Language of document : ECLI:EU:T:2013:282

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

30 ta’ Marzu 2013 (*)

“Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Għajnuna lis-settur tal-frott u tal-ħaxix — Rikors għal annullament — Interess dirett — Ammissibbiltà — Frott u ħaxix ipproċessat — Fondi operattivi u programmi operattivi — Finanzjament ta’ ‘attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar’”

Fil-Kawżi magħquda T‑454/10 u T‑482/11,

Associazione Nazionale degli Industriali delle Conserve Alimentari Vegetali (Anicav), stabbilita f’Napoli (l-Italja) irrappreżentata inizjalment minn J. L. da Cruz Vilaça, S. Estima Martins u S. Carvalho de Sousa, sussegwentement minn S. Estima Martins, S. Carvalho de Sousa u R. Oliveira, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑454/10,

Agrupación Española de Fabricantes de Conservas Vegetales (Agrucon), stabbilita f’Madrid (Spanja), u s-sittax-il rikorrent l-ieħor li isimhom jidher fl-Anness I, irrappreżentati inizjalment minn J. L. da Cruz Vilaça, S. Estima Martins u S. Carvalho de Sousa, sussegwentement minn S. Estima Martins, S. Carvalho de Sousa u R. Oliveira, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑482/11,

sostnuti minn

Associazione Italiana Industrie Prodotti Alimentari (AIIPA), stabbilita f’Milano (l-Italja), u mill-għaxar intervenjenti l-oħra li isimhom jidher fl-Anness II, irrappreżentati inizjalment minn J. L. da Cruz Vilaça, S. Estima Martins u S. Carvalho de Sousa, sussegwentement minn S. Estima Martins, S. Carvalho de Sousa u R. Oliveira, avukati,

intervenjenti fil-Kawża T‑454/10,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata, fil-Kawża T‑454/10, inizjalment minn B. Schima u M. Vollkommer, sussegwentement minn B. Schima u N. Donnelly, u, fil-Kawża T‑482/11, minn K. Banks u M. Schima, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Confederazione Cooperative Italiane, stabbilita f’Ruma (l-Italja), u mit-tmien intervenjenti l-oħra li isimhom jidher fl-Anness III, irrappreżentati minn M. Merola, C. Santacroce u L. Cappelletti, avukati,

intervenjenti,

li għandhom bħala suġġett, fil-Kawża T‑454/10, talba għall-annullament tal-Artikolu 52(2a) u tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007, tal-21 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (ĠU L 350, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 687/2010, tat-30 ta’ Lulju 2010 (ĠU L 199, p. 12), u fil-Kawża T-482/11, talba għall-annullament tal-Artikoli 50(3) u 60(7), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011, tas-7 ta’ Ġunju 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, p. 1).

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, F. Dehousse u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ĠU L 299, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Waħdieni dwar l-OKS”) japplika, skont l-Artikolu 1(1)(i) u (j) tiegħu, għas-settur tal-frott u tal-ħaxix u għas-settur tal-frott u tal-ħaxix ipproċessat.

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 361/2008, tal-14 ta’ April 2008, li jemenda r-Regolament Waħdieni dwar l-OKS (ĠU L 121, p. 1), inkorpora b’mod partikolari f’dan tal-aħħar, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1182/2007, tas-26 ta’ Settembru 2007, li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward is-settur tal-frott u l-ħxejjex u li jemenda d-Direttivi 2001/112/KE u 2001/113/KE u r-Regolamenti (KEE) Nru 827/68, (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96, (KE) Nru 2826/2000, (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 318/2006 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2202/96 (ĠU L 273, p. 1) (ara l-premessa 8 tar-Regolament Nru 361/2008).

3        Il-premessa 6 tar-Regolament Nru 1182/2007 tindika li “[l]-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkun prodotti koperti mill-organizzazzjonijiet tas-suq komuni ta’ swieq tal-frott u l-ħxejjex u frott u ħxejjex ipproċessati”, iżda din tippreċiża li, “[m]adankollu, id-dispożizzjonijiet dwar organizzazzjonijiet tal-produtturi u organizzazzjonijiet interprofessjonali u ftehim japplikaw biss għal prodotti koperti mill-organizzazzjoni tas-suq komuni għal frott u ħxejjex u [li] għandha tinżamm din id-distinzjoni”.

4        L-Artikolu 1(22) tar-Regolament Nru 361/2008 inkluda s-Sezzjoni IVa fil-Kapitolu IV tat-Titolu 1 tal-Parti II tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS. Skont l-Artikoli 103b, 103c u 103d ta’ din is-sezzjoni l-ġdida, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi tas-settur tal-frott u tal-ħaxix jistgħu jistabbilixxu fondi operattivi sabiex jiffinanzjaw programmi operattivi li għandhom għanijiet speċifiċi. Dawn il-fondi huma ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet tal-membri kif ukoll mill-għajnuna finanzjarja Komunitarja.

5        Skont l-Artikolu 103d(2) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, l-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha jkollha limitu massimu ta’ 4.1 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ kull organizzazzjoni tal-produtturi, bil-possibbiltà li din il-perċentwali tista’ tiżdied għal 4.6 % ta’ dan il-valur bil-kundizzjoni li l-ammont li jeċċedi l-4.1 % jintuża biss għal miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet.

6        L-Artikolu 52(1) u (6) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007, tal-21 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (ĠU L 350, p. 1), jipprovdi kif ġej:

“Bażi għall-kalkolazzjoni

1. Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-valur tal-produzzjoni mqiegħda fis-suq għal organizzazzjoni tal-produtturi għandu jkun ikkalkulat fuq il-bazi tal-produzzjoni ta’ membri ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, li għaliha l-organizzazzjoni tal-produtturi hija rikonoxxuta

[…]

6.      Il-produzzjoni mqiegħda fis-suq għandha tkun fatturata fl-istadju ta’ ‘organzzazzjoni mhix produttur’:

(a) fejn applikabbli, bħala prodott li huwa ppakkjat, ippreparat, jew li għadda minn l-ewwel stadju ta’ pproċessar;

(b) eskluża l-VAT; u

(c) esklużi l-ispejjeż ta’ trasport intern [...]”

7        Il-premessa 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 687/2010, tat-30 ta’ Lulju 2010, li jemenda r-Regolament Nru 1580/2007 (ĠU L 199, p. 12), tipprovdi kif ġej:

“Instab li huwa diffiċli li jiġi kkalkolat il-valur tal-frott u l-ħxejjex intenzjonati għall-ipproċessar. Għall-finijiet ta’ kontroll u għas-simplifikazzjoni, huwa xieraq li tiddaħħal rata fissa għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur tal-frott u l-ħxejjex intenzjonati għall-ipproċessar, li tirrappreżenta l-valur tal-prodott bażiku, jiġifieri frott u ħxejjex intenzjonati għall-ipproċessar u l-attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar. Peress li l-kwantitajiet tal-frott u l-ħxejjex meħtieġa għall-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati jvarjaw ħafna bejn il-gruppi tal-produtturi, dawn id-differenzi għandhom ikunu riflessi fir-rati fissi applikabbli.”

8        L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 687/2010 emenda l-Artikolu 21(1)(i) tar-Regolament Nru 1580/2007 billi jiddefinixxi l-kelma “preparazzjoni” bħala “attivitajiet preparatorji bħal ħasil, it-tqattigħ, it-tqaxxir, it-tirqim u t-tnixxif tal-frott u l-ħxejjex, mingħajr ma jiġu ttrasformati fi frott u ħxejjex ipproċessati”.

9        L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 687/2010 inkluda l-paragrafu (2a) fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1580/2007 li jipprovdi:

“Il-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata ma għandux jinkludi l-valur tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati jew ta’ kwalunkwe prodott ieħor li mhuwiex prodott tas-settur tal-frott u l-ħxejjex.

Madankollu, il-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata tal-frott u l-ħxejjex intenzjonati għall-ipproċessar, li jkunu ġew ittrasformati f'wieħed mill-frott jew ħxejjex proċessati elenkati fil-Parti X tal-Anness I għar-Regolament [Waħdieni dwar l-OKS] jew kwalunkwe prodott agrikolu msemmi f'dan l-Artikolu u deskritt aktar fl-Anness VIa għal dan ir-Regolament, minn organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew il-membri tagħhom, li jkunu produtturi jew il-kooperattivi tagħhom, jew sussidjarji kif imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, sew jekk huma stess jew permezz tal-esternalizzazzjoni, għandhom jiġu kkalkolati bħala rata fissa fil-perċentwali applikata lill-valur iffatturat ta’ dawn il-prodotti pproċessati.

Dik ir-rata fissa għandha tkun:

(a) 53 % għall-meraq tal-frott;

(b) 73 % għall-meraq konċentrat tal-frott;

(c) 77 % għall-kunserva tat-tadam;

(d) 62 % għall-frott u l-ħxejjex friżati;

(e) 48 % għall-frott u l-ħxejjex tal-bott;

(f) 70 % għall-faqqiegħ tal-bott tal-ġenus Agaricus;

(g) 81 % għall-frott proviżorjament priżervat fis-salmura;

(h) 81 % għall-frott imnixxef;

(i) 27 % għal frott u ħxejjex oħra proċessati;

(j) 12 % għall-ħwawar aromatiċi proċessati;

(k) 41 % għat-trab tal-paprika.”

10      L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 687/2010 ssostitwixxa l-Artikolu 52(6) tar-Regolament Nru 1580/2007 permezz tat-test sussegwenti:

“6. Il-produzzjoni kummerċjalizzata tal-frott u l-ħxejjex għandha tkun iffatturata fl-istadju ta’ 'qabel l-ispejjeż assoċjati mal-organizzazzjoni tal-produtturi’ fejn applikabbli, bħala prodott elenkat fil-Parti IX tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li hija ppreparata u ppakkjata u bl-esklużjoni ta’:

(a) il-VAT;

(b) l-ispejjeż tat-trasport intern, fejn id-distanza bejn il-ġbir ċentralizzat jew punti tal-ippakkjar tal-organizzazzjoni tal-produtturi u l-punt tad-distribuzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi tkun sinifikanti.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal tnaqqis li għandu jkun applikat għall-valur fatturat għall-prodotti fatturati fi stadji differenti tal-kunsinna jew tat-trasport.”

11      L-Artikolu 61(4) tar-Regolament Nru 1580/2007, dispożizzjoni li ma ġietx emendata bir-Regolament Nru 687/2010 jippreċiża li “[l]-programmi ta’ operazzjoni ma għandhomx jinkludu l-azzjonijiet jew l-ispejjeż imsemmija fil-lista stabbilita fl-Anness VIII”.

12      Ir-Regolament Nru 1580/2007 tħassar permezz tal-Artikolu 149 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011, tas-7 ta’ Ġunju 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament [Waħdieni dwar l-OKS] għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, p. 1), fejn dan l-aħħar regolament integra l-modalitajiet ta’ applikazzjoni li jkopru dawn is-setturi.

13      Il-premessa 35 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 tipprovdi kif ġej:

“Sabiex ikun iffaċilitat l-użu tal-iskema ta’ appoġġ għall-programmi operattivi, il-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandha tkun iddefinita b’mod ċar, inkluża l-ispeċifikazzjoni ta’ liema prodotti jistgħu jitqiesu u l-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni li fuqu għandu jiġi kkalkulat il-valur tal-produzzjoni. Għall-għanijiet tal-kontroll u għas-simplifikazzjoni, huwa xieraq li tintuża rata fissa sabiex jiġi kkalkulat il-valur tal-frott u l-ħaxix maħsub għall-ipproċessar, li jirrappreżenta l-valur tal-prodott bażiku, jiġifieri l-frott u l-ħaxix maħsub għall-ipproċessar, u l-attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar. Billi l-kwantitajiet ta’ frott u ħaxix meħtieġa għall-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix ipproċessat ivarjaw ħafna bejn il-gruppi tal-produtturi, dawk id-differenzi għandhom ikunu riflessi fir-rati fissi applikabbli […]”

14      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 21(1)(i) tar-Regolament Nru 4580/2007 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq) sar l-Artikolu 19(1)(j) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 u l-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 sar l-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011, filwaqt li l-Artikolu 50(7) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 jkopri s-sustanza tal-Artikolu 52(6) tar-Regolament Nru 1580/2007 (ara l-punti 9 u 10 iktar ’il fuq).

15      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011, “[l]-investimenti u l-azzjonijiet relatati mat-trasformazzjoni tal-frott u tal-ħaxix fi frott u ħaxix ipproċessat jistgħu jkunu eleġibbli għall-appoġġ fejn investimenti u azzjonijiet bħal dawn ifittxu li jilħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 103c(1) tar-[Regolament Waħdieni dwar l-OKS], inklużi dawk imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 ta’ dak ir-Regolament, u sakemm huma identifikati fl-istrateġija nazzjonali msemmija fl-Artikolu 103f(2) tar-[Regolament Waħdieni dwar l-OKS]”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Settembru 2010, l-Associazione Nazionale degli Industriali delle Conserve Alimentari Vegetali (Anicav) ippreżentat ir-rikors fil-Kawża T‑454/10. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Settembru 2011, l-Agrupación Española de Fabricantes de Conservas Vegetales (Agrucon) u s-sittax-il rikorrent l-ieħor li isimhom jidher fl-Anness 1 ippreżentaw ir-rikors fil-Kawża T-482/11.

17      Permezz ta’ ħames atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 u fis-17 ta’ Jannar 2011, l-Associazione Italiana Industrie Prodotti Alimentari (AIIPA) u l-entitajiet li jinsabu fl-Anness II talbu jintervjenu fil-Kawża T‑454/10 insostenn tat-talbiet tal-Anicav.

18      Permezz ta’ erba’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Jannar 2011, il-Confederazione Cooperative Italiane u l-entitajiet li jinsabu fl-Anness III talbu jintervjenu fil-Kawża T‑454/10 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni Ewropea.

19      Permezz ta’ żewġ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Diċembru 2011, il-Confederazione Cooperative Italiane u l-entitajiet li jinsabu fl-Anness III talbu jintervjenu fil-Kawża T‑482/11 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

20      Permezz ta’ żewġ digrieti tal-5 ta’ Ottubru 2011 u tas-6 ta’ Marzu 2012, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dawn l-interventi. L-intervenjenti ppreżentaw in-noti tagħhom u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuqhom fit-termini mogħtija.

21      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 2012, il-Kawżi T‑454/10 u T‑482/11 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

22      Fil-Kawża T‑454/10, l-Anicav titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 52 u l-Anness VIII tar-Regolament Nru 1580/2007, kif emendat bir-Regolament Nru 687/2010;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23      Fil-Kawża T‑482/11, l-Agrucon u s-sittax-il rikorrent l-ieħor li isimhom jidher fl-Anness I jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 50(3) u 60(7) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

24      Fil-Kawżi T‑454/10 u T‑482/11, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi bħala inammissibbli u, f’kull każ, bħala infondati;

–        tikkundanna lill-Anicav, lill-Agrucon u lis-sittax-il rikorrent l-ieħor li isimhom jidher fl-Anness I għall-ispejjeż.

25      Fil-Kawża T‑454/10, l-intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Anicav jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-dispożizzjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Fil-Kawżi T‑454/10 u T‑482/11, l-intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi bħala inammissibbli u, f’kull każ, bħala infondati;

–        tikkundanna lill-Anicav, lill-Agrucon u lis-sittax-il rikorrent l-ieħor li isimhom jidher fl-Anness I għall-ispejjeż.

 Id-dritt

27      Ir-rikorrenti jressqu tliet motivi, li jsostnu li d-dispożizzjonijiet li l-annullament tagħhom huwa mitlub jiksru, l-ewwel nett, ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, it-tieni nett, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, it-tielet nett, il-prinċipju ta’ proporzjonalità

28      L-ewwel nett il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà u, sussegwentement, il-fondatezza tar-rikorsi.

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors fil-Kawża T‑454/10 inkwantu dan jikkonċerna l-Anness VIII tar-Regolament Nru 1580/2007

29      Hemm lok li jiġi rrilevat li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni jew min-notifika tal-miżura kkontestata, skont il-każ, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mid-data li minnha r-rikorrent ikun sar jaf biha. Mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-għan tagħha, li huwa li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, jirriżulta li l-miżura li ma tkunx ġiet ikkontestata f’dan it-terminu, issir definittiva. Din in-natura definittiva tikkonċerna mhux biss lill-miżura nnifisha, iżda wkoll lil kull miżura sussegwenti li tkun ta’ natura purament konfermattiva. Din is-soluzzjoni, li hija ġġustifikata mill-ħtieġa ta’ stabbiltà legali, tapplika kemm għall-miżuri individwali kif ukoll għal dawk li huma ta’ natura leġiżlattiva, bħal regolament. Min-naħa l-oħra, meta dispożizzjoni ta’ regolament hija emendata, ikun hemm dritt mill-ġdid għal preżentata ta’ rikors, mhux biss kontra din id-dispożizzjoni, iżda wkoll kontra dawk li, għalkemm mhux emendati, jifformaw ħaġa waħda magħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑299/05, Ġabra p. I-8695, punti 28 sa 30).

30      Il-Kummissjoni tqis li l-Anness VIII tar-Regolament Nru 1580/2007, li ma ġiex emendat bir-Regolament Nru 687/2010, ma jifformax ħaġa waħda mal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1580/2007, li ġie emendat b’dan l-aħħar regolament.

31      F’dan il-każ, skont l-Artikolu 103d tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), l-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha limitu massimu, b’mod partikolari, ta’ 4.1 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ kull organizzazzjoni tal-produtturi, bil-possibbiltà li din il-perċentwali tista’ tiżdied għal 4.6 % jekk id-differenza tintuża biss għal miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet.

32      Hekk kif jirriżulta mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 687/2010 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), ir-rati fissi li jinsabu fl-Artikolu 52(2a) ta’ dan l-istess regolament, li abbażi tagħhom il-valur tal-produzzjoni kkumerċjalizzata tal-frott u tal-ħaxix intiż għall-ipproċessar huwa stabbilit, ikopru l-valur tal-prodott bażiku kif ukoll “l-attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar”. Dan il-fatt huwa kkonfermat mit-tieni subparagrafu tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, li toħloq eċċezzjoni għar-regola stabbilita fl-ewwel subparagrafu, li tgħid li l-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ma jinkludix il-valur tal-frott u tal-ħaxix ipproċessat.

33      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 61(4) tar-Regolament Nru 1580/2007, il-programmi operattivi ma jinkludux l-azzjonijiet jew l-ispejjeż imsemmija fil-lista li tinsab fl-Anness VIII ta’ dan l-istess regolament. Għandu jiġi kkonstatat li din il-lista hija l-korollarju ta’ dispożizzjoni li tistabbilixxi l-metodi ta’ kalkolu tal-għajnuna Komunitarja fil-kuntest tal-programmi operattivi. Minn dan jirriżulta li, sa dan l-estent, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-Anness VII tar-Regolament Nru 1580/2007 jifforma ħaġa waħda mal-Artikolu 52 ta’ dan l-istess regolament skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq.

34      Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punti 104 u 105 tar-rikors flimkien mal-ewwel talba tiegħu, l-Anicav titlob l-annullament tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 1580/2007 inkwantu huwa ma jirreferix għall-ispejjeż tal-ipproċessar bħala spiża li għandha tiġi eskluża mill-finanzjament fil-kuntest tal-programmi operattivi.

35      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-eliġibbiltà tal-ispejjeż relatati ma’ “attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar” tirriżulta mir-rati fissi msemmija fl-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 u mhux mill-Anness VIII ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, annullament eventwali tal-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 għall-motivi invokati mir-rikorrenti jinvolvi, fir-rigward tal-Kummissjoni, l-obbligu li tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 266 TFUE, inkluż permezz ta’ modifika eventwali tal-Anness VIII ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, kull analiżi tal-kontenut li l-Anness VIII tar-Regolament Nru 1580/2007 għandu jkollu sabiex ikun konformi mar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS tkun taqa’ taħt il-miżuri ta’ eżekuzzjoni li l-Kummissjoni tkun imwassla tieħu fil-każ ta’ annullament tal-Artikolu 52(2a) ta’ dan l-istess regolament. It-talba għall-annullament tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 1580/2007, sa fejn dan tal-aħħar ma jeskludix espressament l-ispiża tal-ipproċessar, fir-realtà għandha l-istess għan bħat-talba għall-annullament tal-Artikolu 52(2a) ta’ dan ir-regolament, b’mod li ma hemmx lok għall-Qorti Ġenerali li tipproċedi għall-annullament ta’ dan l-anness fil-każ li hija tiddeċiedi li din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi annullata.

 Fuq il-locus standi tar-rikorrenti

36      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, hekk kif previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li l-miżura kkontestata tal-Unjoni Ewropea toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Marzu 2008, Il­-Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, Ġabra p. I‑1451, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fiż-żewġ kawżi, il-Kummissjoni ssostni li l-prinċipju li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma eliġibbli sabiex jirċievu għajnuna Komunitarja fil-kuntest tal-programmi operattivi filwaqt li l-proċessaturi ma humiex eliġibbli f’dan ir-rigward ma rriżultax mir-Regolament Nru 1580/2007, lanqas mir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011, iżda mir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS. Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 1580/2007 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2001 jipproċedu biss għall-implementazzjoni ta’ dan il-prinċipju, b’mod li r-rikorrenti ma humiex direttament ikkonċernati mill-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007, lanqas mill-Artikolu 50(3) jew mill-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”).

38      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 91, 92, 97, 103, 104 u 111 tar-rikors u mill-punti 27 u 30 tar-replika fil-Kawża T‑454/10 u mill-punti 92, 97, 100, 110, 117 u 119 tar-rikors fil-Kawża T‑482/11, ir-rikorrenti ma humiex qegħdin jikkontestaw id-distinzjoni ġenerali bejn organizzazzjonijiet tal-produtturi u proċessaturi, lanqas ma huma qegħdin jitolbu li jiġi rikonoxxut dritt għal xi għajnuna fir-rigward tal-proċessaturi li ma jifformawx parti minn organizzazzjoni tal-produtturi. Ir-rikorrenti jsostnu li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma illegali inkwantu dawn jipprovdu għall-għoti ta’ għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li tkopri attivitajiet ta’ pproċessar eżerċitati wkoll minn proċessaturi li ma jifformawx parti minn organizzazzjoni tal-produtturi kif ukoll investimenti u azzjonijiet relatati mal-ipproċessar tal-frott u tal-ħaxix. Issa, hekk kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet ikkontestati effettivament stabbilixxew sistema li abbażi tagħha l-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma eliġibbli sabiex jirċievu l-għajnuna li tkopri attivitajiet ta’ pproċessar eżerċitati wkoll minn proċessaturi li ma jifformawx parti minn organizzazzjoni tal-produtturi, anki jekk dawn l-attivitajiet issejħu attivitajiet li ma humiex attivitajiet “proprji” tal-ipproċessar.

39      Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li la l-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 u lanqas l-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 ma jħallu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rati fissi għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata. L-istess japplika fir-rigward tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011, li jistabbilixxi l-eliġibbiltà tal-investimenti u tal-azzjonijiet relatati mal-ipproċessar bil-kundizzjoni li dawn isegwu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 103c(1) u fil-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS u li huma jkunu identifikati fl-istrateġija nazzjonali msemmija fl-Artikolu 103(f)(2) ta’ dan l-aħħar regolament.

40      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-iżvantaġġ kompetittiv li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, fir-rigward tar-rikorrenti u tal-membri tagħhom, jikkostitwixxi konsegwenza fattwali indiretta, hemm lok li jiġi rrilevat li l-effett fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti u tal-membri tagħhom jirriżulta direttament mir-rati fissi speċifiċi stabbiliti mill-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 u mill-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 kif ukoll mill-eliġibbiltà tal-investimenti u tal-azzjonijiet relatati mal-ipproċessar għall-finanzjament tal-Unjoni skont l-Artikolu 60(7) ta’ dan l-aħħar regolament, sabiex dawn huma direttament ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet ikkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 1996, Métropole télévision et vs Il‑Kummissjoni, T‑528/93, T‑542/93, T‑543/93 u T‑546/93, Ġabra p. II‑649, punt 64).

41      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni fuq it-tifsira tal-interess dirett timpedixxi lil kull parti f’kawża milli titlob l-annullament ta’ att li huwa intiż għall-ħlas ta’ għajnuna lill-kompetituri tagħha, peress li l-iżvantaġġ korrispondenti huwa biss konsegwenza fattwali indiretta. Issa, jekk, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa paċifiku li l-kompetitur tal-benefiċjarju ta’ għajnuna huwa direttament ikkonċernat minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza lil Stat Membru jħallasha meta ma hemm ebda dubju dwar l-intenzjoni ta’ dan l-Istat Membru li jagħmel dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ April 1995, AAC et vs Il‑Kummissjoni, T‑442/93, Ġabra p. II‑1329, punti 45 u 46; ASPEC et vs Il‑Kummissjoni, T‑435/93, Ġabra p. II‑1281, punti 60 u 61, u tat-22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il‑Kummissjoni, T‑266/94, Ġabra p. II‑1399, punt 49), dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tipprovdi għall-għoti ta’ għajnuna tal-Unjoni hija stess hija iktar u iktar ta’ natura li tikkonċerna direttament, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, lill-kompetitur tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna.

42      Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1580/2007 u r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 jikkostitwixxu atti regolatorji fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li dawn la huma atti leġiżlattivi, kif iddefiniti fl-Artikolu 289(3) TFUE u lanqas atti individwali. Għandu jingħad ukoll li, hekk kif isostnu r-rikorrenti, mingħajr ma huma kkontradixxuti mill-Kummissjoni, l-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 u l-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011, għandhom jitqiesu bħala li ma jinkludux miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

43      Fil-fatt, għalkemm huwa veru li l-ħlas tal-għajnuna tal-Unjoni skont dawn id-dispożizzjonijiet isir permezz tal-awtoritajiet nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li l-istrumenti li permezz tagħhom dawn l-awtoritajiet jagħmlu l-ħlasijiet inkwistjoni ma jikkonċernawx lir-rikorrenti u la huma indirizzati u lanqas innotifikati lilhom. Barra minn hekk, kull organu li jħallas jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu skont ir-regoli applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, li ma jipprovdux neċessarjament għall-adozzjoni ta’ atti li jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qrati nazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif barra minn hekk tindika l-Kummissjoni fil-punt 16 tal-kontroreplika fil-Kawża T‑454/10 u fil-punt 32 tar-risposta fil-Kawża T‑482/11, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 u l-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 ma jistgħux jitqiesu bħala li jinkludu miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

44      L-istess japplika a fortiori fir-rigward tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011. Fil-fatt, ir-rikorrenti jikkontestaw il-legalità ta’ din id-dispożizzjoni sa fejn hija tistabbilixxi l-eliġibbiltà tal-investimenti u tal-azzjonijiet relatati mal-ipproċessar għall-finanzjament tal-Unjoni, jiġifieri aspett iddefinit biss minn dan ir-regolament, mingħajr ma l-Istati Membri huma mitluba, jew saħansitra jistgħu, jintervjenu f’dan ir-rigward.

45      Fir-rigward tal-argument imqajjem mill-intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, li jgħid li l-eliġibbiltà tal-investimenti jew tal-azzjonijiet relatati mal-ipproċessar tal-frott u tal-ħaxix hija suġġetta għall-inklużjoni tagħhom fl-istrateġiji nazzjonali stabbiliti skont l-Artikolu 103f(2) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li l-istrateġiji inkwistjoni huma stabbiliti b’implementazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u mhux b’implementazzjoni tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011. Għaldaqstant, l-elaborazzjoni tagħhom ma tikkostitwixxix miżura ta’ implementazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Sussegwentement, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 103f(2) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, l-istrateġiji nazzjonali għandhom, jinkludu essenzjalment analiżi tas-sitwazzjoni f’termini ta’ punti tajbin u ħżiena u ġustifikazzjoni tal-prijoritajiet, jindikaw l-għanijiet tal-programmi operattivi, jevalwaw dawn tal-aħħar u jindikaw l-obbligi ta’ notifika tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Għaldaqstant dawn l-istrateġiji ma jikkostitwixxux, fihom infushom, miżuri intiżi sabiex jistabbilixxu l-eliġibbiltà, ta’ investimenti u ta’ azzjonijiet relatati mal-ipproċessar, għall-finanzjament tal-Unjoni. Għaldaqstant, din l-eliġibbiltà, li l-legalità tagħha hija kkontestata, ma tikkostitwixxix karatteristika tal-istrateġiji inkwistjoni, iżda hija direttament stabbilita mill-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011.

46      Fl-aħħar, la l-Kummissjoni u lanqas l-intervenjenti insostenn tat-talbiet tagħha ma jikkontestaw li l-assoċjazzjonijiet rikorrenti huma inkarigati milli jiddefendu l-interessi tal-membri tagħhom inkluż permezz tal-preżentata ta’ rikorsi. Peress li l-membri tal-assoċjazzjonijiet inkwistjoni huma direttament ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, anki l-assoċjazzjonijiet rikorrenti jissodisfaw din il-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni , C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 56).

 Fuq l-interess ġuridiku tal-Anicav

47      Fil-Kawża T‑454/10, il-Kummissjoni ssostni li l-annullament mitlub mill-Anicav jinvolvi l-applikazzjoni tal-kuntest ġuridiku preċedenti għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 687/2010. Issa, dan il-kuntest ġuridiku kien jipprovdi għall-għoti ta’ għajnuna għal attivitajiet tal-“ewwel stadju ta’ pproċessar”, sabiex dan kien iktar żvantaġġuż għar-rikorrenti.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-premessi 2, 3 u 4 tar-Regolament Nru 687/2010, dan tal-aħħar ħassar is-sistema l-antika ta’ kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkumerċjalizzata sabiex issostitwixxiha b’sistema bbażata fuq l-applikazzjoni tar-rati fissi. Annullament eventwali tal-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 ma jkollux bħala effett awtomatiku ir-ritorn għal skema ta’ għajnuna li l-leġiżlatur iddeċieda li jabbanduna. Għall-kuntrarju, dan l-annullament ikollu bħala effett li jobbliga lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri li tinvolvi s-sentenza tal-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 266 TFUE.

49      L-argument tal-intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, li jgħid li r-rikors tal-Anicav ma għandux iktar skop u għalhekk huwa inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku minħabba d-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011, li ħassar ir-Regolament Nru 1580/2007 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), lanqas ma jista’ jiġi milqugħ. F’dan ir-rigward, qabel kollox, hemm lok li jiġi osservat li t-tħassir tar-Regolament Nru 1580/2007 ma huwiex ekwivalenti għall-annullament eventwali tiegħu mill-Qorti Ġenerali, peress li dan it-tħassir ma huwiex rikonoxximent tal-illegalità tal-Artikolu 52(2a) tiegħu. Barra minn hekk, it-tħassir inkwistjoni pproduċa effett ex nunc, filwaqt li annullament eventwali jipproduċi effett ex tunc. Huwa biss f’dan l-aħħar każ li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jitqiesu bħala nulli u li ma seħħewx fis-sens tal-Artikolu 264 TFUE. Sussegwentement, fil-każ fejn att huwa annullat, l-istituzzjoni li minnha jirriżulta l-att hija obbligata, skont l-Artikolu 266 TFUE, tieħu l-miżuri li l-eżekuzzjoni tas-sentenza timplika. Dawn il-miżuri jinvolvu, b’mod partikolari, it-tneħħija tal-effetti tal-illegalitajiet ikkonstatati fis-sentenza ta’ annullament. Huwa b’dan il-mod illi l-istituzzjoni kkonċernata tista’ titwassal biex terġa’ tpoġġi, b’mod adegwat, lir-rikorrent fis-sitwazzjoni li kien fiha qabel jew biex tevita li jiġi adottat att identiku (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 1995, Exporteurs in Levende Varkens et vs Il‑Kummissjoni, T‑481/93 u T‑484/93, Ġabra p. II‑2941, punti 46 u 47). Għaldaqstant, l-Anicav għandha interess fl-annullament tal-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorsi huma ammissibbli inkwantu dawn jikkonċernaw l-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

 Fuq il-mertu

51      Fid-dawl tal-konnettività materjali tagħhom, l-ewwel żewġ motivi, ibbażati rispettivament fuq ksur tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS u fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandhom jiġu eżaminati flimkien. Fil-fatt, hekk kif ser jiġi indikat iktar ’il quddiem, l-għażliet ta’ politika agrikola mmaterjalizzati mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jieħdu inkunsiderazzjoni l-obbligu li tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament, skont l-Artikolu 34(2) KE (li sar l-Artikolu 40(2) TFUE), bejn, minn naħa, il-proċessaturi tal-frott u tal-ħaxix li ma jifformawx parti minn organizzazzjoni tal-produtturi u, min-naħa l-oħra, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi attivi, inkwantu proċessaturi, fis-settur tal-frott u tal-ħaxix ipproċessat.

52      Ir-rikorrenti jqisu li r-Regolament Waħdieni dwar l-OKS ma jipprovdix għall-possibbiltà ta’ għoti ta’ għajnuna fil-kuntest tal-programmi operattivi favur attivitajiet ta’ pproċessar. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ikkontestati huma kuntrarji għar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS sa fejn dan tal-aħħar ma jipprovdix għall-ħlas ta’ għajnuna li tkopri l-ispiża ta’ tali attivitajiet. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati huma wkoll kuntrarji għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, sa fejn dawn jirriżervaw l-għajnuna li tkopri attivitajiet ta’ pproċessar għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi, u b’hekk jeskludu l-proċessaturi li ma jifformawx parti minn dawn l-organizzazzjonijiet.

53      L-ewwel nett hemm lok li jiġi rrilevat li l-ilmenti mressqa fil-Kawża T‑454/10 formalment fir-rigward tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1580/2007 jikkonċernaw biss il-paragrafu (2a) ta’ dan l-artikolu. Meta ġiet mistoqsija fuq dan il-punt matul is-seduta, l-Anicav ippreċiżat li t-talba għal annullament fir-realtà tikkonċerna biss dan il-paragrafu tar-Regolament Nru 1580/2007. Peress li huwa t-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu li jistabbilixxi l-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur ta’ ċerti attivitajiet ta’ pproċessar u peress li hija l-legalità ta’ din il-possibbiltà li hija kkontestata mill-Anicav, hemm lok li jitqies li huwa t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 li huwa kkontestat fil-Kawża T‑454/10. Għall-kuntrarju, ebda lment ma huwa mressaq kontra l-ewwel jew it-tielet subparagrafu tal-istess paragrafu, peress li dan tal-aħħar jeskludi preċiżament it-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-frott u tal-ħaxix ipproċessat jew ta’ kull prodott ieħor li ma huwiex prodott tas-settur tal-frott u tal-ħaxix mill-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkumerċjalizzata. Għaldaqstant, ir-riferiment għad-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkonċerna biss t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007, kif ukoll l-Artikolu 50(3) u l-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011.

54      Fir-rigward tas-sustanza tal-ilmenti tar-rikorrenti, l-ewwel nett hemm lok li jitfakkar fil-qosor il-kuntest ġuridiku relatat mal-għoti tal-għajnuna li tkopri l-attivitajiet ta’ pproċessar tal-frott u tal-ħaxix.

55      F’dan ir-rigward, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96, tat-28 ta’ Ottubru 1996, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tal-frott u l-ħxejjex ipproċessat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 3, Vol. 20, p. 83) stabbilixxa, fl-Artikoli 2 sa 4 tiegħu, skema ta’ għajnuna għall-produzzjoni applikata għal ċerti prodotti u li hija magħmula minn żewġ partijiet. L-ewwel waħda kienet tikkonċerna l-istabbiliment ta’ prezz minimu favur il-produtturi, li kien imħallas mill-proċessaturi sabiex jixtru l-materja prima. Is-sistema kienet għaldaqstant tinkludi għajnuna kumpensatorja għall-proċessaturi inkambju għall-ħlas minnhom ta’ prezz minimu lill-produtturi, li kien jikkostitwixxi t-tieni parti tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Ġunju 2006, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑251/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 97).

56      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2699/2000, tal-4 ta’ Diċembru 2000, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2200/96 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott u tal-ħxejjex, ir-Regolament (KE) Nru 2201/96 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ frott u ħxejjex proċessati u r-Regolament (KE) Nru 2202/96 li jintroduċi skema ta’ għajnuna Komunitarja għal produtturi ta’ ċertu frott taċ-ċitru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 3, Vol. 31, p. 31), ħassar is-sistema preċedenti fir-rigward tal-parti l-kbira tal-prodotti kkonċernati mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2001/2002, billi ssostitwixxiha, skont l-Artikolu 2 tiegħu, b’għajnuna waħda mħallsa direttament lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, mingħajr ma ppreveda ebda għajnuna favur is-settur tal-ipproċessar, li issa kellu l-libertà jinnegozja l-prezzijiet mal-produtturi (sentenza Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 55 supra, punt 98). Għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2201/96, kif emendat bir-Regolament Nru 2699/2000, ma jagħmel ebda distinzjoni relatata mal-eliġibbiltà tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi sabiex jibbenefikaw mill-għajnuna skont jekk l-ipproċessar tal-prodotti tagħhom huwiex imwettaq jew le minn proċessaturi li jifformaw parti minn organizzazzjoni tal-produtturi.

57      Barra minn hekk, skema ta’ għajnuna lill-organizzaturi tal-produtturi li jwasslu għall-ipproċessar ta’ ċertu frott taċ-ċitru maħsud fil-Komunità ġiet stabbilita bis-saħħa tal-Artikoli 1 sa 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2202/96, tat-28 ta’ Ottubru 1996, li jintroduċi skema ta’ għajnuna tal-Komunità għall-produtturi ta’ ċertu frott taċ-ċitru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 3, Vol. 20, p. 103). Din l-iskema kienet tinkludi għajnuna waħda biss imħallsa direttament lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, mingħajr ma kienet tipprevedi ebda għajnuna favur is-settur tal-ipproċessar, li kellu l-libertà jinnegozja l-prezzijiet mal-produtturi. F’dan il-kuntest ukoll, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2202/96, ma jagħmel ebda distinzjoni relatata mal-eliġibbiltà tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi sabiex jibbenefikaw mill-għajnuna skont jekk l-ipproċessar tal-prodotti tagħhom huwiex imwettaq jew le minn proċessaturi li jifformaw parti minn organizzazzjoni tal-produtturi.

58      Dawn l-iskemi ta’ għajnuna lis-settur tal-prodotti pproċessati abbażi ta’ frott u ta’ ħaxix inżammu fis-seħħ, skont l-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1182/2007, sas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li ntemmet fl-2008, data li fiha huma ġew aboliti (ara wkoll il-premessi 18 sa 20, 38 u 42 tar-Regolament Nru 1182/2007). Din l-aħħar dispożizzjoni ġiet inkorporata, bħala l-Artikolu 203a(1), fir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS mill-punt 43 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 361/2008.

59      L-abolizzjoni tal-għajnuna inkwistjoni saret kontemporanjament mal-inklużjoni tal-frott u tal-ħaxix li kienu jibbenefikaw minnha fis-sistema ta’ ħlas uniku stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269). L-inklużjoni inkwistjoni saret bis-saħħa tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1182/2007, li emenda diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1782/2003 (ara wkoll il-premessi 18 sa 20 tar-Regolament Nru 1182/2007).

60      Sussegwentement, hekk kif tirrileva l-Kummissjoni fil-punti 58 u 44 tar-risposti tagħha ppreżentati fil-Kawżi T‑454/10 u T‑428/11 rispettivament, is-Sezzjoni IVa tal-Kapitolu IV tat-Titolu 1 tal-Parti II tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, intitolata “Għajnuniet fis-settur tal-frott u tal-ħaxix”, tikkonċerna biss dan l-aħħar settur kif iddefinit fl-Artikolu 1(1)(i) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS bl-esklużjoni tas-settur tal-frott u tal-ħaxix ipproċessat, kif iddefinit fl-Artikolu 1(1)(j) tal-istess regolament. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, kull wieħed minn dawn is-setturi huwa ddefinit mill-prodotti li jaqgħu taħtu, kif elenkati mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Għaldaqstant, meta għajnuna tkopri spejjeż ta’ pproċessar ta’ frott u ta’ ħaxix li wassal għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti pproċessati, din l-għajnuna hija mogħtija fil-kuntest tas-settur tal-frott u tal-ħaxix ipproċessat. F’nota tas-17 ta’ Novembru 2009 indirizzata lill-Kumitat ta’ Ġestjoni, il-Kummissjoni kienet ukoll enfasizzat li r-Regolament Waħdieni dwar l-OKS ma kienx fih bażi ġuridika li tippermetti l-ħlas ta’ għajnuna fis-settur tal-frott u tal-ħaxix ipproċessat.

61      Barra minn hekk għandu jitfakkar li s-setturi eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni huma ddefiniti mir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, sabiex is-setturi li fir-rigward tagħhom dan l-aħħar regolament ma jipprevedix ħlas ta’ għajnuna huma esklużi minnu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li ntemmet fl-2008, ebda għajnuna tal-Unjoni li tkopri spejjeż relatati mal-ipproċessar ta’ frott u ta’ ħaxix ma tista’ titħallas.

62      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-premessa 7 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, li abbażi tagħha dan tal-aħħar jikkostitwixxi strument ta’ simplifikazzjoni, li ma jikkontestax id-deċiżjonijiet politiċi meħuda matul is-snin fil-qasam tal-politika agrikola komuni (PAK), u għaldaqstant ma għandux bħala għan li jħassar jew li jemenda strumenti eżistenti, u lanqas li jipprevedi miżuri jew strumenti ġodda. Din ir-realtà ġiet irripetuta fil-premessa 2 tar-Regolament Nru 361/2008, li inkorpora fir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS il-previżjonijiet tar-Regolament Nru 1182/2007, li kien abolixxa l-għajnuna lis-settur tal-frott u tal-ħaxix ipproċessat (ara l-punt 58 iktar ’il fuq).

63      Madankollu, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 u mill-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2022, il-frott u l-ħaxix li fir-rigward tagħhom japplikaw ir-rati fissi stabbiliti minnhom huma l-prodotti pproċessati li jaqgħu taħt il-Parti X tal-Anness I tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS kif ukoll il-prodotti pproċessati msemmija fl-Anness VIa tar-Regolament Nru 1580/2007 u fl-Anness VI tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011. Barra minn hekk il-Kummissjoni u l-intervenjenti insostenn tat-talbiet tagħha jaċċettaw li r-rati fissi stabbiliti mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ikopru wkoll l-ispiża ta’ ċerti attivitajiet imsejħa “attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar” fil-premessa 4 tar-Regolament Nru 687/2010 u fil-premessa 35 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011. Dawn l-attivitajiet huma għaldaqstant imwettqa fil-kuntest ta’ proċess intiż għall-produzzjoni ta’ frott u ta’ ħaxix ipproċessat kif ukoll fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti pproċessati. Dan il-fatt huwa wkoll muri mill-komunikazzjoni li l-Kummissjoni indirizzat lill-Istati Membri f’Ġunju 2010, li tgħid li l-ispejjeż tal-preparazzjoni, bħall-qtugħ u t-tindif, huma sostnuti qabel mal-prodotti jidħlu fl-istadju tal-ipproċessar, filwaqt li l-kategorija l-oħra tal-ispejjeż ukoll ikkunsidrati għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkumerċjalizzata tirrigwarda spejjeż relatati mal-“fażi suċċessiva għall-ipproċessar”.

64      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonferma fil-punti 70 u 61 tar-risposti tagħha fil-Kawżi T‑454/10 u T‑482/11 rispettivament, li l-“attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar” jikkonsistu f’attivitajiet ta’ preparazzjoni kif ukoll f’attivitajiet relatati mal-fażi suċċessiva għall-ipproċessar, bħall-promozzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-ħżin.

65      Fl-aħħar, il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-attivitajiet inkwistjoni huma wkoll eżerċitati mill-proċessaturi li ma jifformawx parti minn organizzazzjoni tal-produtturi fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom ta’ pproċessar tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 u fl-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011.

66      Għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Waħdieni dwar l-OKS ma jippermettix l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni trid.

67      Fil-fatt, għalkemm huwa veru li r-Regolament Waħdieni dwar l-OKS ma jistabbilixxix lista ta’ attivitajiet ta’ pproċessar, xorta jibqa’ l-fatt li tali attivitajiet ma humiex eliġibbli għall-finanzjament fil-kuntest tal-programmi operattivi (ara l-punti 58 sa 62 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, minkejja l-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ valur tal-produzzjoni kkumerċjalizzata fl-Artikolu 103(d) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, il-Kummissjoni ma tistax tinterpreta dan il-kunċett b’mod li jwassal għall-għoti ta’ għajnuna tal-Unjoni f’setturi li għalihom ebda għajnuna ma hija prevista mir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS.

68      L-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 103c(1)(c) u (d) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS lanqas ma jista’ jiġi milqugħ.

69      Fil-fatt, skont l-Artikolu 103c(1)(c), il-programmi operattivi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix jistgħu jikkonċernaw it-titjib tal-valur kummerċjali ta’ dawn il-prodotti. Issa, hekk kif ġie indikat fil-punt 60 iktar ’il fuq, is-Sezzjoni IVa tal-Kapitolu IV tat-Titolu 1 tal-Parti II tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS tikkonċerna s-settur tal-frott u tal-ħaxix bl-esklużjoni tas-settur tal-frott u tal-ħaxix ipproċessat. Għaldaqstant, it-titjib tal-valur kummerċjali tal-frott u tal-ħaxix intiż għall-ipproċessar għandu jikkonċerna kull attività relatata mal-produzzjoni tal-prodotti inkwistjoni bl-esklużjoni ta’ attivitajiet ta’ pproċessar ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, il-fatt li l-benefiċjarji tal-finanzjament tal-attivitajiet relatati mal-ipproċessar huma organizzazzjonijiet tal-produtturi attivi fil-produzzjoni tal-frott u tal-ħaxix ma jibdel xejn mill-fatt li l-finanzjament inkwistjoni jikkonċerna attivitajiet ta’ pproċessar u għaldaqstant is-settur tal-frott u tal-ħaxix ipproċessat (ara l-punt 60 iktar ’il fuq), li fir-rigward tiegħu ebda għajnuna ma hija prevista mir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS.

70      Fir-rigward tal-Artikolu 103c(1)(d), li abbażi tiegħu l-programmi operattivi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix jistgħu jikkonċernaw il-promozzjoni tal-prodotti, friski jew ipproċessati, hemm lok li jiġi rrilevat li din il-previżjoni tirrifletti n-natura tal-azzjoni li hija għandha l-intenzjoni tippromwovi. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ kampanja promozzjonali tal-frott u tal-ħaxix, huwa prattikament impossibbli li ssir distinzjoni bejn il-prodotti friski u l-prodotti pproċessati b’mod li jiġi inkoraġġut biss il-konsum ta’ frott u ta’ ħaxix frisk bl-esklużjoni tal-prodotti pproċessati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-eliġibbiltà tal-attivitajiet ta’ promozzjoni fis-settur tal-frott u tal-ħaxix tkun suġġetta għall-kundizzjoni li biss il-prodotti friski jkunu s-suġġett tagħhom, ikun jekwivali għal dikjarazzjoni li ebda attività ta’ promozzjoni ma tista’ tkun eliġibbli. Għaldaqstant, l-Artikolu 103c(1)(d) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, li huwa limitat għall-attivitajiet ta’ promozzjoni, ma jippermettix l-għoti ta’ finanzjament Komunitarju li jkopri attivitajiet relatati mal-ipproċessar tal-frott u tal-ħaxix. Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 kif ukoll l-Artikolu 50(3) u l-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 ma jillimitawx il-ħlas ta’ għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi biss li fir-rigward tagħhom ikun ġie approvat programm operattiv li jikkonċerna l-għan imsemmi fl-Artikolu 103c(1)(d) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, lanqas ma jirrestrinġu l-azzjonijiet eliġibbli għal dawk relatati ma’ dan il-għan.

71      Hemm lok li jingħad ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod li tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-6 ta’ Mejju 1982, BayWa et 146/81, 192/81 u 193/81, Ġabra p. 1503, punt 30; tas-17 ta’ Settembru 2002, Concordia Bus Finland, C‑513/99, Ġabra p. I‑7213, punt 69, u tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et, C‑470/99, Ġabra p. I‑11617, punt 99; sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-2 ta’ Lulju 1998, Ouzounoff Popoff vs Il‑Kummissjoni, T‑236/97, ĠabraSP p. I‑A‑311 u II‑905, punt 35; tas-16 ta’ Lulju 1998, Regione Toscana vs Il‑Kummissjoni, T‑81/97, Ġabra p. II‑2889, punti 50 u 51, u tat-18 ta’ Ottubru 2001, X vs BĊE, T‑333/99, Ġabra p. II‑3021, punt 38).

72      Fil-kuntest tal-PAK, dan il-prinċipju huwa speċifikament espress fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(2) TFUE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-11 ta’ Ġunju 2009, Agrana Zucker, C‑33/08, Ġabra p. I‑5035, punt 46), li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bejn produtturi jew konsumaturi tal-Unjoni.

73      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li d-diversi skemi ta’ għajnuna li jkopru l-ispejjeż ta’ pproċessar (ara l-punti 55 sa 57 iktar ’il fuq) ġew elaborati b’mod li tinżamm l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-proċessaturi tal-Unjoni, jiġifieri operaturi attivi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix ipproċessat, kemm jekk jifformaw parti jew le minn organizzazzjoni tal-produtturi. B’mod partikolari, l-iskema stabbilita mir-Regolament Nru 2201/96 kienet tipprovdi għall-ħlas ta’ għajnuna direttament lill-proċessaturi biss (sentenza Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 55 supra, punti 101 u 102) mingħajr diskriminazzjoni skont jekk humiex membri jew le ta’ organizzazzjoni tal-produtturi, filwaqt li r-Regolament Nru 2699/2000 kien jipprovdi għall-ħlas ta’ għajnuna lill-produtturi li l-produzzjoni tagħhom kienet intiża għall-ipproċessar, mingħajr distinzjoni skont jekk il-proċessatur kienx membru jew le ta’ organizzazzjoni tal-produtturi. Dan kien ukoll il-każ fil-każ tal-iskema stabbilita mir-Regolament Nru 2202/96.

74      Huwa fil-kuntest tal-istess kunċett relatat mat-trattament ugwali fost l-operaturi tal-Unjoni li jeżerċitaw attivitajiet ta’ pproċessar tal-frott u tal-ħaxix li r-Regolament waħdieni dwar l-OKS jirrifletti l-għażliet ta’ politika agrikola li l-Kunsill għamel fir-rigward tal-għajnuna fis-settur tal-frott u tal-ħaxix ipproċessat. Hekk kif ġie indikat fil-punti 58 sa 62 u 67 sa 70 iktar ’il fuq, din il-politika tikkonsisti fl-abolizzjoni ta’ kull għajnuna f’dan is-settur mingħajr distinzjoni bbażata fuq jekk proċessatur huwiex membru jew le ta’ organizzazzjoni tal-produtturi.

75      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tagħti għajnuna li tkopri l-ispejjeż relatati ma’ attivitajiet ta’ pproċessar billi tikklassifika bħala “attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar” — kunċett barra minn hekk assenti mir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS — ċerti attivitajiet li jaqgħu esklużivament taħt il-proċess li jwassal għall-produzzjoni ta’ frott u ta’ ħaxix ipproċessat. Hija inqas u inqas ma tistax tagħmel dan billi tipprevedi diskriminazzjoni għad-detriment tal-proċessaturi li ma jifformawx parti minn organizzazzjoni tal-produtturi u favur l-organizzazzjonijiet tal-prodotti sa fejn dawn jeżerċitaw attivitajiet ta’ pproċessar.

76      Issa, f’dan il-każ, l-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 u l-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 għandhom preċiżament bħala effett l-għoti ta’ għajnuna fis-settur tal-frott u tal-ħaxix ipproċessat favur l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jipproċessaw huma stess il-produzzjoni tagħhom jew li jitolbu li hija tiġi pproċessata f’isimhom. Dawn id-dispożizzjonijiet jiksru r-Regolament Waħdieni dwar l-OKS peress li dan tal-aħħar ma jipprovdix għall-ħlas ta’ tali għajnuna u, għall-motivi indikati fil-punti 73 u 74 iktar ’il fuq, jinvolvu għaldaqstant diskriminazzjoni bejn il-proċessaturi tal-Unjoni li jinsabu f’pożizzjoni ta’ kompetizzjoni. Dawn l-effetti huma prodotti sa fejn ir-rati fissi ċċitati f’dawn id-dispożizzjonijiet ikopru wkoll l-ispiża ta’ ċerti attivitajiet eżerċitati mill-proċessaturi fil-kuntest tal-ipproċessar tal-frott u tal-ħaxix li l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi jikkonsenjawlhom, peress li l-għajnuna li tkopri ċerti spejjeż ta’ dawn l-attivitajiet hija mogħtija biss meta l-ipproċessar isir mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew taħt ir-responsabbiltà tagħhom permezz ta’ esternalizzazzjoni, kif iddefinita fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1580/2007 u fl-Artikolu 27 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011.

77      L-istess japplika iktar u iktar fir-rigward tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011.

78      L-ewwel nett, b’mod partikolari, hekk kif il-Kummissjoni kkonfermat matul is-seduta, din id-dispożizzjoni tiddikjara eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni kull azzjoni jew kull investiment imwettaq minn organizzazzjoni tal-produtturi u relatat mal-ipproċessar, mingħajr lanqas ma tillimita l-portata ta’ dik l-eliġibbiltà għall-“attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar”. It-tieni nett, il-fatt li l-eliġibbiltà inkwistjoni tiddependi fuq l-ilħiq tal-għanijiet tal-Artikolu 103c jew tal-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS ma jirrendix id-dispożizzjoni inkwistjoni kompatibbli mar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS. Fil-fatt, l-Artikolu 103(c) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jaqa’ taħt is-Sezzjoni IVa tal-Kapitolu IV tat-Titolu I tal-Parti II ta’ dan ir-regolament u jikkonċerna biss, għaldaqstant, l-għajnuna lis-settur tal-frott u tal-ħaxix bl-esklużjoni tas-settur tal-frott u tal-ħaxix ipproċessat (ara l-punt 60 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, l-Artikolu 22 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS jaqa’ taħt il-Kapitolu II tat-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, intitolat “Organizzazzjonijiet ta’ produtturi, organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat tal-kummerċ [interprofessjonali], organizzazzjonijiet ta’ operaturi”. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li r-regoli relatati mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, mal-organizzazzjonijiet interprofessjonali, u mal-gruppi ta’ produtturi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix huma stabbiliti fl-Artikoli 125a sa 125n tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, inklużi f’din l-aħħar parti mill-punt 1(28) tar-Regolament Nru 361/2008, li inkorpora fir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1182/2007 (ara l-punt 2 iktar ’il fuq). Issa, skont il-premessa 6 ta’ dan l-aħħar regolament, “id-dispożizzjonijiet dwar organizzazzjonijiet tal-produtturi u organizzazzjonijiet interprofessjonali u ftehim japplikaw biss għal prodotti koperti mill-organizzazzjoni tas-suq komuni għal frott u ħxejjex u għandha tinżamm din id-distinzjoni”. Għaldaqstant, il-fatt li organizzazzjoni tal-produtturi tkun trid tilħaq wieħed mill-għanijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 122 tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS, dispożizzjoni li jirreferi għaliha l-Artikolu 125b(1)(a) tal-istess regolament, ma huwiex ta’ natura li jippermetti l-finanzjament ta’ attivitajiet relatati mal-ipproċessar tal-frott u tal-ħaxix.

79      Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li trattament favorevoli tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li tingħatalhom ukoll għajnuna li tkopri ċerti attivitajiet iffinanzjati fis-settur tal-frott u tal-ħaxix intiż sabiex jiġi kkumerċjalizzat frisk ma tistax tiġi milqugħa. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fuq il-premessa li tali evalwazzjoni hija difendibbli de lege feranda, xorta jibqa’ l-fatt li r-Regolament Waħdieni dwar l-OKS ma jipprovdix għall-għoti ta’ tali għajnuna. It-tieni nett, għalkemm huwa veru li l-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u tal-ħaxix frisk tista’ teħtieġ ċerti attivitajiet ta’ tindif, ta’ imballaġġ u ta’ ħżin simili għal ċerti attivitajiet imwettqa fil-kuntest ta’ pproċessar, xorta jibqa’ l-fatt li l-frott u l-ħaxix inkwistjoni jibqgħu prodotti kkummerċjalizzati friski. Issa, peress li l-frott u l-ħaxix ikkummerċjalizzat frisk, anki wara li subixxa xi wħud mill-operazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, minn naħa, u l-frott u l-ħaxix intiż għall-ipproċessar, min-naħa l-oħra, ma humiex f’kompetizzjoni bejniethom, trattament simili ta’ dan it-tip ma huwiex adatt. It-tielet nett, id-distinzjoni li saret mill-Kummissjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ kategoriji ta’ produtturi hija artifiċjali fir-rigward tal-biċċa l-kbira ta’ dawn il-produtturi, peress li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti bħala prodotti friski jew bħala prodotti intiżi għall-ipproċessar tiddependi essenzjalment fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn humiex konformi mar-regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni applikabbli għall-prodotti intiżi sabiex jinbiegħu friski stabbiliti fl-Artikolu 113a tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS u ddettaljati fir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011. Għaldaqstant, il-fatt li s-suq tal-frott u tal-ħaxix huwa distint mis-suq tal-frott u tal-ħaxix ipproċessat ma jimplikax li distinzjoni simili tapplika neċessarjament fuq il-livell tal-produtturi u inqas u inqas fuq il-livell tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi benefiċjarji tal-għajnuna kkontestata. Ir-raba’ nett, għandu jiġi kkonstatat li l-ispjegazzjoni relatata mal-allegat għan li tingħata għajnuna lill-produtturi tal-frott u tal-ħaxix intiż għall-ipproċessar sabiex jiġi rifless il-finanzjament ta’ attivitajiet analogi mwettqa fuq frott u ħaxix intiż sabiex jiġi kkumerċjalizzat frisk, hija mminata mill-fatt li la t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 u lanqas l-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 ma jipprevedu l-għoti ta’ għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li ma għandhomx il-possibbiltà jipproċessaw huma stess jew jesternalizzaw l-ipproċessar tal-produzzjoni tagħhom, mingħajr madankollu ma hija apparenti ġustifikazzjoni għal dan it-trattament differenti.

80      Fl-aħħar l-argumenti tal-Kummissjoni intiżi sabiex tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament, minn naħa, tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jirċievu għajnuna għal attivitajiet relatati mal-ipproċessar u, min-naħa l-oħra, tal-proċessaturi, ma jistgħux jiġu milqugħa. B’mod partikolari, l-ewwel nett, peress li r-Regolament Waħdieni dwar l-OKS ma jipprovdix għall-għoti ta’ għajnuna li tkopri spejjeż ta’ attivitajiet li jaqgħu taħt il-proċess tal-ipproċessar, ebda għajnuna ta’ dan it-tip ma tista’ tingħata, anki jekk il-Kummissjoni ssejjaħ dawn l-attivitajiet “attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar”. It-tieni nett, u f’kull każ, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, proċessatur u organizzazzjoni tal-produtturi involuti f’attivitajiet ta’ pproċessar ma jinsabux f’sitwazzjonijiet differenti fir-rigward tal-involviment tagħhom fis-settur tal-frott u tal-ħaxix ipproċessat, iżda, għall-kuntrarju, huma kompetituri fl-istess suq. F’dan ir-rigward, proċessatur ma jistax jitqies li huwa f’pożizzjoni simili għal dik ta’ organizzazzjoni tal-produtturi li l-membri tagħha ma humiex involuti fil-koltivazzjoni tal-frott u tal-ħaxix, peress li, skont l-Artikolu 2(2)(a), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 122(a)(iii) u l-Artikolu 125b tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS moqrija flimkien mal-Artikolu 2(a) u (ċ) tar-Regolament Nru 1782/2003, tali attività tikkostitwixxi kundizzjoni li entità legali għandha tissodisfa sabiex tkun irrikonoxxuta bħala organizzazzjoni tal-produtturi f’dan is-settur. Għaldaqstant, organizzazzjoni tal-produtturi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix li l-membri tagħha ma humiex involuti fil-koltivazzjoni tal-frott u tal-ħaxix hija inkonċepibbli. Għaldaqstant, l-għan tar-raggruppament tal-provvista msemmi fil-premessa 10 tar-Regolament Nru 1182/2007 ma jiġġustifikax trattament diskriminatorju favur organizzazzjonijiet tal-produtturi meta huma jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ pproċessar u għad-detriment tal-proċessaturi, trattament li barra minn hekk dan l-aħħar regolament ma stabbilixxiex. F’dan il-kuntest, l-għan inkwistjoni jitlob għajnuna li tkopri biss il-produzzjoni tal-frott u tal-ħaxix, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien iddeċieda li jabolixxi kull għajnuna oħra li tkopri l-ispiża ta’ attivitajiet ta’ pproċessar.

81      Minn dan li jippreċedi jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn dawn jipprovdu li l-valur ta’ “attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar” huwa inkluż fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata kif ukoll sa fejn dawn jipprovdu li investimenti u azzjonijiet relatati mal-ipproċessar tal-frott u tal-ħaxix jistgħu jkunu eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni, u li ma hemmx iktar lok li tittieħed deċiżjoni fuq ir-rikors fil-Kawża T‑454/10 sa fejn dan ir-rikors huwa intiż għall-annullament tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 1580/2007.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-portata tal-annullament imfittex abbażi ta’ dan il-motiv hija identika għall-portata tal-annullament mitlub abbażi tal-ewwel żewġ motivi.

 Fuq iż-żamma tal-effetti tad-dispożizzjonijiet annullati

83      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li jkun meħtieġ, tindika dawk l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi.

84      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti u l-intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Anicav qiesu li f’dan il-każ ma kienx hemm lok li jiġi applikat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni esprimiet l-opinjoni li hija kienet favur iż-żamma tal-effetti tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

85      Hemm lok li jiġi rrilevat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 u l-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 huma annullati minħabba li r-rati fissi li huma jistabbilixxu jkopru wkoll xi wħud mill-ispejjeż ta’ attivitajiet eżerċitati fil-kuntest tal-ipproċessar tal-frott u tal-ħaxix. F’dan il-kuntest, huwa neċessarju li tiġi pprojbita kontestazzjoni parzjali ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji li jinvolvu lill-Kummissjoni, lill-korpi nazzjonali ta’ ħlas u lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi sa fejn ikun hemm lok li tiġi kkalkolata mill-ġdid l-għajnuna kollha mħallsa lil dawn tal-aħħar abbażi tad-dispożizzjonijiet ikkontestati bil-għan li tiġi kkalkolata l-parti li tikkorrispondi għall-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ kull prodott ikkonċernat, fatt li barra minn hekk iqajjem f’dan il-każ diffikultajiet tekniċi kunsiderevoli.

86      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi deċiż li l-effetti prodotti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 u mill-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 fir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi ser jinżammu fis-sens li biss il-ħlasijiet lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi eżegwiti abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 687/2010 u sad-data li fiha tingħata din is-sentenza għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi.

87      Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-investimenti jew tal-azzjonijiet li bbenefikaw minn għajnuna tal-Unjoni skont l-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011, ma hemmx lok li jiġi ddikjarat li l-effetti ta’ din id-dispożizzjoni huma definittivi, peress li l-finanzjament relatat magħha huwa minn natura tiegħu vvizzjat fl-intier tiegħu bl-illegalità kkonstatata.

  Fuq l-ispejjeż

88      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż barra dawk relatati mal-interventi insostenn tat-talbiet tagħha, kif mitlub mir-rikorrenti.

89      Il-Kummissjoni għandha tbati wkoll l-ispejjeż tal-intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Anicav fil-Kawża T‑454/10.

90      L-intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tar-rikorrenti relatati mal-interventi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(2a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007, tal-21 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 687/2010, tat-30 ta’ Lulju 2010, huwa annullat sa fejn dan jipprovdi li l-valur ta’ “attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar” huwa inkluż fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-frott u tal-ħaxix intiż għall-ipproċessar.

2)      L-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011, tas-7 ta’ Ġunju 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat, huwa annullat sa fejn dan jipprovdi li l-valur ta’ “attivitajiet li mhumiex attivitajiet proprji tal-ipproċessar” huwa inkluż fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-frott u tal-ħaxix intiż għall-ipproċessar.

3)      L-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 huwa annullat.

4)      Ma hemmx lok li ttieħed deċiżjoni fuq ir-rikors fil-Kawża T‑454/10 sa fejn dan tal-aħħar huwa intiż għall-annullament tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 1580/2007.

5)      L-effetti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(2a) tar-Regolament Nru 1580/2007 u tal-Artikolu 50(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 543/2011 ser jinżammu fis-sens biss li l-ħlasijiet lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi eżegwiti abbażi ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet sad-data li fiha tingħata din is-sentenza għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi.

6)      Fil-Kawża T‑454/10, il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż tal-Associazione Nazionale degli Industriali delle Conserve Alimentari Vegetali (Anicav) u tal-intervenjenti insostenn tat-talbiet ta’ din tal-aħħar, li isimhom jidher fl-Anness II.

7)      Fil-Kawża T‑454/10, l-intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, li isimhom jidher fl-Anness III, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

8)      Fil-Kawża T‑482/11, il-Kummissjoni għandha tbati, barra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż tal-Agrupación Española de Fabricantes de Conservas Vegetales (Agrucon) u tar-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-Anness I.

9)      Fil-Kawża T‑482/11, l-intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, li isimhom jidher fl-Anness III, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Marzu 2013.

Firem

ANNESS I

Associazione Italiana Industrie Prodotti Alimentari (AIIPA), stabbilita f’Milano (l-Italja),

Associazione Nazionale degli Industriali delle Conserve Alimentari Vegetali (Anicav), stabbilita f’Napoli (l-Italja),

Campil-Agro-Industrial do Campo do Tejo, Lda, stabbilita f’Cartaxo (il-Portugall),

Evropaïka Trofima AE, stabbilita f’Larissa (il-Greċja),

FIT – Fomento da Indústria do Tomate, SA, stabbilita f’Águas de Moura (il-Portugall),

Konservopoiia Oporokipeftikon Filippos AE, stabbilita f’Veria (il-Greċja),

Panellinia Enosi Konservopoion, stabbilita f’Ateni (il-Greċja),

Elliniki Etairia Konservon AE, stabbilita f’Nafplio (il-Greċja),

Anonymos Viomichaniki Etaireia Konservon D. Nomikos, stabbilita f’Marousi (il-Greċja),

Italagro – Indústria de Transformação de Produtos Alimentares, SA, stabbilita f’Castanheira do Ribatejo (il-Portugall),

Kopaïs AVEE Trofimon & Poton, stabbilita f’Marousi,

Serraïki Konservopoiia Oporokipeftikon Serko AE, stabbilita f’Serres (il-Greċja),

Sociedade de Industrialização de Produtos Agrícolas – Sopragol, SA, stabbilita f’Mora (il-Portugall),

Sugalidal – Indústrias de Alimentação, SA, stabbilita f’Benavente (il-Portugall),

Sutol – Indústrias Alimentares, Lda, stabbilita f’Alcácer do Sal (il-Portugall),

ZANAE Zymai Artopoiias Nikoglou AE Viomichania Emporio Trofimon, stabbilita f’Thessaloníki (il-Greċja).

ANNESS II

Agrupación Española de Fabricantes de Conservas Vegetales (Agrucon), stabbilita f’Madrid (Spanja),

AIT – Associação dos Industriais de Tomate, stabbilita f’Lisbona (il-Portugall),

Panellinia Enosi Konservopoion, stabbilita f’Ateni (il-Greċja),

Kopaïs AVEE Trofimon & Poton, stabbilita f’Marousi (il-Greċja),

Evropaïka Trofima AE, stabbilita f’Larissa (il-Greċja),

Konservopoiia Oporokipeftikon Filippos AE, stabbilita f’Veria (il-Greċja),

Anonymos Viomichaniki Etaireia Konservon D. Nomikos, stabbilita f’Marousi,

Serraïki Konservopoiia Oporokipeftikon Serko AE, stabbilita f’Serres (il-Greċja),

Elliniki Etairia Konservon AE, stabbilita f’Nafplio (il-Greċja),

ZANAE Zymai Artopoiias Nikoglou AE Viomichania Emporio Trofimon, stabbilita f’Thessaloníki (il-Greċja).

ANNESS III

Cooperativas Agro-alimentarias, stabbilita f’Madrid Spanja,

Fédération française de la coopération fruitière, légumière u horticole (Felcoop), stabbilita f’Pariġi (Franza),

VOG Products Soc. agr. coop., stabbilita f’Laives (l-Italja),

Consorzio Padano Ortofrutticolo Soc. agr. coop. (Copador), stabbilita f’Collecchio (l-Italja),

Consorzio Casalasco del Pomodoro Soc. agr. coop., stabbilita f’Rivarolo del Re ed Uniti (l-Italja),

ARP Agricoltori Riuniti Piacentini Soc. agr. coop., stabbilita f’Podenzano (l-Italja),

Orogel Fresco Soc. coop. agr., stabbilita f’Cesena (l-Italja),

Conserve Italia –Consorzio Italiano Fra Cooperative Agricola Soc. coop. agr., stabbilita f’San Lazzaro di Savena (l-Italja).


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.