Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla miasta stołecznego Warszawy w Warszawie (il-Polonja) fit-12 ta’ Jannar 2024 – M1.R. u M2.R. vs AAA sp. z o.o.

(Kawża C-20/24, Cymdek 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy dla miasta stołecznego Warszawy w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: M1.R. u M2.R.

Konvenut: AAA sp. z o.o.

Domandi preliminari

Għall-finijiet tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 , il-karta tal-imbark ta’ passiġġier tista’ tikkostitwixxi prova oħra li tindika li r-reżervazzjoni kienet ġiet aċċettata u rreġistrata mit-trasportatur tal-ajru jew mal-organizzatur tal-ivvjaġġar?

Għall-finijiet tal-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, il-passiġġieri detenturi ta’ karta tal-imbark għal titjira partikolari, f’sitwazzjoni fejn ma ġiet ipprovata ebda ċirkustanza straordinarja partikolari, għandhom jitqiesu bħala li għandhom reżervazzjoni kkonfermata għat-titjira kkonċernata?

Għall-finijiet tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004, huwa l-passiġġier li għandu l-oneru tal-prova li ħallas it-titjira jew, bil-kontra, it-trasportatur, sabiex jevita r-responsabbiltà tiegħu, għandu jipproduċi l-prova li l-passiġġier ivvjaġġa mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas?

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn passiġġier jixtri package tours mingħand organizzatur tal-ivvjaġġar u li dan tal-aħħar ikun ħallas it-titjira lit-trasportatur, it-titjira għandha natura oneruża?

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta terz jixtri package tours f’isem il-passiġġieri, li fil-kuntest ta’ dan l-organizzatur tal-ivvjaġġar iħallas remunerazzjoni konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq lit-trasportatur li joffri titjiriet charter, il-passiġġieri inkwistjoni ma humiex “passiġġieri li jivvjaġġaw bi prezz imnaqqas”, irrispettivament mill-arranġamenti konklużi bejn it-terzi u l-passiġġieri?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.