Language of document : ECLI:EU:C:2019:929

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Novembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (UE) Nru 1178/2011 – Anness I, punt FCL.065 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Artikolu 2(5) – Artikolu 4(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol fl-età ta’ 60 sena – Piloti ta’ inġenji tal-ajru – Protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali”

Fil-Kawża C‑396/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

Gennaro Cafaro

vs

DQ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan, L. Bay Larsen, u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ April 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal G. Cafaro, minn S. Assennato u G. Sacconi, avvocati,

–        għal DQ, minn G. Guancioli u P. Busco, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Socio, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci, D. Martin, W. Mölls u C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt FCL.065 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat‑3 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 311, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 290/2012 tat‑30 ta’ Marzu 2012 (ĠU 2012, L 100, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1178/2011”), u tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 16).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Gennaro Cafaro u l-persuna li kienet timpjegah, DQ, dwar it-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu minħabba li laħaq l-età ta’ 60 sena.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 1178/2011

3        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1178/2011 jipprevedi li:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ddettaljati għal:

1)      il-klassifikazzjonijiet differenti tal-liċenzji tal-bdoti, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka ta’ liċenzji, il-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi ta’ liċenzji, il-kundizzjonijiet għall-konverżjoni tal-liċenzji nazzjonali tal-bdoti u tal-liċenzji nazzjonali tal-inġiniera tat-titjira eżistenti f’liċenzji ta’ bdoti, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta’ liċenzji minn pajjiżi terzi;

[…]”

4        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)      ‘liċenzja skont il-Parti-FCL’ tfisser liċenzja tal-ekwipaġġ tal-ajru li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Anness I;

[…]”

5        L-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dħul fis-seħħ u applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mit‑8 ta’ April 2012.

1b      B’deroga mill-paragrafu 1, sat‑8 ta’ April 2013, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I sa IV.

[…]

7.      Meta Stat Membru jagħmel użu mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1b sa 6, għandu jinnotifika lill-[Kummissjoni Ewropea] u lill-[Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni]. F’din in-notifika għandhom jissemmew ir-raġunijiet tad-deroga kif ukoll il-programm tal-implimentazzjoni bl-azzjonijiet previsti u l-iskedar relatat tagħhom.

[…]”

6        Il-punt FCL.065 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011, intitolat “Tnaqqis tal-privileġġi tad-detenturi tal-liċenzja li jkollhom 60 sena jew aktar fit-trasport kummerċjali bl-ajru”, jipprevedi:

“a)      Età bejn is-60 u l-64 sena. Ajruplani u ħelikopters. Id-detentur ta’ liċenzja ta’ bdot li għalaq 60 sena m’għandux jaġixxi bħala bdot ta’ inġenju tal-ajru involut fit-trasport kummerċjali bl-ajru sakemm:

1)      ma jkunx membru ta’ ekwipaġġ b’aktar minn bdot wieħed;

2)      sakemm tali detentur ikun l-uniku bdot fl-ekwipaġġ tat-titjira li għalaq 60 sena.

b)      Età ta’ 65 sena. Id-detentur ta’ liċenzja ta’ bdot li għalaq 65 sena m’għandux jaġixxi bħal. a bdot ta’ inġenju tal-ajru involut fit-trasport kummerċjali bl-ajru.

 Id-Direttiva 2000/78

7        Il-premessa 23 tad-Direttiva 2000/78 tiddikjara:

“F’ċirkostanzi limitati ħafna, differenza ta’ trattament tista’ tkun ġustifikata fejn karatteristika marbuta ma’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, meta l-objettiv huwa leġittimu u l-ħtieġa proporzjonata. Dawn iċ-ċirkostanzi għandhom jiġu inklużi fit-tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.”

8        Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, l-iskop ta’ din id-direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

9        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[…]

5.      Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

10      L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jipprevedi:

“Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina [essenzjali] u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.”

 Id-dritt Taljan

11      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li DQ hija kumpannija tat-trasport bl-ajru kkostitwita konformement mal-Artikolu 25 tal-Legge n. 124 Sistema di informazione per la sicurezza della Republica e nuova disciplina del segreto (il-Liġi Nru 124, dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni għas-Sigurtà tar-Repubblika u l-Leġiżlazzjoni l-Ġdida dwar il-Klassifikazzjoni ta’ Data Sigrieta), tat‑3 ta’ Awwissu 2007 (GURI Nru 187, tat‑13 ta’ Awwissu 2007, p. 4), li teżerċita attivitajiet kunfidenzjali għall-ħtiġijiet tas-servizzi sigrieti tal-Istat Taljan għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali.

12      Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 744 tal-Codice della Navigazione (il-Kodiċi dwar in-Navigazzjoni) jassimila l-inġenji tal-ajru tal-Istati mal-inġenji tal-ajru użati minn entitajiet pubbliċi jew privati, li jeżerċitaw attivitajiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, għall-inġenji tal-ajru tal-Istat.

13      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 748 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar ma humiex applikabbli għall-inġenji tal-ajru tal-Istat.

14      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 748 tal-Kodiċi dwar in-Navigazzjoni, l-operazzjonijiet ta’ titjiriet magħmula mill-inġenji tal-ajru jitiqesu ekwivalenti għall-inġenji tal-ajru tal-Istat jiżguraw livell adegwat ta’ sigurtà, stabbilit skont il-leġiżlazzjonijiet speċjali adottati mill-amministrazzjonijiet tal-Istat kompetenti.

15      Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, id-decreto del Presidente del Consiglio dei Ministri sui limiti di impiego del personale navigante di [DQ] (id-Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri li Jirregola l-Limitazzjonijiet tal-Ekwipaġġ ta’ [DQ]), tad‑9 ta’ Settembru 2008 (iktar ’il quddiem id-“DPKM”), ġie adottat abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 748 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni.

16      Skont id-DPKM:

“Fid-dawl tal-għanijiet koperti mill-artikoli preċedenti, huwa previst li l-piloti ta’ [DQ] jistgħu jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom sa sittin sena u mhux iktar”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      G. Cafaro kien impjegat minn DQ bħala pilota tal-inġenji tal-ajru, mis‑26 ta’ Settembru 1988 sad‑19 ta’ Settembru 2012.

18      Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Jannar 2012, DQ informat lil G. Cafaro li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu kien ser jintemm awtomatikament fid‑19 ta’ Settembru 2012, għar-raġuni li kien jilħaq, f’din l-aħħar data, l-età ta’ 60 sena.

19      G. Cafaro ppreżenta rikors quddiem it-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma, l-Italja), intiż sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità tat-tkeċċija tiegħu, li ġie miċħud minn din il-qorti.

20      G. Cafaro appella mid-deċiżjoni tat-Tribunale di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) quddiem il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma, l-Italja) li, permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Frar 2016, ċaħdet dan l-appell. Din il-qorti ta’ l-aħħar iddeċidiet, essenzjalment, li G. Cafaro ma kienx tkeċċa peress li r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu kienet intemmet awtomatikament meta dan kien laħaq l-età ta’ 60 sena, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-DPKM.

21      G. Cafaro ppreżenta appell fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

22      Din il-qorti tosserva li, konformement mad-dritt nazzjonali, l-inġenji tal-ajru użati minn DQ għandhom jiġu assimilati mal-inġenji tal-ajru tal-Istat u li, skont din il-klassifikazzjoni, ir-relazzjoni ta’ xogħol tal-piloti impjegati minn DQ hija rregolata mid-dispożizzjonijiet speċjali tad-DPKM, li jipprevedu, b’mod partikolari, it-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom meta jilħqu l-età ta’ 60 sena.

23      Issa, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-punt FCL.065 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 jippermetti, taħt ċerti restrizzjonijiet, lid-detenturi ta’ liċenzja ta’ pilota li jkomplu jaġixxu bħala pilota ta’ inġenju tal-ajru użat għat-trasport kummerċjali bejn 60 u 64 sena. Fil-fatt, hija tenfasizza li din id-dispożizzjoni tipprojbixxi lid-detenturi ta’ liċenzja ta’ pilota milli jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fil-kuntest tat-trasport kummerċjali bl-ajru biss fl-età ta’ 65 sena.

24      F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti għandha dubji dwar jekk il-punt FCL.065 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 huwiex applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ pilota ta’ inġenji tal-ajru impjegat minn kumpannija li teżerċita attivitajiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, bħal DQ, u, fl-affermattiv, jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-piloti tal-inġenji tal-ajru impjegati minn DQ fl-età ta’ 60 sena.

25      Sussidjarjament, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk tali dispożizzjoni nazzjonali hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-età stabbilit mid-Direttiva 2000/78.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1) Il-leġiżlazzjoni nazzjonali prevista mid-[DPKM] li, b’applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 748 tal-Kodiċi Taljan dwar in-Navigazzjoni, jirregola l-limiti tal-impjieg tal-ekwipaġġ tal-ajru ta’ DQ u li jipprevedi b’mod partikolari t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol meta l-ħaddiem jagħlaq is-60 sena, tmur kontra r-Regolament Nru 1178/2011, sa fejn huwa jiffissa l-limitu għal 65 sena għall-impjieg tal-piloti fit-trasport kummerċjali bl-ajru, u l-imsemmi regolament japplika f’dan il-każ, ladarba l-leġiżlazzjoni nazzjonali speċjali ma tiġix applikata?

2)      Sussidjarjament, jekk ir-Regolament [Nru 1178/2011] jitqies li ma huwiex applikabbli ratione materiae għaċ-ċirkustanzi tal-każ, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni [ibbażat] fuq l-età, previst mid-Direttiva 2000/78 u [mill-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea] li [din id-direttiva] tagħtiha espressjoni konkreta?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

27      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt FCL.065 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-piloti impjegati minn kumpannija li topera inġenji tal-ajru fil-kuntest ta’ attivitajiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ta’ Stat Membru meta jilħqu l-età ta’ 60 sena.

28      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li DQ, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jsostnu li l-punt FCL.065 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 ma huwiex applikabbli, ratione temporis, għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

29      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 12(1)b tar-Regolament Nru 1178/2011 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Anness I ta’ dan ir-regolament sat‑8 ta’ April 2013.

30      F’dan il-każ, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Repubblika Taljana użat din il-possibbiltà. B’hekk, il-punt FCL.065 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 sar applikabbli fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru biss mit‑8 ta’ April 2013.

31      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ G. Cafaro seħħ fid‑19 ta’ Settembru 2012. B’hekk, il-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali seħħew qabel id-data tal-implementazzjoni tal-punt FCL.065 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 fl-Italja, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli, ratione temporis, għall-imsemmija tilwima.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq it-tieni domanda

33      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2000/78 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-piloti impjegati minn kumpannija li topera inġenji tal-ajru fil-kuntest ta’ attivitajiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ta’ Stat Membru meta jilħqu l-età ta’ 60 sena.

34      Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78 il-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jiġi mifhum bħala l-assenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva li fosthom tinsab, b’mod partikolari, l-età. L-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva jispeċifika li, għall-ħtiġijiet tal-applikazzjoni tas-subartikolu 1 tiegħu, diskriminazzjoni diretta tirriżulta ladarba persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli meta mqabbla ma’ persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva.

35      Billi pprovdiet it-tmiem awtomatiku tax-xogħol tal-piloti impjegati minn DQ għall-età ta’ 60 sena, id-DPKM għandu bħala effett li ċerti persuni huma ttrattati b’mod inqas favorevoli minn persuni oħra li jeżerċitaw l-istess attività għan-nom tal-istess persuna li timpjega, għas-sempliċi raġuni li huma laħqu l-età ta’ 60 sena.

36      Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, fis-sens tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 1 u 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

37      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk id-Direttiva 2000/78 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi tali differenza fit-trattament.

38      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tfittex li tiggarantixxi livell adegwat ta’ sigurtà tat-titjiriet tal-Istat operati minn DQ fl-interess tas-sigurtà nazzjonali. B’hekk, l-imsemmija leġiżlazzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi, minn naħa, is-sigurtà tal-avjazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali.

39      Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda, hemm lok li l-Artikolu 2(5) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 jiġu interpretati.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78

40      Skont l-Artikolu 2(5) tad‑Direttiva 2000/78, din tal-aħħar ma għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għad-difiża tal-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ reati, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

41      Meta adotta din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, li jippreveni u joffri medjazzjoni għal kunflitt bejn, minn naħa, il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiżgura l-ordni pubbliku, is-sigurtà u s-saħħa pubblika, il-prevenzjoni ta’ reati kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-individwi, li huma indispensabbli għall-funzjonament ta’ soċjetà demokratika. Dan il-leġiżlatur iddeċieda li, f’ċerti każijiet elenkati fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, il-prinċipji stabbiliti minn din tal-aħħar ma japplikawx għal miżuri li jinkludu differenzi fit-trattament ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-miżuri jkunu neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet hawn fuq imsemmija (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Barra minn hekk, peress li l-imsemmi Artikolu 2(5) jistabbilixxi deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Il-kliem użat f’din id-dispożizzjoni wkoll iwassal għal tali approċċ (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi miżura prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78.

44      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex limitat biss għall-miżuri li jirriżultaw minn att adottat fi tmiem proċedura leġiżlattiva, iżda jinkludi wkoll miżuri stabbiliti abbażi ta’ regola ta’ awtorizzazzjoni suffiċjentement preċiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punti 59 u 61).

45      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-differenza fit-trattament ġiet stabbilita mid-DPKM, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jidderogaw mill-Kodiċi tan-Navigazzjoni u mis-sistema komuni tar-relazzjoni ta’ xogħol. Huma ġew adottati abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 748 tal-Kodiċi tan-Navigazzjoni, li jawtorizza lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jadottaw regoli li jippermettu li jiġi ggarantit livell adegwat ta’ sigurtà. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-differenza fit-trattament stabbilita mid-DPKM għandha tiġi kkunsidrata bħala li tirriżulta minn miżura prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78.

46      Fit-tieni lok, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssegwi għanijiet li huma marbuta mas-sigurtà pubblika, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78.

47      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġa’ ddeċidiet li s-sigurtà tal-ajru tinsab fost l-għanijiet elenkati fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, jidher li l-miżuri li huma intiżi li jevitaw l-aċċidenti fl-avjazzjoni permezz tal-monitoraġġ tal-kapaċità u tal-abbiltajiet fiżiċi tal-piloti sabiex dawn in-nuqqasijiet umani ma jkunux il-kawża ta’ dawn l-inċidenti, bla dubju jikkostitwixxu miżuri ta’ natura li jiżguraw is-sigurtà pubblika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 58).

48      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-għan relatat mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, il-miżuri intiżi sabiex jiggarantixxu t-twettiq u l-iżvolġiment tajjeb ta’ operazzjonijiet fl-interess tas-sigurtà nazzjonali jikkostitwixxu wkoll miżuri ta’ natura li jiżguraw is-sigurtà pubblika, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78.

49      Fit-tielet u fl-aħħar lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex neċessarja għas-sigurtà pubblika, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78.

50      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 64 tas-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura nazzjonali li tiffissa l-età ta’ 60 sena bħala l-età limitu li minnha l-bdoti ma jistgħux jibqgħu jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom filwaqt li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali jiffissaw din l-età għal 65 sena, ma hijiex miżura neċessarja għas-sigurtà pubblika u għall-protezzjoni tas-saħħa, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78.

51      Fil-fatt, konformement mal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali li jirregolaw l-attività ta’ trasport kummerċjali bl-ajru ta’ passiġġieri, ta’ posta u/jew ta’ merkanzija, applikabbli fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, kien neċessarju mhux li l-piloti tal-linji tal-ajru jiġu pprojbiti milli jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom wara l-età ta’ 60 sena, iżda biss li jirrestrinġu dan l-eżerċizzju. Għalhekk, il-projbizzjoni li wieħed itajjar ajruplan wara ċertu età, kif tinsab fil-miżura inkwistjoni f’din il-kawża, ma kinitx neċessarja għat-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq.

52      Fil-qasam tat-trasport kuummerċjali bl-ajru, li kien ukoll inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, hekk kif jirriżulta mill-punt FCL.065 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011, li jipprojbixxi l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ pilota tal-linji tal-ajru lid-detenturi ta’ liċenzja ta’ iktar minn 65 sena.

53      Madankollu, f’dan il-każ, minn naħa, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-titjiriet operati minn DQ huma intiżi għall-eżekuzzjoni ta’ operazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali li għandhom, b’mod ġenerali, riskji ikbar minn dawk li huma assoċjati mat-trasport kummerċjali bl-ajru. Fil-fatt, b’mod differenti mill-piloti tal-linji tal-ajru, il-piloti ta’ DQ huma normalment imsejħa sabiex jintervjenu f’kundizzjonijiet diffiċli, jekk mhux ukoll estremi, b’tali mod li t-twettiq ta’ dawn l-operazzjonijiet ikun jirrikjedi rekwiżiti fiżiċi partikolarment għoljin.

54      Min-naħa l-oħra, fl-istat attwali, id-dritt tal-Unjoni u d-dritt internazzjonali ma jipprevedu ebda leġiżlazzjoni speċifika li tistabbilixxi limitu ta’ età li minnha l-piloti tal-inġenji tal-ajru li joperaw fil-kuntest ta’ operazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ta’ Stat Membru ma jistgħux jibqgħu jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom.

55      Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat, b’mod ġenerali, li l-limitu ta’ età sabiex jitwettqu titjiriet bħal dawk operati minn DQ għandu, bħala prinċipju, jikkorrispondi mal-età ta’ 65 sena adottata fil-qasam tat-trasport kummerċjali bl-ajru.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, jekk, fid-dawl tan-natura speċifika tal-attivitajiet segwiti minn DQ u tar-rekwiżiti fiżiċi imposti fuq il-piloti impjegati minn din il-kumpannija, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex neċessarja għas-sigurtà pubblika, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-piloti impjegati minn kumpannija li topera inġenji tal-ajru fil-kuntest ta’ attivitajiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ta’ Stat Membru meta jilħqu l-età ta’ 60 sena, sakemm tali leġiżlazzjoni hija neċessarja għas-sigurtà pubblika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78

58      Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, “l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 [ta’ din id-Direttiva] m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikolari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina [esenzjali] u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.”

59      Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, sabiex ma tiġix ikkostitwita diskriminazzjoni, id-differenza fit-trattament għandha tkun ibbażata fuq karatteristika marbuta ma’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 u din il-karatteristika għandha tikkostitwixxi ħtieġa “ġenwina [essenzjali] u determinanti” tax-xogħol. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma hijiex ir-raġuni li fuqha hija bbażata d-differenza fit-trattament, iżda karatteristika marbuta ma’ din ir-raġuni, li għandha tikkostitwixxi ħtieġa essenzjali u determinanti tax-xogħol (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 66).

60      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa essenzjali li l-piloti tal-linji tal-ajru jkollhom, b’mod partikolari, kapaċitajiet fiżiċi partikolari sa fejn in-nuqqasijiet fiżiċi għal din il-professjoni jista’ jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi. Ma jistax jiġi nnegat ukoll li dawn il-kapaċitajiet jonqsu bl-età. Minn dan jirriżulta li l-fatt li wieħed ikollu l-kapaċitajiet fiżiċi partikolari jista’ jitqies bħala “ħtieġa ġenwina [essenzjali] u determinanti”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ pilota tal-linji tal-ajru u li l-pussess ta’ tali kapaċitajiet huwa marbut mal-età (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 67).

61      Kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali interpretazzjoni tapplika wkoll fir-rigward tal-piloti tal-inġenji tal-ajru li jeżerċitaw missjonijiet b’rabta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, bħall-piloti impjegati minn DQ. Fil-fatt, kif huwa indikat fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, il-piloti ta’ DQ huma normalment msejħa sabiex jintervjenu f’kundizzjonijiet diffiċli, jekk mhux estremi, b’tali mod li t-twettiq ta’ dawn l-operazzjonijiet ikun jirrikjedi rekwiżiti fiżiċi partikolarment għoljin.

62      Minn dan isegwi li l-fatt li wieħed ikollu kapaċitajiet fiżiċi partikolari jista’ jitqies bħala “ħtieġa ġenwina [essenzjali] u determinanti tax-xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ pilota ta’ inġenju tal-ajru li jwettaq operazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali.

63      Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ġie kkonstatat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza li din il-leġiżlazzjoni hija intiża li tiggarantixxi, minn naħa, is-sigurtà tat-traffiku tal-ajru u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali.

64      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan li tiġi ggarantita s-sigurtà tat-traffiku tal-ajru jikkostitwixxi għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 69). L-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali għandu jitqies ukoll bħala għan leġittimu, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

65      Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk, billi pprevediet it-tmiem awtomatiku tax-xogħol tal-piloti impjegati minn DQ għall-età ta’ 60 sena, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali imponietx rekwiżit proporzjonat.

66      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-premessa 23 tad-Direttiva 2000/78 tippreċiża li huwa biss f’“ċirkostanzi limitati ħafna” li differenza fit-trattament tista’ tiġi ġġustifikata meta karatteristika marbuta, b’mod partikolari, mal-età tikkostitwixxi ħtieġa essenzjali u determinanti tax-xogħol (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 71).

67      Barra minn hekk, sa fejn jippermetti li ssir deroga mill-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat b’mod ristrett (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 72).

68      Fil-punt 75 tas-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta stabbilixxew is-60 sena bħala l-età limitu li minnha l-bdoti tal-linji tal-ajru jitqiesu li ma baqgħalhomx il-kapaċitajiet fiżiċi sabiex jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom, filwaqt li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali jawtorizzaw l-eżerċizzju ta’ din l-attività, taħt ċerti kundizzjonijiet, sal-età ta’ 65 sena, l-imsieħba soċjali imponew fuq l-imsemmija piloti ħtieġa sproporzjonata, kuntrarju għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78.

69      Madankollu, għar-raġunijiet esposti fil-punti 53 sa 55 ta’ din is-sentenza, tali soluzzjoni, applikabbli għat-trasport kummerċjali bl-ajru, ma tistax tiġi trasposta għal din il-kawża.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, jekk, meta jitqiesu n-natura speċifika tal-attivitajiet segwiti minn DQ u r-rekwiżiti fiżiċi imposti fuq il-piloti impjegati minn din il-kumpannija, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax titqies li hija proporzjonata, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78.

71      Konsegwentement, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-piloti impjegati minn kumpannija li topera inġenji tal-ajru fil-kuntest ta’ attivitajiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ta’ Stat Membru meta jilħqu l-età ta’ 60 sena, sakemm tali leġiżlazzjoni hija proporzjonata, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

72      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li:

–        l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-piloti impjegati minn kumpannija li topera inġenji tal-ajru fil-kuntest ta’ attivitajiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ta’ Stat Membru meta jilħqu l-età ta’ 60 sena, sakemm tali leġiżlazzjoni hija neċessarja għas-sigurtà pubblika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan;

–        l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-piloti impjegati minn kumpannija li topera inġenji tal-ajru fil-kuntest ta’ attivitajiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ta’ Stat Membru meta jilħqu l-età ta’ 60 sena, sakemm tali leġiżlazzjoni hija proporzjonata, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

 Fuq l-ispejjeż

73      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-piloti impjegati minn kumpannija li topera inġenji tal-ajru fil-kuntest ta’ attivitajiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ta’ Stat Membru meta jilħqu l-età ta’ 60 sena, sakemm tali leġiżlazzjoni hija neċessarja għas-sigurtà pubblika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi t-tmiem awtomatiku tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-piloti impjegati minn kumpannija li topera inġenji tal-ajru fil-kuntest ta’ attivitajiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ta’ Stat Membru meta jilħqu l-età ta’ 60 sena, sakemm tali leġiżlazzjoni hija proporzjonata, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.