Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ April 2016 – ANKO vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-154/14) 1

[“Klawżola ta’ arbitraġġ – Ftehimiet ta’ sussidju konklużi fil-kuntest tas-Seba’ Programm Kwadru għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) – Proġetti Perform u Oasis – Spejjeż eliġibbli – Rimbors tas-somom imħallsa – Kontrotalba – Interessi moratorji”]

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: V. Christianos, S. Paliou u A. Skoulikis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lyal u P. Arenas, aġenti, assistiti minn O. Lytra, avukat)

Suġġett

Talbiet, skont l-Artikolu 272 TFUE, intiżi, minn naħa, l-ewwel nett, sabiex tiġi ddikjarata infondata t-talba tal-Kummissjoni intiża għar-rimbors tas-sussidji mħallsa lir-rikorrenti fl-eżekuzzjoni tal-ftehimiet nru 215754 “Arkitettura miftuħa għas-servizzi aċċessibbli, għall-integrazzjoni u għall-istandardizzazzjoni”, u numru 215952, “Sistema multiparametrika kumplessa għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ effettivi u kontinwi tal-kapaċità ta’ moviment fil-każijiet tal-marda Parkinson u ta’ mard ieħor li jikkawża deġenerazzjoni newroloġika”, konklużi fil-kuntest tas-Seba’ Programm Kwadru għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013), u, it-tieni nett, għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tal-bilanċ tas-sussidji mhux imħallsa skont dawn il-ftehimiet, kif ukoll, min-naħa l-oħra, sabiex ir–rikorrenti tiġi kkundannata, skont kontrotalba, għar-rimbors tas-sussidji indebitament imħallsa fil-kuntest ta’ dawn il-ftehimiet.

Dispożittiv

Ir-rikors ippreżentat minn ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias huwa miċħud.

ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea s-somma ta’ EUR 650 625.37, li tikkorrispondi mar-rimbors tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji li hija bbenefikat minnhom skont ftehimiet nru 215754 “Arkitettura miftuħa għas-servizzi aċċessibbli, għall-integrazzjoni u għall-istandardizzazzjoni”, u nru 215952, “Sistema multiparametrika kumplessa għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ effettivi u kontinwi tal-kapaċità ta’ moviment fil-każijiet tal-marda Parkinson u ta’ mard ieħor li jikkawża deġenerazzjoni newroloġika” konklużi fil-kuntest tas-Seba’ Programm Kwadru għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013), miżjuda bl-intersssi moratorji kkalkolati mit-3 ta’ Mejju 2014, bir-rata ta’ 3.75 %.

ANKO AE Antiprosopeion, Emporiou kai Viomichanias hija kkundannata għall-ispejjeż.

____________

1 ĠU C 175, 10.6.2014.