Language of document : ECLI:EU:C:2021:315

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ April 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Proċeduri ta’ insolvenza – Artikolu 4 – Liġi applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza – Liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ il-proċedura – Artikolu 13 – Atti li jikkawżaw preġudizzju lill-kredituri kollha – Eċċezzjoni – Kundizzjonijiet – Att suġġett għal-liġi ta’ Stat Membru differenti mill-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti – Att li ma jistax jiġi kkontestat abbażi ta’ din il-liġi – Regolament (KE) Nru 593/2008 – Liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Artikolu 12(1)(b) – Firxa ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli – Eżekuzzjoni tal-obbligi imposti minnu – Ħlas imwettaq b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt suġġett għal-liġi ta’ Stat Membru differenti mill-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti – Eżekuzzjoni minn terz – Azzjoni għal restituzzjoni ta’ dan il-ħlas fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza – Liġi applikabbli għall-imsemmi ħlas”

Fil-Kawża C‑73/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

ZM, li qiegħed jaġixxi bħala sindikat ta’ Oeltrans Befrachtungsgesellschaft mbH,

vs

E. A. Frerichs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatriċi), Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja, L. Bay Larsen, C. Toader u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal ZM, li qiegħed jaġixxi bħala sindikat ta’ Oeltrans Befrachtungsgesellschaft mbH, minn J. Froehner, Rechtsanwalt,

–        għal E. A. Frerichs, minn J. van Zuethem, advocaat,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, P. Barros da Costa, L. Medeiros u S. Duarte Afonso, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u H. Leupold, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191), u tal-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, u rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ZM, li qiegħed jaġixxi bħala sindikat ta’ Oeltrans Befrachtungsgesellschaft mbH, u E.A. Frerichs dwar il-ħlas lura, minn din tal-aħħar, ta’ ħlas imwettaq favur tagħha minn Oeltrans Befrachtungsgesellschaft, skont kuntratt konkluż bejn E. A. Frerichs u kumpannija li tappartjeni għall-grupp Oeltrans.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 1346/2000

3        Ir-Regolament Nru 1346/2000 tħassar bir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, u rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9). Madankollu, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 1346/2000 kien applikabbli.

4        Il-premessi 23 u 24 tar-Regolament Nru 1346/2000 jistipulaw:

“(23) Dan ir-Regolament għandu jesiġi, għall-materji koperti minnu, regoli uniformi dwar kunflitt ta’ liġijiet, li jibdlu, fl-iskop tal-applikazzjoni tagħhom, ir-regoli nazzjonali tal-liġi privata internazzjonali. Sa kemm ma jingħadx mod ieħor, għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedimenti (lex concursus). Din ir-regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet għandha tkun valida kemm għal proċedimenti prinċipali kif ukoll għal proċedimenti lokali; il-lex concursus tiddetermina l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment, kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, fuq il-persuni u relazzjonijiet legali li jikkonċernawhom. Jirregola il-kondizzjonijiet kollha għal ftuħ, it-twettieq u l-egħluq tal-proċedimenti ta’ falliment.

(24)      L-għarfien awtomatiku ta’ proċedimenti ta’ falliment li għalihom normalment japplikaw il-liġijiet ta’ l-Istat li jiftahom jistgħu ifixklu l-liġijiet li bihom jitwettqu t-transazzjonijiet fl-Istati Membri l-oħra. Sabiex jitħarsu l-aspettativi leġittimi u iċ-ċertezza ta’ transazzjonijiet fi Stati Membri apparti minn dak ta’ fejn ikunu nfetħu l-proċedimenti, għandhom isiru dispożizzjonijiet għal numru ta’ eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali.”

5        L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Liġi applikabbli”, jipprovdi:

“1.      Ħlief fejn ipprovdut b’ mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ‘il quddiem imsemmija bħala l-’Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’.

2.      Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’ mod partikolari:

[…]

(m)      ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ invalidità, nuqqas ta’ irbit u nuqqas ta’ enforzabilità ta’ atti legali detrimentali għal kredituri kollha.”

6        L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Atti detrimentali”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Artikolu [4(2)(m)] m’għandux japplika meta l-persuna li tibbenefika minn att detrimentali għal-kredituri kollha tipprovdi prova li:

–        l-imsemmi att huwa suġġett għall-liġi ta’ Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti, u

–        dik il-liġi ma tippermettix xi meżżi biex jiġi disputat dak l-att fil-każ relevanti.”

 Ir-Regolament Nru 593/2008

7        Skont il-premessa 16 tar-Regolament Nru 593/2008:

“Sabiex jagħtu kontribut għall-għan ġenerali ta’ dan ir-Regolament – iċ-ċertezza ġuridika – fiż-żona ta’ ġustizzja Ewropea, ir-regoli ta-konflitt tal-liġijiet għandhom ikunu ta’ livell għoli ta’ prevedibbiltà. Madankollu, il-qrati għandhom iżommu grad ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw il-liġi li tippreżenta l-eqreb rabtiet mas-sitwazzjoni.”

8        L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ambitu tal-liġi applikabbli”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-liġi applikabbli għal kuntratt skond dan ir-Regolament għandha tirregola partikolarment:

[…]

(b)      it-twettiq tiegħu;

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Oeltrans Befrachtungsgesellschaft u Tankfracht GmbH huma kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja. Huma kienu jappartjenu għall-grupp Oeltrans.

10      E.A. Frerichs, li hija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, u Tankfracht ikkonkludew kuntratt dwar bastiment għan-navigazzjoni fuq il-passaġġi tal-ilma interni, li permezz tiegħu din il-kumpannija tal-aħħar kienet obbligata tħallas lill-ewwel waħda s-somma ta’ EUR 8 259.30 bħala remunerazzjoni. Fid‑9 ta’ Novembru 2010, Oeltrans Befrachtungsgesellschaft ħallset lil E.A. Frerichs is-somma dovuta minn Tankfracht b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

11      Fid‑29 ta’ April 2011, inbdiet proċedura ta’ insolvenza kontra Oeltrans Befrachtungsgesellschaft mill-Amtsgericht Hamburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Hamburg, il-Ġermanja). Fil‑21 ta’ Diċembru 2014, is-sindikat inizjali f’din il-proċedura ppreżenta, quddiem il-qorti kompetenti, azzjoni għall-ħlas lura ta’ din is-somma ta’ EUR 8 259.30 u tal-interessi relatati magħha, abbażi tal-annullament tal-atti ta’ din il-kumpannija. Minħabba nuqqasijiet tal-imsemmija qorti, in-notifika ġiet innotifikata lil E.A. Frerichs biss fix-xahar ta’ Diċembru 2016. Mill‑25 ta’ Marzu 2016, ZM huwa sindikat fl-imsemmija proċedura.

12      Peress li l-azzjoni fil-kawża prinċipali kienet irregolata mil-liġi Ġermaniża, il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali, il-Ġermanja) laqgħet it-talba tas-sindikat.

13      Il-qorti tal-appell irriformat id-deċiżjoni tal-Landgericht (il-Qorti Reġjonali), billi laqgħet l-eċċezzjoni mqajma minn E.A. Frerichs, ibbażata fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni, u ċaħdet l-imsemmija talba, ukoll abbażi tal-liġi Ġermaniża.

14      ZM ippreżentat appell għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), intiża sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-imsemmija deċiżjoni.

15      Skont din il-qorti, l-eżitu ta’ dan l-appell jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 u tal-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 593/2008.

16      Fil-fatt, skont il-punt (m) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, il-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza tiddetermina, b’mod partikolari, ir-regoli relatati man-nullità, mal-annullament jew man-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-atti li jikkawżaw preġudizzju lill-kredituri kollha. L-imsemmija qorti tirrileva li peress li l-proċedura ta’ insolvenza kontra Oeltrans Befrachtungsgesellschaft infetħet fil-Ġermanja, il-kwistjoni tal-annullament tal-ħlas tas-somma ta’ EUR 8 259.30 imwettaq minn din il-kumpannija lil E.A. Frerichs għandha, għaldaqstant, tiġi evalwata fid-dawl tal-liġi Ġermaniża u li, konformement ma’ din tal-aħħar, għandha tintlaqa’ t-talba li hija adita biha għaliex, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż mill-qorti tal-appell, il-qorti tar-rinviju tqis li l-azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex preskritta.

17      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li E.A. Frerichs tinvoka l-applikabbiltà tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, issostni li dan il-ħlas għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-liġi Olandiża u pprovdiet provi intiżi sabiex juru li din il-liġi ma tippermetti bl-ebda mod li l-imsemmi ħlas jiġi kkontestat.

18      F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis li l-kuntratt konkluż bejn Tankfracht u E.A. Frerichs huwa, irrispettivament mill-klassifikazzjoni ġuridika tiegħu, irregolat mil-liġi Olandiża.

19      Madankollu, l-imsemmija qorti tqis li l-kwistjoni dwar jekk l-ewwel kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, li l-att li jikkawża preġudizzju kkonċernat huwa suġġett għal-liġi ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat li fit-territorju tiegħu tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza, hijiex issodisfatta fil-kawża li hija adita biha tiddependi minn dik dwar jekk, skont l-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 593/2008, il-ħlas imwettaq minn terz, f’dan il-każ Oeltrans Befrachtungsgesellschaft, sabiex jitħallas il-kreditu miżmum, abbażi tal-imsemmi kuntratt, minn E.A. Frerichs lil Tankfracht huwiex ukoll suġġett għal-liġi Olandiża.

20      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 13 tar-Regolament [Nru 1346/2000] u l-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament [Nru 593/2008] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-liġi applikabbli għal kuntratt taħt ir-regolament imsemmi l-aħħar tirregola wkoll il-pagament magħmul minn terz bħala eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali ta’ pagament ta’ parti kontraenti?”

 Fuq id-domanda preliminari

21      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 u l-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 593/2008 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-liġi applikabbli għall-kuntratt skont dan ir-regolament tal-aħħar tirregola wkoll il-ħlas imwettaq minn terz b’eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali ta’ ħlas ta’ waħda mill-partijiet fil-kuntratt, meta, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, dan il-ħlas huwa kkontestat bħala att li jikkawża preġudizzju lill-kredituri kollha.

22      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprevedi eċċezzjoni għar-regola ġenerali, stabbilita fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li l-liġi applikabbli għall-proċedura ta’ insolvenza u għall-effetti tagħha hija dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ il-proċedura (sentenza tas‑16 ta’ April 2015, Lutz, C‑557/13, EU:C:2015:227, punt 34).

23      Skont l-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, l-Artikolu 4(2)(m) ta’ dan tal-aħħar ma huwiex applikabbli meta min ibbenefika minn att li jikkawża preġudizzju lill-kredituri kollha jipproduċi l-prova li dan l-att huwa suġġett għal-liġi ta’ Stat Membru minbarra l-Istat li fit-territorju tiegħu tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza u li, f’dan il-każ, din il-liġi ma tippermetti bl-ebda mod li dan l-att jiġi kkontestat.

24      Bħalma tfakkar fil-premessa 24 tar-Regolament Nru 1346/2000, din l-eċċezzjoni, li għandha bħala għan li tipproteġi l-aspettattivi leġittimi u s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet fl-Istati Membri differenti minn dak tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, għandha tiġi interpretata strettament u l-portata tagħha ma tistax tmur lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħaq dan l-għan (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Nike European Operations Netherlands, C‑310/14, EU:C:2015:690, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Fir-rigward tal-għan imfittex mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan huwa intiż li jipproteġi l-aspettattivi leġittimi ta’ min ikun ibbenefika minn att li jikkawża preġudizzju lill-kredituri kollha, billi jipprevedi li dan l-att għandu jibqa’ rregolat, anki wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, mid-dritt li kien applikabbli għalih fid-data ta’ meta twettaq (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Vinyls Italia, C‑54/16, EU:C:2017:433, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikoli 4 u 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jikkostitwixxu lex specialis fil-konfront tar-Regolament Nru 593/2008 u għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1346/2000 (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Vinyls Italia, C‑54/16, EU:C:2017:433, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, peress li l-proċedura ta’ insolvenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali nfetħet fil-Ġermanja, il-liġi applikabbli għal din il-proċedura u għall-effetti tagħha hija, konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, il-liġi Ġermaniża.

28      Minn dan jirriżulta li, hekk kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, skont il-punt (m) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li l-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza tiddetermina, b’mod partikolari, ir-regoli dwar in-nullità, l-annullament jew in-nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-atti li jikkawżaw preġudizzju lill-kredituri kollha, il-kwistjoni tal-annullament tal-ħlas ta’ EUR 8 259.30 magħmul minn Oeltrans Befrachtungsgesellschaft favur E.A. Frerichs, għandha, bħala prinċipju, tiġi evalwata fid-dawl tal-liġi Ġermaniża.

29      Madankollu, sa fejn dan il-ħlas sar sabiex jiġi eżegwit obbligu kuntrattwali li kellha Tankfracht abbażi tal-kuntratt konkluż ma’ E.A. Frerichs u fejn dan il-kuntratt huwa rregolat bil-liġi Olandiża, din il-qorti tistaqsi dwar jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, l-imsemmi ħlas għandux jitqies bħala li huwa wkoll suġġett għal din il-liġi.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 23 ta’ dan ir-regolament, dan għandu jistabbilixxi regoli dwar kunflitt ta’ liġijiet uniformi li jissostitwixxu, fil-kamp tal-applikazzjoni tagħhom, ir-regoli nazzjonali tad-dritt internazzjonali privat.

31      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, kif imfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, parti f’kuntratt li tkun irċeviet ħlas b’eżekuzzjoni tiegħu għandha tkun tista’ tistenna li l-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt tirregola wkoll dan il-ħlas, inkluż wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza.

32      L-istess japplika fil-każ fejn l-imsemmi ħlas isir mhux mill-parti l-oħra fil-kuntratt ta’ din il-parti, iżda minn terz, għaliex, għall-imsemmija parti, huwa ċar li, permezz tal-ħlas ikkonċernat, dan it-terz għandu l-intenzjoni li jeżegwixxi l-obbligu kuntrattwali ta’ ħlas li kien jaqa’ fuq din il-parti kontraenti. Għalhekk, f’dan il-każ, il-parti inkwistjoni għandha wkoll tkun tista’ tistenna li, anki wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, il-ħlas inkwistjoni jibqa’ rregolat mil-liġi applikabbli għall-kuntratt li jikkostitwixxi l-bażi legali tiegħu.

33      Fil-fatt, parti f’kuntratt li tkun ibbenefikat minn ħlas, imwettaq mill-parti kontraenti tagħha jew minn terz, b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt ma tistax raġonevolment tkun obbligata tipprevedi li proċedura ta’ insolvenza ser eventwalment tinfetaħ fir-rigward ta’ din il-parti kontraenti jew ta’ dan it-terz u, jekk ikun il-każ, f’liema Stat Membru din tkun ser tinfetaħ.

34      Barra minn hekk, kif sostnew il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 tkun tippreġudika l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni u tkun tmur kontra l-għan tagħha, jiġifieri li tippermetti deroga mir-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament sabiex, b’mod partikolari, tipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji ta’ atti li jippreġudikaw lill-kredituri kollha, peress li din ikollha bħala konsegwenza li tali ħlasijiet imwettqa minn terzi jkunu dejjem irregolati mil-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza.

35      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni skont liema, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, il-liġi applikabbli għall-eżekuzzjoni, minn parti kontraenti jew minn terz, ta’ obbligu kuntrattwali hija l-liġi li tirregola l-kuntratt li minnu jirriżulta dan l-obbligu hija sostnuta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 593/2008.

36      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-liġi applikabbli għall-kuntratt skont dan ir-regolament tal-aħħar tirregola, b’mod partikolari, l-eżekuzzjoni tal-obbligi li huwa joħloq.

37      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali ta’ ħlas hija rregolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt li jikkostitwixxi l-bażi legali ta’ dan l-obbligu.

38      Barra minn hekk, bħalma huwa mfakkar fil-premessa 16 tar-Regolament Nru 593/2008, ir-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet previsti minnu għandu jkollhom livell għoli ta’ prevedibbiltà sabiex jikkontribwixxu għall-ilħieq tal-għan ġenerali ta’ dan ir-regolament, jiġifieri ċ-ċertezza legali fl-ispazju tal-ġustizzja Ewropea.

39      Issa, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000, skont liema l-liġi applikabbli għal kuntratt tirregola wkoll l-eżekuzzjoni, minn parti kontraenti jew minn terz, ta’ obbligu li jirriżulta minn dan il-kuntratt, hija konformi ma’ dan l-għan ta’ ċertezza legali, peress li din tippermetti li jiġi żgurat li, anki wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, dan l-obbligu ser jibqa’ rregolat minn din il-liġi.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 u l-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 593/2008 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-liġi applikabbli għall-kuntratt skont dan ir-regolament tal-aħħar tirregola wkoll il-ħlas imwettaq minn terz b’eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali ta’ ħlas ta’ waħda mill-partijiet fil-kuntratt, meta, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, dan il-ħlas huwa kkontestat bħala att li jikkawża preġudizzju lill-kredituri kollha.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment, u l-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-liġi applikabbli għall-kuntratt skont dan ir-regolament tal-aħħar tirregola wkoll il-ħlas imwettaq minn terz b’eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali ta’ ħlas ta’ waħda mill-partijiet fil-kuntratt, meta, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, dan il-ħlas huwa kkontestat bħala att li jikkawża preġudizzju lill-kredituri kollha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.