Language of document : ECLI:EU:C:2014:2423

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

9 ta’ Diċembru 2014 (*)

“Appell — Petizzjoni indirizzata lill-Parlament Ewropew — Deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-petizzjoni — Rikors għal annullament — Kunċett ta’ ‘att li jista’ jiġi kkontestat’”

Fil-Kawża C‑261/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑8 ta’ Mejju 2013,

Peter Schönberger, residenti fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentat minn O. Mader, Rechtsanwalt,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn U. Rösslein u E. Waldherr, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi‑President, A. Tizzano, T. von Danwitz, A. Ó Caoimh, J.‑C. Bonichot (Relatur), Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, A. Prechal, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, P. Schönberger jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Schönberger vs Il‑Parlament (T‑186/11, EU:T:2013:111, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal‑25 ta’ Jannar 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), li permezz tagħha l-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tal-Petizzjonijiet”) waqqaf l-eżami tal-petizzjoni li huwa kien ippreżenta.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fit‑2 ta’ Ottubru 2010, P. Schönberger, ex uffiċjal tal-Parlament, indirizza petizzoni lil din l-istituzzjoni abbażi tal-Artikolu 227 TFUE, li permezz tagħha huwa talabha tieħu miżuri fir-rigward tas-sitwazzjoni personali tiegħu bħala uffiċjal tal-Parlament sabiex tittieħed azzjoni fuq rakkomandazzjoni tal-Ombudsman Ewropew.

3        Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kumitat tal-Petizzjonijiet informa lill-appellant li l-petizzjoni tiegħu kienet ġiet iddikjarata ammissibbli, konformement mar-regolament intern tal-Parlament, li kellha tiġi trażmessa lid-Direttur Ġenerali inkarigat mill-persunal u li l-proċedura ta’ petizzjoni kienet għalhekk konkluża.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

4        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Marzu 2011, P. Schönberger talab l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa qal li l-kontenut tal-petizzjoni tiegħu ma kienx ġie eżaminat minkejja l-fatt li l-Kumitat tal-Petizzjonijiet kien ikkonkluda li din kienet ammissibbli. Il-Parlament qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Sussidjarjament, huwa talab iċ-ċaħda tar-rikors bħala infondat.

5        Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli minħabba l-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tikkostitwixxi att li jista’ jkun suġġett għal rikors għal annullament.

6        Hija qieset, fil-punti 16 u 19 tas-sentenza appellata, li filwaqt li d-deċiżjoni ta’ arkivjar ta’ petizzjoni bħala inammissibbli taffettwa d-dritt tal-persuni kkonċernati li jippreżentaw petizzjoni, l-istess ma jgħoddx għad-deċiżjoni meħuda, wara li petizzjoni tkun ġiet iddikjarata ammissibbli, dwar l-azzjoni li għandha tittieħed, liema fatt jaqa’ taħt evalwazzjoni ta’ natura politika li ma hijiex suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni.

7        Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 23 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, peress li l-petizzjoni ġiet iddikjarata ammissibbli, id-deċiżjoni kontenzjuża la setgħet tbiddel b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni ġuridika tal-appellant u lanqas ma setgħet tippreġudika l-interessi ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk, mingħajr ma ddeċidiet dwar il-motivi l-oħra, hija kkonkludiet li r-rikors kien inammissibbli u kkundannat lir-rikorrent fl-ewwel istanza għall-ispejjeż rispettivi tiegħu u għal dawk sostnuti mill-Parlament.

 It-talbiet tal-partijiet

8        P. Schönberger jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tilqa’ r-rikors tiegħu ippreżentat fl-ewwel istanza intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, u

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

9        Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

10      Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żnaturament tal-fatti. Fis-sunt tagħha tal-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali qagħdet lura milli tikkonstata li l-kontenut tal-petizzjoni ma kienx ġie eżaminat mill-Parlament. Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi billi ddeċidiet li s-sempliċi ċaħda ta’ petizzjoni bħala inammissibbli setgħet tirrestrinġi d-dritt ta’ petizzjoni tiegħu u, għaldaqstant, kienet tali li taffettwa l-pożizzjoni ġuridika tiegħu. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata inkwantu l-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, l-appellant jilmenta li l-Qorti Ġenerali ma esprimietx ruħha dwar il-motiv tiegħu relatat mal-impossibbiltà li jesponi l-każ tiegħu quddiem il-Kumitat tal-Petizzjonijiet.

11      Il-Parlament jitlob għaċ-ċaħda tal-aggravji tal-appellant bħala inammissibbli jew manifestament infondati.

12      Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tiegħu għal annullament. Huwa jsostni li deċiżjoni li permezz tagħha l-Kumitat tal-Petizzjonijiet, wara li aċċetta li jieħu konjizzjoni tal-petizzjoni, jieħu azzjoni fir-rigward tal-petizzjoni li tikkonsisti, bħal f’dan il-każ, f’li jittrażmettiha lid-Direttur Ġenerali inkarigat mill-persunal tal-Parlament, hija deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lill-parti kkonċernata, u li għaldaqstant tista’ tkun suġġetta għal rikors għal annullament.

13      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-legalità tal-atti tal-Parlament intiżi li joħolqu effetti legali fir-rigward tat-terzi. Miżuri li joħolqu effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu suġġetti għal rikors għal annullament (ara, b’mod partikolari, is-sentenza IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264).

14      Id-dritt ta’ petizzjoni huwa msemmi fl-Artikolu 20(2)(d) TFUE, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE u fl-Artikolu 227 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha jirriżulta li dan id-dritt jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali u huwa eżerċitat fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 227 TFUE.

15      Skont din l-aħħar dispożizzjoni, id-dritt ta’ petizzjoni ma huwiex biss miftuħ għaċ-ċittadini tal-Unjoni, iżda, iktar ġeneralment, għal kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi fi Stat Membru jew li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha hemmhekk. Dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat individwalment jew kollettivament. Il-petizzjoni għandha tikkonċerna “suġġett li jaqa’ fl-isfera ta’ l-attività tal-Unjoni” u għandha tikkonċerna “direttament” lill-persuna jew persuni li jippreżentawha.

16      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni jew oħra adottata, wara li tiġi ppreżentata petizzjoni, mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet jew mill-Parlament innifsu tistax tkun suġġetta għal rikors għal annullament, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE msemmija fil-punt 14 ta’ din il-kawża ma tipprovdi għal setgħa deċiżjonali tal-Parlament fir-rigward ta’ petizzjonijiet.

17      Id-dritt ta’ petizzjoni jikkostitwixxi strument ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini għall-ħajja demokratika tal-Unjoni. Dan huwa wieħed mill-mezzi ta’ djalogu dirett bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u r-rappreżentanti tagħhom.

18      In-natura tar-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-persuni li jindirizzaw lilhom infushom lejh permezz ta’ petizzjonijiet hija kkonfermata bir-regoli stabbiliti mill-Parlament għall-eżami tal-petizzjonijiet fl-Artikoli 215 sa 217 tar-regolament intern tal-Parlament, fil-verżjoni tiegħu attwalment fis-seħħ (Regolament tal-Parlament Ewropew, it-tmien leġiżlatura — Lulju 2014, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-ĠU). Minkejja ċerti preċiżazzjonijiet magħmula minnhom, dawn huma, essenzjalment, identiċi għar-regoli rilevanti fis-seħħ fi żmien il-fatti li wasslu għall-kawża (Regolament tal-Parlament Ewropew, is-sittax‑il edizzjoni — Lulju 2004, ĠU 2005, L 44, p. 1).

19      Huwa għalhekk li l-Parlament iffissa, fl-Artikolu 215 ta’ dan ir-regolament, regoli supplimentari differenti dwar il-kundizzjonijiet sostantivi u l-lingwa għall-preżentata tal-petizzjonijiet kif ukoll dwar ir-rekwiżit ta’ rappreżentant maħtur mill-persuni li jippreżentaw il-petizzjoni fil-każ ta’ petizzjoni kollettiva. Il-petizzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sostantivi jiddaħħlu f’“reġistru” filwaqt li l-oħrajn jiġu arkivjati u l-persuna li tippreżenta l-petizzjoni tiġi informata bir-raġunijiet għal dan l-arkivjar. Il-petizzjonijiet li jiddaħħlu fir-reġistru jintbagħtu mill-President tal-Parlament lill-Kumitat tal-Petizzjonijiet li jistabbilixxi “jekk il-petizzjoni tkunx ammissibbli jew le skont l-Artikolu 227 [TFUE]”, fejn din l-“ammissibbiltà” tirriżulta jekk mill-inqas kwart mill-membri tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet jivvota f’dan is-sens. Il-petizzjonijiet ikkunsidrati bħala inammissibbli huma suġġetti għal deċiżjoni mmotivata nnotifikata lill-persuna li tippreżenta l-petizzjoni li tista’ tirrakkomandalha “mezzi ta’ riparazzjoni alternattivi”.

20      Fl-aħħar nett, għandha tiġi rrilevata l-possibbiltà li rrikonoxxa l-Parlament innifsu fl-imsemmi Artikolu 215(13) li tittieħed konjizzjoni tal-petizzjonijiet ippreżentati minn persuni li ma humiex ċittadini tal-Unjoni jew li ma jirrisjedux fiha u li ma għandhomx l-uffiċċju rreġistrat tagħhom hemmhekk, li l-Kumitat tal-Petizzjonijiet “jkun jixtieq jeżamina”.

21      L-Artikolu 216 tar-regolament intern tal-Parlament, fil-verżjoni tiegħu attwalment fis-seħħ, jipprovdi l-azzjoni li għandha tittieħed għall-petizzjonijiet li huma eżaminati mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet “waqt l-attività normali tiegħu”, jekk ikun il-każ fil-preżenza tal-persuna li tippreżenta l-petizzjoni li lilha l-president ta’ dan il-kumitat jiddeċiedi li jagħti jew le d-dritt tal-kelma. Il-Kumitat tal-Petizzjonijiet jista’ jiddeċiedi jekk għandux ifassal rapport fuq inizzjattiva tiegħu stess jew, bi ftehim mal-Konferenza tal-Presidenti, jippreżenta mozzjoni qasira għal riżoluzzjoni. Huwa għandu l-obbligu, f’ċerti każijiet, li jikkoopera ma’ kumitati oħra, jista’ jitlob l-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea u jista’ jiddeċiedi li jorganizza missjoni ta’ informazzjoni fl-Istat Membru jew fir-reġjun ikkonċernat bil-petizzjoni inkwistjoni. Huwa jista’ jitlob lill-President tal-Parlament sabiex jagħti l-opinjoni jew ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew lill-Istat Membru kkonċernat bil-għan li tittieħed azzjoni jew jirċievi risposta. Kull sitt xhur il-Kumitat tal-Petizzjonijiet għandu jinforma lill-Parlament bir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu u, b’mod partikolari, bl-azzjoni li ttieħdet mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fir-rigward tal-petizzjonijiet li ġew trażmessi lilhom. Il-persuni li jippreżentaw il-petizzjoni għandhom jiġu informati bid-deċiżjoni adottata mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet u bir-raġunijiet li jissostanzjaw din id-deċiżjoni. Meta l-eżami ta’ petizzjoni ammissibbli jintemm, din għandha tiġi ddikjarata magħluqa u l-persuna li ppreżentat il-petizzjoni għandha tiġi informata dwar dan.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, deċiżjoni li permezz tagħha l-Parlament, li quddiemu tressqet petizzjoni, iqis li din ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 227 TFUE għandha tkun tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, ġaladarba tista’ taffettwa d-dritt ta’ petizzjoni tal-persuna kkonċernata. L-istess jgħodd għad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Parlament, kontra s-sustanza nnifisha tad-dritt ta’ petizzjoni, jirrifjuta jew joqgħod lura milli jieħu konjizzjoni ta’ petizzjoni indirizzata lilu u, konsegwentement, milli jivverifika jekk din tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 227 TFUE.

23      Deċiżjoni fin-negattiv tal-Parlament fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 227 TFUE ġewx sodisfatti għandha tiġi mmotivata b’mod li tippermetti lill-persuna li tippreżenta l-petizzjoni ssir taf liema waħda minn fost l-imsemmija kundizzjonijiet ma ġietx sodisfatta fil-każ tagħha. F’dan ir-rigward, bil-kontra għall-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 28 tas-sentenza tagħha Tegebauer vs Il‑Parlament (T-308/07, EU:T:2011:466), motivazzjoni sommarja, bħal dik li tirriżulta fid-deċiżjoni tal-Parlament inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza tissodisfa dan ir-rekwiżit.

24      Min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, kif ukoll mir-regoli adottati mill-Parlament għall-organizzazzjoni tad-dritt ta’ petizzjoni, jirriżulta li, fir-rigward ta’ petizzjoni fejn, bħal f’dan il-każ, huwa qies li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 227 TFUE, il-Parlament għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, ta’ natura politika, dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fir-rigward ta’ din il-petizzjoni. Għalhekk deċiżjoni meħuda f’dan ir-rigward taħrab mill-istħarriġ ġudizzjarju, fejn ftit jimporta li, permezz ta’ tali deċiżjoni, il-Parlament innifsu jadotta l-miżuri indikati jew iqis li ma kienx f’pożizzjoni li jagħmel dan u jittrażmetti l-petizzjoni lill-istituzzjoni jew lid-dipartiment kompetenti sabiex din l-istituzzjoni jew dawn id-dipartimenti jieħdu dawn il-miżuri.

25      F’dan il-każ, mill-kliem innifsu tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Parlament mhux talli ma kisirx id-dritt tal-appellant li jindirizzah permezz ta’ petizzjoni, iżda eżamina l-petizzjoni li rċieva, ta’ deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħha u ddeċieda li jittrażmettiha għal ipproċessar ulterjuri lid-Direttur Ġenerali responsabbli għall-persunal tal-Parlament, li għalhekk seta’ jieħu fil-konfront tagħha l-azzjoni li huwa kien iqis xierqa.

26      Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, u peress li f’dawn iċ-ċirkustanzi l-aggravji l-oħra huma ineffettivi, dan l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

27      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Konformement mal-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellant tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mill-Parlament.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Peter Schönberger huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.