Language of document : ECLI:EU:T:2012:446

Kawża T-267/11

Video Research USA, Inc.

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Trade mark Komunitarja figurattiva VR — Nuqqas ta’ talba għat-tiġdid tat-trade mark — Kanċellazzjoni tat-trade mark wara l-iskadenza tar-reġistrazzjoni — Applikazzjoni għal restitutio in integrum — Artikolu 81 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Settembru 2012…….?II 0000

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Settembru 2012

1.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Restitutio in integrum — Kundizzjonijiet — Viġilanza mitluba miċ-ċirkustanzi — Delegazzjoni tad-dmirijiet amministrattivi dwar it-tiġdid ta’ trade mark

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 81(1))

2.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Restitutio in integrum — Kundizzjonijiet — Viġilanza mitluba miċ-ċirkustanzi — Avvenimenti eċċezzjonali u, għaldaqstant, imprevedibbli — Żball uman fid-dħul tad-data — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 81(1))

1.      Ir-restitutio in integrum huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet, l-ewwel waħda hija li l-parti tkun aġixxiet bil-viġilanza meħtieġa fid-dawl taċ-ċirkustanzi u t-tieni li l-ostakolu għall-konformità tal-parti kellu bħala konsegwenza diretta t-telf ta’ dritt jew ta’ mezz ta’ rimedju. Id-dmir ta’ viġilanza jaqa’, l-ewwel nett, fuq il-proprjetarju tat-trade mark. B’hekk, jekk il-proprjetarju jiddelega l-funzjonijiet amministrattivi relatati mat-tiġdid ta’ trade mark, huwa għandu jiżgura li l-persuna magħżula minnu tippreżenta l-garanziji neċessarji li jippermettu l-preżunzjoni ta’ eżekuzzjoni tajba tal-imsemmija funzjonijiet. Barra minn hekk, minħabba d-delegazzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet, il-persuna magħżula hija, l-istess bħall-proprjetarju, suġġetta għall-imsemmi dmir ta’ viġilanza. Fil-fatt, billi din tal-aħħar taġixxi f’isem u għall-proprjetarju, l-atti tagħha għandhom jitqiesu bħala li huma dawk tal-proprjetarju.

(ara l-punti 18, 19)

2.      Il-kliem “dak kollu meħtieġ miċ-ċirkustanzi” li jinsab fl-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, jirrikjedi l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll u ta’ sorveljanza interna tat-termini li teskludi ġeneralment in-nuqqas ta’ osservanza involontarja ta’ dawn it-termini, kif previsti mid-direttivi tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni). Minn dan jirriżulta li huma biss l-avvenimenti eċċezzjonali u, għaldaqstant, imprevedibbli abbażi tal-esperjenza li jistgħu jagħtu lok għal restitutio in integrum. Żbalji umani mwettqa matul il-ġestjoni teknika tat-tiġdid ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma avvenimenti eċċezzjonali jew imprevedibbli skont l-esperjenza.

Fil-każ fejn it-tiġdid tat-trade marks ikun fdat f’idejn kumpannija speċjalizzata li tuża sistema tal-informatika ta’ tfakkir tat-termini, il-viġilanza meħtieġa miċ-ċirkustanzi tirrikjedi, b’mod partikolari, li din is-sistema tippermetti li jiġi identifikat u korrett kull żball prevedibbli fil-funzjonament tas-sistema tal-informatika. Madankollu, it-“taħsir” jew telf ta’ data huwa żball prevedibbli, billi dan ir-riskju huwa inerenti għal kull sistema tal-informatika.

(ara l-punti 20, 24, 26)