Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta' Diċembru 2012 - Sina Bank vs Il-Kunsill

(Kawża T-15/11) 

("Politika barranija u ta' sigurtà komuni - Miżuri restrittivi adottati kontra l-Iran bħala prevenzjoni mill-proliferazzjoni nukleari - Iffriżar ta' fondi - Rikors għal annullament - Obbligu ta' motivazzjoni")

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Sina Bank (Teheran, l-Iran) (rappreżentanti: B. Mettetal u C. Wucher-North, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Bishop u G. Marhic, aġenti)

Parti intervenjenti insostenn tal-konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Erlbacher u M. Konstantinidis, aġenti)

Suġġett

Minn naħa, l-annullament, l-ewwel nett, tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 961/2010 tal-Kunsill, tal-25 ta' Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), sa fejn tikkonċerna lir-rikorrent, u, it-tieni nett, tal-ittra tat-28 ta' Ottubru 2010 "dwar deċiżjoni" tal-Kunsill fir-rigward tar-rikorrent u, minn naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni ta' nuqqas applikabbiltà fir-rigward tar-rikorrent, min-naħa l-oħra, tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK tal-Kunsill, tas-26 ta' Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644/PESK tal-Kunsill, tal-25 ta' Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 281, p. 81), sa fejn tirrigwarda lir-rikorrent, it-tieni nett, tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 u, it-tielet nett, tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413.

Dispożittiv

L-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK tal-Kunsill, tas-26 ta' Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK, kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644/PESK tal Kunsill, tal-25 ta' Ottubru 2010, li temenda d Deċiżjoni 2010/413/PESK, u l-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 961/2010 tal-Kunsill, tal-25 ta' Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007, huma annullati, sa fejn jikkonċernaw Sina Bank.

L-effetti tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/644, jinżammu sa fejn jikkonċernaw Sina Bank sad-dħul fis-seħħ tal-annullament tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati żewġ terzi tal-ispejjeż ta' Sina Bank u żewġ terzi tal-ispejjeż tiegħu stess.

Sina Bank għandha tbati terz tal-ispejjeż tagħha stess u terz tal-ispejjeż tal-Kunsill.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

____________

1 - ĠU C 72, 5.3.2011.