Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ Mejju 2013 minn Peter Schönberger mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-7 ta’ Marzu 2013, fil-Kawża T-186/11, Peter Schönberger vs Il-Parlament

(Kawża C-261/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Peter Schönberger (rappreżentant: O. Mader, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Marzu 2013, Schönberger vs Il-Parlament (T-186/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra);

tilqa’ r-rikors ippreżentat mir-rikorrent fl-ewwel istanza u tannulla d-deċiżjoni li l-konvenut innotifika lir-rikorrent b’ittra tal-25 ta’ Jannar 2011, sa fejn l-eżami tal-petizzjoni Nru°1188/2010 intemm mingħajr ma l-Kumitat għall-Petizzjonijiet eżamina l-kontenut tagħha;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant isostni li, fl-espożizzjoni tagħha tal-fatti, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-President tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet kien indika lill-appellant, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, li, minkejja l-ammissibbiltà tagħha, il-petizzjoni ma setgħetx tiġi eżaminata fuq il-mertu. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta qieset li l-petizzjoni kienet ġiet eżaminata.

Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali injorat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt fundamentali ta’ petizzjoni meta qieset, b’mod żbaljat, li dan kien limitat għall-eżami tal-ammissibbiltà ta’ petizzjoni. L-appellant isostni li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ petizzjoni jinkludi wkoll l-eżami tal-kontenut tal-petizzjonijiet meqjusa bħala ammissibbli kif ukoll deċiżjoni adottata fuq il-mertu (dritt għall-eżami tal-petizzjoni).

L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali uriet inkonsistenza meta affermat li, b’mod differenti min-nuqqas ta’ eżami ta’ petizzjoni inammissibbli, in-nuqqas ta’ eżami ta’ petizzjoni ammissibbli ma kienx jipproduċi effetti legali.

Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet il-ġurisprudenza tagħha stess kif tirriżulta mis-sentenza Tegebauer 1 . Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddikjarat, f’din is-sentenza, li l-effikaċja tad-dritt ta’ petizzjoni tista’ tiġi ppreġudikata meta l-kontenut tal-petizzjoni ma jkunx ġie eżaminat.

L-appellant isostni wkoll li l-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-Parlament wettaq żball ta’ liġi meta ma mmotivax id-deċiżjoni tiegħu. Il-Qorti Ġenerali tat il-motivazzjoni tagħha għal din sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ eżami tal-petizzjoni.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-appellant ma kellux il-possibbiltà li jesponi l-każ tiegħu b’mod oġġettiv quddiem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet.

____________

1 Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2011, Tegebauer vs Il-Parlament (T-308/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).