Language of document : ECLI:EU:T:2022:775

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

7 ta’ Diċembru 2022 (*)

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36/UE – Oppożizzjoni tal-BĊE għall-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu – Punt ta’ tluq tal-perijodu ta’ evalwazzjoni – Intervent tal-BĊE matul il-fażi inizjali tal-proċedura – Kriterji ta’ stabbiltà finanzjarja tal-akkwirent propost u ta’ osservanza tar-rekwiżiti prudenzjali – Eżistenza ta’ raġuni raġonevoli għall-oppożizzjoni għall-akkwist abbażi ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni wieħed jew diversi – Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura – Talba għal seduta nieqsa minn motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑330/19,

PNB Banka AS, stabbilita f’Riga (il-Latvja), irrappreżentata minn O. Behrends, avukat,

rikorrent,

vs

IlBank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn C. Hernández Saseta, F. Bonnard u V. Hümpfner, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, A. Nijenhuis u A. Steiblytė, bħala aġenti,

intervenjenti,


IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn S. Gervasoni (Relatur), President, L. Madise, P. Nihoul, R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent, PNB Banka AS, jitlob l-annullament tad-deċiżjoni, innotifikata permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Marzu 2019, li permezz tagħha l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jopponi t-tranżazzjoni li kienet tikkonsisti fl-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti f’B (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent kien istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), stabbilita fil-Latvja. Minħabba f’hekk, huwa tqiegħed taħt is-superviżjoni prudenzjali diretta tal-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u tal-Kapital, il-Latvja, iktar ’il quddiem il-“KSFK”).

3        CR kien, fid-data tal-preżentata tar-rikors, l-azzjonist prinċipali tar-rikorrent.

4        Matul ix-xahar ta’ Awwissu 2017, skont ir-rikorrent, CR ressaq ilment quddiem l-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar atti ta’ korruzzjoni li għalihom kien ħati A, Gvernatur ta’ Latvijas Banka (il-Bank Ċentrali tal-Latvja). L-atti ta’ korruzzjoni ddenunzjati kienu jikkonsistu fit-tentattivi ta’ dan tal-aħħar li jikseb, bis-saħħa tal-influwenza li huwa kellu fuq il-KSFK, kickbacks mingħand CR.

5        Fit‑12 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrent kif ukoll CR u membri oħra tal-familja tiegħu, azzjonisti tar-rikorrent, introduċew proċedura ta’ arbitraġġ kontra r-Repubblika tal-Latvja quddiem iċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investiment (iktar ’il quddiem l-“ICSID”), abbażi tat-Trattat tal‑24 ta’ Jannar 1994 għall-promozzjoni u għall-protezzjoni tal-investimenti bejn ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika tal-Latvja.

6        Matul ix-xahar ta’ Diċembru 2017, skont ir-rikorrent, CR irrapporta lill-awtoritajiet Latvjani l-atti ta’ korruzzjoni msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq.

7        Fis‑17 ta’ Frar 2018, A ġie arrestat wara l-ftuħ, fil‑15 ta’ Frar 2018, ta’ investigazzjoni kriminali preliminari mibdija kontrih mill-Korupcijas novēršanas un apkarošanas birojs (l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, il-Latvja, iktar ’il quddiem il-“KNAB”). Din l-investigazzjoni kellha bħala suġġett akkużi ta’ korruzzjoni marbuta mal-proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali kontra bank Latvjan li ma huwiex ir-rikorrent. Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Frar 2018, mal-ħelsien ta’ A, il-KNAB imponielu diversi miżuri preventivi, fosthom il-projbizzjoni mill-eżerċizzju tad-dmirijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja.

8        Fit‑28 ta’ Ġunju 2018, A ġie mixli mill-prosekutur li kien qiegħed imexxi l-investigazzjoni msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq. L-att ta’ akkuża, ikkompletat fl‑24 ta’ Mejju 2019, kien jinkludi tliet kapi ta’ akkuża. L-ewwel kap tal-akkuża kien jikkonċerna l-aċċettazzjoni, fl‑2010, ta’ offerta ta’ kickback mill-President tal-Bord Superviżorju ta’ bank Latvjan li ma huwiex ir-rikorrent, u tal-kickback stess, li għalih A ta pariri intiżi sabiex dak il-bank ikun jista’ jevita s-sorveljanza tal-KSFK u astjena milli jipparteċipa fil-laqgħat tal-KSFK li matulhom ġew diskussi l-kwistjonijiet relatati mas-sorveljanza tal-imsemmi bank. It-tieni kap tal-akkuża kien jikkonċerna, minn naħa, l-aċċettazzjoni, wara t‑23 ta’ Awwissu 2012, ta’ offerta ta’ kickback mill-Viċi President tal-Bord tad-Diretturi tal-istess bank, inkambju għall-pariri ta’ A sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet ordnati mill-KSFK u sabiex jiġu evitati restrizzjonijiet oħra, u, min-naħa l-oħra, l-aċċettazzjoni minn A tal-ħlas ta’ nofs dan il-kickback. It-tielet kap ta’ akkuża kien jikkonċerna l-ħasil tal-flus intiż sabiex jaħbi l-oriġini, it-trasferimenti u s-sjieda tal-fondi mħallsa lil A fir-rigward tal-kickback imsemmi fit-tieni kap ta’ akkuża.

9        Fl‑1 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrent innotifika lill-KSFK bl-intenzjoni tiegħu li jakkwista direttament parteċipazzjoni kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu Latvjana oħra, B (iktar ’il quddiem il-“bank fil-mira”), u li teċċedi 50 % tal-kapital u tad-drittijiet tal-vot f’dan tal-aħħar. Fl-istess jum, CR innotifika lill-KSFK bl-intenzjoni tiegħu li jakkwista indirettament, permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-kapital tar-rikorrent, parteċipazzjoni kwalifikanti fil-bank fil-mira.

10      Fit‑3 ta’ Ottubru 2018, il-KSFK informat lir-rikorrent li hija kienet tikkunsidra n-notifika tiegħu bħala inkompleta u li ma kinitx ser tibda l-evalwazzjoni tagħha. L-għada, hija talbet lir-rikorrent jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

11      Fid‑19 ta’ Ottubru 2018, l-akkwirenti indiretti proposti l-oħra għajr CR, b’mod partikolari CT, innotifikaw lill-KSFK bl-intenzjoni tagħhom li jakkwistaw indirettament parteċipazzjoni kwalifikanti fil-bank fil-mira.

12      Fid‑19 u fit‑22 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrent ippreżenta informazzjoni addizzjonali lill-KSFK, b’mod partikolari pjan ta’ direzzjoni tan-negozju.

13      Fit‑30 ta’ Ottubru 2018, il-KSFK innotifikat lir-rikorrent li l-elementi mogħtija kienu inkompleti u li hija ma kinitx ser tibda l-proċess ta’ evalwazzjoni. L-għada, hija talbet informazzjoni addizzjonali.

14      Fl‑1 u fl‑20 ta’ Novembru 2018, ġiet ipprovduta l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-akkwirenti proposti, fost oħrajn pjan ta’ direzzjoni tan-negozju aġġornat.

15      Fit‑23 ta’ Novembru 2018, il-KSFK informat lill-akkwirenti proposti li hija kienet qiegħda tikkonferma li kienet irċeviet in-notifiki, li dawn in-notifiki kienu kompleti u li kienu ser jiġu evalwati fi żmien 60 jum ta’ xogħol.

16      Fil‑15 u fit‑18 ta’ Jannar 2019, il-KSFK talbet lir-rikorrent u lil CR jipprovdu informazzjoni addizzjonali. Hija ssospendiet il-perijodu ta’ evalwazzjoni sad-data tal-wasla tal-informazzjoni kkonċernata u sa mhux iktar tard mit‑13 ta’ Frar 2019.

17      Fit‑12 u fit‑13 ta’ Frar 2019, ir-rikorrent u CR ipprovdew informazzjoni addizzjonali.

18      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Frar 2019, il-KSFK ikkonfermat li kienet irċeviet l-informazzjoni pprovduta u informat lill-akkwirenti proposti li l-perijodu ta’ evalwazzjoni kien ser jiskadi fit‑22 ta’ Marzu 2019.

19      Permezz tas-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il‑Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-deċiżjoni tal-KNAB tad‑19 ta’ Frar 2018 sa fejn din kienet tipprojbixxi lil A milli jeżerċita d-dmirijiet tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja. Hija qieset li r-Repubblika tal-Latvja ma kinitx stabbilixxiet li t-tneħħija ta’ A mill-funzjonijiet tiegħu ta’ Gvernatur mill-Bank Ċentrali tal-Latvja kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ indizji suffiċjenti tal-fatt li dan kien ħati ta’ mġiba serjament ħażina fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-BĊE.

20      Fl-istess jum, il-KSFK adottat id-Deċiżjoni Nru 45/2019, li timponi fuq ir-rikorrent li josserva, fuq bażi individwali u fuq bażi kkonsolidata, rekwiżit totali ta’ kapital fil-kuntest tal-proċess ta’ kontroll u ta’ valutazzjoni prudenzjali (iktar ’il quddiem ir-“rekwiżit totali ta’ kapital SREP”) ta’ 12 %.

21      Fl‑1 ta’ Marzu 2019, il-KSFK ippreżentat lill-BĊE proposta għal deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 1024/2013, dwar oppożizzjoni għall-akkwist propost.

22      Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Marzu 2019, il-BĊE stieden lill-akkwirenti proposti jippreżentaw osservazzjonijiet dwar abbozz ta’ deċiżjoni.

23      Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrent u CR ippreżentaw osservazzjonijiet.

24      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Marzu 2019, il-BĊE nnotifika d-deċiżjoni kkontestata lill-akkwirenti proposti. Permezz tagħha, huwa oppona l-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti u l-qbiż ta’:

–        30 % tal-kapital u tad-drittijiet ta’ vot miżmuma indirettament minn CR u minn partijiet oħra li jaġixxu flimkien, bħala akkwirenti indiretti proposti, fil-bank fil-mira;

–        50 % tal-kapital u tad-drittijiet tal-vot miżmuma direttament mir-rikorrent, bħala akkwirent dirett propost, fil-bank fil-mira.

25      Il-BĊE hemeż mad-deċiżjoni kkontestata t-tweġiba tiegħu għall-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrent u CR fl-ittra tagħhom tal‑14 ta’ Marzu 2019 (iktar ’il quddiem it-“tweġiba għall-osservazzjonijiet”).

26      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kriterju ta’ solidità finanzjarja tal-akkwirenti proposti, il-BĊE indika li dan il-kriterju kellu jitqies bħala ssodisfatt jekk jiġi stabbilit li l-akkwirent propost kellu mhux biss il-kapaċità li jiffinanzja l-akkwist propost, iżda wkoll il-kapaċità li fil-futur prevedibbli jżomm struttura finanzjarja solida fir-rigward kemm tal-akkwirent dirett propost kif ukoll tal-bank fil-mira.

27      Minn naħa, il-BĊE qies li r-rikorrent kellu l-fondi li jippermettulu jixtri l-ishma tal-bank fil-mira. Madankollu, huwa kkonstata li r-rikorrent kien ġarrab telf nett sinjifikattiv. Huwa qies li r-rikorrent kien qiegħed jaffaċċja livell għoli ta’ riskju ta’ kreditu, b’mod partikolari proporzjon tas-self li ma jrendix ta’ 47 % f’nofs is-sena 2018, u livell baxx ta’ fondi proprji. Huwa enfasizza b’mod partikolari li l-proporzjonijiet ta’ fondi proprji tar-rikorrent kienu jikkostitwixxu ksur tar-rekwiżit kapitali kumplessiv (iktar ’il quddiem l-“OCR”). Huwa żied li, fl-aħħar tas-sena 2018, ir-rikorrent kien qiegħed jikser ir-rekwiżiti tal-iskoperturi kbar fil-konfront ta’ diversi kontropartijiet. Huwa semma li r-rikorrent kien qiegħed jikser il-limiti applikabbli għat-tranżazzjonijiet mal-partijiet relatati fir-rigward ta’ CR. Huwa qies li r-rikorrent ma kienx ser ikun f’pożizzjoni li jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-bank fil-mira f’każ ta’ bżonn.

28      Min-naħa l-oħra, il-BĊE qies li l-akkwirenti indiretti proposti, li kieku kienu ser jikkontrollaw b’mod indirett il-bank fil-mira u l-grupp il-ġdid ikkostitwit wara l-akkwist propost (iktar ’il quddiem il-“grupp il-ġdid”), ma kinux ser ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu appoġġ finanzjarju suffiċjenti lill-bank fil-mira u lill-grupp il-ġdid. Huwa kkonstata li CR, azzjonist prinċipali tar-rikorrent, ma kienx iddikjara riżorsi finanzjarji oħra għajr il-parteċipazzjoni tiegħu fir-rikorrent, b’valur stmat ta’ EUR 13.6 miljun, li minnhom iridu jitnaqqsu l-impenji tiegħu lejn ir-rikorrent li jammontaw għal EUR 11.8 miljun. Huwa kkunsidra li l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ppreżentat mill-akkwirenti proposti kien juri li l-grupp il-ġdid kellu livell baxx ta’ fondi proprji. Huwa kkonstata li l-proporzjon totali ta’ fondi proprji tal-grupp il-ġdid ma kienx jippermetti li jintlaħaq l-OCR attwalment applikabbli għar-rikorrent fil-livell tal-grupp. B’mod ġenerali, huwa kkunsidra li l-livell ta’ fondi proprji tal-grupp il-ġdid ma huwiex adegwat fid-dawl tal-fatt li dan il-grupp kien jippreżenta livell għoli ta’ riskju u li probabbilment kienu ser ikunu meħtieġa injezzjonijiet ta’ kapital fil-futur.

29      Barra minn hekk, il-BĊE qies li kien hemm dubji serji fir-rigward ta’ jekk l-akkwirenti indiretti proposti kinux realment lesti li jappoġġjaw il-bank fil-mira f’każ ta’ bżonn. Huwa rrileva assenza ta’ impenn sod u irrevokabbli mill-akkwirenti indiretti proposti li jipprovdu tali appoġġ. Huwa qies ukoll l-assenza sostanzjali ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija lir-rikorrent fil-passat reċenti.

30      Il-BĊE kkonkluda li l-kriterju ta’ solidità finanzjarja ma kienx issodisfatt.

31      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju tal-kapaċità tal-istituzzjoni ta’ kreditu li tosserva r-rekwiżiti prudenzjali, il-BĊE qies li din il-kapaċità kellha tiġi vvalutata mhux biss fil-livell tal-bank fil-mira, iżda wkoll fil-livell tal-grupp il-ġdid. Huwa żied jgħid li kien neċessarju li jitqies mhux biss il-mument tal-akkwist propost, iżda wkoll wara dan l-akkwist.

32      Il-BĊE qies li, għalkemm l-akkwist propost ma kienx ser ikollu impatt negattiv immedjat fuq il-konformità, mill-bank fil-mira biss, mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji u ta’ likwidità fil-livell individwali, il-grupp il-ġdid probabbilment ma kienx ser jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji la fix-xenarju ta’ referenza u lanqas fix-xenarju negattiv tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ppreżentat mill-akkwirenti proposti. Fil-fatt, jekk jiġi preżunt li r-rekwiżit totali tal-kapital SREP applikabbli għall-grupp il-ġdid ma huwiex ser ikun iktar baxx minn dak applikabbli għar-rikorrent fl‑2018 u fl‑2019, il-grupp il-ġdid ser jikser l-OCR applikabbli.

33      Il-BĊE kkonstata wkoll li l-bank fil-mira kien ġarrab telf sinjifikattiv matul is-sentejn preċedenti. Huwa semma li l-KSFK kienet bdiet proċedura amministrattiva fis‑26 ta’ Frar 2018 fir-rigward tan-nuqqasijiet tal-bank fil-mira relatati mas-sistema ta’ kontroll intern u mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Huwa qies li l-grupp il-ġdid kien ser jaffaċċja profil ta’ riskju għoli u li seta’ raġonevolment ikun mistenni li r-rekwiżit totali ta’ kapital SREP applikabbli għall-imsemmi grupp kien ser ikun ogħla mil-livelli previsti fix-xenarju ta’ referenza tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju.

34      Il-BĊE kkunsidra li l-imsemmi xenarju ta’ referenza kien ottimist iżżejjed, sa fejn kien jipprevedi ritorn għall-profitabbiltà rapidu ħafna u akkumulazzjoni tal-profitti. Huwa enfasizza li l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ma kien jipprovdi l-ebda informazzjoni ddettaljata u konvinċenti dwar il-perijodi neċessarji sabiex jintlaħaq il-punt ta’ ekwilibriju u sabiex jinkiseb tali livell ta’ profitt fi żmien sena.

35      Il-BĊE rrileva li l-akkwirenti proposti kienu pprovdew diversi xenarji negattivi. Huwa kkonstata li, fix-xenarju l-iktar negattiv, l-ispejjeż operattiv tal-bank fil-mira kienu ser jibqgħu kostanti u li dan tal-aħħar kien ser jingħata multa ta’ EUR 1.5 miljun imposta mill-KSFK fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva marbuta mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. F’dan ix-xenarju, ikun hemm defiċit addizzjonali fil-fondi proprji meta mqabbla mal-OCR tal‑2019. Il-BĊE qies li dawn ix-xenarji negattivi kienu iktar realistiċi mix-xenarju ta’ referenza u kienu jenfasizzaw il-livell insuffiċjenti ta’ fondi proprji tal-grupp il-ġdid.

36      Il-BĊE qies li, konsegwentement, il-grupp il-ġdid probabbilment ma kienx ser josserva r-rekwiżiti ta’ fondi proprji applikabbli.

37      Il-BĊE kkunsidra li l-grupp il-ġdid kien ser jaffaċċja l-problemi li kien ser jiret mir-rikorrent, jiġifieri livell għoli ta’ riskju ta’ kreditu u ksur tal-limiti tal-iskoperturi kbar. Huwa qies li l-persistenza tal-livell għoli ta’ riskju ta’ kreditu tar-rikorrent kien ser ikollha impatt fuq ir-riskju ta’ defiċit fil-fondi proprji tal-grupp il-ġdid. Huwa kkunsidra li, skont ix-xenarji negattivi, il-ksur tal-limiti tal-iskoperturi kbar tar-rikorrent ma kienx ser jiġi rrimedjat.

38      Finalment, il-BĊE qies li n-nuqqasijiet f’termini ta’ governanza u ta’ kontroll intern tar-rikorrent u tal-bank fil-mira, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, ma kinux indirizzati fil-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju u li ma kienx hemm raġuni biex wieħed jaħseb li l-ħolqien ta’ grupp ġdid kien ser jippermetti li jiġu solvuti dawn in-nuqqasijiet.

39      B’mod ġenerali, il-BĊE qies li l-istrateġija tal-akkwirenti proposti fir-rigward tal-bank fil-mira ma kinitx ċara. Huwa qies li l-akkwirenti proposti kienu pprovdew biss informazzjoni limitata ħafna fuq l-amalgamazzjoni proposta, li kellha ssir fuq perijodu ta’ mhux iktar minn 18-il xahar, u dwar l-organizzazzjoni tal-grupp il-ġdid sal-konklużjoni tal-amalgamazzjoni. Huwa indika li dan in-nuqqas ta’ ċarezza kien jidher fil-kwalità baxxa tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju f’termini ta’ koerenza, ta’ leġibbiltà u tad-deskrizzjoni tal-azzjonijiet previsti, li jżid id-dubji dwar il-kredibbiltà kumplessiva tal-akkwist propost.

40      Il-BĊE kkunsidra li l-akkwist propost ma setax iwassal għat-twaqqif ta’ grupp bankarju ġdid vijabbli, b’mod partikolari għaliex il-miżuri li jistgħu jiggarantixxu s-suċċess ta’ din l-operazzjoni ma kinux iddettaljati jew konvinċenti biżżejjed. Huwa qies li l-grupp il-ġdid kien ser jiġi mibdul minn mudell ta’ negozju mhux sostenibbli, sistema dgħajfa ta’ governanza u kontroll intern li intiret miż-żewġ entitajiet li kellhom jiġu amalgamati, kif ukoll strateġija xejn ċara sabiex jingħelbu dawn il-problemi, u kien ser ikollu livell baxx ta’ fondi proprji, li jippreżenta riskju għoli ta’ ksur tar-rekwiżiti prudenzjali. Huwa qies li, indipendentement mill-amalgamazzjoni prevista u meta jitqies biss il-bank fil-mira, l-akkwist propost kien ser ikollu impatt negattiv fuq il-kapaċità ta’ dan il-bank li jirrimedja d-dgħufijiet attwali tiegħu.

41      Konsegwentement, il-BĊE qies li lanqas il-kriterju ta’ osservanza tar-rekwiżiti prudenzjali ma kien issodisfatt.

42      Il-BĊE kkonkluda li, peress li la l-kriterju ta’ solidità finanzjarja tal-akkwirent proposta u lanqas dak ta’ osservanza tar-rekwiżiti prudenzjali ma kienu ssodisfatti, huwa kellu jopponi l-akkwist propost, mingħajr ma jeżamina dan l-akkwist fid-dawl tal-kriterji l-oħra previsti fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1, u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95), kif traspost fid-dritt Latvjan.

43      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrent, CR u CT ippreżentaw dan ir-rikors.

II.    Fatti li seħħew wara lpreżentata tarrikors

44      Fil‑15 ta’ Awwissu 2019, il-BĊE kkonkluda li r-rikorrent kien qiegħed ifalli jew x’aktarx li kien ser ifalli fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1). Fl-istess jum, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem il-“BUR”) iddeċieda li ma jadottax skema ta’ riżoluzzjoni fis-sens tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament fir-rigward tar-rikorrent.

45      Fit‑22 ta’ Awwissu 2019, il-KSFK talbet lir-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme, il-Latvja) tiddikjara lir-rikorrent insolventi.

46      Fit‑12 ta’ Settembru 2019, ir-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme) iddikjarat lir-rikorrent insolventi. Hija ħatret prattikant fl-insolvenza u ttrasferixxiet lilu s-setgħat kollha tar-rikorrent u tal-bord tad-diretturi tiegħu. Hija ċaħdet it-talba tal-bord tad-diretturi tar-rikorrent li jżomm id-drittijiet tiegħu li jirrappreżenta lil dan tal-aħħar fil-kuntest tar-rikors kontra l-valutazzjoni tal-BĊE, tal‑15 ta’ Awwissu 2019, li kkonstatat li r-rikorrent kien qiegħed ifalli jew x’aktarx li kien ser ifalli, kontra d-deċiżjoni tal-BUR, tal-istess jum, li ma jadottax skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tiegħu, u kontra d-deċiżjoni tal-KSFK li tinbeda proċedura ta’ insolvenza. Dik il-qorti żiedet li dan ma kienx jeskludi l-possibbiltà għall-bord tad-diretturi tar-rikorrent li jressaq talba separata lill-prattikant fl-insolvenza fir-rigward tad-drittijiet ta’ rappreżentanza f’kompiti speċifiċi.

47      Fit‑12 ta’ Settembru 2019 ukoll, il-KSFK talbet lill-BĊE jirtira l-approvazzjoni tar-rikorrent.

48      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Ottubru 2019 (Kawża T‑732/19), ir-rikorrent kif ukoll azzjonisti attwali jew potenzjali oħra tar-rikorrent talbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-BUR tal‑15 ta’ Awwissu 2019 li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tar-rikorrent.

49      Fil‑21 ta’ Diċembru 2019, A waqaf jokkupa l-kariga tiegħu ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Latvja.

50      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Jannar 2020 (Kawża T‑50/20), ir-rikorrent talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE tad‑19 ta’ Novembru 2019 li tirrifjuta li tordna lill-prattikant fl-insolvenza jagħti lill-avukat imqabbad mill-bord tad-diretturi tar-rikorrent aċċess għall-bini tiegħu, għall-informazzjoni li huwa għandu kif ukoll għall-persunal tiegħu u għar-riżorsi tiegħu.

51      Fis‑17 ta’ Frar 2020, il-BĊE rtira l-awtorizzazzjoni tar-rikorrent. Dan l-irtirar daħal fis-seħħ l-għada.

52      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ April 2020 (Kawża T‑230/20), ir-rikorrent ippreżenta rikors kontra dik id-deċiżjoni.

III. Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

53      Fl‑10 ta’ Settembru 2019, il-BĊE ppreżenta risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

54      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-BĊE. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Ottubru 2019, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent tal-Kummissjoni.

55      Fl‑4 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni ppreżentat nota ta’ intervent fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

56      Fit‑28 ta’ April 2020, il-President tar-Raba’ Awla ddeċieda, skont l-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li jissospendi l-proċedura sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑50/20. Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Marzu 2021, PNB Banka vs BĊE (T‑50/20, EU:T:2021:141), il-Qorti Ġenerali tat id-deċiżjoni tagħha f’dik il-kawża u l-proċedura f’din il-kawża kompliet minn dik id-data.

57      Fit‑28 ta’ April 2021, u sussegwentement fit‑28 ta’ Ġunju 2021, ir-rikorrent, CR u CT talbu sospensjoni tal-proċedura, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet fil-Kawża C‑321/21 P, dwar l-appell mid-digriet tat‑12 ta’ Marzu 2021, PNB Banka vs BĊE (T‑50/20, EU:T:2021:141). Fl‑20 ta’ Mejju 2021, u sussegwentement fis‑6 ta’ Awwissu 2021, il-President tar-Raba’ Awla ddeċieda, wara li sema’ lill-BĊE, li ma jissospendix il-proċedura.

58      Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Lulju 2021, ir-rappreżentant tar-rikorrent informa lill-Qorti li huwa ma kienx ser jirrappreżenta iktar lil CR u lil CT. Permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Diċembru 2021, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla), abbażi tal-Artikolu 131(2) tar-Regoli tal-Proċedura, iddeċidiet li ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors sa fejn dan ġie ppreżentat minn CR u minn CT.

59      Id-data ta’ skadenza għall-preżentata tar-replika fl-aħħar lok kienet stabbilita għat‑30 ta’ Settembru 2021. Ir-rikorrent ma ppreżentax replika fit-terminu stabbilit.

60      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

61      Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

IV.    Iddritt

A.      Fuq leżistenza ta’ mandat tarrappreżentant li ppreżenta rrikors f’isem irrikorrent

62      Skont l-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-parti li jkunu qegħdin jirrappreżentaw tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, l-avukati għandhom jippreżentaw fir-Reġistru mandat maħruġ minn din tal-aħħar.

63      Fil-proċess hemm mehmuż mandat maħruġ mill-President tal-bord tad-diretturi tar-rikorrent fil‑5 ta’ Marzu 2019 (Anness A.2).

64      Ir-rikorrent isostni li l-prattikant fl-insolvenza rrifjuta li l-avukat maħtur minnu sabiex jirrappreżentah ikollu aċċess għad-dokumenti tiegħu, għall-bini tiegħu, għall-persunal tiegħu u għar-riżorsi tiegħu. Huwa pproduċa, fil-kuntest tat-tweġiba tiegħu tat‑13 ta’ Marzu 2020 għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ittra mingħand il-prattikant fl-insolvenza tas‑16 ta’ Settembru 2019 li tindika li l-avukat tiegħu kellu, l-ewwel, “jippreżenta lill-prattikant [fl-insolvenza] rapport bil-miktub dwar l-istat ta’ progress tal-ftehim [dwar il-provvista ta’ servizzi legali], li jindika fid-dettall l-istruzzjonijiet mogħtija [mir-rikorrent], il-kompiti mwettqa [mill-avukat] u jekk effettivament hemmx xi xogħol li għaddej”, it-tieni, “jinforma lill-prattikant [fl-insolvenza] dwar il-ħlasijiet […]”, u t-tielet, “ma jwettaq l-ebda attività f’isem [ir-rikorrent] mingħajr ma jikkonsulta lill-prattikant [fl-insolvenza] minn qabel, b’mod partikolari fir-rigward tat-twaqqif tal-forniment ta’ servizzi fatturabbli [lir-rikorrent]”.

65      Minkejja l-imsemmija ittra tal-prattikant fl-insolvenza tas‑16 ta’ Settembru 2019, mill-annessi tal-proċess ma jirriżultax, u lanqas ma huwa allegat mir-rikorrent jew mill-BĊE, li l-prattikant fl-insolvenza rrevoka l-mandat maħruġ mill-President tal-bord tad-diretturi tar-rikorrent fil‑5 ta’ Marzu 2019. L-imsemmija ittra ma ssemmix tali revoka, għalkemm tindika li l-avukat maħtur mill-President tal-bord tad-diretturi ma għandu jwettaq l-ebda attività f’isem ir-rikorrent mingħajr ma jikkonsulta lill-prattikant fl-insolvenza minn qabel.

66      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrent ippreżenta mandat li jawtorizza lill-avukat tiegħu jippreżenta rikors skont l-Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

B.      Fuq ittalbiet għassospensjoni talproċedura ppreżentati fit28 ta’ April 2021, u sussegwentement fit28 ta’ Ġunju 2021

67      Fit‑28 ta’ April 2021, u sussegwentement fit‑28 ta’ Ġunju 2021, ir-rikorrent talab is-sospensjoni tal-proċedura. Insostenn tat-talbiet tiegħu għas-sospensjoni, huwa sostna li kien jeħtieġ aċċess għall-bini tiegħu, għall-fajls tiegħu u għar-riżorsi finanzjarji tiegħu u li l-prattikant fl-insolvenza ma kienx qiegħed jikkoopera sabiex jiżgura r-rappreżentanza effettiva tar-rikorrent, minkejja s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923).

68      Għalkemm il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata li tagħti r-raġunijiet li għalihom hija tiddeċiedi li tissospendi proċedura jew le, skont l-Artikolu 69(c) jew (d) tar-Regoli tal-Proċedura, hija tqis li huwa utli, b’mod eċċezzjonali, li tindika dan li ġej.

69      Id-deċiżjoni li tissospendi proċedura jew le, abbażi tal-Artikolu 69(c) jew (d) tar-Regoli tal-Proċedura, taqa’ taħt il-kompetenza diskrezzjonali tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal‑20 ta’ Ottubru 2011, DTL vs UASI, C‑67/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:683, punti 32 u 33; tal‑15 ta’ Ottubru 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑554/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:629, punt 37, u tas‑17 ta’ Jannar 2018, Josel vs EUIPO, C‑536/17 P, mhux ippubblikat, EU:C:2018:14, punt 5).

70      F’dan il-każ, fit‑28 ta’ April 2020, il-proċedura ġiet sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑50/20, li permezz tagħha r-rikorrent kien talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-BĊE tad‑19 ta’ Novembru 2019 li tirrifjuta li tordna lill-prattikant fl-insolvenza jagħti lill-avukat imqabbad mill-bord tad-diretturi tar-rikorrent l-aċċess għall-bini tiegħu, għall-informazzjoni tiegħu kif ukoll għall-persunal u għar-riżorsi tiegħu.

71      Permezz tad-digriet tat‑12 ta’ Marzu 2021, PNB Banka vs BĊE (T‑50/20, EU:T:2021:141), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-rikorrent. Hija kkunsidrat b’mod partikolari li l-BĊE manifestament ma kellux il-kompetenza li jilqa’ t-talba tal-bord tad-diretturi tar-rikorrent li jordna lill-prattikant fl-insolvenza jagħti aċċess lill-avukat imqabbad minn dan il-bord għall-bini, għall-informazzjoni, għall-membri tal-persunal u għar-riżorsi tar-rikorrent (punt 73). Hija qieset ukoll li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, bħal dik li r-rikorrent huwa s-suġġett tagħha, bi tweġiba għal kwalunkwe talba għal aċċess għad-dokumenti, għall-bini, għall-persunal jew għar-riżorsi tal-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni, fil-prinċipju huma suġġetti għal stħarriġ mill-qrati nazzjonali, li jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE fil-każ li jsibu diffikultajiet fl-interpretazzjoni jew fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (punt 72).

72      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, minkejja b’mod partikolari s-sospensjoni tal-proċedura mit‑28 ta’ April 2020 sat‑12 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrent la jistabbilixxi u lanqas biss jallega, inkluż fit-talba tiegħu għas-sospensjoni tal-proċedura tat‑28 ta’ Ġunju 2021, li beda proċedura ġudizzjarja kontra l-prattikant fl-insolvenza, li madankollu jakkużah, quddiem il-Qorti Ġenerali, li ċaħħad lill-avukat imqabbad mill-bord tad-diretturi tiegħu mill-aċċess għall-bini tiegħu, għall-informazzjoni tiegħu, għall-persunal tiegħu u għar-riżorsi tiegħu minn tmiem is-sena 2019.

73      Wara li ppreżenta ittri u messaġġi tal-posta elettronika li ġew skambjati mal-prattikant fl-insolvenza fit‑12 u fis‑16 ta’ Settembru 2019 kif ukoll matul ix-xahar ta’ Novembru 2019, ir-rikorrent sempliċement sostna, fit-talba tiegħu għas-sospensjoni tal-proċedura ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ April 2021, li huwa “kien qiegħed iżid l-isforzi tiegħu” fir-rigward tal-prattikant fl-insolvenza u tal-qrati Latvjani, mingħajr ma ppreċiża n-natura tal-imsemmija sforzi.

74      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tat‑12 ta’ Settembru 2019 tar-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme), imsemmija fil-punt 46 iktar ’il fuq, ma jirriżultax li r-rikorrent kien imwaqqaf milli jressaq quddiem il-qrati Latvjani tilwima possibbli mal-prattikant fl-insolvenza. Mhux biss huwa l-każ li din id-deċiżjoni ssemmi li l-possibbiltà tal-bord tad-diretturi tar-rikorrent li jressaq talba separata quddiem il-prattikant fl-insolvenza dwar id-drittijiet ta’ rappreżentazzjoni f’kompiti speċifiċi ma hijiex eskluża, iżda wkoll li s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923), invokata mir-rikorrent biex isostni li l-prattikant fl-insolvenza ma jikkooperax b’mod sodisfaċenti sabiex jiżgura r-rappreżentanza effettiva tar-rikorrent, ingħatat wara dik id-deċiżjoni, u għalhekk ir-rikorrent ma setax jinvoka, a priori, dik is-sentenza bħala element ġdid quddiem il-qorti nazzjonali.

75      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tqis li ma hemmx lok li l-proċedura tiġi sospiża għal darba oħra.

C.      Fuq ilfażi orali talproċedura

76      Skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura:

“1.      Fil-fażi orali tagħha, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tinkludi seduta għas-sottomissjonijiet orali li tiġi organizzata jew ex officio jew fuq it-talba ta’ parti prinċipali.

2.      It-talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali mressqa minn parti prinċipali għandha tindika r-raġunijiet għaliex din il-parti tkun tixtieq tinstema’. […]

3.      Fl-assenza tat-talba msemmija fil-paragrafu 2, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-annessi fil-proċess tal-kawża, tiddeċiedi li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura. […]”

77      Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li, fl-assenza ta’ talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali li tindika r-raġunijiet għaliex parti prinċipali tkun tixtieq tinstema’, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li għandha biżżejjed informazzjoni, tiddeċiedi li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura.

78      L-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tar-Regoli tal-Proċedura tal‑14 ta’ Marzu 2014, aċċessibbli għall-pubbliku fuq is-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tikkonferma barra minn hekk li, fid-dawl b’mod partikolari tar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-ekonomija tal-proċedura, “il-Qorti Ġenerali tixtieq tkun tista’ tiddeċiedi li ma torganizzax seduta jekk tqis li din ma tkunx neċessarj a, sakemm waħda mill-partijiet prinċipali ma tressaqx talba li fiha tindika r-raġunijiet għaliex tkun tixtieq tinstema’.

79      Id-Dispożizzjonijiet Prattiċi għall-Implementazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem id-“DPI”) jipprovdu, fil-punt 142, li l-parti prinċipali li tkun tixtieq tinstema’ f’seduta għas-sottomissjonijiet orali għandha tressaq, f’terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika lill-partijiet tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, talba motivata f’dan is-sens. Huwa ppreċiżat li din il-motivazzjoni għandha tirriżulta minn evalwazzjoni konkreta tal-utilità ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali għall-parti inkwistjoni u għandha tindika l-annessi tal-proċess tal-kawża “jew” l-argumenti li fil-fehma ta’ din il-parti jkun meħtieġ li jiġu żviluppati “jew” ikkontestati b’mod iktar iddettaljat fil-kuntest ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali. Huwa indikat li, sabiex tingħata indikazzjoni aħjar fir-rigward tas-suġġett tad-dibattiti matul din is-seduta, huwa “mixtieq” li l-motivazzjoni ma tkunx ta’ natura ġenerali li tirreferi sempliċement, pereżempju, għall-importanza tal-kawża. Il-punt 143 tad-DPI jipprovdi li, fl-assenza ta’ talba motivata mressqa fit-terminu mogħti minn parti prinċipali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr fażi orali tal-proċedura.

80      Għalhekk, mill-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura kif ukoll mill-punti 142 u 143 tad-DPI jirriżulta li, fl-assenza ta’ talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali jew fil-preżenza ta’ talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali mingħajr motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura, jekk tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-annessi tal-proċess tal-kawża.

81      F’dan il-każ, ir-rikorrent, permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Novembru 2021, esprima l-fehma tiegħu dwar l-organizzazzjoni ta’ seduta f’dawn it-termini:

“1. Nikkonferma li, għar-raġunijiet li spjegajt fid-dettall, attwalment ma hemm l-ebda rappreżentazzjoni effettiva [tar-rikorrent]. Bis-sempliċi għan li jiġi osservat it-terminu applikabbli, jiena b’din l-ittra qiegħed nitlob seduta. Madankollu, qabelxejn, għandha tiġi stabbilita mill-ġdid ir-rappreżentanza effettiva [tar-rikorrent].

2. Fiċ-ċirkustanzi attwali il-preparazzjoni għal seduta jew l-attendenza għaliha ma hijiex possibbli.”

82      Mill-imsemmija ittra tad‑29 ta’ Novembru 2021 jirriżulta li t-talba sabiex tiġi organizzata seduta fformulata mir-rikorrent hija nieqsa minn motivazzjoni. Fil-fatt, din it-talba ma tindika l-ebda raġuni li għaliha r-rikorrent jixtieq jinstema’.

83      Barra minn hekk, fl-ittra tiegħu tal‑25 ta’ Ottubru 2021 li tinforma lill-partijiet prinċipali bl-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fakkar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura kif ukoll dawk tal-punt 142 tad-DPI, u ġibed l-attenzjoni tal-partijiet prinċipali lejn il-fatt li, fil-kuntest tal-kriżi tas-saħħa, il-motivazzjoni kellha tissodisfa r-rekwiżiti tal-imsemmi punt 142 tad-DPI.

84      Ċertament, ir-rikorrent sostna, fit-talba tiegħu biex tiġi organizzata seduta, li huwa kien iqis li qiegħed jiġi mċaħħad minn rappreżentazzjoni effettiva.

85      Anki jekk jitqies li r-rikorrent b’dan il-mod kien qiegħed jipprova jiġġustifika b’mod impliċitu l-assenza ta’ motivazzjoni tat-talba tiegħu biex tiġi organizzata seduta, aspett li madankollu ma jirriżultax b’mod ċar mill-imsemmija talba, għandu jiġi kkunsidrat li l-argument tiegħu dwar in-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni effettiva ma jistax jitqies bħala ġustifikazzjoni għall-assenza ta’ motivazzjoni ta’ din it-talba. B’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li r-rikorrent kien imċaħħad minn rappreżentazzjoni effettiva, fis-sens espost minnu, bl-ebda mod ma tipprekludih milli jippreżenta elementi ddettaljati insostenn tat-talba biex tiġi organizzata seduta.

86      Konsegwentement, ladarba r-rikorrent ma ppreżenta l-ebda element ta’ motivazzjoni fit-talba tiegħu biex tiġi organizzata seduta u, barra minn hekk, billi l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ din tal-aħħar kien ġie mfakkar lilu b’mod espliċitu mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija talba biex tiġi organizzata seduta ma tissodisfax l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

87      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali, billi tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-annessi tal-proċess, iddeċidiet li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura, f’konformità mal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

D.      Fuq ilmertu

1.      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq laspett li lperijodu ta’ evalwazzjoni skada qabel ladozzjoni taddeċiżjoni kkontestata

88      Ir-rikorrent isostni li l-perijodu ta’ evalwazzjoni previst fl-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2013/36 skada qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, l-akkwist propost jitqies li ġie approvat jekk l-awtorità superviżorja ma tkunx oġġezzjonat qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu, skont l-Artikolu 22(6) ta’ din id-direttiva, u l-BĊE ma setax, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, jopponi l-akkwist propost.

89      Ir-rikorrent isostni li, fid-data tal-ittra tal-KSFK tal‑25 ta’ Ottubru 2018, kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha sabiex jibda l-perijodu ta’ evalwazzjoni. Dan tal-aħħar beda mhux iktar tard mid‑29 ta’ Ottubru 2018, jumejn ta’ xogħol wara l-imsemmi messaġġ tal-posta elettronika. Fil-fatt, permezz ta’ dan il-messaġġ tal-posta elettronika, u sussegwentement permezz tal-ittra tat‑30 ta’ Ottubru 2018, il-KSFK irrikonoxxiet li hija kienet irċeviet in-notifika tal-akkwist propost kif ukoll id-dokumenti kollha meħtieġa. Ir-rikorrent iżid li, għalkemm huwa minnu li, fil-messaġġ tal-posta elettronika tagħha tal‑25 ta’ Ottubru 2018 u sussegwentement fl-ittra tagħha tat‑30 ta’ Ottubru 2019, il-KSFK iddeskriviet approċċ li huwa differenti mill-proċedura u mit-termini previsti fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36 u li, skont il-KSFK, ġie impost fuqha mill-BĊE, dan l-argument huwa irrilevanti.

90      Il-BĊE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

91      Skont l-Artikolu 22(1), (2) u (6) tad-Direttiva 2013/36:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li kull persuna fiżika jew ġuridika jew tali persuni li jaġixxu b’mod konġunt (l-‘akkwirent propost’), li ħadu deċiżjoni jew li jixtru, b’mod dirett jew indirett, parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu jew li jkomplu jżidu, b’mod dirett jew indirett, tali parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu li, bħala riżultat tagħha, il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital miżmum jilħaq jew jaqbeż l‑20 %, it‑30 % jew il‑50 % jew b’mod li l-istituzzjoni ta’ kreditu ssir sussidjarja tagħha (l-‘akkwist propost’), l-ewwel jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu li fiha jkunu qegħdin jippruvaw jakkwistaw jew iżidu l-parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti bil-miktub qabel l-akkwist, filwaqt li jindikaw id-daqs tal-parteċipazzjoni azzjonarja maħsuba u l-informazzjoni rilevanti, kif speċifikata skont l-Artikolu 23(4) [ta’ dik id-direttiva]. […]

2.      L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrikonoxxu l-wasla ta’ notifika skont il-paragrafu 1 jew ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 3 minnufih u fi kwalunkwe każ fi żmien jumejn ta’ ħidma wara l-wasla bil-miktub lill-akkwirenti propost.

L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom mhux aktar minn 60 jum ta’ ħidma mid-data tal-konferma tal-wasla bil-miktub tan-notifika u d-dokumenti kollha meħtieġa mill-Istat Membru li għandhom jinhemżu man-notifika fuq il-bażi tal-lista msemmija fl-Artikolu 23(4) [ta’ dik id-direttiva] (l-‘perijodu ta’ valutazzjoni’), sabiex iwettqu l-valutazzjoni prevista fl-Artikolu 23(1) [ta’ dik id-direttiva] (l-‘valutazzjoni’).

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-akkwirent propost dwar id-data tal-iskadenza tal-perijodu ta’ valutazzjoni fil-waqt tal-konferma tal-wasla.

[…]

6.      Jekk l-awtoritajiet kompetenti ma jopponux bil-miktub għall-akkwist propost fi żmien il-perijodu ta’ valutazzjoni bil-miktub, dan għandu jitqies bħala approvat.”

92      Skont l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2013/36: “L-Istati Membri għandhom jippubblikaw lista li tispeċifika l-informazzjoni li tkun meħtieġa sabiex issir il-valutazzjoni u li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti fil-mument tan-notifika msemmija fl-Artikolu 22(1) [ta’ dik id-direttiva]. […]”

93      L-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36 ġew trasposti permezz tal-Artikoli 28 u 29 tal-Liġi Latvjana dwar l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif speċifikati fir-Regolament 192 tal-KSFK tat‑28 ta’ Novembru 2017, intitolat “Lista ta’ informazzjoni meħtieġa għan-notifika tal-akkwist jew taż-żieda ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti u prinċipji ġenerali u l-proċedura applikabbli għall-eżami ta’ notifika” (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 192”).

94      L-Artikolu 28 tar-Regolament 192 jipprovdi li l-konferma tal-wasla tan-notifika tal-akkwist propost għandha ssemmi, fost l-oħrajn, li din in-notifika hija kkunsidrata bħala kompleta.

95      Il-Linji Gwida Konġunti tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) dwar il-valutazzjoni prudenzjali ta’ akkwisti u żidiet ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti fis-settur finanzjarj, ippubblikati fl‑20 ta’ Diċembru 2016 (JC/GL/2016/01, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida Konġunti”), jinkludu wkoll preċiżazzjonijiet dwar in-notifika. Kemm il-BĊE kif ukoll il-KSFK indikaw li huma josservaw dawn il-linji gwida f’konformità mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU 2010, L 331, p. 12). Skont it-tieni sentenza tal-punt 9.1 tal-imsemmija linji gwida, in-notifika għandha tiġi kkunsidrata bħala kompleta minn meta tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa stabbilita fil-lista li għandha tiġi ppubblikata f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-finijiet tal-valutazzjoni prudenzjali mill-awtorità superviżorja prudenzjali. It-tielet sentenza tal-punt 9.1 tindika li l-konferma ta’ rċevuta għandha tikkostitwixxi esklużivament pass proċedurali li jirrigwarda l-kompletezza formali tan-notifika, bl-effett li tagħti bidu għall-perijodu ta’ 60 jum ta’ xogħol li matulu għandha titwettaq il-valutazzjoni, u ma tinvolvix reviżjoni sostantiva, mill-awtorità superviżorja tal-bank fil-mira, tad-dokumenti kkomunikati.

96      F’dan il-każ, il-KSFK ikkonfermat li rċeviet in-notifika tal-akkwist propost, f’konformità mal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva Nru 2013/36, kif traspost fid-dritt Latvjan, permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Novembru 2018. Din l-ittra ssemmi b’mod partikolari, f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament 192, li n-notifika hija kompleta.

97      Ir-rikorrent huwa żbaljat meta jsostni li, qabel id-data tat‑23 ta’ Novembru 2018, il-KSFK irrikonoxxiet, permezz tal-messaġġ tal-posta elettronika tagħha tal‑25 ta’ Ottubru 2018 u l-ittra tagħha tat‑30 ta’ Ottubru 2018, li hija kienet irċeviet in-notifika kif ukoll id-dokumenti kollha meħtieġa.

98      Għall-kuntrarju, minn naħa, permezz tal-imsemmi messaġġ tal-posta elettronika tal‑25 ta’ Ottubru 2018, imsemmi fl-imsemmija ittra tat‑30 ta’ Ottubru 2018, il-KSFK informat lir-rikorrent li l-BĊE kien qiegħed jivverifika jekk in-notifika kinitx kompleta. Min-naħa l-oħra, permezz ta’ dik l-ittra tat‑30 ta’ Ottubru 2018, hija informat lir-rikorrent li r-rapporti sottomessi ma kinux kompleti u li l-proċedura ta’ valutazzjoni ma kinitx bdiet. Hija żiedet tgħid li kienet ser tinforma lir-rikorrent b’ittra separata x’inhi l-informazzjoni nieqsa. Fil‑31 ta’ Ottubru 2018, hija kkomunikat lir-rikorrent il-lista bl-imsemmija informazzjoni.

99      Konsegwentement, la l-messaġġ tal-posta elettronika tal‑25 ta’ Ottubru 2018 u lanqas l-ittra tat‑30 ta’ Ottubru 2018 mill-KSFK ma kienu jikkostitwixxu konferma tal-wasla tan-notifika, fis-sens tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2013/36, kif traspost fid-dritt Latvjan.

100    Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jallegax li l-informazzjoni mitluba mill-KSFK fl-ittra tagħha tal‑31 ta’ Ottubru 2018 ma kinitx neċessarja għall-valutazzjoni u ma kellhiex għalfejn tiġi kkomunikata lill-KSFK fil-mument tan-notifika, f’konformità mal-Artikolu 22(1) u l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2013/36, kif trasposti fid-dritt Latvjan. B’mod partikolari, ir-rikorrent ma jindikax li din l-informazzjoni ma hijiex imsemmija fir-Regolament 192, li jistabbilixxi l-lista tal-informazzjoni li hija neċessarja għall-valutazzjoni u li għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti fil-mument tan-notifika msemmija fl-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2013/36, u fl-annessi ta’ dak ir-regolament.

101    Sussidjarjament, għandu jiġi rrilevat li l-BĊE jsostni, mingħajr ma ġie kontradett, li, fil-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ppreżentat fid‑19 ta’ Ottubru 2018, kienet nieqsa ċerta informazzjoni meħtieġa skont l-Anness 9 tar-Regolament 192, jiġifieri, l-ewwel, pjan għall-implimentazzjoni tal-għan segwit mill-akkwist propost, it-tieni, ir-riżultati finanzjarji previsti għat-tliet snin li ġejjin (fil-livell individwali u fil-livell ikkonsolidat), it-tielet, il-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi, il-kompożizzjoni tal-bord superviżorju u l-obbligi tiegħu kif ukoll il-kompożizzjoni tal-kumitati prinċipali tal-istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti mill-bord tad-diretturi jew mill-bord superviżorju, inkluża l-informazzjoni dwar il-persuni li jmexxu jew li ser imexxu l-istituzzjoni finanzjarja u l-kumitati tagħha.

102    Konsegwentement, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li, mill‑25 ta’ Ottubru 2018, kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex jibda l-perijodu ta’ valutazzjoni.

103    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilksur talproċedura prevista flArtikolu 15 tarRegolament Nru 1024/2013 u lArtikoli 85 sa 87 tarRegolament Nru 468/2014

104    Ir-rikorrent isostni li l-KSFK u l-BĊE ma kkonformawx mar-regoli tal-proċedura applikabbli f’dan il-każ, li huma stabbiliti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013 u fl-Artikoli 85 sa 87 tar-Regolament tal-BĊE (UE) Nru 468/2014 tas‑16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ĠU 2014, L 141, p. 1), peress li l-KSFK ma ppreżentat l-ebda proposta għal deċiżjoni.

105    Ir-rikorrent isostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn difett proċedurali sa fejn ir-rekwiżiti regolatorji ta’ fondi proprji li fuqhom hija fondata ġew iddefiniti biss f’ittra rċevuta fl‑1 ta’ Marzu 2019, ħafna wara n-notifika tal-akkwist propost, fi żmien meta r-rikorrent ma kienx għad għandu l-possibbiltà li jemenda dik in-notifika. Barra minn hekk, il-BĊE naqas milli jqis il-fatt li r-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti mill-KSFK ġew ikkontestati mir-rikorrent u huma s-suġġett ta’ stħarriġ.

106    Il-BĊE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

107    Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-eżenzjonijiet previsti fil-punt (c) tal-Artikolu 4(1) [ta’ dan ir-regolament], kwalunke notifika ta’ akkwist ta’ holding [parteċipazzjoni] kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Stat Membru parteċipanti jew kwalunke informazzjoni relatata għandha tiġi introdotta mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru fejn l-istituzzjoni ta’ kreditu hija stabbilita f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi nazzjonali rilevanti bbażata fuq l-atti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) [ta’ dan ir-regolament].

2.      L-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tivvaluta l-akkwiżizzjoni proposta, u għandha tibgħat in-notifika u proposta għal deċiżjoni biex tiġi opposta jew ma tiġix opposta l-akkwiżizzjoni, ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-atti msemmijin fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) [ta’ dan ir-regolament], lill-BĊE, tal-inqas għaxart ijiem qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ valutazzjoni rilevanti kif iddefinit fid-dritt rilevanti tal-Unjoni, u għandha tgħin lill-BĊE f’konformità mal-Artikolu 6 [ta’ dak ir-regolament].

3.      Il-BĊE għandu jiddeċiedi jekk jopponix l-akkwiżizzjoni abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fid-dritt rilevanti tal-Unjoni u f’konformità mal-proċedura u fil-perijodi ta’ valutazzjoni stabbiliti fih.”

108    Fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013 u l-Artikoli 85 sa 87 tar-Regolament Nru 468/2014 peress li l-KSFK ma ppreżentatx proposta għal deċiżjoni lill-BĊE, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa infondat fil-fatti. Kif jirriżulta mill-punti 1.3 u 2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-KSFK ippreżentat proposta għal deċiżjoni lill-BĊE fl‑1 ta’ Marzu 2019, li ġiet prodotta quddiem il-Qorti Ġenerali.

109    Fit-tieni lok, ir-rikorrent jinvoka l-eżistenza ta’ difett proċedurali, sa fejn il-BĊE bbaża ruħu fuq rekwiżiti regolatorji ta’ fondi proprji li ġew stabbiliti mill-KSFK biss permezz ta’ ittra li r-rikorrent jindika li rċieva fl‑1 ta’ Marzu 2019, wara n-notifika tal-akkwist propost.

110    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li la l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013, u lanqas l-Artikoli 85 sa 87 tar-Regolament Nru 468/2014, invokati mir-rikorrent, ma jipprekludu lill-BĊE milli jibbaża ruħu fuq fatt sussegwenti għan-notifika tal-akkwist propost. Ir-rikorrent ma jinvoka l-ebda dispożizzjoni jew prinċipju oħra insostenn tal-argument tiegħu.

111    Konsegwentement, sa fejn il-BĊE bbaża ruħu fuq rekwiżiti regolatorji ta’ fondi proprji stabbiliti mill-KSFK wara n-notifika, il-proċedura ma hijiex ivvizzjata minn difett fir-rigward tad-dispożizzjonijiet invokati mir-rikorrent.

112    Barra minn hekk, kif isostni ġustament il-BĊE, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(1)(d) tad-Direttiva 2013/36, kif trasposti fid-dritt Latvjan qabel in-notifika tal-akkwist propost, jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu għandhiex il-kapaċità li tikkonforma u tkompli tikkonforma mar-rekwiżiti prudenzjali.

113    Il-punt 13.4 tal-Linji Gwida Konġunti jindika barra minn hekk li l-awtorità superviżorja tal-bank fil-mira għandha tivvaluta l-kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jikkonforma, fid-data tal-akkwist propost, u li jkompli jikkonforma “wara l-akkwist”, mar-rekwiżiti prudenzjali kollha.

114    Mill-Artikolu 23(1)(d) tad-Direttiva 2013/36 jirriżulta li, kif isostni ġustament il-BĊE, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu valutazzjoni prospettiva tal-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali mill-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata.

115    Konsegwentement, il-BĊE kellu d-dritt li jieħu inkunsiderazzjoni, fil-punt 2.3.1 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rekwiżit totali ta’ kapital SREP għas-sena 2019, li ġie ffissat mill-KSFK f’ittra li r-rikorrent jindika li rċieva fl‑1 ta’ Marzu 2019, meta huwa vvaluta jekk il-grupp il-ġdid kienx jirriskja li ma jikkonformax mar-rekwiżiti regolatorji ta’ fondi proprji li għalihom ser ikun suġġett.

116    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-BĊE, sabiex jivvaluta l-kapaċità tal-grupp il-ġdid li jikkonforma mar-rekwiżiti prudenzjali, ibbaża ruħu, fil-punt 2.3.1 tad-deċiżjoni kkontestata, mhux biss fuq ir-rekwiżit totali ta’ kapital SREP għas-sena 2019, iżda wkoll fuq ir-rekwiżit totali ta’ kapital SREP applikabbli għar-rikorrent fl‑2018. Għalhekk, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit totali ta’ kapital SREP għas-sena 2019, skont ix-xenarju ta’ referenza, il-proporzjon totali ta’ fondi proprji tal-grupp il-ġdid previst għall-aħħar tas-sena 2019 kien jammonta biss għal 12.91 %, jiġifieri livell iktar baxx mill-OCR li kellu jikkonforma miegħu r-rikorrent għas-sena 2018 (13.55 %).

117    Fl-aħħar, sa fejn ir-rikorrent jindika li r-rekwiżiti stabbiliti mill-KSFK fir-rigward tal-fondi proprji ġew ikkontestati, għandu jiġi kkunsidrat, kif ġustament jindika l-BĊE, li l-proċedura ġudizzjarja quddiem il-qrati Latvjani ma għandhiex effett sospensiv u ma kinitx tipprekludi lill-BĊE milli jibbaża ruħu parzjalment fuq ir-rekwiżit totali ta’ kapital SREP għas-sena 2019.

118    Fit-tielet lok, anki jekk jiġi preżunt, kif isostni l-BĊE, li r-rikorrent jista’ jitqies li qajjem, insostenn tat-tieni motiv, argument li l-BĊE kien intervjena b’mod żbaljat fil-proċedura qabel it-trażmissjoni mill-KSFK ta’ proposta għal deċiżjoni, li ma huwiex il-każ, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

119    Fil-fatt, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħżel proċedura amministrattiva li tipprevedi l-adozzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ atti preparatorji għal deċiżjoni finali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li tipproduċi effetti legali u li tista’ tikkawża preġudizzju, huwa jfittex li jistabbilixxi, bejn dik l-istituzzjoni u dawk l-awtoritajiet nazzjonali, mekkaniżmu partikolari ta’ kooperazzjoni bbażat fuq il-kompetenza deċiżjonali esklużiva tal-istituzzjoni tal-Unjoni (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 48).

120    Skont l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1024/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 15(3) ta’ dan l-istess regolament u mal-Artikolu 87 tar-Regolament Nru 468/2014, il-BĊE għandu l-kompetenza deċiżjonali esklużiva dwar jekk jawtorizzax l-akkwist propost jew le, fi tmiem il-proċedura prevista b’mod partikolari fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1024/2013 kif ukoll fl-Artikoli 85 u 86 tar-Regolament Nru 468/2014 (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 54).

121    Fil-kuntest tar-relazzjonijiet irregolati mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1024/2013, ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali jikkonsisti, kif jirriżulta b’mod ċar minn dik id-dispożizzjoni, mill-Artikolu 15(1) u (2) tal-istess regolament u mill-Artikoli 85 u 86 tar-Regolament Nru 468/2014, f’li jirreġistraw it-talbiet għal awtorizzazzjoni, li jassistu lill-BĊE, l-uniku detentur tas-setgħa deċiżjonali, b’mod partikolari billi jikkomunikawlu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, billi jeżaminaw l-imsemmija talbiet, u mbagħad billi jibgħatu lill-BĊE proposta għal deċiżjoni li ma torbotx lil dan tal-aħħar u li, barra minn hekk, in-notifika tagħha lill-applikant ma hijiex prevista mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 55).

122    Fid-dawl tal-mekkaniżmu partikolari ta’ kollaborazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi bejn il-BĊE u l-awtorità kompetenti nazzjonali għall-eżami tat-talbiet għal awtorizzazzjoni qabel kull akkwist jew żieda fil-parteċipazzjonijiet kwalifikanti fl-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-BĊE jista’ jintervjeni fil-proċedura qabel it-trażmissjoni minn dik l-awtorità tal-proposta għal deċiżjoni prevista fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 1024/2013 u saħansitra anki mill-bidu tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona, C‑219/17, EU:C:2018:502, punti 91, 95, 98 u 101).

123    L-Artikolu 85(1) tar-Regolament Nru 468/2014 jipprevedi barra minn hekk li l-awtorità nazzjonali kompetenti li tirċievi notifika ta’ intenzjoni li tiġi akkwistata parteċipazzjoni kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Stat Membru parteċipanti għandha tinforma lill-BĊE dwar dik in-notifika “sa mhux aktar tard minn” ħamest ijiem tax-xogħol wara l-konferma tal-irċevuta skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2013/36.

124    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.      Fuq issitt motiv, ibbażat fuq żnaturament talfatti rilevanti

125    F’dan il-każ, huwa xieraq li jiġi eżaminat is-sitt motiv, ibbażat fuq żnaturament tal-fatti rilevanti, immedjatament wara l-ewwel u t-tieni motivi, dwar ksur tar-regoli proċedurali, u qabel it-tielet motiv, dwar il-ksur tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36.

126    Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti. Id-deċiżjoni kkontestata ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-akkwist propost jinvolvi kontribuzzjoni kbira minn CR għall-kapital tar-rikorrent, meta dan huwa fatt essenzjali.

127    Il-BĊE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

128    Permezz tas-sitt motiv tiegħu, ir-rikorrent għandu jitqies li qajjem motiv ibbażat fuq l-aspett li l-BĊE wettaq żball ta’ fatt fir-rigward tal-kontribuzzjoni għall-kapital tar-rikorrent li tirriżulta mill-akkwist propost.

129    Dan il-motiv huwa infondat fil-fatti.

130    Għall-kuntarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, il-BĊE fil-fatt qies il-fatt li l-akkwist propost kien jinvolvi “injezzjoni ta’ kapital” favur ir-rikorrent. Huwa ppreċiża li din l-“injezzjoni ta’ kapital” kienet tirriżulta minn ftehim ta’ skambju ta’ ishma bejn CR u ċerti azzjonisti tal-bank fil-mira. Huwa kkunsidra li din l-“injezzjoni ta’ kapital” ma kinitx tali li ssostni l-konklużjoni li CR kellu l-intenzjoni li jipprovdi għajnuna addizzjonali fil-futur u li, fuq kollox, ma kinitx tpoġġi f’dubju n-neċessità li tiġi vvalutata s-solidità finanzjarja tal-akkwirenti proposti kollha. Huwa qies li din l-“injezzjoni ta’ kapital” kien ser ikollha effett pożittiv fuq il-proporzjonijiet ta’ fondi proprji tar-rikorrent skont il-perimetru attwali tiegħu. Madankollu, huwa kkunsidra li, minkejja dan l-effett, ir-rikorrent ma setax jitqies li kien f’qagħda soda finanzjarjament, minħabba n-nuqqasijiet finanzjarji tiegħu, jiġifieri l-profittabbiltà negattiva tiegħu, il-livell għoli ta’ self li ma jrendix tiegħu u l-qbiż tal-limiti ta’ esponiment għal skoperturi kbar. Huwa kkunsidra wkoll li, minkejja dan l-effett pożittiv, il-kapaċità tal-grupp il-ġdid li jikkonforma mar-rekwiżiti prudenzjali ma ġietx stabbilita (tweġiba għall-osservazzjonijiet, paġni 5 sa 7).

131    Iċ-ċirkustanza li r-riferiment għal din l-“injezzjoni ta’ kapital” jinsab fit-tweġiba għall-osservazzjonijiet hija irrilevanti, peress li din tal-aħħar hija annessa mad-deċiżjoni kkontestata u għandha titqies bħala parti integrali mill-imsemmija deċiżjoni.

132    Konsegwentement, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, il-BĊE qies il-fatt li l-akkwist propost kien jinvolvi “injezzjoni ta’ kapital” favur ir-rikorrent, għal motivi li, barra minn hekk, ma humiex ivvizzjati b’ineżattezza.

133    Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

4.      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati talkriterji ta’ valutazzjoni talArtikolu 23 tadDirettiva 2013/36

134    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-BĊE ma kkonformax mar-rekwiżit ta’ motivi raġonevoli stabbilit fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36. Huwa jqis li akkwist għandu jiġi opponut biss jekk ikollu effett negattiv sinjifikattiv meta mqabbel mas-sitwazzjoni li fiha ma jsirx l-akkwist propost. Il-Linji Gwida Konġunti jindikaw li “l-akkwist propost m’għandux jaffettwa ħażin il-konformità tal-impriża fil-mira mar-rekwiżiti prudenzjali”. Issa, il-BĊE oppona l-akkwist propost f’dan il-każ minħabba li t-titjib li kien ser jirriżulta minn dan l-akkwist kien insuffiċjenti. Il-perspettiva tal-BĊE twassal sabiex l-akkwist propost ma jkunx jista’ jsir anki jekk l-effetti tiegħu jkunu pożittivi fil-livell regolamentari.

135    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju tas-solidità finanzjarja, ir-rikorrent isostni li, fir-rigward tal-kapaċità tal-akkwirent propost li jżomm struttura finanzjarja solida fil-futur prevedibbli, il-BĊE ma kkonkludiex li l-akkwist propost kien ser ikollu effett negattiv sinjifikattiv. Huwa jippreċiża li, mill-perspettiva tar-rekwiżiti tal-fondi proprji, dan l-akkwist kien ser iwassal għal titjib anki fix-xenarju l-iktar negattiv. Il-BĊE jonqos milli jqabbel l-akkwist propost u x-xenarju li fih iż-żewġ banek ma jiġux awtorizzati biex jifformaw grupp ġdid.

136    Fir-rigward tad-dubji serji dwar jekk l-akkwirenti indiretti proposti kinux realment lesti li jsostnu l-bank fil-mira fil-każ ta’ bżonn, ir-rikorrent iqis li l-BĊE jikkritika b’mod żbaljat lill-akkwirenti indiretti proposti talli impenjaw ruħhom li jsostnu l-grupp il-ġdid fil-każ ta’ kriżi. Il-BĊE kkritika b’mod inġustifikabbli, fit-tweġiba għall-osservazzjonijiet, il-fatt li CR kien qiegħed jistenna li jintemm kull trattament arbitrarju u diskriminatorju min-naħa tal-awtoritajiet Latvjani. Huwa ma stabbilixxiex li l-fatti ddenunzjati minn CR, jiġifieri li A stiednu jħallas kickbacks u eżerċita pressjoni sabiex jitħallsu ħalli jevita trattament diskriminatorju, kienu ineżatti. Huwa kkritika b’mod inġustifikat il-fatt li ċerti dikjarazzjonijiet dwar ir-rieda li jiġi sostnut il-bank kienu jinkludu l-kliem “jekk dan jirriżulta li huwa xieraq”.

137    Ir-rikorrent isostni li teżisti kontradizzjoni bejn id-dubji allegati fir-rigward tar-rieda ta’ CR li jsostni l-bank fil-mira u l-fatt li l-akkwist propost jikkostitwixxi, mill-perspettiva tar-rikorrent, injezzjoni ta’ kapital ta’ mill-inqas EUR 10 miljun. Madwar 40 % ta’ dan l-akkwist huwa ffinanzjat minn CR.

138    Ir-rikorrent iżid jgħid li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ solidità finanzjarja. Il-BĊE bbaża ruħu b’mod żbaljat fuq l-eżistenza ta’ obbligu ġenerali ta’ finanzjament, fis-sens li l-akkwirent ikun mistenni li jkollu l-kapaċità u r-rieda li jissodisfa, mill-fondi proprji tiegħu, il-ħtiġijiet kollha ta’ finanzjament li l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata tista’ taffaċċja fil-futur. Interpretazzjoni xierqa tal-kriterju ta’ solidità finanzjarja tkun dik, iktar restrittiva, ta’ qagħda finanzjarja soda li ma hijiex ta’ natura li twassal għal aġir problematiku.

139    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kriterju ta’ konformità mar-rekwiżiti prudenzjali, ir-rikorrent iqis li d-deċiżjoni kkontestata tirriżulta minn interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati ta’ dan it-tieni kriterju. Il-BĊE ma kkonkludiex li l-akkwist propost kellu effett negattiv, la għall-bank fil-mira u lanqas għar-rikorrent. Huwa oppona miżura li l-effetti tagħha huma pożittivi.

140    Fir-raba’ u l-aħħar lok, ir-rikorrent iqis li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq żball ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36, sa fejn il-kriterji ta’ valutazzjoni huma kkunsidrati bħala rekwiżiti sostantivi li l-kundizzjonijiet tagħhom iridu jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv. Il-BĊE kellu jivvaluta, fil-kuntest ta’ valutazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji kollha ta’ valutazzjoni kkunsidrati flimkien, jekk kienx hemm riskju sinjifikattiv li ma tkunx żgurata l-ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

141    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argument tar-rikorrent.

142    Skont l-Artikolu 23(1) u (2) tad-Direttiva 2013/36:

“1.      Fil-valutazzjoni tan-notifika prevista fl-Artikolu 22(1) u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(3) [ta’ din id-direttiva], l-awtoritajiet kompetenti għandhom, sabiex jiżguraw il-ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu li fiha jkun qiegħed jiġi propost l-akkwist, u filwaqt li titqies l-influwenza eventwali eżerċitata mill-akkwirent propost fuq dik l-istituzzjoni ta’ kreditu, jivvalutaw l-ideoneità tal-akkwirent propost u s-sodizza finanzjarja tal-akkwist propost skont il-kriterji li ġejjin:

a)      ir-reputazzjoni tal-akkwirent propost;

b)      ir-reputazzjoni, għarfien, ħiliet u l-esperjenza, kif imniżżel fl-Artikolu 91(1) [ta’ din id-direttiva], ta’ kwalunkwe membru tal-korp ta’ ġestjoni u kwalunkwe membru tal-amministrazzjoni għolja li ser imexxi n-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu bħala riżultat tal-akkwist propost;

c)      is-sodizza finanzjarja tal-akkwirent propost, b’mod partikolari fir-rigward tat-tip ta’ negozju li jsir u li jkun previst fl-istituzzjoni ta’ kreditu li fiha jkun qiegħed jiġi propost l-akkwist;

d)      jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu tkunx tista’ tikkonforma u tkompli tikkonforma mar-rekwiżiti prudenzjali bbażati fuq din id-Direttiva u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑25 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, fil-ĠU 2017, L 20, p. 2, u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29)], u fejn applikabbli, liġi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari, id-Direttivi 2002/87/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti tal-investiment f’konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 340)] u 2009/110/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU 2009, L 267, p. 7)], inkluż, jekk il-grupp li tkun ser issir parti minnu jkollux struttura li tippermetti l-eżerċizzju ta’ superviżjoni effikaċi, l-iskambju effikaċi ta’ informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti u d-determinazzjoni tal-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet fost l-awtoritajiet kompetenti;

e)      jekk ikunx hemm motivazzjonijiet raġonevoli għal suspett li, b’rabta mal-akkwist propost, ikun qiegħed jitwettaq jew ġie mwettaq ħasil ta’ flus jew finanzjament ta’ terroristi fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu [(ĠU 2005, L 309, p. 15)], jew li l-akkwist propost seta’ jżid ir-riskju ta’ dan.

2.      L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jopponu l-akkwist propost biss jekk ikun hemm motivazzjonijiet raġonevoli għal dan abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 jew jekk l-informazzjoni pprovduta mill-akkwirent propost ma tkunx kompluta.”

143    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(1) u (2) tad-Direttiva 2013/36 ġew trasposti fid-dritt Latvjan permezz tal-Artikolu 29 tal-Liġi Latvjana dwar l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u permezz tar-Regolament 192.

144    Kif jaqblu l-partijiet, il-BĊE għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jadotta, bħal f’dan il-każ, att relatat mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 86).

145    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Unjoni għalhekk tistħarreġ jekk kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et, C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

a)      Fuq ilkriterju tassolidità finanzjarja talakkwirent propost

146    Ir-rikorrent isostni, fl-ewwel lok, li, sabiex jopponi l-akkwist propost abbażi tal-kriterju tas-solidità finanzjarja, il-BĊE kellu jibbaża ruħu fuq l-eżistenza ta’ effett negattiv sinjifikattiv tal-akkwist propost meta mqabbel mas-sitwazzjoni li fiha dan l-akkwist ma jsirx.

147    Madankollu, la mill-Artikolu 23(1) u (2) tad-Direttiva 2013/36, kif traspost fid-dritt Latvjan, u lanqas mil-Linji Gwida Konġunti, ma jirriżulta li l-BĊE huwa obbligat li juri tali effett sabiex jopponi akkwist propost abbażi tal-kriterju tas-solidità finanzjarja. A fortiori, minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax li l-BĊE huwa obbligat iwettaq l-analiżi kontrofattwali tas-sitwazzjoni li fiha dan l-akkwist ma jsirx.

148    Għall-kuntrarju, l-Artikolu 51 tar-Regolament 192 jiddefinixxi s-solidità finanzjarja tal-akkwirent propost bħala l-kapaċità tiegħu li jiffinanzja l-akkwist propost u li jżomm, fil-futur prevedibbli, struttura finanzjarja solida għalih u għall-impriża fil-mira, mingħajr ma jirreferi għal motiv ta’ oppożizzjoni bbażat fuq l-effett negattiv sinjifikattiv tal-akkwist propost u mingħajr ma jeżiġi l-analiżi tas-sitwazzjoni li fiha dan l-akkwist ma jsirx.

149    Għalkemm ir-rikorrent jinvoka l-punt 13.1 tal-Linji Gwida Konġunti, għandu jiġi kkonstatat li dan tal-aħħar jikkonċerna l-kriterju tal-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali tal-bank fil-mira, u mhux dak tas-solidità finanzjarja tal-akkwirent propost.

150    Konsegwentement, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li l-BĊE kiser l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36 billi oppona l-akkwist propost abbażi tal-kriterju tas-solidità finanzjarja tal-akkwirent propost mingħajr ma wera l-eżistenza ta’ effett negattiv sinjifikattiv ta’ dan l-akkwist.

151    Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-BĊE bbaża ruħu b’mod żbaljat fuq l-eżistenza ta’ obbligu ġenerali ta’ finanzjament, billi qies li, sabiex l-akkwist propost ikun jista’ jiġi awtorizzat fid-dawl tal-kriterju tas-solidità finanzjarja, l-akkwirent propost għandu jkollu l-kapaċità u r-rieda li jissodisfa, mill-fondi proprji tiegħu u b’mod illimitat, il-ħtiġijiet kollha ta’ finanzjament li l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata tista’ taffaċċja fil-futur.

152    Dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata.

153    Fil-fatt, il-BĊE qies, fil-punti 2.2.1 u 2.2.2 ta’ dik id-deċiżjoni, li, fid-dawl tal-qagħda finanzjarja tagħhom, l-akkwirenti proposti ma kinux f’pożizzjoni li jipprovdu sostenn finanzjarju lill-bank fil-mira f’kuntest fejn, fid-dawl tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ppreżentat lill-BĊE, tali sostenn x’aktarx li kien ser ikun neċessarju.

154    B’dan il-mod, il-BĊE ma imponiex fuq l-akkwirenti proposti obbligu ta’ finanzjament illimitat, iżda sempliċement ivvaluta jekk l-akkwirenti proposti kellhomx solidità finanzjarja suffiċjenti sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-kapital tal-grupp il-ġdid kif dawn setgħu jiġu vvalutati fid-dawl tal-informazzjoni li huma stess kienu kkomunikaw.

155    Konsegwentement, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li l-BĊE bbaża ruħu, b’mod żbaljat, fuq l-eżistenza ta’ obbligu ġenerali ta’ finanzjament għall-akkwirenti proposti għandu jiġi miċħud.

156    Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jikkontestax id-diffikultajiet finanzjarji li huwa kien qiegħed jaffaċċja, kif ivvalutati mill-BĊE fil-punt 2.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, huwa ma jikkontestax li, l-ewwel, kien ġarrab telf nett sinjifikattiv matul is-sentejn preċedenti, it-tieni, li kien qiegħed jaffaċċja riskju ta’ kreditu għoli, fid-dawl b’mod partikolari ta’ proporzjon tas-self li ma jrendix ta’ 47 % f’nofs is-sena 2018, it-tielet, li l-proporzjonijiet tiegħu ta’ fondi proprji kienu tali li kienu jikkostitwixxu ksur tal-OCR fl‑2018, ir-raba’, li kien kiser il-limiti ta’ skoperturi kbar fir-rigward ta’ diversi kontropartijiet fil-livell tal-grupp u, il-ħames, li kien kiser il-limiti applikabbli għat-tranżazzjonijiet mal-partijiet relatati fir-rigward ta’ CR.

157    Barra minn hekk, ir-rikorrent lanqas ma jikkontesta l-qagħda finanzjarja tal-akkwirenti indiretti proposti, kif ivvalutata mill-BĊE fil-punt 2.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, huwa ma jikkontestax li l-akkwirenti indiretti proposti, b’mod partikolari CR, kienu ddikjaraw ammont baxx ta’ riżorsi finanzjarji, kif ivvalutat mill-BĊE. Għalkemm ir-rikorrent jenfasizza li l-akkwist propost kien ser iwassal għal titjib fil-qagħda tiegħu tal-fondi proprji, huwa ma jikkontestax li l-livelli ta’ fondi proprji tal-grupp il-ġdid ma kinux xierqa fid-dawl tal-profil ta’ riskju mistenni tal-imsemmi grupp u li x’aktarx kienu ser ikunu meħtieġa injezzjonijiet ta’ kapital fil-futur.

158    Għaldaqstant, fid-dawl tad-diffikultajiet finanzjarji li kien qiegħed jaffaċċja r-rikorrent, l-ammont baxx ta’ riżorsi tal-akkwirenti indiretti proposti u l-ħtiġijiet probabbli ta’ injezzjonijiet ta’ kapital tal-grupp il-ġdid, il-BĊE ma wettaq l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li la r-rikorrent u lanqas l-akkwirenti indiretti proposti ma kienu f’pożizzjoni li jipprovdu s-sostenn finanzjarju neċessarju lill-bank fil-mira u lill-grupp il-ġdid.

159    Fir-raba’ u l-aħħar lok, ir-rikorrent jikkontesta l-valutazzjoni tal-BĊE, li tinsab fil-punt 2.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienu jeżistu dubji serji fir-rigward tar-rieda tal-akkwirenti indiretti proposti li jsostnu l-bank fil-mira fil-każ ta’ bżonn.

160    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li l-motivi li jinsabu fil-punti 2.2.1 u 2.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar is-solidità finanzjarja tar-rikorrent u tal-akkwirenti indiretti proposti, huma fihom innifishom ta’ natura li jiġġustifikaw il-konklużjoni tal-BĊE, imsemmija fil-punt 2.2.4 ta’ dik id-deċiżjoni, li l-akkwirenti proposti ma setgħux iżommu struttura finanzjarja solida biżżejjed fir-rigward tal-bank fil-mira u l-grupp il-ġdid.

161    Konsegwentement, l-argument tar-rikorrent kontra l-motiv superfluwu fil-punt 2.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

162    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex jikkonkludi li kienu jeżistu dubji serji fir-rigward tar-rieda tal-akkwirenti indiretti proposti li jsostnu l-bank fil-mira f’każ ta’ bżonn, il-BĊE bbaża ruħu fuq in-nuqqas ta’ impenn sod u irrevokabbli li jipprovdu tali appoġġ. F’dan ir-rigward, mit-tweġiba għall-osservazzjonijiet jirriżulta li l-BĊE bbaża ruħu fuq dikjarazzjoni ta’ CR tas‑17 ta’ Ottubru 2018 u fuq ittra tiegħu tat‑12 ta’ Frar 2019. Huwa qies ukoll in-nuqqas sostanzjali ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija lir-rikorrent fil-passat reċenti.

163    Issa, fl-ewwel lok, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-BĊE kkritika lill-akkwirenti proposti li impenjaw ruħhom li jsostnu l-grupp il-ġdid biss f’każ ta’ kriżi.

164    Fit-tieni lok, fid-dikjarazzjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2018, CR indika li r-rieda tiegħu u tal-familja tiegħu li jkompli jsostni r-rikorrent u l-grupp tiegħu fil-futur kienu “kompletament dipendenti” fuq ir-rieda tar-Repubblika tal-Latvja li tikkonkludi ftehim bonarju miegħu sabiex tirrimedja l-problemi arbitrarji u diskriminatorji kollha li huwa u l-familja tiegħu ddikjaraw li ffaċċjaw u li huwa kien qiegħed jattribwixxi lill-KSFK u lil istituzzjonijiet oħra.

165    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, il-BĊE, billi bbaża ruħu fuq id-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 164 iktar ’il fuq, ma kkritikax lil CR talli talab li jintemm it-trattament regolatorju arbitrarju u diskriminatorju allegat. Huwa kkonstata biss li, skont l-imsemmija dikjarazzjoni, is-sostenn ta’ CR u tal-familja tiegħu għar-rikorrent u għall-grupp li jifforma parti minnu kien kundizzjonali. F’dan ir-rigward, il-BĊE ġustament isostni li l-konklużjoni ta’ ftehim bonarju kif mixtieq minn CR kienet tippreżenta livell għoli ta’ inċertezza.

166    Barra minn hekk, il-BĊE kkonstata li, skont ittra ta’ CR tat‑12 ta’ Frar 2019, CR u l-familja tiegħu kienu lesti jipprovdu sostenn finanzjarju lill-bank fil-mira “jekk dan [ikun] xieraq”. L-użu ta’ din l-espressjoni seta’ b’mod validu jitqies mill-BĊE, fid-dawl tad-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 164 iktar ’il fuq, bħala riżerva espressa minn CR u l-familja tiegħu fir-rigward tar-rieda tagħhom li jsostnu l-bank fil-mira f’każ ta’ kriżi.

167    It-tielet, ir-rikorrent jenfasizza li CR kellu l-intenzjoni li jiffinanzja parti sinjifikattiva tal-akkwist propost permezz ta’ ftehim ta’ skambju ta’ ishma konkluż bejnu u bejn ċerti azzjonisti tal-bank fil-mira, li huwa simili għal injezzjoni ta’ kapital.

168    Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma hijiex biżżejjed sabiex jitqies li CR neċessarjament kien ser ikun lest li jsostni l-bank fil-mira u l-grupp il-ġdid fil-futur.

169    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jikkontestax il-kunsiderazzjoni li tinsab fil-punt 2.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, li madankollu tassumi importanza partikolari fir-raġunament tal-BĊE, li tgħid li l-akkwirenti indiretti proposti kienu wrew nuqqas sinjifikattiv ta’ appoġġ finanzjarju fir-rigward tar-rikorrent fil-passat reċenti. F’dan ir-rigward, mit-tweġiba għall-osservazzjonijiet jirriżulta li l-azzjonisti tar-rikorrent, b’mod partikolari CR, ma kinux ipprovdew kapital sabiex jirrimedjaw il-qbiż tal-limitu ta’ skoperturi kbar, li ilu persistenti minn Marzu 2016. Barra minn hekk, kif jindika l-BĊE fir-risposta, ir-riżoluzzjoni tal-qbiż mir-rikorrent tal-limitu għat-tranżazzjonijiet mal-partijiet relatati, ikkawżat mill-għoti ta’ moratorju fuq il-ħlas favur CR għax-xiri ta’ eks sussidjarja Russa tar-rikorrent, kienet tiddependi prinċipalment mir-rieda ta’ CR li jmexxi ’l quddiem id-data ta’ dan il-ħlas iddifferit.

170    Konsegwentement, il-BĊE ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li kienu jeżistu dubji serji fir-rigward tar-rieda tal-akkwirenti indiretti proposti li jsostnu l-bank fil-mira f’każ ta’ bżonn.

171    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li l-BĊE kiser l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36 meta qies li l-kriterju tas-solidità finanzjarja tal-akkwirenti proposti ma kienx issodisfatt.

b)      Fuq ilkriterju talkonformità marrekwiżiti prudenzjali

172    Mill-Artikolu 56 tar-Regolament 192 jirriżulta li l-KSFK għandha tivvaluta jekk il-bank ikkonċernat jissodisfax il-kriterju tal-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kapaċità tiegħu li jikkonforma ma’ dawn ir-rekwiżiti fir-rigward tal-fondi proprji, il-likwidità, il-limiti dwar skoperturi kbar, il-kontroll intern, il-ġestjoni tar-riskji u l-konformità, fid-data tal-eżami tan-notifika u wara l-akkwist ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti.

173    Ir-rikorrent isostni li l-BĊE ma kkonkludiex li l-akkwist propost kien ser ikollu effett negattiv, la għalih u lanqas għall-bank fil-mira. Huwa jinvoka l-punt 13.1 tal-Linji Gwida Konġunti, li jgħid li l-akkwist propost ma għandux jaffettwa ħażin il-konformità tal-impriża fil-mira mar-rekwiżiti prudenzjali. Huwa jżid jgħid li l-akkwist propost għandu effetti pożittivi.

174    Madankollu, il-konformità mal-kriterju tal-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali ma għandhiex tiġi evalwata mill-perspettiva tal-akkwirent propost, iżda mill-perspettiva tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata mill-akkwist propost, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 23(1)(d) tad-Direttiva 2013/36, kif traspost fid-dritt Latvjan mill-punt (4) tal-Artikolu 29(5) tal-Liġi Latvjana dwar l-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jikkontestax dan.

175    Konsegwentement, anki jekk mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-akkwist propost għandu effetti pożittivi fuq il-fondi proprji tar-rikorrent, dan ma jsostnix il-konklużjoni li l-bank fil-mira ser jikkonforma mar-rekwiżiti prudenzjali.

176    Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-konformità mal-kriterju tal-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali għandha tiġi evalwata mhux biss mill-perspettiva tal-bank fil-mira, iżda wkoll mill-perspettiva tal-grupp il-ġdid. Lanqas dan ma huwa kkontestat mir-rikorrent.

177    Il-punt 13.7 tal-Linji Gwida Konġunti jipprovdi barra minn hekk li l-grupp li l-impriża fil-mira ser issir parti minnu għandu jkollu kapitalizzazzjoni suffiċjenti.

178    Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, anki jekk l-akkwist propost ma jkollux impatt negattiv immedjat fuq il-konformità mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji u ta’ likwidità tal-bank fil-mira biss, dan l-akkwist ikollu impatt negattiv fuq il-kapaċità tal-bank fil-mira li jirrimedja n-nuqqasijiet tiegħu fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali.

179    F’dan ir-rigward, ir-rikorrent ma jikkontestax li, fid-dawl tal-fatt li l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ma jirrimedjax in-nuqqasijiet tar-rikorrent fir-rigward tal-governanza u tal-kontroll intern, kienu jeżistu dubji serji dwar il-kapaċità tiegħu li jimplimenta sistema soda ta’ governanza u ta’ kontroll intern fil-livell tal-bank fil-mira.

180    Fuq kollox, ir-rikorrent ma jikkontestax ċerti motivi tad-deċiżjoni kkontestata. Skont dawn il-motivi, fl-ewwel lok, il-grupp il-ġdid x’aktarx li kien ser jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji, ikun xi jkun ix-xenarju previst mill-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju, filwaqt li jiġi speċifikat, aspett li lanqas ma huwa kkontestat, li x-xenarji negattivi kienu iktar realistiċi mix-xenarju ta’ referenza. Fit-tieni lok, minħabba t-telf nett sinjifikattiv li ġarrab il-bank fil-mira fl‑2017 u fl‑2018 u n-nuqqasijiet identifikati fis-sistema ta’ kontroll intern u tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus ta’ dak il-bank, il-grupp il-ġdid ser ikollu profil ta’ riskju għoli. Fit-tielet lok, il-grupp il-ġdid ser ikun espost għal livell għoli ta’ riskju ta’ kreditu u ser jikser il-limiti ta’ skoperturi kbar. Fir-raba’ lok, fid-dawl tal-fatt li l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ma jirrimedjax in-nuqqasijiet fil-governanza tar-rikorrent u tal-bank fil-mira, kien hemm dubji serji dwar il-kapaċità tal-grupp il-ġdid li jiżgura sistema soda ta’ governanza u ta’ kontroll intern. Fl-aħħar nett, fil-ħames lok, l-istrateġija tal-akkwirenti proposti ma kinitx ċara, b’mod partikolari fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-grupp il-ġdid fil-perijodu ta’ sa 18-il xahar bejn il-konklużjoni tal-akkwist u dik tal-amalgamazzjoni, peress li l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju kien fih nuqqasijiet sinjifikattivi f’termini tal-koerenza interna, il-leġibbiltà u d-deskrizzjoni tal-azzjonijiet previsti, li kienu ta’ natura li jżidu d-dubji dwar il-kredibbiltà globali tal-akkwist.

181    Konsegwentement, ir-rikorrent ma jurix li l-akkwist propost għandu effetti pożittivi fir-rigward tal-bank fil-mira, u lanqas, fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-grupp il-ġdid. Ir-rikorrent lanqas ma jallega li l-grupp il-ġdid għandu kapitalizzazzjoni suffiċjenti, kif imsemmi fil-punt 13.7 tal-Linji Gwida Konġunti.

182    Għaldaqstant, fid-dawl b’mod partikolari tad-dubji serji dwar il-kapaċità tal-grupp il-ġdid li jikkonforma mar-rekwiżiti prudenzjali applikabbli, il-BĊE ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li l-kriterju tal-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali ma kienx ġie ssodisfatt u għalhekk ma kisirx l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36, kif traspost fid-dritt Latvjan.

c)      Fuq innuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni talkriterji loħra ta’ valutazzjoni u leżistenza ta’ motivi raġonevoli sabiex jiġi kkontestat lakkwist propost

183    Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2013/36 jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jopponu l-akkwist propost jekk ikunu jeżistu motivi raġonevoli sabiex jagħmlu dan abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dak l-artikolu.

184    Din id-dispożizzjoni ma teżiġix lill-awtorità kompetenti, meta topponi l-akkwist ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, li teżamina, fid-deċiżjoni tagħha, il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36.

185    Għall-kuntrarju, l-awtorità kompetenti tista’ topponi l-akkwist propost jekk ikunu jeżistu motivi raġonevoli sabiex dan isir abbażi ta’ kriterju wieħed jew iktar imsemmija fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36.

186    Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36, li huwa li tiġi żgurata ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata mill-akkwist propost.

187    Fil-fatt, kif jenfasizza l-BĊE, fid-dawl tal-kontenut tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36, il-valutazzjoni li jeżisti ksur tal-għan ta’ ġestjoni soda u prudenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata mill-akkwist propost tista’ ssir fid-dawl ta’ wieħed biss minn dawn il-kriterji.

188    L-imsemmija interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mill-punti 11.3, 12.3, 14.2, 14.4 u 14.7 tal-Linji Gwida Konġunti, li jipprovdu li l-awtorità kompetenti għandha topponi l-akkwist propost abbażi ta’ ċerti elementi li jirrigwardaw wieħed biss mill-kriterji msemmija fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36.

189    F’dan il-każ, billi oppona l-akkwist propost fid-dawl tal-kriterji tas-solidità finanzjarja u tal-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali, mingħajr ma eżamina l-kriterji l-oħra msemmija fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36, il-BĊE għalhekk ma kisirx il-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi Artikolu 23.

190    Fit-tieni lok, anki jekk jitqies li l-akkwist propost kien ser ikollu l-effett li jtejjeb is-sitwazzjoni tar-rikorrent fir-rigward tal-fondi proprji u li ma kellux effett negattiv immedjat fuq il-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-bank fil-mira biss fir-rigward tas-solvenza u tal-likwidità, xorta jibqa’ l-fatt li, minn naħa, l-akkwirenti proposti ma kinux f’pożizzjoni li jżommu, fil-futur prevedibbli, struttura finanzjarja soda fir-rigward tal-bank fil-mira u l-grupp il-ġdid, u min-naħa l-oħra, li kienu jeżistu dubji serji dwar il-kapaċità tal-bank fil-mira u tal-grupp il-ġdid li jikkonformaw mar-rekwiżiti prudenzjali.

191    Konsegwentement, l-elementi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kriterju tas-solidità finanzjarja u l-kriterju tal-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali kienu jikkostitwixxu motivi raġonevoli sabiex jiġi opponut l-akkwist propost.

192    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

5.      Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipju ta’ proporzjonalità

193    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-imsemmija deċiżjoni ma tinkludi l-ebda eżami tal-proporzjonalità. Approċċ inqas intrużiv li jippermetti li jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata l-konformità sħiħa mar-rekwiżiti prudenzjali jkun li jiġi awtorizzat l-akkwist propost u li sussegwentement jiġu adottati miżuri ta’ superviżjoni xierqa. Tali approċċ inaqqas l-allegat nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti prudenzjali.

194    Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

195    Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet, filwaqt li, meta jkun hemm il-possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet (sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 50, u tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 206).

196    Il-valutazzjoni tal-proporzjonalità ta’ miżura trid tiġi rrikonċiljata mal-osservanza tal-marġni ta’ diskrezzjoni li seta’ ngħata lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta ġiet adottata (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

197    Ir-rikorrent iqis li kien ikun preferibbli li l-BĊE ma jopponix l-akkwist propost u jadotta miżuri ta’ superviżjoni xierqa wara dan l-akkwist.

198    Madankollu, ir-rikorrent ma jippreċiżax in-natura tal-miżuri ta’ superviżjoni li kienu jkunu adegwati sabiex jirrimedjaw in-nuqqasijiet enfasizzati mill-BĊE fir-rigward tas-solidità finanzjarja tal-akkwirenti proposti u l-kapaċità tal-bank fil-mira li jikkonforma u jkompli jikkonforma mar-rekwiżiti prudenzjali, sabiex tiġi ggarantita ġestjoni soda u prudenti tal-bank fil-mira. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li mill-annessi tal-proċess jirriżulta li, preċiżament, ir-rikorrent diġà ma kienx qiegħed jikkonforma mar-rekwiżiti prudenzjali applikabbli.

199    Konsegwentement, mill-proċess ma jirriżultax li kienu jeżistu miżuri xierqa inqas restrittivi mid-deċiżjoni kkontestata li setgħu jiżguraw l-għan previst fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36, jiġifieri li tiġi żgurata l-ġestjoni soda u prudenti tal-bank fil-mira.

200    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 191 iktar ’il fuq, kienu jeżistu motivi raġonevoli biex jiġi opponut l-akkwist propost u fid-dawl ukoll tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li kellu l-BĊE, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

201    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

6.      Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq innuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tannatura diskrezzjonali ta’ deċiżjoni adottata skont lArtikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1024/2013

202    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tiħux inkunsiderazzjoni n-natura diskrezzjonali ta’ deċiżjoni ta’ oppożizzjoni għal akkwist. Il-BĊE ppreżuma li huwa kien obbligat jopponi l-akkwist propost peress li ma kinux issodisfatti “ċerti” kriterji msemmija fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36, billi interpreta dawk il-kriterji bħala rekwiżiti, u mhux bħala parti minn valutazzjoni globali. Ir-rikorrent kien imċaħħad mill-eżerċizzju imparzjali tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità kompetenti, li kien intitolat għaliha skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

203    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argument tar-rikorrent.

204    Għalhekk, kif ġie rrilevat fil-punt 185 iktar ’il fuq, l-awtorità kompetenti tista’ topponi l-akkwist propost jekk ikunu jeżistu motivi raġonevoli sabiex tagħmel dan abbażi ta’ kriterju wieħed jew iktar imsemmija fl-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2013/36.

205    Kif ġie rrilevat fil-punt 144 iktar ’il fuq, il-BĊE għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jadotta, bħal f’dan il-każ, att dwar is-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

206    Issa, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-BĊE qies li huwa ma kellux setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

207    B’mod partikolari, għalkemm il-BĊE qies, fil-punti 2.4 u 2.5 tad-deċiżjoni kkontestata, li la l-kriterju tas-solidità finanzjarja u lanqas dak tal-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali ma kienu ssodisfatti, dan ma jfissirx li huwa qies ruħu mċaħħad minn setgħa wiesgħa li jivvaluta l-konformità ma’ kull wieħed minn dawn il-kriterji.

208    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-aspett li r-rikorrent ġie mċaħħad mill-eżerċizzju imparzjali tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità kompetenti, skont l-Artikolu 41 tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni.

209    F’dan ir-rigward, ir-rikorrent, fil-kuntest tal-ħames motiv, ma jagħti l-ebda prova li tista’ turi li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ imparzjalità.

210    Konsegwentement, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li l-BĊE kiser is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu meta adotta d-deċiżjoni kkontestata u lanqas li, b’dan il-mod, kiser id-dritt għal amministrazzjoni tajba żgurat mill-Artikolu 41 tal-Karta.

211    Il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

7.      Fuq isseba’ motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipji ta’ protezzjoni talaspettattivi leġittimi u taċċertezza legali

212    Ir-rikorrent isostni li l-BĊE ma jistabbilixxix kriterju ċar fir-rigward tat-tip ta’ konsolidazzjoni li huwa jawtorizza fis-settur bankarju. Huwa ma jiddefinixxix il-kundizzjonijiet preċiżi li għandhom jiġu ssodisfatti fid-dawl tal-interpretazzjoni tiegħu tal-kriterji tas-solidità finanzjarja u tal-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali. Dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux jimplikaw li jistgħu jittieħdu ammonti illimitati ta’ fondi mill-fondi tal-akkwirent propost sabiex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet ta’ finanzjament potenzjali tal-bank fil-mira jew li l-eżistenza ta’ nuqqasijiet regolatorji kontinwi timpedixxi l-akkwist anki jekk dan l-akkwist jkollu effetti pożittivi sinjifikattivi. Il-BĊE kellu jinforma lir-rikorrent bl-aspettattivi tiegħu, pereżempju fir-rigward tal-ammont ta’ fondi neċessarji sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni tas-solidità finanzjarja.

213    Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

214    Il-prinċipju taċ-ċertezza legali jirrikjedi, fost oħrajn, li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari fejn jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi għall-individwi u l-impriżi (ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet tal-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

215    Korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, id-dritt li wieħed jitlob il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni nisslet fih aspettattivi fondati. Tikkostitwixxi garanzija li tista’ tnissel tali aspettattivi, irrispettivament mill-forma li fiha tiġi kkomunikata, informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u koerenti li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi fl-assenza ta’ garanziji preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni (sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet tal-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 112).

216    F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-kriterji tas-solidità finanzjarja u tal-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali previsti mid-Direttiva 2013/36, kif trasposta fid-dritt Latvjan, u spjegati mil-Linji Gwida Konġunti.

217    Dawn il-kriterji għandhom jitqiesu bħala ċari, preċiżi u prevedibbli fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 214 iktar ’il fuq.

218    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 154 iktar ’il fuq, il-BĊE ma eżiġiex, fil-kuntest tal-analiżi tiegħu tal-kriterju tas-solidità finanzjarja, li jistgħu jittieħdu ammonti “illimitati” ta’ fondi mill-fondi tal-akkwirenti proposti sabiex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet ta’ finanzjament potenzjali tal-bank fil-mira. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 130 iktar ’il fuq, il-BĊE espona r-raġunijiet li għalihom, minkejja l-effetti pożittivi tal-akkwist propost fuq il-proporzjonijiet ta’ fondi proprji tar-rikorrent, il-kriterju tal-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali ma kienx issodisfatt. Minbarra dan, il-BĊE ma huwiex obbligat, qabel ma jadotta deċiżjoni dwar l-akkwist ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti, li jindika lill-akkwirent propost l-ammont ta’ fondi meħtieġ sabiex jawtorizza l-imsemmi akkwist fid-dawl tal-kriterju tas-solidità finanzjarja.

219    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif isostni l-BĊE, li r-rikorrent ma jallegax li l-BĊE għamillu xi garanziji li setgħu jnisslu fih aspettattivi fondati.

220    Konsegwentement, f’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 215 iktar ’il fuq, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li l-BĊE kiser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

221    Għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

8.      Fuq ittmien motiv, ibbażat fuq innuqqas ta’ rikonoxximent tarresponsabbiltà talBĊE u talKSFK

222    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata peress li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni r-responsabbiltà tiegħu stess u dik tal-KSFK fit-telf ta’ fiduċja fil-proċess regolatorju u l-konsegwenzi ta’ dan fuq il-finanzjament tiegħu u tal-grupp il-ġdid.

223    Ir-rikorrent iqis li l-eżistenza ta’ tħassib serju dwar korruzzjoni wasslitu biex jitlef il-fiduċja fil-proċess ta’ superviżjoni fil-Latvja u fi ħdan il-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU). Dan it-tħassib huwa marbut mat-tentattivi ta’ A li jikseb kickbacks mir-rikorrent u mill-akkwirenti indiretti proposti kif ukoll mat-trattament regolatorju inġust assoċjat ma’ dawn it-tentattivi. CR irrapporta dawk l-atti ta’ korruzzjoni lill-awtoritajiet tar-Renju Unit fl‑2017, u sussegwentement lill-awtoritajiet Latvjani. Ir-rikorrent jirreferi wkoll għall-proċedura ta’ arbitraġġ imsemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq. L-osservaturi esterni (fosthom l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-Kummissjoni) jaqblu li jirrikonoxxu li s-superviżjoni bankarja hija mfixkla fil-Latvja bħala riżultat ta’ prattiki ta’ korruzzjoni mifruxa. L-allegazzjonijiet li jikkonċernaw lil A kienu kkorroborati minn aġir ħażin simili rrapportat minn persuni oħra. Fir-rigward tat-tilwima bejn il-BĊE u r-Repubblika tal-Latvja kif ukoll bejn A u r-Repubblika tal-Latvja, li ġiet adita bihom il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi preżunt li l-BĊE diġà ngħata l-provi dwar l-aġir ħażin ta’ A. Il-atti kundannabbli attribwiti lil dan tal-aħħar huma tant gravi li tneħħa mill-qadi ta’ dmirijietu saħansitra qabel kundanna kriminali definittiva.

224    Ir-rikorrent isostni li, għalkemm il-BĊE jiddefendi l-indipendenza tiegħu minn kull interferenza mill-awtoritajiet Latvjani, huwa ma jissodisfax ir-rwol tiegħu li jiżgura li l-MSU ma jiġix imfixkel mill-korruzzjoni, minkejja li dan ir-rwol huwa iktar u iktar essenzjali peress li l-BĊE u l-uffiċjali tiegħu jibbenefikaw minn protezzjonijiet u privileġġi speċjali fir-rigward tas-servizzi ta’ infurzar nazzjonali kompetenti. Il-BĊE għandu l-obbligu li jwettaq investigazzjonijiet fil-każ ta’ korruzzjoni jew ta’ xi forma oħra ta’ aġir ħażin potenzjali.

225    Ir-rikorrent iqis li huwa stess u l-akkwirenti indiretti proposti qegħdin jiġu suġġetti għal trattament regolatorju sever talli ddenunzjaw problemi ta’ korruzzjoni u eżiġew approċċ proattiv. Dan jirriżulta wkoll mill-kritika magħmula mill-BĊE fir-rigward tal-fatt li l-impenn ta’ CR li jiffinanzja lir-rikorrent kien jinkludi l-kundizzjoni li l-proċess regolatorju ma jiġix imfixkel mill-korruzzjoni.

226    Ir-rikorrent iqis li l-approċċ tal-BĊE, li jeżiġi investimenti addizzjonali favur ir-rikorrent, iżda jiskoraġġixxi kull investiment billi jadotta attitudni ostili u jirrifjuta li jirrikonoxxi l-leġittimità tat-talbiet għar-rispett tal-Istat tad-dritt, ma huwiex wieħed ta’ amministrazzjoni imparzjali. Dan l-approċċ jikser il-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36 u l-Artikolu 41 tal-Karta.

227    Il-BĊE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

228    Ir-rikorrent isostni li, billi ma rrikonoxxietx ir-responsabbiltà tal-BĊE u tal-KSFK fir-rigward tat-telf ta’ fiduċja fil-proċess regolatorju, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36 u l-Artikolu 41 tal-Karta.

229    Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura tal-atti ta’ korruzzjoni inkwistjoni, għandu jiġi ppreċiżat li l-allegazzjoni li skontha s-superviżjoni bankarja fil-Latvja hija mfixkla bi prattiki ta’ korruzzjoni “mifruxa” ma hijiex akkumpanjata minn preċiżazzjonijiet li jippermettu li tiġi evalwata l-portata tagħha.

230    Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, minn naħa, l-investigazzjoni kriminali li tat lok għall-akkuża ta’ A ma tikkonċernax lir-rikorrent, iżda lil bank Latvjan terz, u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-atti ta’ korruzzjoni ddenunzjati minn CR, ir-rikorrent jindika mingħajr ma jippreċiża iktar li l-investigazzjoni għadha għaddejja.

231    Fit-tieni lok, skont il-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans, ħadd ma jista’ jinvoka l-aġir ħażin tiegħu stess.

232    Sabiex wieħed jinvoka l-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit li kien hemm aġir ħażin attribwibbli lill-BĊE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs BUR, T‑758/18, EU:T:2021:28, punt 170).

233    Għalkemm ir-rikorrent iqis li l-BĊE kellu l-obbligu li jwettaq investigazzjoni fir-rigward tal-atti ta’ korruzzjoni ddenunzjati minn CR, il-BĊE ġustament isostni li huwa ma għandux il-kompetenza li jwettaq investigazzjoni huwa stess fuq tali atti u li huwa jikkoopera f’dan ir-rigward mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

234    La ċ-ċirkustanza li l-BĊE huwa responsabbli li jiżgura l-funzjonament effettiv u koerenti tal-MSU u lanqas dik li l-uffiċjali tal-BĊE jibbenefikaw minn privileġġi u immunitajiet fil-konfront tas-servizzi nazzjonali kompetenti fl-affarijiet kriminali ma għandhom l-effett li jagħtu lill-BĊE l-kompetenza li jwettaq investigazzjoni dwar atti ta’ korruzzjoni li l-gvernatur ta’ bank ċentrali nazzjonali seta’ kien ħati tagħhom.

235    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-immunità minn proċedimenti legali prevista fl-Artikolu 11(a) tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea ma tapplikax meta l-benefiċjarju ta’ din l-immunità jkun involut fi proċeduri kriminali għal atti li ma jkunux twettqu fil-kuntest tal-funzjonijiet li huwa jeżerċita f’isem istituzzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2021, LR Ģenerālprokuratūra, C‑3/20, EU:C:2021:969, punt 97). Hija ppreċiżat li atti ta’ korruzzjoni jaqgħu mid-definizzjoni tagħhom barra mill-ambitu tal‑funzjonijiet ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal ieħor tal-Unjoni, kif ukoll ta’ dawk ta’ gvernatur ta’ bank ċentrali ta’ Stat Membru li jaġixxi fi ħdan korp tal‑BĊE (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2021, LR Ģenerālprokuratūra, C‑3/20, EU:C:2021:969, punt 67).

236    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-BĊE wettaq żball meta ma wettaqx investigazzjoni dwar l-atti ta’ korruzzjoni ddenunzjati minn CR jew dwar il-kummenti magħmula minn A fil-konfront tar-rikorrent, ma ntweriex li dan l-iżball kien ta’ natura li jivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata, li ma tiddeċidix dwar jekk huwiex xieraq li titwettaq tali investigazzjoni, iżda dwar it-talba għall-akkwist ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti.

237    Konsegwentement, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li l-BĊE ma wettaqx investigazzjoni fuq l-atti ta’ korruzzjoni ddenunzjati minn CR.

238    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegat trattament regolatorju inġust assoċjat mal-atti ta’ korruzzjoni li huwa ddenunzja, ir-rikorrent ma jesponix b’mod preċiż liema atti amministrattivi huma, fil-fehma tiegħu, ivvizzjati b’illegalità, u lanqas, fi kwalunkwe każ, kif l-illegalità ta’ dawn l-atti, anki jekk tiġi pprovata, hija ta’ natura li tivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata nnifisha.

239    Għalkemm ir-rikorrent indika, fil-kuntest tat-tieni motiv, li huwa kien ikkontesta r-rekwiżit totali ta’ kapital SREP stabbilit għall‑2019, din iċ-ċirkustanza ma tikkontestax il-kunsiderazzjoni li l-proporzjon totali tal-fondi proprji tal-grupp il-ġdid previst għall-aħħar tas-sena 2019 kien jammonta biss għal 12.91 %, jiġifieri livell iktar baxx mill-OCR li kellu jikkonforma miegħu r-rikorrent għas-sena 2018, kif ġie kkonstatat fil-punt 116 iktar ’il fuq.

240    Fir-raba’ u l-aħħar lok, id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx adottata minħabba li r-rikorrent iddenunzja l-atti ta’ korruzzjoni jew talab investigazzjoni fuq dawn l-atti.

241    B’mod partikolari, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, kif ġie rrilevat fil-punt 165 iktar ’il fuq, il-BĊE ma kkritikax lil CR talli talab li jintemm l-allegat trattament regolatorju arbitrarju u diskriminatorju.

242    Konsegwentement, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jsostni li, fin-nuqqas ta’ rikonoxximent tar-responsabbiltà tal-BĊE u tal-KSFK, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36 u l-Artikolu 41 tal-Karta.

243    It-tmien motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

244    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

V.      Fuq lispejjeż

245    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-BĊE, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

246    Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      PNB Banka AS għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Gervasoni

Madise

Nihoul

Frendo

 

      Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’seduta bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Diċembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.