Language of document : ECLI:EU:C:2022:737

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)

29 ta’ Settembru 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Benefiċċji tal-familja – Ħlas retroattiv – Ċaqliq tal-benefiċjarju lejn Stat Membru ieħor – Artikolu 81 – Kunċett ta’ ‘talba’ – Artikolu 76(4) – Obbligu reċiproku ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni – Nuqqas ta’ osservanza – Terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tnax‑il xahar – Prinċipju ta’ effettività”

Fil-Kawża C‑3/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura

FS

vs

The Chief Appeals Officer,

The Social Welfare Appeals Office,

The Minister for Employment Affairs,

The Minister for Social Protection,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J. Passer, President tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal FS, minn S. Kirwan, solicitor, A. McMahon, BL, u D. Shortall, SC,

–        għal The Chief Appeals Officer, The Social Welfare Appeals Office, The Minister for Employment Affairs u The Minister for Social Protection, minn M. Browne, A. Joyce, J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn K. Binchy, barrister, u C. Donnelly, SC,

–        għall-Gvern Ċek, minn J. Pavliš, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 76(4) u tal-Artikolu 81 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, FS, u ċ-Chief Appeals Officer (id-Direttur tal-Uffiċċju tal-Appelli fil-Qasam tal-Protezzjoni Soċjali, l-Irlanda), u s-Social Welfare Appeals Office (l-Uffiċċju tal-Appelli fil-Qasam tal-Protezzjoni Soċjali, l-Irlanda), u l-Minister for Employment Affairs (il-Ministru għall-Impjieg) u l-Minister for Social Protection (il-Ministru għall-Protezzjoni Soċjali) dwar iċ-ċaħda tat-talba għall-ħlas retroattiv tal-allowances tal-familja mressqa minn FS.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        L-Artikolu 76(4) u (5) tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Koperazzjoni”, jiddisponi:

“4.      L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn dan ir-Regolament għandu jkollhom l-obbligu li jinfurmaw lil xulxin u li jikkoperaw sabiex jassiguraw li dan ir-Regolament ikun implimentat kif suppost.

L-istituzzjonijiet, skond il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandhom jirrispondu għall-mistoqsijiet kollha f’perjodu raġjonevoli u f’dan ir-rigward għandhom jagħtu lill-persuna konċernata l-informazzjoni meħtieġa biex tkun tista’ teżerċita d-drittijiet mogħtija lilha minn dan ir-Regolament.

Il-persuni konċernati għandhom jinfurmaw lill-istituzzjonijiet ta’ l-Istat Membru kompetenti jew ta’ l-Istat Membru ta’ residenza malli jkun possibbli dwar xi bidla fis-sitwazzjoni personali jew familjari tagħhom li tolqot d-dritt tagħhom għal benefiċċji taħt dan ir-Regolament.

5.      F’każ li l-obbligu msemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 4 ma jkunx rispettat, jistgħu jkunu applikati miżuri proporzjonati skond il-liġi nazzjonali. Minkejja dan, dawn il-miżuri għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli f’sitwazzjonijiet simili taħt il-liġi domestika u ma għandhomx, fil-prattika, jagħmluha impossibbli jew diffiċli ħafna biex il-persuni li jagħmlu talba jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament.”

4        L-Artikolu 81 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Talbiet, dikjarazzjoni jew appelli”, jipprevedi:

“Kull talba, dikjarazzjoni jew appell li suppost kienu sottomessi, fl-applikazzjoni tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed, f’perjodu speċifiku lil awtorità, istituzzjoni jew tribunal ta’ dak l-Istat Membru, għandhom ikunu aċċettati jekk ikunu sottomessi fl-istess perjodu lil awtorità, istituzzjoni jew tribunal korrispondenti fi Stat Membru ieħor. F’każ bħal dan, l-awtorità, l-istituzzjoni jew it-tribunal li jirċievu t-talba, id-dikjarazzjoni jew l-appell għandhom jibagħtuha mingħajr dewmien lill-awtorità, istituzzjoni jew tribunal kompetenti fl-ewwel Stat Membru, jew direttament jew permezz ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri konċernati. Il-jum li fih dawn it-talbiet, dikjarazzjoni jew appelli kienu sottomessi lill-awtorità, istituzzjoni jew tribunal tat-tieni Stat Membru għandu jitqies bħala l-jum li fih kienu sottomessi lill-awtorità, istituzzjoni jew tribunal kompetenti.”

 Iddritt Irlandiż

5        L-Artikolu 220 tas-Social Welfare Consolidation Act 2005 (il-Liġi kkonsolidata tal‑2005 dwar il-Protezzjoni Soċjali), tas‑27 ta’ Novembru 2005, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2005”), jipprevedi li l-persuna li magħha wild dipendenti jirrisjedi normalment għandha dritt għall-allowances tal-familja għal dan il-wild u hija indikata permezz tal-espressjoni “persuna li tikkwalifika”.

6        L-Artikolu 241(1) ta’ din il-liġi jistabbilixxi li d-dritt għall-benefiċċju huwa suġġett għall-preżentazzjoni ta’ talba debita.

7        Bis-saħħa tal-Artikolu 182(k) tas-Social Welfare (Consolidated Claims, Payment and Control) Regulations 2007 (S.I. No 142 of 2007) – Prescribed time for making claim (Regolament tal‑2007 dwar Dispożizzjonijiet Ikkonsolidati dwar it-Talbiet, il-Ħlasijiet u l-Kontrolli fil-Qasam tal-Protezzjoni Soċjali (Att ta’ Leġiżlazzjoni Sekondarja Nru 142 tal‑2007) – Preskrizzjoni tat-Terminu għall-Preżentata tat-Talbiet), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, fir-rigward tat-talbiet għall-allowances tal-familja, it-terminu previst huwa ta’ tnax‑il xahar mid-data li fiha l-persuna kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 220 u ssir persuna li tikkwalifika.

8        L-Artikolu 241(4) tal-Liġi tal‑2005 jippreċiża, essenzjalment, li kull min ma jkunx ressaq talba għall-allowances tal-familja fit-terminu previst jitlef kull dritt għall-ħlas retroattiv ta’ benefiċċji dovuti qabel id-data tat-tressiq tat-talba, sakemm il-membru tal-persunal kompetenti għall-eżami inizjali tat-talba jew l-eżami ta’ appell relatat ma’ din it-talba ma jikkonstatax li l-preżentata tardiva tat-talba hija ġġustifikata minn raġunijiet validi. F’dan l-aħħar każ, l-allowances tal-familja huma dovuti mill-ewwel jum tax-xahar ta’ wara dak li fih l-applikant sar persuna li tikkwalifika, fis-sens tal-Artikolu 220 ta’ din il-liġi.

9        L-Artikolu 301 tal-imsemmija liġi jiddisponi, b’mod partikolari, li membru tal-persunal kompetenti għall-eżami inizjali ta’ talba jista’, f’kull mument, jirrevedi deċiżjoni ta’ membru tal-persunal ieħor kompetenti, meta jkun hemm bidla fiċ-ċirkustanzi rilevanti wara din id-deċiżjoni.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

10      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ċittadina Rumena, iżżewġet matul is-sena 2012 fir-Rumanija, fejn hija welldet tarbija fix-xahar ta’ Diċembru 2015.

11      Hija ppreżentat talba sabiex tikseb allowances tal-familja f’dan l-Istat Membru, li ngħatawlha mix-xahar ta’ Diċembru 2015 jew minn dak ta’ Jannar 2016.

12      Fix-xahar ta’ Ottubru 2016, il-konjuġi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ċċaqlaq lejn l-Irlanda sabiex jaħdem hemmhekk bħala membru tal-persunal fi stabbiliment tas-saħħa. Huwa ma ressaqx talba sabiex jikseb allowances tal-familja f’dan l-Istat Membru. Meta, fi tmiem is-sena 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-wild tagħhom ingħaqdu miegħu fl-Irlanda, hija lanqas ma ppreżentat talba f’dan is-sens f’dan l-Istat Membru, iżda kompliet tirċievi l-allowances tal-familja Rumeni.

13      Fl‑10 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat, quddiem l-awtoritajiet Irlandiżi kompetenti, talba sabiex tikseb allowances tal-familja Irlandiżi.

14      Konformement mad-dritt soċjali Irlandiż, din it-talba ġiet ikklassifikata bħala tardiva, peress li din kienet ġiet ippreżentata iktar minn tnax‑il xahar wara d-data li fiha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jew il-konjuġi tagħha kienu stabbilixxew ruħhom fl-Irlanda. Skont dan id-dritt, tali talba tista’ tagħti lok għal ħlas retroattiv ta’ allowances tal-familja biss jekk l-applikant isemmi motivi li jiġġustifikaw il-preżentata tardiva tat-talba tiegħu. Skont prattika stabbilita, madankollu, ma jikkostitwixxix tali motiv in-nuqqas ta’ għarfien, minn applikant, tad-dritt li jitlob allowances tal-familja.

15      F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kienet indikat ebda motiv ta’ ġustifikazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti Irlandiżi qiesu li hija ma kinitx talbet speċifikament ħlas retroattiv u li, għaldaqstant, ma kienx hemm lok li jingħatalha tali ħlas.

16      Għalhekk, it-talba għall-allowances tal-familja mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem dawn l-awtoritajiet ġiet aċċettata minn dawn tal-aħħar fix-xahar ta’ Frar 2018 u l-ħlas tal-allowances tal-familja Rumeni waqaf approssimattivament fl-istess mument.

17      Fit‑13 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-imsemmija awtoritajiet abbażi tal-Artikolu 301 tal-Liġi tal‑2005, billi sostniet li kellu jiġi previst ħlas retroattiv fil-każ tagħha. Din it-talba għal eżami mill-ġdid ġiet miċħuda fit‑22 ta’ Awwissu 2018.

18      Peress li l-appell ippreżentat fid‑29 ta’ Awwissu 2018 mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem l-uffiċċju tal-appelli fil-qasam tal-protezzjoni soċjali ġie miċħud fit‑12 ta’ Frar 2019, din ippreżentat, fl‑10 ta’ Mejju 2019, rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-qorti tar-rinviju.

19      Qabel kollox, din il-qorti tirrileva, mingħajr madankollu ma taqbel ma’ dan l-approċċ, li, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-fatt li wieħed ikun benefiċjarju ta’ allowances tal-familja Rumeni jikkostitwixxi talba fis-sens tal-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 883/2004, minħabba li t-talba “attiva” fir-Rumanija kellha titqies bħala talba għall-finijiet tal-kisba ta’ allowances tal-familja Irlandiżi skont dan l-Artikolu 81, mill-mument li fih l-Irlanda saret l-Istat Membru kompetenti.

20      Sussegwentement, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 883/2004 għall-kawża mressqa quddiemha, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu previst f’dan l-artikolu ma għandux l-effett li jwarrab id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 ta’ dan ir-regolament. L-obbligu li tiġi pproċessata talba huwa indipendenti minn dan l-obbligu, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li nuqqas ta’ informazzjoni ma kienx neċessarjament ta’ natura li jikkomprometti l-kontinwità tal-kopertura ta’ assigurazzjoni soċjali.

21      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li, sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali naqset mill-obbligu tagħha li tinnotifika l-bidliet rilevanti tas-sitwazzjoni tagħha, għandhom jiġu applikati miżuri proporzjonati bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, li fil-prattika ma jagħmlux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-persuni kkonċernati mill-imsemmi regolament.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘talba’ fl-Artikolu 81 tar-Regolament [Nru 883/2004], jinkludi r-riċezzjoni b’mod kontinwu ta’ benefiċċju perjodiku mill-ewwel Stat Membru (fejn il-benefiċċju għandu fil-fatt jitħallas mit-tieni Stat Membru) kull darba li jitħallas tali benefiċċju, anki wara l-applikazzjoni oriġinali u d-deċiżjoni oriġinali tal-ewwel Stat Membru li jagħti l-benefiċċju?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, fejn talba għal sigurtà soċjali ssir b’mod żbaljat lil Stat Membru ta’ oriġini, meta din kellha fil-fatt issir lit-tieni Stat Membru, l-obbligu tat-tieni Stat Membru skont l-Artikolu 81 tar-Regolament [Nru] 883/2004 (b’mod partikolari, l-obbligu li talba lill-Istat Membru ta’ oriġini titqies bħala ammissibbli fit-tieni Stat Membru) għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa kompletament indipendenti mill-obbligu tal-applikanti li tagħti informazzjoni korretta dwar il-post tar-residenza tagħha skont l-Artikolu 76(4) tar-Regolament [Nru] 883/2004, b’tali mod li talba li tkun saret b’mod żbaljat lill-Istat Membru ta’ oriġini għandha tiġi aċċettata bħala ammissibbli mit-tieni Stat Membru għall-finijiet tal-Artikolu 81, minkejja li l-applikanti ma tkunx ipproduċiet informazzjoni korretta dwar il-post tar-residenza tagħha konformement mal-Artikolu 76(4) [ta’ dan ir-regolament], fit-terminu preskritt mil-liġi tat-tieni Stat Membru għall-preżentazzjoni ta’ talba?

3)      Il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ effettività jwassal għall-konsegwenza li l-aċċess għal drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni [Ewropea] jsir ineffettiv f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-proċedura (b’mod partikolari, f’ċirkustanzi fejn iċ-ċittadina tal-Unjoni li teżerċita d-drittijiet ta’ moviment liberu tagħha tkun kisret l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 76(4) li tikkomunika lill-awtoritajiet ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ oriġini l-bdil fil-pajjiż ta’ residenza tagħha) minħabba rekwiżit tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih jiġi eżerċitat id-dritt ta’ moviment liberu li, sabiex jinkiseb il-benefiċċju tal-effett retroattiv għal talbiet għal allowance[s] tal-familja, ċittadin tal-Unjoni għandu japplika għal tali benefiċċju fit-tieni Stat Membru f’terminu ta’ tnax-il xahar kif preskritt mid-dritt nazzjonali tal-aħħar Stat Membru?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

23      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “talba”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, ikopri biss it-talba inizjali mressqa skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru minn persuna li, sussegwentement, tkun għamlet użu mid-dritt tagħha ta’ moviment liberu, jew jekk jirrigwardax ukoll talba “kontinwa”, li sseħħ waqt il-ħlas perjodiku, mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, ta’ benefiċċju normalment dovut, fil-mument ta’ dan il-ħlas, minn Stat Membru ieħor.

24      Fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti, peress li l-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jkollha wkoll elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst, C‑631/17, EU:C:2019:381, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 83 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 4 tat‑3 ta’ Diċembru 1958 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni u li jissupplimenta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 3 dwar is-sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti (ĠU 1958, 30, p. 597), li l-kontenut tiegħu huwa, essenzjalment, ekwivalenti għal dak tal-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 883/2004, li jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 83 li jikkonċerna s-sottomissjoni tat-talbiet ippreżentati mill-ħaddiema migranti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 1982, Camera, 92/81, EU:C:1982:219, punt 7).

26      Fil-fatt, l-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu l-għan li jiffaċilita l-moviment tal-ħaddiema migranti, billi jissemplifika, minn perspettiva amministrattiva, il-passi tagħhom, fid-dawl tal-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi eżistenti fid-diversi Stati Membri, u li jevita li, għal raġunijiet purament formali, il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jiċċaħħdu mid-drittijiet tagħhom. Għalhekk, bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, il-preżentata ta’ talba quddiem awtorità, istituzzjoni jew qorti ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li jagħti l-benefiċċju għandha l-istess effetti daqslikieku din it-talba kienet ġiet ippreżentata direttament lill-awtorità kompetenti ta’ dan l-aħħar Stat Membru (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 4, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 1982, Camera, 92/81, EU:C:1982:219, punt 7, u, fir-rigward tal-Artikolu 86 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 1982, Aubin, 227/81, EU:C:1982:209, punt 23).

27      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 883/2004 huwa mitlub japplika meta titressaq talba għall-ksib ta’ allowances tal-familja minn ħaddiem migrant quddiem l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li ma huwiex kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni tagħha bis-saħħa tar-regoli ta’ kunflitt previsti minn dan ir-regolament.

28      Għall-kuntrarju, meta talba intiża sabiex jinkisbu allowances tal-familja titressaq quddiem l-awtoritajiet ta’ Stat Membru biss skont id-dritt nazzjonali ta’ dan tal-aħħar u s-sitwazzjoni tal-benefiċjarju hija limitata fi ħdan dan l-Istat Membru, din it-talba ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u għalhekk ma tistax titqies li tikkostitwixxi “talba”, fis-sens tal-Artikolu 81 ta’ dan ir-regolament.

29      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-mument tat-tressiq tat-talba inizjali għall-allowances tal-familja fir-Rumanija, is-sitwazzjoni tal-familja tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kienet tippreżenta ebda element barrani u l-awtoritajiet Rumeni kienu l-uniċi kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din it-talba.

30      Huwa biss mill-mument li fih ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ttrasferixxiet id-domiċilju tagħha fl-Irlanda li hija kienet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 883/2004 u li, konsegwentement, ir-regoli ta’ kunflitt previsti minn dan tal-aħħar saru applikabbli fil-konfront tagħha.

31      Madankollu, ma jistax jiġi aċċettat li, fl-assenza ta’ kwalunkwe pass amministrattiv tal-persuna kkonċernata, il-fatt li tkompli tirċievi benefiċċju perjodiku min-naħa tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru jista’ jiġi assimilat ma’ “talba”, fis-sens tal-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 883/2004.

32      Fil-fatt, tali interpretazzjoni ma hijiex koerenti mal-għan tal-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 883/2004, li jikkonsisti preċiżament, kif jirriżulta mill-punt 26 ta’ din is-sentenza, fis-semplifikazzjoni tal-passi amministrattivi tal-persuni kkonċernati fid-dawl tal-kumplessità tal-proċeduri eżistenti fid-diversi Stati Membri.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sistema ta’ trażmissjoni tat-talbiet, tad-dikjarazzjonijiet jew tal-appelli stabbilita mill-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 883/2004, li permezz tiegħu l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li ma huwiex kompetenti bis-saħħa tar-regoli ta’ kunflitt previsti minn dan ir-regolament għandhom jittrażmettu mingħajr dewmien it-talbiet, id-dikjarazzjonijiet jew l-appelli mressqa quddiemhom lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kompetenti, hija suġġetta għall-osservanza, mill-istituzzjonijiet u mill-persuni kkonċernati, tal-obbligu reċiproku ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni impost fuqhom.

34      B’mod partikolari, mill-Artikolu 76(4) tar-Regolament Nru 883/2004 jirriżulta li, għalkemm l-awtoritajiet huma obbligati jwieġbu għat-talbiet kollha f’terminu raġonevoli u jipprovdu lill-persuni kkonċernati kull informazzjoni neċessarja sabiex jinvokaw id-drittijiet mogħtija lilhom minn dan ir-regolament, dawn il-persuni huma, min-naħa tagħhom, obbligati jinformaw lill-istituzzjonijiet tal-Istat Membru kompetenti u tal-Istat Membru ta’ residenza malajr kemm jista’ jkun b’kull bidla fis-sitwazzjoni personali jew tal-familja tagħhom li għandha effett fuq id-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji previsti mill-imsemmi regolament.

35      Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “talba” li tinjora kull pass amministrattiv imwettaq mill-persuna kkonċernata tqiegħed lill-awtoritajiet aditi fl-impossibbiltà li jikkonformaw ruħhom mal-obbligi li jirriżultaw kemm mill-Artikolu 76 kif ukoll mill-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 883/2004, peress li ma jistgħu jiddeterminaw la l-mument li fih għandha tintbagħat l-informazzjoni, it-talbiet, id-dikjarazzjonijiet jew l-appelli kkonċernati, u lanqas l-awtoritajiet li lilhom għandha tiġi trażmessa din l-informazzjoni.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “talba”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, ikopri biss it-talba mressqa, minn persuna li tkun għamlet użu mid-dritt tagħha ta’ moviment liberu, quddiem l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li ma għandhiex ġurisdizzjoni bis-saħħa tar-regoli ta’ kunflitt previsti minn dan ir-regolament. Għaldaqstant, dan il-kunċett la jinkludi t-talba inizjali mressqa skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru minn persuna li għadha ma użatx id-dritt tagħha għall-moviment liberu, u lanqas il-ħlas perjodiku, mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, ta’ benefiċċju normalment dovut, fil-mument ta’ dan il-ħlas, minn Stat Membru ieħor.

 Fuq ittieni domanda

37      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq ittielet domanda

38      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-prinċipju ta’ effettività, jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-effett retroattiv ta’ talba għall-allowances tal-familja għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tnax‑il xahar.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u li hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, l-ammont u t-tul tal-għoti tagħhom kif ukoll it-termini għat-tressiq tat-talbiet għall-ksib ta’ dawn il-benefiċċji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, Xhymshiti, C‑247/09, EU:C:2010:698, punt 43). Dawn il-kundizzjonijiet għandhom madankollu josservaw id-dritt tal-Unjoni u ma jistax ikollhom l-effett li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali l-persuni li għalihom, bis-saħħa tar-Regolament Nru 883/2004, din l-istess leġiżlazzjoni hija applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Fischer-Lintjens, C‑543/13, EU:C:2015:359, punt 49).

40      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst mil-leġiżlazzjoni Irlandiża ma għandux l-effett li jeskludi lill-persuni kkonċernati mill-benefiċċju tal-allowances tal-familja, iżda jnaqqas biss id-dritt tagħhom għal ħlas retroattiv meta ma jressqux talba f’terminu ta’ tnax‑il xahar mid-data li fiha l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għall-kisba ta’ dawn l-allowances ikunu ssodisfatti.

41      Għalhekk, ma huwiex eskluż li, fil-każ li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tkun iddikjarat lill-awtoritajiet Rumeni jew lill-awtoritajiet Irlandiżi l-bidla tad-domiċilju tagħha fl-iqsar żmien possibbli, hija setgħet tibbenefika minn ħlas retroattiv tal-allowances tal-familja Irlandiżi.

42      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 76(4) tar-Regolament Nru 883/2004, kull persuna li tibbenefika minn benefiċċju soċjali għandha tinforma lill-istituzzjonijiet tal-Istat Membru kompetenti u lil dawk tal-Istat Membru ta’ residenza mill-iktar fis possibbli dwar kull bidla fis-sitwazzjoni personali jew tal-familja tagħha li jista’ jkollha effett fuq id-drittijiet tagħha għall-benefiċċji previsti minn dan ir-regolament.

43      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni jista’ jwassal biss, konformement mal-Artikolu 76(5) ta’ dan ir-regolament, għall-applikazzjoni ta’ miżuri proporzjonati konformement mad-dritt nazzjonali li għandhom, minn naħa, ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli għal sitwazzjonijiet simili li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-persuni kkonċernati mill-imsemmi regolament (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Fischer-Lintjens, C‑543/13, EU:C:2015:359, punt 57).

44      Kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma invokatx ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mitluba tanalizza lil dan tal-aħħar fil-kuntest ta’ din il-kawża.

45      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-iffissar ta’ termini ta’ dekadenza jissodisfa, bħala prinċipju, ir-rekwiżit ta’ effettività sa fejn jikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali li jipproteġi kemm lill-persuna kkonċernata u kemm lill-amministrazzjoni kkonċernata. Fil-fatt, tali termini ma humiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ April 2010, Barth, C‑542/08, EU:C:2010:193, punt 28, u tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 36).

46      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjoni nazzjonali li tillimita għal sitt xhur l-effett retroattiv tat-talbiet għall-allowances tal-familja ma tagħmilx impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-ħaddiema migranti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 1995, Alonso-Pérez, C‑394/93, EU:C:1995:400, punti 30 u 32), kif irrikonoxxiet li l-iffissar ta’ terminu nazzjonali ta’ dekadenza ta’ tliet snin huwa raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2010, Barth, C‑542/08, EU:C:2010:193, punt 28).

47      Minn dan jirriżulta li terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tnax‑il xahar ma jidhirx, fih innifsu, bħala li jagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mir-Regolament Nru 883/2004.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-prinċipju ta’ effettività, ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-effett retroattiv ta’ talba għall-allowances tal-familja għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tnax‑il xahar, peress li dan it-terminu ma jagħmilx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju, mill-ħaddiema migranti kkonċernati, tad-drittijiet mogħtija mir-Regolament Nru 883/2004.

 Fuq lispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 81 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-kunċett ta’ “talba”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, ikopri biss it-talba mressqa, minn persuna li tkun għamlet użu mid-dritt tagħha ta’ moviment liberu, quddiem l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li ma għandhiex ġurisdizzjoni bis-saħħa tar-regoli ta’ kunflitt previsti minn dan ir-regolament. Għaldaqstant, dan il-kunċett la jinkludi t-talba inizjali mressqa skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru minn persuna li għadha ma użatx id-dritt tagħha għall-moviment liberu, u lanqas il-ħlas perjodiku, mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, ta’ benefiċċju normalment dovut, fil-mument ta’ dan il-ħlas, minn Stat Membru ieħor.

2)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-prinċipju ta’ effettività, ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-effett retroattiv ta’ talba għall-allowances tal-familja għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tnaxil xahar, peress li dan it-terminu ma jagħmilx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju, mill-ħaddiema migranti kkonċernati, tad-drittijiet mogħtija mir-Regolament Nru 883/2004.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.