

44      Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda ta’ dan l-argument u ssostni li l-invokazzjoni fl-istadju tar-replika tal-Artikolu 18(6) u tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 tmur kontra l-Artikolu 48 tar-Regoli tal-proċedura u għandu, għalhekk, jiġi ddikjarat inammissibbli.

45      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ammissibbiltà ta’ dan l-argument ippreżentat fl-istadju tar-replika, għandu jitfakkar li mid-dispożizzjonijiet meħudin flimkien tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa u li l-ebda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża, sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, ir-raġuni jew l-argument, li jikkostitwixxu estensjoni ta’ raġuni mressqa preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkunu marbuta mill-qrib ma’ din ir-raġuni għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli (ara s-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2007, Aluminium Silicon Mill Products vs Il‑Kunsill, T‑107/04, Ġabra, EU:T:2007:85, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Fil-każ ineżami, għandu jiġi nnotat li fir-rikors jissemmew żviluppi twal li jirrigwardaw l-eżistenza tad-deċiżjoni tal-Awtorità, iċ-ċirkustanza li din missha ttieħdet inkunsiderazzjoni skont il-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba” kif ukoll in-natura sproporzjonata tad-deċiżjonijiet ikkontestati, minħabba fl-eżistenza stess tal-imsemmija deċiżjoni. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti kkontestat, mill-istadju tar-rikors, il-proporzjonalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati fl-elementi differenti tagħhom, billi bbażat ruħha fuq l-eżistenza tad-deċiżjoni tal-Awtorità. Konsegwentement, l-argument li jissemma fir-replika u li jpoġġi f’dubju n-neċessità tal-miżura ta’ spezzjoni, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni setgħet tikkonsulta l-fajl tal-proċedura quddiem l-Awtorità inkluż sa fejn tirreferi għall-Artikolu 18(6) u għall-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, jikkostitwixxi żieda ma’ motiv imqajjem fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, T‑176/01, Ġabra, EU:T:2004:336, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Barra minn hekk, kien biss mal-qari tar-risposta li r-rikorrenti ndunat bl-eventwalità li l-Kummissjoni ma kinitx talbet li jintbagħat il-fajl tal-proċedura quddiem l-Awtorità, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Il-Kummissjoni tenfasizza, fil-fatt, li hija ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, l-elementi tal-fajl tal-proċedura quddiem l-Awtorità u li hija ma kinitx obbligata tikseb dawn il-provi fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha mal-Awtorità. Għalhekk, l-argument li jinsab fir-replika għandu wkoll jitqies bħala bbażat fuq punti ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura u huwa wkoll, għalhekk, konformi mal-Artikolu 48 tar-Regoli tal-proċedura.

48      Fit-tieni lok u fuq il-mertu, għandu jiġi evalwat jekk il-komunikazzjoni lill-Kummissjoni tal-fajl tal-proċedura quddiem l-Awtorità setgħetx tikkostitwixxi alternattiva inqas restrittiva, iżda wkoll effikaċi meta mqabbla mal-użu ta’ miżura ta’ spezzjoni, li tista’ tilħaq l-istess għan leġittimu tal-Kummissjoni, li jikkonsisti fil-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali dwar il-preżunzjonijiet ta’ ksur li hija kienet qed tinvestiga.

49      Barra minn hekk, huwa xieraq li tiġi enfasizzata l-importanza ta’ dan l-eżami fid-dawl tal-obbligu ta’ diliġenza li tagħmel riferiment għalih ir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet tagħha bil-miktub taħt il-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”, li jimplika l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ ineżami (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14, u tas-16 ta’ Settembru 2013, ATC et vs Il‑Kummissjoni, T‑333/10, Ġabra, EU:T:2013:451, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-paragun tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma’ dik tal-Awtorità juri xebh kbir fin-natura tal-aġir li huwa s-suġġett tal-investigazzjonijiet rispettivi, peress li dan jikkonsisti fi prattiki li jikkonsistu f’li jiġi limitat l-aċċess għan-netwerks (“tromboning”, restrizzjonijiet għall-propagazzjoni ta’ routes), fit-tarifikazzjoni tal-aċċess għall-imsemmija netwerks (fatturazzjoni għall-għoti ta’ kapaċitajiet addizzjonali, rapporti tat-traffiku restrittivi u kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet) u fid-diskriminazzjoni favur kontenut propost mir-rikorrenti. Għalhekk, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni hija differenti minn dik imwettqa mill-Awtorità essenzjalment minħabba li d-daqs ġeografiku u temporali tagħha huwa ikbar.

51      It-tieni nett, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 33 iktar ʼil fuq, il-Kummissjoni setgħet, wara li tiġi informata skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003, talbet lill-Awtorità sabiex tikkomunikalha l-elementi li jissemmew fil-fajl ta’ din tal-aħħar.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni setgħet, bħala prinċipju, tuża bħala mezz ta’ prova l-elementi li jissemmew fil-fajl tal-Awtorità. Fil-fatt, għalkemm huwa speċifikat fit-tieni paragrafu ta’ dan l-istess artikolu li “[l]-informazzjoni skambjata ħa tintuża biss bħala evidenza għall-għan li jiġi applikat [...] l-Artikolu [101 TFUE] u l-Artikolu [102 TFUE] u b’rispett għas-suġġett li għalih inġabar mil-awtorità trasmettenti [...]” xorta jibqa’ l-fatt li l-preżunzjonijiet ta’ ksur imsemmija mill-Kummissjoni huma essenzjalment identiċi u huma differenti minn dawk fid-deċiżjoni tal-Awtorità biss għal dak li jirrigwarda d-daqs ġeografiku u temporali li huwa ikbar. Għalhekk, ir-riżerva li tissemma’ fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma kinitx tikkostitwixxi xkiel għall-użu mill-Kummissjoni tad-dokumenti kkomunikati mill-Awtorità.

53      It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li l-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ diliġenza għandha fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami importanza ħafna ikbar peress li l-ġurisprudenza tattribwilha marġni ta’ diskrezzjoni fl-okkażjoni tal-implementazzjoni tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tissalvagwardja l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tas-17 ta’ Novembru 2005, Minoan Lines vs Il‑Kummissjoni, C‑121/04 P, EU:C:2005:695, punt 36). Fil-fatt, f’tali kuntest, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, fejn l-istituzzjoni kompetenti għandha l-obbligu li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami, hija ta’ importanza ħafna iktar fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98 u T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra, EU:T:2003:245, punt 404 u l-ġurisprudenza ċċitata, u ATC et vs Il‑Kummissjoni, punt 49 iktar ʼil fuq, EU:T:2013:451, punt 84).

54      Finalment, ir-raba’ nett, fil-każ ineżami, l-osservanza ta’ dan l-obbligu għandha importanza ħafna ikbar peress li l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ spezzjoni mogħtija lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward ta’ impriża jikkostitwixxi ndħil ċar fid-dritt ta’ din tal-aħħar għar-rispett tal-ħajja privata tagħha, tad-domiċilju tagħha u tal-korrispondenza tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-30 ta’ Marzu 2006, Strintzis Lines Shipping vs Il‑Kummissjoni, C‑110/04 P, EU:C:2006:211, punti 32 u 33).

55      F’din il-kawża, ċertament jista’ jidher li minn tal-inqas hija ħasra li l-Kummissjoni, qabelxejn, għażlet miżura ta’ spezzjoni mingħajr ma vverifikat minn qabel l-informazzjoni li l-Awtorità setgħet kisbet fir-rigward ta’ aġir simili.

56      Madankollu dan ma jivvizzjax id-deċiżjonijiet ikkontestati b’illegalità. Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami u kif issostni ġustament l-Kummissjoni, l-eżami tal-fajl li kien għand l-Awtorità ma kienx jikkostitwixxi alternattiva għall-użu ta’ miżura ta’ spezzjoni, peress li l-Awtorità ma kienet wettqet l-ebda spezzjoni fil-bini tar-rikorrenti u li d-deċiżjoni tagħha għaldaqstant kienet ittieħdet biss abbażi ta’ informazzjoni li r-rikorrenti ssottomettiet volontarjament.

57      Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, in-neċessità ta’ investigazzjoni adegwata u effikaċi setgħet tiġġustifika l-użu ta’ spezzjoni, peress li din il-miżura biss setgħet tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-informazzjoni li, min-natura tagħha, setgħet ma ġietx sottomessa volontarjament mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-Awtorità.

58      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li wieħed mill-għanijiet tal-miżura ta’ spezzjoni kien li jinstabu dokumenti dwar l-istrateġija kummerċjali tar-rikorrenti u li eventwalment jiżvelaw l-eżistenza ta’ intenzjoni jew pjan ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni.

59      Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dawn l-elementi huma potenzjalment rilevanti għall-eżami ta’ ksur ssuspettat mill-Kummissjoni.

60      Ċertament, kif tfakkar ir-rikorrenti, il-kunċett ta’ abbuż għandu kontenut oġġettiv u ma jimplikax l-intenzjoni li ssir ħsara (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, T‑128/98, Ġabra, EU:T:2000:290, punt 173).

61      Minn dan madankollu ma jistax jiġi dedott li l-elementi li jirrigwardaw l-intenzjoni tar-rikorrenti fl-okkażjoni tal-adozzjoni tal-istrateġija kummerċjali tagħha ma humiex rilevanti. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tenfasizza, meta l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, peress li dan l-eżami huwa indispensabbli għall-finijiet tal-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ abbuż minn tali pożizzjoni, hija għandha tevalwa l-istrateġija kummerċjali tal-imsemmija impriża. F’dan il-kuntest, jidher li huwa normali li l-Kummissjoni ssemmi fatturi ta’ natura suġġettiva, jiġifieri l-motivi li fuqhom hija bbażata l-istrateġija kummerċjali inkwistjoni. Għaldaqstant, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni ma hija bl-ebda mod obbligata tistabbilixxi l-eżistenza ta’ intenzjoni antikompetittiva tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, tali intenzjoni tista’ madankollu tittieħed inkunsiderazzjoni (sentenza tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni, C‑549/10 P, Ġabra, EU:C:2012:221, punti 17 sa 21).

62      Għall-istess raġunijiet, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti li jikkontestaw in-neċessità tal-miżura ta’ spezzjoni, minħabba li l-informazzjoni mfittxija għandha natura pubblika jew diġà kienet fil-pussess tal-Kummissjoni minħabba t-tweġibiet għat-talbiet preċedenti tagħha.

63      Fil-fatt, kif issostni r-rikorrenti, jekk jiġi preżunt li l-preżunzjonijiet ta’ ksur imsemmija fid-deċiżjonijiet ikkontestati kollha jirriżultaw mill-politika ta’ “peering” tar-rikorrenti u li l-karatteristiċi speċifiċi ta’ din tal-aħħar għandhom natura pubblika, dan ma jgħoddx għal eventwali motivi antikompetittivi li setgħu waslu għall-adozzjoni ta’ din il-politika. Billi l-elementi li jiddeskrivu tali motivi għandhom natura sigrieta, huwa improbabbli li dawn jistgħu jirriżultaw mid-dikjarazzjoni pubblika tal-politika tar-rikorrenti u wisq inqas li jissemmew fit-tweġibiet tagħha għat-talbiet għal informazzjoni li kienet għamlitilha l-Kummissjoni.

64      Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni setgħet raġonevolment tqis, fid-dati tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li ma kinitx teżisti alternattiva inqas restrittiva mill-użu ta’ miżura ta’ spezzjoni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità minn din il-perspettiva u lanqas, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, l-obbligu ta’ diliġenza.

65      Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma fittxitx elementi ġodda

66      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tista’ biss b’mod validu tfittex elementi addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk li diġà huma fil-pussess tagħha. Hija ssostni li l-Kummissjoni għamlet riċerki li r-riżultati tagħhom waslu biss għal dokumenti li kienu diġà jagħmlu parti mill-fajl li kien fil-pussess tagħha jew mill-fajl li kien għand l-Awtorità, li setgħet ikollha aċċess għalih. Insostenn ta’ dan l-argument, hija ssostni li l-Kummissjoni użat, fil-kuntest tar-riċerki tagħha fuq il-kompjuters maqbuda, kliem prinċipali u qabdet dokumenti marbuta mat-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet tal-Awtorità, mat-talbiet preċedenti għall-informazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll mal-impenn li hija kellha mal-Awtorità. Hija tosserva wkoll li l-unika impjegat li nstema’ formalment mill-Kummissjoni kien diġà instema’ mill-Awtorità.

67      Għalhekk, essenzjalment, ir-rikorrenti tikkontesta n-natura neċessarja tad-deċiżjonijiet ikkontestati minħabba l-fatt li l-ispezzjoni mwettqa kienet tirrigwarda elementi li diġà kienu fil-pussess tal-Kummissjoni jew li setgħu kienu fil-pussess tagħha permezz tal-eżami tal-fajl tal-Awtorità.

68      Skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 24 iktar ʼil fuq, hija l-Kummissjoni li għandha, bħala prinċipju, tevalwa jekk informazzjoni hijiex neċessarja sabiex ikun jista’ jinkixef ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u, anki jekk hija diġà jkollha indizji, jew saħansitra provi, dwar l-eżistenza ta’ ksur, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tqis neċessarju li tordna investigazzjonijiet addizzjonali sabiex tkun tista’ tiddetermina aħjar il-ksur jew it-tul tiegħu.

69      Issa, minn naħa, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti la tallega u lanqas ma turi li l-ispezzjoni kkonsistiet esklużivament jew essenzjalment fit-tiftix ta’ elementi marbuta mal-proċedura quddiem l-Awtorità u mat-tweġibiet tagħha għal informazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti llimitat ruħha li tipprovdi xi eżempji ta’ kliem prinċipali u ta’ dokumenti maqbuda, minkejja li l-ispezzjoni damet kważi erbat ijiem u kienet tirrigwarda bini differenti.

70      Min-naħa l-oħra, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 55 sa 61 iktar ʼil fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni setgħet b’mod leġittimu tfittex informazzjoni li, minkejja li kienet marbuta mal-proċedura quddiem l-Awtorità jew mat-tweġibiet ipprovduti mir-rikorrenti għat-talbiet tagħha stess għal informazzjoni, kien improbabbli, minħabba n-natura tagħha, li tiġi żvelata mir-rikorrenti, b’mod partikolari minħabba li din kienet eventwalment tiżvela l-eżistenza ta’ intenzjoni jew pjan ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni.

71      Għaldaqstant, dan l-ilment u, konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda.

72      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 22 iktar ʼil fuq, miżura, anki jekk hija xierqa u neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija b’mod leġittimu, ma għandhiex tikkawża inkonvenjenti eċċessivi meta mqabbla mal-imsemmija għanijiet. B’mod iktar partikolari, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 iktar ʼil fuq jirriżulta li, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tordna spezzjoni, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tippresupponi li l-miżuri previsti ma jikkawżawx inkonvenjenzi eċċessivi u intollerabbli meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija tal-ispezzjoni inkwistjoni.

73      Fil-każ ineżami, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti ma jirriżultax li hija tikkontesta l-portata tal-inkonvenjenzi kkawżati mill-ispezzjoni mwettqa fil-bini tagħha. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li l-portata tal-imsemmija spezzjoni u l-inkonvenjenzi li din setgħet ikkawżat, kif imfakkra fir-rikors, jiġifieri tul ta’ erbat ijiem, f’erba’ postijiet, iż-żjara ta’ 18‑il uffiċċju, il-qbid ta’ 11‑il kompjuter u 5 Smartphones, is-smigħ ta’ persuna u l-analiżi u l-elenkar f’indiċi ta’ 34 sistema ta’ messaġġi tal-persunal, kif ukoll l-eżami ta’ kopja forensika ta’ hard disks fil-bini tal-Kummissjoni fil-preżenza tar-rappreżentanti tar-rikorrenti — ma jistgħux, fil-każ ineżami, jiġu kkunsidrati bħala eċċessivi fid-dawl tal-preżunzjonijiet ta’ ksur li kienet qed tinvestiga dwarhom il-Kummissjoni.

74      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-natura arbitrarja tal-miżura ta’ spezzjoni

75      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiżgura l-assenza ta’ natura arbitrarja ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni u li dan l-eżami għandu jikkonsisti fil-verifika tan-natura suffiċjentement serja u ddettaljata tal-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni. Hija tenfasizza wkoll li ma hijiex obbligata li tipproduċi provi li jippermettu li tiġi kkontestata n-natura serja tal-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżaminhom. Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti tqis li kemm l-identiċità tad-deċiżjonijiet ikkontestati mad-deċiżjoni tal-Awtorità kif ukoll l-aġir tal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni — rigward l-użu tal-kliem prinċipali flimkien mal-proċedura quddiem l-Awtorità — huma indikazzjonijiet tal-assenza ta’ indizji serji u ddettaljati, qabel l-adozzjoni tal-miżura ta’ spezzjoni. Fir-replika tagħha, hija ssostni li talbet lill-Qorti Ġenerali, mill-istadju tar-rikors, li tistħarreġ l-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni.

76      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tosserva li l-obbligu, impost fuqha mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, li tindika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni huwa kklassifikat mill-ġurisprudenza bħala rekwiżit fundamentali għall-finijiet, b’mod partikolari, li tintwera n-natura ġġustifikata tal-intervent previst fi ħdan l-impriżi kkonċernati. Fit-tieni lok, hija tqis li r-rikorrenti, fir-rikors, ma talbitx lill-Qorti Ġenerali sabiex tordna l-produzzjoni tal-indizji li hija kellha fil-pussess tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Hija ssostni li tali talba, meta ssir fl-istadju tar-replika, għandha titqies bħala inammissibbli.

77      Għal dak li jirrigwarda t-tweġiba li għandha tingħata għal dan il-motiv, għandu jitfakkar li l-proċedura amministrattiva skont ir-Regolament Nru 1/2003, li tiżvolġi quddiem il-Kummissjoni, tinqasam f’żewġ fażijiet distinti u suċċessivi, li kull waħda minnhom għandha loġika interna tagħha, jiġifieri fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minn naħa, u fażi kontradittorja, min-naħa l-oħra. Il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li matulha l-Kummissjoni tagħmel użu mis-setgħat ta’ investigazzjoni previsti mir-Regolament Nru 1/2003 u li tkopri sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija intiza sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi kollha rilevanti li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tieħu pożizzjoni inizjali fuq l-orjentament tal-proċedura kif ukoll fuq kif għandha tipproċedi. Min-naħa l-oħra, il-fażi kontradittorja li tkopri mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, għandha tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l-allegat ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra, EU:C:2011:620, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, T‑99/04, Ġabra, EU:T:2008:256, punt 47).

78      Minn naħa, fir-rigward tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, hija tibda mid-data li fiha l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament Nru 1/2003, tadotta miżuri li jimplikaw l-akkuża li ġie mwettaq ksur u li jwasslu għal riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati. Min-naħa l-oħra, huwa biss fil-bidu tal-fażi kontradittorja amministrattiva li l-impriża kkonċernata hija informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura, u li din l-impriża għandha dritt ta’ aċċess għall-fajl sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Konsegwentement, huwa biss wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata tista’ tagħmel użu bis-sħiħ mid-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, jekk dawn id-drittijiet kienu estiżi għall-fażi ta’ qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-effikaċja tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni tkun kompromessa, peress li l-impriża tkun, diġà matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, f’pożizzjoni li tidentifika l-informazzjoni li hija magħrufa mill-Kummissjoni u, b’hekk, dik li għada tista’ tiġi moħbija minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ʼil fuq, EU:T:2008:256, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Madankollu, il-miżuri istruttorji adottati mill-Kummissjoni matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, b’mod partikolari l-miżuri ta’ investigazzjoni u t-talbiet għal informazzjoni, jimplikaw min-natura tagħhom l-akkuża ta’ ksur u jista’ jkollhom riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża jkunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod irrimedjabbli matul din il-fażi tal-proċedura amministrattiva peress li l-miżuri istruttorji adottati jistgħu jkunu determinanti għall-istabbiliment ta’ provi tan-natura illegali tal-aġir ta’ impriżi li għalih huma jistgħu jinżammu responsabbli (sentenza AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ʼil fuq, EU:T:2008:256, punti 50 u 51; ara ukoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra, EU:C:1989:337, punt 15, u Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ʼil fuq, EU:C:2011:620, punti 116 u 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-obbligu impost mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 li jiġi indikat is-suġġett u l-għan ta’ spezzjoni jammonta fil-fatt għal garanzija fundamentali tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati u, għaldaqstant, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni ma tistax tiġi limitata abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-effikaċja tal-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, minkejja li huwa veru li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkomunika lid-destinatarju ta’ tali deċiżjoni l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-istanzi preżunti ta’ ksur, jew li tiddefinixxi preċiżament is-suq inkwistjoni, jew li tagħmel klassifikazzjoni legali eżatta ta’ dawn l-istanzi ta’ ksur, jew li tindika l-perijodu li matulu seħħew l-istanzi ta’ ksur, hija għandha, madankollu, tindika, bl-iktar mod preċiż possibbli, il-preżunzjonijiet li hija tkun bi ħsiebha tivverifika, jiġifieri dak li huwa mfittex u l-elementi li għandhom ikunu s-suġġett tal-ispezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 79 iktar ʼil fuq, EU:C:1989:337, punt 41; tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni, 85/87, Ġabra, EU:C:1989:379, punt 10, u Roquette Frères, punt 23 iktar ʼil fuq, EU:C:2002:603, punt 48).

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ma jistax jiġi impost fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tindika, fl-istadju tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minbarra l-preżunzjonijiet ta’ ksur li hija jkollha l-intenzjoni tivverifika, l-indizji, jiġifieri l-elementi li jwassluha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-ipoteżi ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, tali obbligu jmur kontra l-ekwilibriju li l-ġurisprudenza tistabbilixxi bejn il-ħarsien tal-effikaċja tal-investigazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata.

82      Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni ma għandhiex ikollha fil-pussess tagħha elementi li jwassluha sabiex tipprevedi l-ipoteżi ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

83      Fil-fatt, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ protezzjoni kontra interventi arbitrarji u sproporzjonati tal-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam tal-attivitajiet privati ta’ kwalunkwe persuna, kemm jekk fiżika jew ġuridika, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi Roquette Frères, punt 23 iktar ʼil fuq, EU:C:2002:603, punt 27; tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, T‑135/09, Ġabra, EU:T:2012:596, punt 40, u Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi Energia vs Il‑Kummissjoni, T‑140/09, EU:T:2012:597, punt 35).

84      Issa, għall-finijiet li jiġi osservat dan il-prinċipju ġenerali, deċiżjoni ta’ spezzjoni għandu jkollha l-intenzjoni li tiġbor id-dokumentazzjoni neċessarja sabiex tivverifika r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi partikolari li dwarha l-Kummissjoni diġà tipposjedi informazzjoni, li tikkostitwixxi indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni mill-impriża kkonċernata (sentenzi Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ʼil fuq, EU:T:2012:596, punt 43, u Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi Energia vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ʼil fuq, EU:T:2012:597, punt 38; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Roquette Frères, punt 23 iktar ʼil fuq, EU:C:2002:603, punti 54 u 55).

85      Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-ammissibbiltà tat-talba ppreżentata mir-rikorrenti intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tivverifika l-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni, ikkontestata minn din tal-aħħar minħabba l-fatt li ġiet ippreżentata għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, huwa minnu li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 iktar ʼil fuq jirriżulta li t-tressiq ta’ motivi ġodda matul il-kawża huwa pprojbit, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura, iżda li motiv jew argument, li jikkostitwixxi estensjoni ta’ motiv imressaq preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkun marbut mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

86      Għandu jiġi kkonstatat li għalkemm ir-rikorrenti ma talbitx b’mod espliċitu lill-Qorti Ġenerali, fir-rikors, sabiex tistħarreġ l-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni, jirriżulta neċessarjament mill-iżviluppi relatati mat-tieni motiv u b’mod iktar partikolari mill-punti 98 sa 103 tar-rikors, li dan kien is-sens tal-argument tagħha. Barra minn hekk, it-talba li tidher b’mod iktar espliċitu fil-punti 67 sa 72 tar-replika, għandha rabta stretta mal-iżviluppi li jissemmew fil-punti 98 sa 103 tar-rikors. Għalhekk, fi kwalunkwe każ, it-talba li tissemma’ b’mod espliċitu fir-replika tikkostitwixxi estensjoni tat-tieni motiv u hija wkoll, għal din ir-raġuni, ammissibbli.

87      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk huwiex xieraq fil-każ ineżami li tintlaqa’ t-talba mressqa mir-rikorrenti, għandu jiġi enfasizzat li l-istħarriġ tal-eżistenza ta’ indizji suffiċjentement serji, fil-pussess tal-Kummissjoni, li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma huwiex l-uniku mezz li jippermetti lill-Qorti Ġenerali tiżgura l-assenza ta’ natura arbitrarja tal-imsemmija deċiżjoni.

88      Minn naħa, huwa biss fiċ-ċirkustanzi fejn il-Qorti Ġenerali tiġi adita b’talba f’dan is-sens u meta l-impriżi destinatarji ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jipproduċu ċerti elementi li jistgħu jpoġġu fid-dubju n-natura suffiċjentement serja tal-indizji għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sabiex tadotta l-imsemmija deċiżjoni li hija tista’ tqis li huwa neċessarju tipproċedi għal tali stħarriġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ʼil fuq, EU:T:2012:596, punt 72, u Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi Energia vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ʼil fuq, EU:T:2012:597, punt 70; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il‑Kummissjoni, T‑296/11, Ġabra, EU:T:2014:121, punt 42).

89      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tippermetti wkoll lill-qorti tissalvagwardja l-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni kontra l-interventi arbitrarji u sproporzjonati, sa fejn l-imsemmija motivazzjoni tindika n-natura ġġustifikata tal-intervent previst fi ħdan l-impriżi kkonċernati (sentenzi Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 79 iktar ʼil fuq, EU:C:1989:337, punt 29; Roquette Frères, punt 23 iktar ʼil fuq, EU:C:2002:603, punt 47; France Télécom vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ʼil fuq, EU:T:2007:80, punt 57).

90      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jiddefinixxi l-elementi essenzjali li għandhom jissemmew f’deċiżjoni ta’ spezzjoni, billi jimponi, b’mod partikolari, fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tindika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni ordnata. Skont dan l-obbligu, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 80 iktar ʼil fuq jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tindika, bl-iktar mod preċiż possibbli, il-preżunzjonijiet li hija jkollha l-intenzjoni tivverifika, jiġifieri dak li huwa mfittex u l-elementi li għandhom ikunu s-suġġett tal-ispezzjoni.

91      Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi fejn il-Qorti Ġenerali tqis li l-preżunzjonijiet li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tivverifika u l-elementi li għandhom ikunu s-suġġett tal-ispezzjoni huma ddefiniti bi preċiżjoni suffiċjenti, hija tista’ tiddeċiedi li kien hemm assenza ta’ natura arbitrarja ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li tistħarreġ materjalment il-kontenut tal-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni fid-data tal-adozzjoni tagħha.

92      Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa l-każ fir-rigward tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Kif jirriżulta mill-premessi 3 sa 10 tagħhom, riprodotti fil-punt 6 iktar ʼil fuq, in-natura tar-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni issuspettati hija ddefinita f’termini suffiċjentement preċiżi u ddettaljati. B’hekk, il-kwistjoni tirrigwarda ksur possibbli tal-Artikolu 102 TFUE minħabba prattiki li jikkonsistu, minn naħa, f’li jiġi limitat l-aċċess għan-netwerks tar-rikorrenti (“tromboning”, konġestjoni tal-portijiet u restrizzjonijiet għall-propagazzjoni ta’ routes), u min-naħa l-oħra, fit-tarifikazzjoni tal-aċċess għall-imsemmija netwerks (fatturazzjoni għall-għoti ta’ kapaċitajiet addizzjonali, rapporti tat-traffiku restrittivi u kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet). Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati jispjegaw kif l-aġir tar-rikorrenti jista’ jaqa’ taħt kull waħda mill-prattiki ssuspettati.

93      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li kien hemm assenza ta’ natura arbitrarja tad-deċiżjonijiet ikkontestati unikament abbażi tar-raġunijiet imsemmija fid-deċiżjonijiet ikkontestati, mingħajr ma huwa neċessarju li teżamina l-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni fid-data tal-adozzjoni tagħhom.

94      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li t-tieni motiv u, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

95      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Orange hija kkundannata għall-ispejjeż.

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Novembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.