Language of document : ECLI:EU:C:2014:2423

Kawża C‑261/13 P

Peter Schönberger

vs

Il-Parlament Ewropew

“Appell — Petizzjoni indirizzata lill-Parlament Ewropew — Deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-petizzjoni — Rikors għal annullament — Kunċett ta’ ‘att li jista’ jiġi kkontestat’”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta’ Diċembru 2014

Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament li tesprimi ruħha dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fir-rigward ta’ petizzjoni ddikjarata ammissibbli — Setgħa diskrezzjonali ta’ natura politika tal-Parlament — Esklużjoni tal-kunċett

(Artikoli 20(2)(d) TFUE, 24 TFUE, 227 TFUE u 263 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 44; Regolament intern tal-Parlament Ewropew, Artikoli 215 sa 217)

Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-legalità tal-atti tal-Parlament intiżi li joħolqu effetti legali fir-rigward tat-terzi. Miżuri li joħolqu effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu suġġetti għal rikors għal annullament.

Deċiżjoni li permezz tagħha l-Parlament, li quddiemu tressqet petizzjoni, iqis li din ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 227 TFUE għandha tkun tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, ġaladarba tista’ taffettwa d-dritt ta’ petizzjoni tal-persuna kkonċernata. L-istess jgħodd għad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Parlament, kontra s-sustanza nnifisha tad-dritt ta’ petizzjoni, jirrifjuta jew joqgħod lura milli jieħu konjizzjoni ta’ petizzjoni indirizzata lilu u, konsegwentement, milli jivverifika jekk din tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 227 TFUE.

Deċiżjoni fin-negattiv tal-Parlament fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 227 TFUE ġewx sodisfatti għandha tiġi mmotivata b’mod li tippermetti lill-persuna li tippreżenta l-petizzjoni ssir taf liema waħda minn fost l-imsemmija kundizzjonijiet ma ġietx sodisfatta fil-każ tagħha. F’dan ir-rigward, motivazzjoni sommarja tissodisfa dan ir-rekwiżit.

Min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, kif ukoll mir-regoli adottati mill-Parlament għall-organizzazzjoni tad-dritt ta’ petizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 215 sa 217 tar-regolament intern tal-Parlament, jirriżulta li, fejn hemm petizzjoni li fir-rigward tagħha huwa qies li ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 227 TFUE, il-Parlament għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, ta’ natura politika, dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fir-rigward ta’ din il-petizzjoni. Għalhekk deċiżjoni meħuda f’dan ir-rigward taħrab mill-istħarriġ ġudizzjarju, fejn ftit jimporta li, permezz ta’ tali deċiżjoni, il-Parlament innifsu jadotta l-miżuri indikati jew iqis li ma kienx f’pożizzjoni li jagħmel dan u jittrażmetti l-petizzjoni lill-istituzzjoni jew lid-dipartiment kompetenti sabiex din l-istituzzjoni jew dawn id-dipartimenti jieħdu dawn il-miżuri.

(ara l-punti 13, 22-24)