Language of document : ECLI:EU:T:2019:338

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

16 ta’ Mejju 2019 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut – Taxxa progressiva imposta fuq id-dħul mill-bejgħ – Deċiżjoni li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali – Deċiżjoni finali li tikklassifika l-miżura bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Kundizzjoni dwar is-selettività”

Fil-Kawżi magħquda T‑836/16 u T‑624/17,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, M. Rzotkiewicz u E. Gromnicka, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn

L-Ungerija, irrappreżentata, fil-Kawża T‑836/16, minn M. Fehér, G. Koós u E. Tóth u, fil-Kawża T‑624/17, minn Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann u P.‑J. Loewenthal, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 5596 finali tad‑19 ta’ Settembru 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44351 (2016/C) (ex 2016/NN) – Il-Polonja – Taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, li fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward ta’ din il-miżura, u, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/160 tat-30 ta’ Ġunju 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44351 (2016/C) (ex 2016/NN) implimentata mill-Polonja għat-taxxa fuq is-settur tal-bejgħ bl-imnut (ĠU 2018, L 29, p. 38), li tagħlaq il-proċedura u li tgħid li din il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern u li ġiet eżegwita b’mod illegali,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

komposta minn S. Gervasoni, President tal-Awla, L. Madise (Relatur), R. da Silva Passos, K. Kowalik-Bańczyk u C. MAC Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: F. Oller, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-26 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-bidu tal-2016, il-Gvern Pollakk ippropona taxxa ġdida fis-settur tal-bejgħ bl-imnut tal-merkanzija. Għalkemm ċertu numru ta’ modalitajiet ta’ din it-taxxa kellhom ikunu suġġetti għal diversi konsultazzjonijiet, il-prinċipju adottat kien dak ta’ taxxa li l-bażi tagħha tkun id-dħul mill-bejgħ u li tkun ta’ natura progressiva.

2        Il-Kummissjoni Ewropea, informata b’dan il-proġett, bagħtet lill-awtoritajiet Pollakki talbiet għal informazzjoni u, b’riferiment għall-pożizzjoni li hija kienet ħadet f’Lulju 2015 dwar l-emenda tat-tariffa għall-ispezzjoni tal-katina tal-ikel applikata fl-Ungerija, li kienet adottat ukoll il-prinċipju ta’ tassazzjoni progressiva fuq id-dħul mill-bejgħ, hija indikat:

“Ir-rati tat-taxxa progressiva fuq id-dħul mill-bejgħ imħallsa minn impriżi huma, fil-fatt, marbuta mad-daqs tal-impriża u mhux fuq il-qligħ jew is-solvenza tagħha. Dawn jirriżultaw f’diskriminazzjoni bejn l-impriżi u jistgħu jikkawżaw tfixkil serju tas-suq. Billi joħolqu inugwaljanza fit-trattament bejn impriżi, dawn tqiesu li huma selettivi. Peress li l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE huma ssodisfati, [dawn jinvolvu għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ dan l-artikolu].”

3        Fis-6 ta’ Lulju 2016, is-Sejm Rzeczypospolitej Polskiej (il-Parlament tar-Repubblika tal-Polonja) adotta l-Liġi dwar it-Taxxa fis-Settur tal-Bejgħ bl-Imnut, li l-karatteristiċi essenzjali tagħha huma kif ġej. Is-settur ikkonċernat huwa dak tal-bejgħ bl-imnut tal-merkanzija lill-konsumatur bħala persuna fiżika. Il-persuni taxxabbli huma l-bejjiegħa bl-imnut kollha irrispettivament mill-istatus legali tagħhom. Il-bażi taxxabbli hija kkostitwita mid-dħul mill-bejgħ fix-xahar mwettaq li jaqbeż is-17-il miljun zloty Pollakk (PLN), jiġifieri madwar EUR 4 miljuni. Ir-rati tat-taxxa huma ta’ 0.8 % għall-parti tad-dħul mill-bejgħ fix-xahar ta’ bejn PLN 17 u 170 miljun u 1.4 % għall-parti tad-dħul mill-bejgħ imwettaq wara. Il-liġi daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2016.

4        Wara diversi skambji bejn l-awtoritajiet Pollakki u l-Kummissjoni, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-miżura inkwistjoni permezz tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2016, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44351 (2016/C) (ex 2016/NN) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-ewwel deċiżjoni kkontestata”). B’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni mhux biss intimat lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom, iżda wkoll abbażi tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), stiednet lill-awtoritajiet Pollakki jissospendu minnufih l-“applikazzjoni tar-rata progressiva tat-taxxa sakemm il-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern”.

5        Matul il-proċedura, l-awtoritajiet Pollakki, li effettivament issospendew l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni, ikkontestaw il-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

6        Il-Gvern Pollakk, barra minn hekk, fl-istess ħin tad-diskussjonijiet mal-Kummissjoni, talab lill-Qorti Ġenerali l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-ewwel deċiżjoni kkontestata (Kawża T‑836/16).

7        Il-Kummissjoni għalqet il-proċedura permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2018/160 tat-30 ta’ Ġunju 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44351 (2016/C) (ex 2016/NN) implimentata mill-Polonja dwar it-taxxa fuq is-settur tal-bejgħ bl-imnut (ĠU 2018, L 29, p. 38) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata”). Fiha l-Kummissjoni indikat li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, u li kienet ġiet implimentata b’mod illegali. L-awtoritajiet Pollakki kellhom definittivament jannullaw il-ħlasijiet kollha sospiżi bis-saħħa tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-ewwel deċiżjoni kkontestata. Peress li l-miżura inkwistjoni fil-prattika ma kinitx ġiet implimentata, il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm lok li jsir l-irkupru ta’ għajnuna mingħand il-benefiċjarji.

8        Il-Gvern Pollakk talab ukoll lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata (Kawża T-624/17).

9        Sostanzjalment, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-ewwel deċiżjoni kkontestata, u fid-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), iżda b’argumentazzjoni kompluta dwar ċerti aspetti fid-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment iġġustifikat il-klassifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-miżura inkwistjoni kif ġej, fid-dawl tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 107(1) TFUE.

10      L-ewwel nett, fir-rigward tal-imputabbiltà tal-miżura inkwistjoni lill-Istat u l-finanzjament tagħha mir-riżorsi tal-Istat, il-Kummissjoni qieset li ċerti impriżi kkonċernati, jiġifieri dawk bi dħul mill-bejgħ baxx, kienu jibbenefikaw, minħabba l-Liġi dwar it-Taxxa fis-Settur tal-Bejgħ bl-Imnut, minn trattament fiskali favorevoli meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jkunu obbligati jħallsu din it-taxxa u li r-rinunzja tal-Istat għar-riżorsi tat-taxxa li kieku kien jirċievi jekk l-impriżi kollha kienu jiġu suġġetti għall-istess rata medja effettiva kienet tinvolvi trasferiment tar-riżorsi tal-Istat lil impriżi vantaġġati.

11      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ, il-Kummissjoni fakkret li miżuri li jimmitigaw l-imposti li normalment jinġarru mill-impriżi jikkostitwixxu, bħal kull benefiċċju pożittiv, vantaġġ. F’dan il-każ, ir-rati medji ta’ taxxa żero jew inqas għolja tal-impriżi bi dħul mill-bejgħ baxx meta mqabbla mar-rati medji tat-taxxa ogħla ta’ impriżi bi dħul mill-bejgħ ogħla kienu taw vantaġġ lil tal-ewwel. Fid-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet li l-istrutturi ta’ distribuzzjoni organizzati fuq il-prinċipju ta’ ħwienet konċessjonarji kienu avvantaġġati meta mqabbla mal-istrutturi ta’ distribuzzjoni integrati, peress li d-dħul mill-bejgħ kien maqsum f’numru ta’ partijiet daqskemm kien hemm konċessjonarji għal tal-ewwel, filwaqt li kien ġie globalizzat fil-każ tat-tieni.

12      Fir-rigward tal-fatt li l-vantaġġ identifikat jiffavorixxi ċerti impriżi (kriterju ta’ selettività), il-Kummissjoni esponiet li, fir-rigward tal-vantaġġ fiskali, l-analiżi kellha titwettaq f’diversi stadji. L-ewwel nett, kellha tiġi identifikata s-sistema fiskali ta’ riferiment, imbagħad dak li kellu jiġi vverifikat jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxix deroga minn din is-sistema, fis-sens li hija kienet tintroduċi differenzazzjonijiet bejn impriżi li, fid-dawl tal-għanijiet intrinsiċi tas-sistema, kienu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u, fl-aħħar nett, fil-każ ta’ risposta pożittiva, jiġi ddeterminat jekk din l-eżenzjoni kinitx iġġustifikata min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema tat-taxxa ta’ riferiment. Tweġiba negattiva għat-tieni stadju jew, jekk ikun il-każ, risposta pożittiva għat-tielet kienu jippermettu li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv favur ċerti impriżi, filwaqt li risposta pożittiva għat-tieni stadju u risposta negattiva għat-tielet kienu jippermettu, għall-kuntrarju, li wieħed jikkonkludi li din teżisti.

13      F’dan il-każ, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, qieset li s-sistema ta’ riferiment kienet it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, anki għal dak li jikkonċerna l-impriżi bi dħul mill-bejgħ ta’ inqas minn PLN 17-il miljun, iżda mingħajr ma hija parti tal-istruttura progressiva tat-taxxa (ir-rati ta’ 0 % — li jikkorrispondi għall-grupp ta’ dħul mill-bejgħ mhux taxxabbli — ta’ 0.8 % u 1.4 % u l-kategoriji tad-dħul mill-bejgħ assoċjati).

14      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sussegwentement qieset li l-istruttura progressiva tat-taxxa, sa fejn hija mhux biss twassal għal rati tat-taxxa marġinali, iżda wkoll rati medji tat-taxxa, differenti bejn l-impriżi, kienet tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ riferiment li tapplika rata waħda ta’ taxxa. Fid-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprovdiet eżempju konkret ta’ ntaxxar ta’ tliet kumpanniji tal-bejgħ bl-imnut, l-ewwel eżempju bi dħul mill-bejgħ fix-xahar ta’ PLN 10 miljuni, it-tieni eżempju ta’ PLN 100 miljun, u t-tielet eżempju ta’ PLN 750 miljun. Ir-rata medja ta’ taxxa għall-ewwel alternattiva tammonta għal żero, għal dak tat-tieni tammonta għal 0.664 %, u għal dak tat-tielet tammonta għal 1.246 %.

15      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li deroga mis-sistema ta’ riferiment magħmula mill-istruttura progressiva tat-taxxa ma kinitx iġġustifikata min-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema. Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-għanijiet ta’ politika settorjali, bħal pereżempju ta’ politika reġjonali, ta’ politika ambjentali jew ta’ politika industrijali, ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward. Peress li l-awtoritajiet Pollakki pprospettaw skop ta’ ridistribuzzjoni bl-istruttura progressiva tat-taxxa, iġġustifikata mill-fatt li l-impriżi li jwettqu livelli għolja ta’ dħul mill-bejgħ setgħu jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala, kundizzjonijiet ta’ provvista jew ta’ strateġiji fiskali inaċċessibbli għall-impriżi ta’ daqs żgħir, il-Kummissjoni indikat li tali għan ta’ ridistribuzzjoni ma kienx koerenti ma’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ li tolqot l-impriżi biss skont id-daqs tal-volum ta’ attività tagħhom, iżda mhux skont l-ispejjeż tagħhom, il-profitabbiltà tagħhom, il-kapaċità kontributtiva tagħhom jew tal-faċilitajiet li, skont l-awtoritajiet Pollakki, l-impriżi l-kbar biss setgħu jibbenefikaw minnhom. Għall-Kummissjoni, taxxa progressivi fuq id-dħul mill-bejgħ tista’ tkun iġġustifikata biex tikkumpensa jew tiddisswadi s-seħħ ta’ ċerti effetti negattivi li jistgħu jinqalgħu minħabba l-attività msemmija (esternalitajiet negattivi) ta’ daqs kbir daqskemm id-daqs tad-dħul mill-bejgħ, iżda sitwazzjoni bħal din bl-ebda mod ma ntweriet f’dan il-każ.

16      Barra minn hekk, il-Kummissjoni esponiet li l-miżura inkwistjoni fixklet jew heddet li tfixkel il-kompetizzjoni u kienet qed taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, hija rrilevat b’mod partikolari li l-bejgħ bl-imnut fil-Polonja kien miftuħ għall-kompetizzjoni, li fih kienu jipparteċipaw impriżi minn Stati Membri oħra u li l-impriżi benefiċjarji ta’ rati tat-taxxa iktar baxxi b’hekk kienu jibbenefikaw minn għajnuna għall-operat. Peress li l-awtoritajiet Pollakki indikaw li l-istruttura progressiva tat-taxxa kienet tippermetti l-preżervazzjoni tal-kummerċ żgħir quddiem il-bejjiegħa bl-imnut ewlenin, il-Kummissjoni fih rat il-prova li huma kienu qed jippruvaw jinfluwenzaw l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-ewwel deċiżjoni kkontestata, fit-30 ta’ Novembru 2016 (Kawża T‑836/16).

18      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fil-21 ta’ Frar 2017.

19      Fis-17 ta’ Marzu 2017, l-Ungerija talbet li tintervjeni insostenn tar-Repubblika tal-Polonja. Hija ġiet awtorizzata permezz ta’ deċiżjoni tal-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ April 2017.

20      Il-Polonja, l-Ungerija u l-Kummissjoni ppreżentaw rispettivament replika, nota ta’ intervent u kontroreplika fil-11 ta’ Mejju, fid-19 ta’ Ġunju u fit-2 ta’ Awwissu 2017.

21      Ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata, fit-13 ta’ Settembru 2017 (Kawża T‑624/17).

22      Ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni kollha ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-nota ta’ intervent tal-Ungerija fil-Kawża T‑836/16 fl-20 ta’ Ottubru 2017.

23      B’ittra tal-21 ta’ Novembru 2017, ir-Repubblika tal-Polonja talbet b’mod motivat li tinżamm seduta fil-Kawża T‑836/16.

24      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fil-Kawża T‑624/17 fid-29 ta’ Novembru 2017.

25      Fit-30 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni talbet li l-Kawżi T‑836/16 u T‑624/17 jingħaqdu għall-fażi orali tal-proċedura.

26      Fil-15 ta’ Diċembru 2017, l-Ungerija talbet li tintervjeni insostenn tar-Repubblika tal-Polonja fil-Kawża T‑624/17. Hija ġiet awtorizzata tagħmel dan permezz ta’ deċiżjoni tal-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Jannar 2018.

27      Fl-20 ta’ Frar 2018, l-Ungerija ppreżentat in-nota ta’ intervent fil-Kawża T‑624/17. Ir-Repubblika tal-Polonja kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward rispettivament fid-9 u fid-19 ta’ April 2018.

28      B’ittra tal-15 ta’ Mejju 2018, ir-Repubblika tal-Polonja talbet b’mod motivat li tinżamm seduta fil-Kawża T‑624/17.

29      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali fil-Kawżi T‑836/16 u T‑624/17. Il-Qorti Ġenerali ddeċiediet ukoll li tagħmel mistoqsija lill-partijiet sabiex tingħatalha risposta waqt din il-fażi.

30      Fuq proposta tad-Disa’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tirreferi l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

31      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2018, il-Kawżi T‑836/16 u T‑624/17 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 68(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

32      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-26 ta’ Settembru 2018. F’din l-okkażjoni, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President tad-Disa’ Awla estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li l-Kawżi T-836/16 u T-624/17 għandhom jingħaqdu wkoll għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

33      Fil-Kawża T‑836/16, ir-Repubblika tal-Polonja titlob:

–        l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-ewwel deċiżjoni kkontestata;

–        il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34      Fil-Kawża T‑624/17, ir-Repubblika tal-Polonja titlob:

–        l-annullament tad-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata;

–        il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

35      Fil-Kawżi T‑836/16 u T‑624/17, il-Kummissjoni titlob:

–        iċ-ċaħda tar-rikorsi;

–        il-kundanna tar-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

36      Fil-Kawżi T‑836/16 u T‑624/17, l-Ungerija titlob li r-rikors jintlaqa’.

37      Fil-Kawża T‑836/16, l-Ungerija titlob ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Ungeriż.

 Id-dritt

38      Fil-Kawża T-836/16, il-Gvern Pollakk iqajjem erba’ motivi kontra d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-ewwel deċiżjoni kkontestata: l-ewwel dak ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE; sussegwentement dawk ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2015/1589 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-ordni li tiġi sospiża mingħajr dewmien l-“applikazzjoni tar-rata progressiva tat-taxxa sakemm il-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern”; fl-aħħar nett, dak ibbażat fuq motivazzjoni żbaljata u insuffiċjenti.

39      Fil-Kawża T‑624/17, il-Gvern Pollakk iqajjem żewġ motivi kontra d-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata: minn naħa, dak ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, min-naħa l-oħra, dak ibbażat fuq motivazzjoni żbaljata u insuffiċjenti.

40      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li teżamina fl-ewwel lok il-motivi bbażati fuq l-eżistenza, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, ta’ żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

41      Il-Gvern Pollakk isostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li t-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut kienet tikkostitwixxi miżura selettiva li tagħti vantaġġ lil ċerti impriżi minħabba n-natura progressiva tar-rati tagħha applikati fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ. Bil-kontra, din kienet miżura ġenerali, mhux selettiva, jew li setgħet tista’ titqies li hija selettiva mal-ewwel ħarsa, iżda li, peress li hija ġġustifikata min-natura u mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali inkwistjoni, fl-aħħar mill-aħħar ma hijiex selettiva.

42      Skont dak li qed jesponi l-Gvern Pollakk fl-ewwel sensiela ta’ argumenti, it-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut ma tistax titqies li hija a priori ta’ natura selettiva, għaliex l-istruttura tagħha, li hija l-kawża tas-selettività tagħha skont il-Kummissjoni, ma tidderogax mis-sistema ta’ riferiment li fiha taqa’ din it-taxxa, peress li hija komponent ta’ din is-sistema. Il-Gvern Pollakk iżid preċiżament dan li ġej.

43      In-natura progressiva tar-rati tat-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, li l-Kummissjoni tqis li hija l-manifestazzjoni ta’ vantaġġ selettiv favur ċerti impriżi, għall-kuntrarju, hija, bil-kontra, parti integrali tas-sistema ta’ riferiment, ikkostitwita mill-imsemmija taxxa bil-karatteristiċi tagħha fir-rigward tal-bażi taxxabbli, tal-avveniment taxxabbli u tar-rati tat-taxxa. In-natura progressiva tar-rati ma tistax għalhekk titqies li twassal għal deroga mis-sistema ta’ riferiment. Il-Kummissjoni llimitat b’mod żbaljat is-sistema ta’ riferiment għat-taxxa inkwistjoni mingħajr struttura ta’ rati, ħaġa li twassal għas-sitwazzjoni stramba li s-sistema fiskali ta’ riferiment li hija identifikat ma fihiex rata ta’ tassazzjoni “normali” li fuqha tista’ tiġi evalwata l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, hekk kif jirriżulta mill-premessi 26 u 51 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-ewwel deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mill-premessi 47 u 49 tad-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni sempliċement qieset li għandu jkun hemm biss rata waħda ta’ taxxa, li tista’ fejn xieraq tiġi stabbilita mill-awtoritajiet Pollakki skont ir-rata marġinali massima ta’ 1.4 % jew ir-rata medja effettiva għal persuni taxxabbli.

44      Issa, ir-rati tat-taxxa, inklużi dawk fil-każ ta’ skala progressiva, huma neċessarjament parti ta’ kull taxxa, kif barra minn hekk kienet indikat il-Kummissjoni fil-punt 134 tal-komunikazzjoni tagħha dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” stabbilit fl-Artikolu 107(1) [TFUE] (ĠU 2016, C 262, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat”). Billi riedet timponi rata ta’ taxxa unika għal taxxa, il-Kummissjoni qed tindaħal fil-kompetenzi fiskali tal-Istati Membri.

45      Il-Gvern Pollakk jenfasizza li, f’dan il-każ, l-iskala progressiva inkwistjoni tista’ tinqara u hija ċara u li r-rati ta’ taxxa huma stabbiliti f’livelli relattivament baxxi u b’mod lineari, peress li r-rata għolja ta’ 1.4 % hija biss 1.75 darbiet ogħla mill-ewwel rata ta’ 0.8 %. Ma hemmx effett ta’ limitu sa fejn, indipendentement mid-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati, għal kollha tiġi applikata eżenzjoni ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fix-xahar sa PLN 17 miljun, rata ta’ 0.8 % għall-parti tad-dħul mill-bejgħ fix-xahar ta’ bejn 17 u 170 miljun PLN, u rata ta’ 1.4 % għall-parti tad-dħul mill-bejgħ fix-xahar li jaqbeż PLN 170 miljun. Is-sistema la hija diskriminatorja u lanqas diskrezzjonali; hija ma tinkludi ebda aspett derogatorju. Il-Gvern Pollakk isostni wkoll li l-istruttura tat-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut ma tistax tiġi assimilata mal-eżenzjoni sħiħa li minnha jibbenefikaw il-kumpanniji “off-shore” f’Ġibiltà, eżaminata fis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C-107/09 P, EU:C:2011:732), li kienet tmur kontra l‑għan tat-taxxi kkonċernati li jissottomettu l-impriżi kollha għal sistema ġenerali ta’ taxxa, iżda din l-istruttura hija simili għal mekkaniżmi ta’ limiti massimi ta’ dawn it-taxxi, għall-impriżi kollha, għal 15 % tad-dħul, li tqiesu fl-istess sentenza li ma jinvolvux vantaġġ selettiv.

46      Il-Gvern Pollakk iżid jgħid li t-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut kif imfassla tissodisfa ż-żewġ għanijiet li jagħtu lill-Istat dħul finanzjarju filwaqt li jitqassam b’mod ġust il-piż tat-taxxa bejn il-persuni taxxabbli skont il-kapaċità kontributtiva tagħhom, f’loġika ta’ ridistribuzzjoni, aspett li huwa nnifsu jiżgura r-ritorn tad-dħul mit-taxxa. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fil-premessa 29 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-ewwel deċiżjoni kkontestata, u l-premessa 49 tad-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata, l-għan ta’ din it-taxxa ma huwiex biss li jinkiseb dħul fiskali jew li “jiġi ntaxxat id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kollha tas-settur tal-bejgħ bl-imnut”. Dan jikkonferma li r-rati tat-taxxa u l-livelli ta’ tassazzjoni assoċjati huma parti mis-sistema ta’ riferiment. Barra minn hekk, għalkemm l-għażliet tal-organizzazzjoni ta’ ktajjen ta’ distribuzzjoni setgħu effettivament jinfluwenzaw il-livell ta’ taxxa li huma suppost kellhom iħallsu, kull waħda kienet libera li tadotta l-mod ta’ organizzazzjoni l-iktar favorevoli f’dan ir-rigward, b’mod partikolari permezz ta’ eżenzjoni. B’mod partikolari, il-grupp Carrefour, bħal distributuri bl-imnut kbar oħra ta’ oriġini barranija, kien għamel użu wiesa’ minnu, filwaqt li xi persuni taxxabbli kontributuri kbar għall-organizzazzjoni integrata huma kumpanniji b’kapital Pollakk.

47      Għal dawn l-argumenti, il-Kummissjoni tirrispondi l-ewwel nett permezz ta’ osservazzjonijiet preliminari. Hija tfakkar li hija qieset li l-impriżi kollha tal-bejgħ bl-imnut kienu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli fir-rigward tal-għan tat-taxxa inkwistjoni u li l-istruttura progressiva tar-rati tagħha kienet twassal għal diskriminazzjoni bejn dawn l-impriżi skont id-daqs tagħhom, ħaġa li la kienet iġġustifikata mil-loġika u lanqas min-natura tal-imsemmija taxxa, peress li l-impriżi kienu qed iwettqu dħul mill-bejgħ baxx u b’rata medja effettiva żero jew iktar baxxa mill-impriżi bi dħul mill-bejgħ ogħla. B’dan il-mod, kważi l-bejjiegħa kolha żgħar u medji indipendenti kienu prattikament eżenti jew intaxxati fuq id-dħul kollu tagħhom għal rata medja effettiva ta’ inqas minn 0.8 %, filwaqt li l-bejjiegħa bl-imnut kbar, pereżempju l-katini integrati tas-supermerkati, kienu suġġetti għal rata medja effettiva iktar qrib ir-rata massima ta’ 1.4 %, li tmiss parti sinjifikattiva mill-profitti tagħhom. Il-kumpanniji tal-bejgħ bl-imnut b’kapital Pollakk huma ġeneralment parti tal-benefiċjarji tas-sistema filwaqt li dawk barranin jiġu bil-kontra suġġetti għal rata ogħla mill-medja. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li, skont varja informazzjoni pubblika, minn kważi 200 000 ħanut jew kumpannija tal-bejgħ bl-imnut, madwar mija biss kienu suġġetti għat-taxxa f’Settembru 2016, b’riżultat mistenni ta’ PLN 114 miljun, li minnhom 80 miljun kienu dovuti mill-ikbar għaxar impriżi. Tnax-il impriża biss laħqu l-porzjon ta’ taxxa ta’ 1.4 %. Diversi dikjarazzjonijiet politiċi fil-Polonja kienu barra minn hekk indikaw b’mod ċar li t-taxxa kienet maħsuba li jiġu ekwilibrati mill-ġdid il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-bejjiegħa bl-imnut żgħar u l-katini ta’ distribuzzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, katina ta’ distribuzzjoni organizzata fuq il-metodu ta’ eżenzjoni tiġi ftit, jew xejn, suġġetta, filwaqt li katina ta’ distribuzzjoni integrata li tiġġenera l-istess dħul mill-bejgħ tkun ħafna iktar suġġetta. Il-Kummissjoni tipprovdi f’dan ir-rigward l-eżempju tal-Grupp Carrefour, li huwa organizzat parzjalment b’mod integrat u li kien suġġett għal din il-parti għal rata medja ta’ 1.2 %, filwaqt li l-katina Pollakka Lewiatan, li topera bil-metodu tal-eżenzjoni u li hija nnifisha maqsuma f’sittax-il kumpannija, li twettaq dħul mill-bejgħ ikbar minn Carrefour, tiġi ntaxxata b’rata medja ta’ kważi żero. F’dan ir-rigward, anki jekk xi ktajjen ta’ oriġini barranija, bħal Carrefour, ukoll użaw l-eżenzjoni, il-konċessjonarji huma preċiżament in-negozji ta’ prossimità Pollakki, avvantaġġati mis-sistema fiskali inkwistjoni. Il-Kummissjoni madankollu enfasizzat waqt is-seduta li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma kinux fondati, fir-rigward tal-prova tan-natura selettiva tal-vantaġġi li jirriżultaw min-natura progressiva tal-istruttura tar-rati tat-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, dwar l-identifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni skont l-oriġini nazzjonali tal-persuni taxxabbli.

48      Il-Kummissjoni żżid, filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732), li ma huwiex biżżejjed, sabiex isir magħruf jekk miżura fiskali hijiex selettiva favur ċerti impriżi, li jiġi eżaminat jekk hemmx deroga mir-regoli tas-sistema ta’ riferiment kif iddefinit mill-Istat Membru kkonċernat, iżda għandu wkoll jiġi vverifikat jekk il-limiti jew l-istruttura tas-sistema ta’ riferiment ikunux ġew iddefiniti b’mod konsistenti jew, bil-kontra, b’mod arbitrarju jew imparzjali b’mod ċar li tiffavorixxi dawn l-impriżi, li huwa l-każ f’din il-kawża. Il-Kummissjoni tesponi li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-vantaġġ selettiv li minnha jibbenefikaw ċerti kumpanniji kien jirriżulta mill-ħolqien stess tat-taxxa kkonċernata. Is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981), tikkonferma dan l-approċċ.

49      Il-Kummissjoni ssostni wkoll, sa fejn il-Gvern Pollakk jiġġustifika s-sistema fiskali inkwistjoni minħabba n-neċessità li tittieħed in kunsiderazzjoni l-kapaċità kontributtiva tal-impriżi, li bażi taxxabbli li tikkorrispondi għad-dħul mill-bejgħ ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward, għaliex dħul mill-bejgħ kbir jista’ jiġi assoċjat ma’ sitwazzjoni ta’ telf u viċe versa. Il-fatt li impriża tkun ta’ daqs kbir ma jfissirx li hija għandha kapaċità kontributtiva kbira. Ir-rieda li jiġu miġġielda l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, ukoll invokata mill-Gvern Pollakk, lanqas ma hija rilevanti, għaliex ir-riskju ta’ evażjoni tal-bażi taxxabbli jseħħ biss fil-kuntest ta’ taxxi fuq il-profitti.

50      Il-Kummissjoni tippreċiża li l-analiżi tagħha ma tqiegħidx inkwistjoni l-awtonomija fiskali tal-Istati Membri. Ir-Repubblika tal-Polonja tibqa’ sovrana fil-qasam, sakemm jiġu osservati r-regoli tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat.

51      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tad-diskussjoni dwar id-determinazzjoni tas-sistema ta’ riferiment, il-Kummissjoni tesponi li, sabiex tiġi stabbilita s-selettività ta’ miżura fiskali vantaġġuża, jeħtieġ li tiġi identifikata din is-sistema, magħmula minn ġabra koerenti ta’ regoli li jiġu applikati b’mod ġenerali fuq il-bażi tal-kriterji applikabbli għall-impriżi kollha li jaqgħu fl-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif iddefinit mill-għan tagħha, u mbagħad tintwera li l-miżura inkwistjoni tidderoga minn dik is-sistema sa fejn tintroduċi distinzjonijiet bejn l-impriżi li jinsabu, fir-rigward tal-imsemmi għan, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. F’dan il-każ, peress li l-għan tat-taxxa inkwistjoni huwa d-dħul mill-bejgħ tal-bejgħ bl-imnut u peress li l-persuni taxxabbli huma l-bejjiegħa bl-imnut, fid-dawl tal-għan ta’ din it-taxxa, il-bejjiegħa bl-imnut kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom, jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli. Is-sistema ta’ riferiment hija b’hekk it-tassazzjoni tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ bl-imnut.

52      Madankollu, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C-107/09 P, EU:C:2011:732), is-sistema ta’ riferiment, kif ippreżentata mill-Gvern Pollakk, hija minnha nnifsha ideata apposta sabiex tkun selettiva, mingħajr ma tista’ tkun iġġustifikata mill-għan ta’ taxxa li tiġġenera dħul għall-Istat. Il-Kummissjoni ma injoratx li l-istess rati u l-istess livelli japplikaw għall-kumpanniji kollha ta’ bejgħ bl-imnut, iżda, minkejja dan, il-bejjiegħa bl-imnut lokali jiġu avvantaġġati b’rata medja effettiva żero jew ferm iktar baxxa mill-bejjiegħa bi dħul mill-bejgħ kbir. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tressaq l-illustrazzjoni b’ċifri li tinsab fid-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata, li tissemma fil-punt 14 iktar’ il fuq. Il-loġika ta’ determinazzjoni ta’ livelli ma tistax ħlief tkun, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni valida tal-awtoritajiet Pollakki, li tiffavorixxi l-bejjiegħa ż-żgħar u li ġġiegħel lill-kumpanniji l-kbar tas-settur iħallsu.

53      L-argument tal-Gvern Pollakk li jgħid li n-natura progressiva tat-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut huwa ġġustifikat bil-għan doppju li jipprovdi lill-Istat dħul fiskali, filwaqt l-piż fiskali jinqasam b’mod ġust bejn il-persuni taxxabbli skont il-kapaċità kontributtiva tagħhom, ma jaqax taħt l-istadju intiż li jiddetermina s-sistema fiskali ta’ riferiment, iżda jekk ikun il-każ taħt ġustifikazzjoni meħtieġa wara l-identifikazzjoni ta’ deroga minn din is-sistema. Fi kwalunkwe każ l-għan intrinsiku tat-taxxa li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ma huwiex il-ġenerazzjoni ta’ dħul fiskali, li huwa l-għan ta’ kull taxxa, iżda l-intaxxar tad-dħul mill-bejgħ tal-kummerċ bl-imnut, bl-istess mod li l-għan ta’ taxxa fuq il-profitti huwa li jiġu ntaxxati l-profitti. Kif issemma fil-punt 49 iktar ’il fuq, l-għan xorta ma setgħax jkun li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità kontributtiva tal-varji impriżi li jeżerċitaw il-bejgħ bl-imnut.

54      B’dan il-mod, is-sistema ta’ riferiment suppost kellha tiġi ddeterminata fid-deċiżjonijiet ikkontestati bħala t-tassazzjoni tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ bl-imnut, mingħajr skala progressiva, peress li ebda rata lineari partikolari ma ġiet adottata, bil-kontra ta’ dak li qed jafferma l-Gvern Ungeriż.

55      Għandhom jiġu eżaminati l-argumenti deskritti fil-qosor hawn fuq.

56      L-Artikolu 107(1) TFUE jgħid: “Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkumpatibbli mas-suq intern.”

57      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 107(1) TFUE ma hijiex limitata għas-sussidji, peress li din tinkludi mhux biss provvisti pożittivi, bħas-sussidji stess, iżda wkoll interventi tal-Istat li, taħt forom differenti, inaqqsu l-piżijiet li normalment jiddaħħlu fil-baġit ta’ impriża u li, b’hekk, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, ikunu tal-istess natura u jkollhom effetti identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, 30/59, EU:C:1961:2, p. 39, tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 33; tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 13, u tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 71).

58      Fil-qasam fiskali, minn dan jirriżulta li miżura li biha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi trattament fiskali vantaġġuż li, għalkemm ma jinkludix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-kontribwenti l-oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 14, tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 72, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 56).

59      Il-prova tal-eżistenza ta’ trattament fiskali vantaġġuż irriżervat lil ċerti impriżi, magħrufa wkoll bħala l-karatterizzazzjoni tas-selettività tal-miżura inkwistjoni, teżiġi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, din il-miżura tkunx ta’ natura li tiffavorixxi ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn, li jkunu jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 33; ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      B’mod iktar speċifiku, skont il-metodu ta’ analiżi stabbilit fil-ġurisprudenza, il-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali vantaġġuża bħala “selettiva” titlob, l-ewwel nett, l-identifikazzjoni u l-eżami minn qabel tas-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 57, u tat-28 ta’ Ġunju 2018, Andres (falliment ta’ Heitkamp BauHolding) vs Il‑Kummissjoni, C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Huwa fir-rigward ta’ din is-sistema tat-taxxa li huwa meħtieġ, fit-tieni lok, li tiġi evalwata, u fejn xieraq, stabbilita, in-natura selettiva eventwali tal-vantaġġ mogħti mill-miżura fiskali inkwistjoni billi jintwera li din tal-aħħar tidderoga mill-imsemmija sistema “normali” billi tintroduċi differenzazzjonijiet bejn operaturi li jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan assenjat lis-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punt 49, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 57). Min-naħa l-oħra, jekk jidher li l-vantaġġ fiskali (magħruf ukoll bħala differenzjazzjoni) ikun iġġustifikat min-natura u l-istruttura tas-sistema li fih jinsab, huwa ma jikkostitwixxix vantaġġ selettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, EU:C:2001:598, punt 42; tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C-148/04, EU:C:2005:774, punti 51 u 52; tas-6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il-Kummissjoni, C-88/03, EU:C:2006:511, punt 52; tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 83, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punti 58 u 60).

62      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta tissemma n-natura tas-sistema “normali”, huwa l-għan mogħti lil dan tal-aħħar li huwa intiż, filwaqt li, meta tissemma l-istruttura tas-sistema “normali”, huma r-regoli tagħha ta’ tassazzjoni li huma intiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-88/03, EU:C:2006:511, punt 81, u tat-7 ta’ Marzu 2012, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, T‑210/02 RENV, EU:T:2012:110, punt 84). Għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ għan jew ta’ natura tas-sistema fiskali “normali” imsemmija hawn fuq tirreferi għall-prinċipji bażiċi jew ta’ gwida ta’ dik is-sistema fiskali u la jirreferi għal politiki li jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu ffinanzjati permezz tar-riżorsi li huwa jipprovdi (bħal f’dan il-każ il-finanzjament ta’ miżuri ta’ politika familjari), u lanqas l-għanijiet li jistgħu jiġu mfittxija permezz ta’ derogi minn din is-sistema fiskali.

63      F’dan il-każ, qabelxejn hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni tad-determinazzjoni tas-sistema fiskali “normali” li fil-konfront tagħha l-eżistenza jew le ta’ vantaġġ selettiv għandha bħala prinċipju titfittex.

64      Għandu jiġi enfasizzat, sa fejn il-Kummissjoni tirreferi b’mod partikolari fid-deċiżjonijiet ikkontestati għas-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732), li t-tliet taxxi suġġett tal-kawżi li taw lok għal din is-sentenza kienu flimkien jifformaw sistema ġenerali ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji kollha stabbiliti f’Ġibiltà, filwaqt li, f’dan il-każ, il-miżura kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni hija parti minn taxxa settorjali speċifika li tikkonċerna l-kummerċ bl-imnut tal-merkanzija lill-individwi. Is-sistema fiskali “normali” ma tistax fi kwalunkwe każ tmur lil hinn minn dan is-settur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punti 54 sa 63).

65      Issa, il-Gvern Pollakk ġustament isostni li r-rati tat-taxxa ma jistgħux jiġu esklużi mill-kontenut ta’ sistema fiskali, hekk kif għamlet il-Kummissjoni (ara l-premessi 22 u 29 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-ewwel deċiżjoni kkontestata, l-premessi 46 u 49 tad-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata). Kemm jekk l-intaxxar ikun b’rata unika jew progressiva, il-livell ta’ ġbir huwa parti, bħala bażi taxxabbli, bħala fatt taxxabbli u bħala kamp tal-persuni taxxabbli, tal-karatteristiċi fundamentali tas-sistema legali ta’ ġbir fiskali. Kif jenfasizza l-Gvern Pollakk, il-Kummissjoni stess tindika, fil-punt 134 tal-komunikazzjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, li, “[f] il-każ ta’ taxxi jew ħlasijiet, is-sistema ta’ riferiment hija bbażata fuq elementi bħall-bażi tat-taxxa, il-persuni taxxabbli, l-avveniment taxxabbli u r-rati tat-taxxa”. Fl-assenza ta’ livell ta’ ġbir li jippermetti d-determinazzjoni ta’ liema hija l-istruttura tas-sistema “normali”, huwa barra minn hekk impossibbli li jiġi eżaminat jekk hemmx deroga vantaġġuża favur ċerti impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 56, u tas-7 ta’ Marzu 2012, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, T‑210/02 RENV, EU:T:2012:110, punt 52). Huwa għal din ir-raġuni li, jekk ikun il-każ, jekk, fil-kuntest tal-istess taxxa, ċerti kumpanniji jkunu suġġetti għal rati ta’ taxxa differenti, inklużi eżenzjonijiet differenti minn oħrajn, ikun hemm lok li tiġi ddeterminata liema tkun is-sitwazzjoni “normali” fil-qasam, li tagħmel parti mis-sistema “normali”, u mingħajr l-identifikazzjoni tagħha l-metodu mfakkar fil-punti 60 u 61 iktar ’il fuq ma jkunx jista’ jiġi applikat.

66      Jirriżulta barra minn hekk mid-deċiżjonijiet ikkontestati u mill-argument tal-Kummissjoni li din tal-aħħar fittxet li tidentifika skema “normali” li fiha struttura ta’ tassazzjoni li għaliha tkun tista’ tirreferi. Jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 26 u 32 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, ewwel deċiżjoni kkontestata, u mill-premessi 47, 49 u 54 tad-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata, li, għall-Kummissjoni, din is-sistema kellha tkun sistema li fiha d-dħul mill-bejgħ tal-bejjiegħa bl-imnut jiġi ntaxxat b’rata unika fl-ewwel PLN (lineari). Barra minn hekk il-Kummissjoni turi dispjaċir li l-awtoritajiet Pollakki ma indikawlhiex valur għal din ir-rata unika (premessa 26 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, ewwel deċiżjoni kkontestata, u premessa 47 tad-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata) u saħansitra ssuġġerixxiet li jitqies il-livell massimu ta’ 1.4 % jew l-ogħla rata medja effettiva għall-persuni taxxabbli (premessa 51 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, ewwel deċiżjoni kkontestata). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema “normali” b’rata unika li l-Kummissjoni tirreferi għaliha, f’ċerti siltiet tad-deċiżjonijiet ikkontestati, hija sistema ipotetika li ma setgħetx tiġi adottata. Fil-fatt, l-analiżi tan-natura selettiva, jew le, ta’ vantaġġ fiskali, li jseħħ fit-tieni stadju tal-metodu mfakkar fil-punti 60 u 61 iktar ’il fuq, għandha ssir fid-dawl tal-karatteristiċi veri tas-sistema fiskali “normali” li tinsab fih, li jiġu identifikati matul l-ewwel fażi ta’ dan il-metodu, u mhux fid-dawl ta’ ipoteżijiet li ma jkunux ġew adottati mill-awtorità kompetenti.

67      Konsegwentement, il-Kummissjoni identifikat, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, sistema “normali” jew inkompleta, mingħajr rati ta’ taxxa, jew ipotetika, b’rata ta’ taxxa unika, ħaġa li tikkostitwixxi żball ta’ liġi.

68      Fid-dawl tan-natura settorjali tat-taxxa inkwistjoni u l-assenza ta’ skala ta’ rati differenzjati għal ċerti impriżi, l-unika sistema “normali” li setgħet f’dan il-każ tiġi adottata kienet, kif isostni l-Gvern Pollakk, it-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut innifsu, bl-istruttura tagħha ta’ rati progressivi u l-livelli tagħha, inkluż madankollu, kontra dak li jsostni dan il-gvern, it-tnaqqis tal-bażi taxxabbli previst għall-parti tad-dħul mill-bejgħ bejn 0 sa 17-il miljun PLN, peress li dan it-tnaqqis kien de facto parti mill-istruttura tat-tassazzjoni u li, għalkemm eżentata mit-taxxa, l-attività korrispondenti taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni settorjali tagħha.

69      Madankollu, anki jekk il-Kummissjoni wettqet żball fl-identifikazzjoni tas-sistema fiskali “normali” rilevanti, hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-konklużjoni li waslet għaliha ma hijiex iġġustifikata minn raġunijiet oħra li jidhru fid-deċiżjonijiet ikkontestati u li jippermettu li tiġi identifikata l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv favur ċerti impriżi.

70      Fil-fatt, il-Kummissjoni ma qisietx biss li l-istruttura progressiva tat-taxxa inkwistjoni kienet tidderoga minn sistema “normali”, f’dan il-każ identifikata b’mod inkomplet jew ipotetiku, iżda hija wkoll motivat, sostanzjalment, l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv favur l-impriżi bi dħul mill-bejgħ baxx abbażi tas-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732), li kienet tikkonċerna sistema fiskali fiha nnifisha diskriminatorja fir-rigward tal-għan li kienet mistennija ssegwi, jiġifieri fid-dawl tan-natura tagħha. F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li l-istruttura tat-taxxa fis-settur tal-kummerċ bl-imnut, bir-rati progressivi u l-livelli tagħha, kienet tmur kontra l-għan imfittex minn din it-taxxa u li f’dan ir-rigward kellha effetti diskriminatorji bejn l-impriżi f’dan is-settur. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk din l-evalwazzjoni hijiex fondata.

71      B’dan il-mod, fil-premessa 23 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-ewwel deċiżjoni kkontestata, u fil-premessa 46 tad-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li “[kien h]emm ukoll bżonn li jiġi evalwat ukoll jekk il-limiti ta’ din is-sistema tfasslux mill-Istat Membru b’mod konsistenti jew, inkella, tfasslux b’mod arbitrarju jew bi preġudizzju ċar, b’tali mod li jiffavorixxu lil ċerti impriżi fuq oħrajn”. Fil-premessa 47 tad-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata, hija rrilevat li “r-rata tat-taxxa effettiva medja applikata għal impriżi b’livelli baxxi ta’ dħul mill-bejgħ [kien] inqas għoli minn dak applikat għal impriżi bi dħul mill-bejgħ ogħla […] filwaqt li ż-żewġ tipi ta’ impriżi [kienu jeżerċitaw] l-istess attività”. Fil-premessi 28 u 29 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, hija indikat li “l-għan iddikjarat tat-taxxa [kien li] jiġbru dħul għall-baġit ġenerali”, li, “fid-dawl ta’ dak l-għan, il-Kummissjoni [qieset] li l-bejjiegħa bl-imnut kollha [kienu] f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli irrispettivament […] mid-dħul mill-bejgħ tagħhom”, li “[kien jidher] għalhekk li l-Polonja [kienet] ipprospettat deliberatament it-taxxa b’tali mod li tiffavorixxi b’mod arbitrarju ċerti impriżi” u li “[s‑]sistema [kienet] intenzjonalment selettiva b’mod mhux iġġustifikat mill-għan tat-taxxa”. Il-premessa 49 tad-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata, tinkludi evalwazzjonijiet simili, madankollu, bħall-premessa 44 tal-istess deċiżjoni, din id-darba l-indikazzjoni li tgħid li l-għan tat-taxxa huwa li “jiġi ntaxxat il-bejgħ mid-dħul tal-impriżi kollha tas-settur tal-bejgħ bl-imnut”.

72      Madankollu, l-ewwel nett, l-għan identifikat fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-ewwel deċiżjoni kkontestata, fil-premessi 28 u 29, jiġifieri li jiżdied il-baġit ġenerali, huwa, kif iddikjarat il-Kummissjoni stess fir-risposta tagħha, komuni għat-taxxi kollha mhux allokati li jikkostitwixxu s-sinsla tas-sistemi fiskali u huwa, waħdu, insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita n-natura tal-varji taxxi, pereżempju skont it-tip ta’ persuni taxxabbli indikati fih, skont jekk humiex ġenerali jew settorjali, jew skont l-għan oġġettiv eventwali li jfittxu, pereżempju għal dak li jirrigwarda t-taxxi intiżi li jnaqqsu l-ħsara għall-ambjent (ekotaxxi). Barra minn hekk, l-istruttura progressiva tar-rata tat-taxxa ma tistax, bħala tali, tmur kontra l-għan li jinġabar dħul fiskali.

73      Fit-tieni lok, l-għan identifikat fid-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata, fil-premessi 44 u 49, jiġifieri li jiġi ntaxxat id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kollha tas-settur ikkonċernat, ma setax jiġi aċċettat. Ebda element fil-proċess ma jippermetti li jitqies li l-leġiżlatur Pollakk kellu din l-intenzjoni. Għall-kuntrarju, kemm l-espożizzjoni tal-motivazzjoni tal-Liġi dwar it-Taxxa fis-Settur tal-Bejgħ bl-Imnut (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima intitolata “l-obbligu fiskali u r-rati tat-taxxa”), kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Pollakki matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 27 ta’ din id-deċiżjoni), juru li l-għan kien li tiġi stabbilita taxxa settorjali li tosserva l-prinċipju ta’ ridistribuzzjoni fiskali.

74      Jirriżulta b’mod iktar preċiż mill-elementi fil-proċess li l-Liġi dwar it-Taxxa fis-Settur tal-Bejgħ bl-Imnut stabbilixxiet taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ tal-bejjiegħa bl-imnut, irrispettivament mill-istatus legali tagħhom, għall-bejgħ tal-merkanzija lil individwi, assoċjat ma’ loġika ridistributtiva. It-taxxa inkwistjoni, anki jekk ġiet ippreżentata bħala li tippermetti l-finanzjament ta’ miżuri ta’ politika familjari, kellha tkun sors għall-baġit ġenerali. Ebda għan speċifiku ieħor, intiż pereżempju biex jiġi kkumpensat jew skoraġġut is-seħħ ta’ effetti negattivi li jkunu jistgħu jinqalgħu bl-attività inkwistjoni, ma ġie pprospettat.

75      Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-istruttura tat-taxxa inkwistjoni, ikkaratterizzata minn struttura ta’ tassazzjoni progressiva, kienet a priori koerenti ma’ dan il-għan anki jekk it-taxxa inkwistjoni kienet taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ.  Fil-fatt, huwa raġonevoli li jiġi preżunt li l-impriża li twettaq dħul mill-bejgħ għoli tista’, permezz ta’ ekonomiji ta’ skala differenti, ikollha spejjeż proporzjonalment iżgħar minn dik li twettaq dħul mill-bejgħ modest — minħabba spejjeż unitarji fissi (bini, taxxi fuq il-proprjetà, tagħmir, ispejjeż tal-persunal, pereżempju) u l-ispejjeż unitarji varjabbli (provvisti tal-materja prima, pereżempju) jonqsu mal-volum ta’ attività — u hija tkun tista’ tgawdi minn dħul disponibbli proporzjonalment akbar li tagħmilha kapaċi tħallas iktar proporzjonalment bħala taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ.

76      Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonfermat dak li essenzjalment qed isostni l-Gvern Pollakk, jiġifieri li l-għan ta’ din it-taxxa kien li jistabbilixxi tassazzjoni settorjali li tosserva għan ridistributtiv fuq il-bejgħ bl-imnut tal-bejjiegħa bl-imnut.

77      Għaldaqstant, il-Kummissjoni f’dan il-każ għamlet żball ieħor billi adottat bħala l-għan tat-taxxa fuq il-bejgħ bl-imnut għan differenti minn dak li kien ipprospettat mill-awtoritajiet Pollakki.

78      Dan it-tieni żball huwa barra minn hekk marbut mal-ewwel li wettqet il-Kummissjoni, peress li l-għan li jiġi ntaxxat id-dħul mill-bejgħ tal-“impriżi kollha” tas-settur ikkonċernat li hija għażlet kien ifisser, fir-realtà, fl-ispirtu tiegħu, l-assenza ta’ tnaqqis kif ukoll l-eżistenza ta’ rata uniformi ta’ tassazzjoni, li tikkorrispondi mas-sistema fiskali ipotetika li hija fittxet li tidentifika, kif juru l-aħħar sentenzi, identiċi, tal-premessa 32 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-ewwel deċiżjoni kkontestata, u tal-premessa 54 tad-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata, riprodotti hawn taħt:

“[Is-sistema ta’ riferiment] timplika l-issuġġettar […] tal-impriżi kollha li joperaw fil-Polonja fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u l-impożizzjoni ta’ taxxa b’rata uniformi (taxxa lineari).”

79      F’dan l-istadju tal-analiżi, il-kwistjoni tirrigwarda jekk il-Kummissjoni setgħetx xorta, minkejja żewġ ż-żbalji identifikati hawn fuq fid-definizzjoni tas-sistema ta’ riferiment u tal-għan tagħha, ġustament tidentifika elementi li juru l-eżistenza ta’ vantaġġi selettivi tat-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut fid-dawl tas-sistema ta’ riferiment u tal-għan tagħha, imsemmija fil-punti 68 u 76 iktar ’il fuq kif jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Pollakka. Il-kwistjoni hija iktar preċiżament jekk hija wrietx li l-istruttura ta’ tassazzjoni magħżula mill-awtoritajiet Pollakki kienet tmur kontra l-għan ta’ din is-sistema.

80      Hemm lok li jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni repetutament iddeċidiet dwar l-eżistenza, jew le, ta’ vantaġġ selettiv fi ħdan is-sistemi tat-taxxa, jew b’mod iktar ġenerali ta’ sistemi ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji, li kienu kkaratterizzati mill-preżenza ta’ regoli dwar il-varjazzjoni tal-kontribuzzjonijiet skont is-sitwazzjoni tal-persuni taxxabbli. F’dan ir-rigward, il-fatt li taxxa tkun ikkaratterizzata minn struttura ta’ tassazzjoni progressiva, permezz tat-tnaqqis tal-bażi taxxabbli, permezz ta’ limiti massimi jew mezzi oħra ta’ varjazzjoni u li jirriżulta f’livelli ta’ tassazzjoni effettivi differenti skont id-daqs tal-bażi taxxabbli tal-persuni taxxabbli jew fuq il-bażi ta’ parametri tal-miżuri ta’ varjazzjoni msemmija ma jwassalx neċessarjament, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 58 sa 62 iktar ’il fuq, għall-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv favur ċerti impriżi.

81      Din l-istqarrija tidher b’mod partikolari minn diversi eżempji konkreti marbuta mal-mistoqsija fformulata fil-punt 79 iktar ’il fuq, li tippermetti li jsir magħruf f’liema ċirkustanzi tista’ tiġi identifikata, jew le, l-eżistenza ta’ deroga mill-applikazzjoni tas-sistema “normali” minħabba li miżura ta’ varjazzjoni tat-taxxi inkwistjoni tinjora n-natura tal-imsemmija sistema, jiġifieri l-għan tagħha.

82      B’dan il-mod, għal dak li jirrigwarda każijiet li fihom deroga bħal din kienet ġiet identifikata, fis-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598, punti 49 sa 55), tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 86 u 87), tas-26 ta’ April 2018, ANGED (C‑233/16, EU:C:2018:280), tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 85 sa 108) u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punti 58 sa 94, moqrija flinkien mal-punt 123), fir-rigward, rispettivament, tal-livell massimu fl-ewwel ta’ dawn is-sentenzi, ta’ eżenzjonijiet fit-tliet sentenzi segwenti u ta’ tnaqqis tal-bażi taxxabbli fl-aħħar waħda, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fid-dawl tal-għanijiet tat-taxxi kkonċernati, li kienu jirrigwardaw il-ġlieda kontra l-esternalitajiet negattivi, b’mod partikolari dawk ambjentali, għal dak li jirrigwarda l-ewwel tlieta minn dawn is-sentenzi, l-installazzjoni ta’ sistema ġenerali ta’ ntaxxar tal-impriżi kollha għal dak li jirrigwarda s-sentenza ta’ wara, u l-ammortizzament, għat-taxxa fuq il-kumpanniji, tal-plusvalenza tal-assi ta’ impriżi f’ċerti ċirkustanzi għal dak li jirrigwarda l-aħħar waħda minn dawn is-sentenzi, li l-vantaġġi li kienu rriżervati għal ċerti impriżi fost oħra li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli fid-dawl tal-għanijiet kienu fil-fatt selettivi.

83      Jirriżulta minn dawn is-sentenzi, indipendentement mill-fatt li l-għan tat-taxxa tinkludi jew le għan relatat mal-impatt tal-attività tal-kumpanniji taxxabbli, li l-vantaġġ jirrigwarda settur ekonomiku partikolari meta mqabbel ma’ impriżi oħra jew forma partikolari ta’ sfruttament kummerċjali, jew ukoll li l-vantaġġ ikun potenzjalment miftuħ għal kull impriża taxxabbli, li jekk dan il-vantaġġ iwassal għal differenzi fit-trattament li jmorru kontra l-għan ta’ din it-taxxa, huwa jkun ta’ natura selettiva. Madankollu, l-għan tat-taxxa stess jista’ jinkludi varjazzjoni biex tifrex l-isforz fiskali jew jitnaqqas l-impatt tiegħu. Sitwazzjonijiet speċifiċi li jiddistingwu ċerti persuni taxxabbli minn oħra jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll mingħajr l-għan tat-taxxa jiġi miksur.

84      F’dan ir-rigward, fis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598, punti 33 sa 36), imsemmija fil-punt 82 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li r-rimbors parzjali tat-taxxi fuq l-enerġija kkunsmata mill-impriżi, applikabbli meta dawn it-taxxi jeċċedu ċertu livell tal-ammont nett ta’ dak li jipproduċu l-imsemmija impriżi, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat jekk kien jibbenefika lill-impriżi kollha suġġetti għal dawn it-taxxi indipendentement mill-għan tal-attività tagħhom, filwaqt li seta’ jwassal għal livelli ta’ tassazzjoni differenti bejn l-impriżi li jikkunsmaw l-istess ammont ta’ enerġija.

85      Bl-istess mod, fis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 77 sa 83), imsemmija fil-punt 82 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-vantaġġi li setgħu jirriżultaw minn limitu massimu ġeneralizzat ta’ żewġ taxxi fuq il-kumpanniji, li l-bażi taxxabbli tagħhom ma kinitx il-profitt, ta’ 15 % tal-profitt, li jwassal li impriżi li jkollhom l-istess bażi taxxabbli jistgħu jħallsu taxxa differenti, kienu stabbiliti fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi indipendenti mill-għażla tal-impriżi kkonċernati u għalhekk ma kinux ta’ natura selettiva.

86      Fis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et (C‑78/08 sa C‑80/08, EU:C:2011:550, punti 48 sa 62), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest tat-taxxa fuq il-profitti tal-kumpanniji, li kienet tikkostitwixxi s-sistema “normali” f’din il-kawża, l-eżenzjoni totali li minnha kienu jibbenefikaw kumpanniji kooperattivi ma kinitx tikkostitwixxi vantaġġ selettiv minħabba l-fatt li dawn ma kinux f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli ma’ dik ta’ kumpanniji kummerċjali, sa fejn ikun ġie vverifikat li dawn kienu jaġixxu f’kundizzjonijiet inerenti għal-loġika kooperattiva, li jikkonċerna marġni ta’ profitt ferm inqas minn dak ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju.

87      Fis-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia (C‑417/10, EU:C:2012:184, punti 37 sa 44), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, filwaqt li ħadet ukoll inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari ta’ ċerti impriżi, li mekkaniżmu għas-soluzzjoni standard ta’ tilwim fiskali preċedenti, miftuħ għall-impriżi li jissodisfaw kriterji oġġettivi ma kienx iqegħedhom f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli ma’ dik ta’ impriżi oħra, ma kienx vantaġġ selettiv, anki jekk seta’ jwassal li l-benefiċjarji ta’ dan il-mekkaniżmu jħallsu inqas taxxi, f’kull każ barra minn hekk, minn impriżi oħra.

88      Bl-istess mod, fis-sentenza tas-26 ta’ April 2018, ANGED (C‑233/16, EU:C:2018:280), imsemmija fil-punt 82 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, fil-kuntest ta’ taxxa fuq l-istabbilimenti kummerċjali, li l-bażi taxxabbli tagħhom kienet essenzjalment ikkostitwita mis-superfiċji ta’ bejgħ u li kellha l-għan li tikkorreġi u tikkumpensa esternalitajiet negattivi fil-qasam tal-ambjent u tal-ippjanar tat-territorju, it-tnaqqis ta’ 60 % jew l-eżenzjoni totali li minnhom kienu jibbenefikaw l-istabbilimenti li jeżerċitaw ċerti attivitajiet, kif ukoll dawk li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom kienu ta’ inqas minn ċertu limitu ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat jekk jiġi vverifikat li dawn il-varji stabbilimenti kienu f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ stabbilimenti oħra taxxabbli, fid-dawl tal-effetti li t-taxxa inkwistjoni kienet intiża li tikkorreġi u tikkumpensa, jiġifieri fir-rigward tal-għanijiet ta’ din it-taxxa.

89      Dawn l-eżempji jikkonfermaw li hemm taxxi li n-natura tagħhom ma tipprekludix li jkollhom mekkaniżmi ta’ varjazzjoni, li jistgħu jaslu sal-eżenzjonijiet, mingħajr madankollu ma dawn il-mekkaniżmi jwasslu għall-għoti ta’ vantaġġi selettivi. Fil-qosor, in-natura selettiva tkun assenti jekk dawn id-differenzi u ta’ ntaxxar u l-vantaġġi li jirriżultaw minnhom, anki jekk iġġustifikati bl-unika loġika li tirregola t-tqassim tat-taxxa bejn il-kontribwenti, jirriżultaw mill-applikazzjoni pura u sempliċi, mhux derogatorja, tas-sistema “normali”, jekk is-sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod komparabbli u jekk dawk il-mekkaniżmi ta’ varjazzjoni ma jmorrux kontra l-għan tat-taxxa kkonċernata. Bl-istess mod, dispożizzjonijiet partikolari previsti għal ċerti impriżi minħabba s-sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom, li bihom jibbenefikaw minn varjazzjoni, jew saħansitra minn eżenzjoni, fit-taxxa, ma għandhomx jitqiesu li jikkostitwixxu vantaġġ selettiv jekk dawn il-mekkaniżmi ma jmorrux kontra l-għan tat-taxxa inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li huma biss il-persuni taxxabbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżura jistgħu jibbenefikaw minnha ma jistax, fih innifsu, jagħti lil din il-miżura natura selettiva (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Tali mekkaniżmi jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ konformità man-natura u mal-istruttura tas-sistema li fiha dawn jidħlu, imsemmija fil-punt 61 iktar ’il fuq.

90      Min-naħa l-oħra, jekk impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-għan tat-taxxa jew tal-loġika li tiġġustifika varjazzjoni tagħha ma jiġux ittrattati b’mod ugwali f’dan ir-rigward, diskriminazzjoni bħal din toħloq vantaġġ selettiv li jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE jkunu ssodisfatti.

91      Barra minn hekk, b’mod partikolari, l-istrutturi ta’ tassazzjoni progressivi, inkluż it-tnaqqis sostanzjali fil-bażi taxxabbli, li ma humiex eċċezzjonali fit-tassazzjoni tal-Istati Membri, ma jimplikawx fihom innifishom l-eżistenza ta’ elementi ta’ għajnuna mill-Istat. Fil-komunikazzjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tindika f’dan ir-rigward, fil-punt 139, li n-natura progressiva ta’ taxxa fuq id-dħul tista’ tiġi ġġustifikata mil-loġika ridistributtiva li tmur ma’ tali taxxa. Madankollu, xejn ma jippermetti li jiġi llimitat, kif għamlet il-Kummissjoni fil-premessi 58 u 59 tad-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata, dan it-tip ta’ evalwazzjoni għal taxxi fuq id-dħul u li jiġu esklużi għal taxxi fuq l-attività tal-impriżi, u mhux fuq id-dħul nett tagħhom jew fuq il-profitt tagħhom. Fil-fatt, ma jirriżultax mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 58 sa 62 iktar ’il fuq li, sabiex tiġi evitata l-klassifikazzjoni ta’ vantaġġ selettiv ta’ miżura ta’ varjazzjoni ta’ taxxa, Stat Membru ma jkunx jista’ jirrikorri biss għal kriterji ta’ varjazzjoni limitati għal ċerti finijiet, bħar-ridistribuzzjoni tal-ġid jew il-kumpens u d-dissważjoni ta’ ċerti effetti negattivi li jkunu jistgħu jinqalgħu minħabba l-attività kkonċernata. Dak li huwa meħtieġ għal dan il-għan huwa li l-varjazzjoni mixtieqa ma tkunx arbitrarja, kuntrarjament għal dak li kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757), imsemmija fil-punt 82 iktar ’il fuq, li tiġi applikata b’mod mhux diskriminatorju, u li tibqa’ konformi mal-għan tat-taxxa kkonċernata. Pereżempju, il-mekkaniżmi ta’ varjazzjoni msemmija fil-punti 84, 85 u 87 iktar ’il fuq, li ma tqisux selettivi mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma kinux jissodisfaw loġika ta’ tassazzjoni proporzjonali għal esternalitajiet negattivi, u lanqas mil-loġika ridistributtiva, iżda għal finijiet oħra. Barra minn hekk, kif diġà ġie indikat fil-punt 75 iktar ’il fuq, ma huwiex eskluż li loġika ridistributtiva tista’ wkoll tiġġustifika l-progressività ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, hekk kif ġustament isostni f’dan il-każ il-Gvern Pollakk. Loġika ridistributtiva tista’ barra minn hekk tiġġustifika wkoll eżenzjoni totali għal ċerti impriżi, kif muri bil-kawża msemmija fil-punt 86 iktar ’il fuq.

92      Konsegwentement, fir-rigward ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, kriterju ta’ varjazzjoni fil-forma ta’ taxxa progressiva li tibda minn ċertu livell, anki għoli, li tista’ tikkorrispondi max-xewqa li tiġi ntaxxata l-attività ta’ impriża waħda biss meta din l-attività tkun laħqet ċerta livell ma jimplikax, fih innifsu, l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv.

93      Jirriżulta għaldaqstant mill-punti 79 sa 92 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni ma setgħetx korrettament tiddeduċi l-eżistenza ta’ vantaġġi selettivi li jmorru mat-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut biss mill-istruttura progressiva ta’ tali taxxa ġdida.

94      Madankollu, jekk jintwera mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati li l-istruttura progressiva ta’ taxxa konkretament magħżula tkun ġiet adottata b’mod li tneħħi ħafna mis-sustanza tal-għan tat-taxxa inkwistjoni, jista’ jitqies li l-vantaġġ, li jistgħu jiksbu l-impriżi li jibbenefikaw minn taxxa baxxa jew dgħajfa, meta mqabbla ma’ impriżi oħra, huwa selettiv.

95      Għaldaqstant, għad hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, ipprovdietx tali dimostrazzjoni.

96      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni sempliċement qieset li kien saħansitra l-prinċipju ta’ tassazzjoni progressiva li kien joħloq vantaġġ selettiv (premessi 32 u 37 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, ewwel deċiżjoni kkontestata, u premessi 47, 49 u 54 tad-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata), ħaġa li, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punt 92 iktar ’il fuq, tikkostitwixxi żball ta’ liġi.

97      Huwa biss fil-premessa 51 tad-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni ressqet elementi li jistgħu jmorru fis-sens ta’ prova li l-istruttura progressiva magħżula f’dan il-każ għat-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut ma kinitx kompatibbli mal-għan tagħha, kif indikat fil-punt 76 iktar ’il fuq. Fiha l-Kummissjoni fil-fatt indikat li hija kienet sostanzjalment iddeduċiet mill-informazzjoni pubblika varja li, f’Settembru 2016, kienu biss 109 persuna taxxabbli minn 200 000 impriża li topera fis-settur tal-bejgħ bl-imnut li kienu qabżu l-limitu tad-dħul mill-bejgħ fix-xahar ta’ PLN 17-il miljun, għal ammont ta’ EUR 4 miljuni, li minnu d-dħul mill-bejgħ ġie ntaxxat.

98      Madankollu, dan l-element fattwali iżolat, li l-partijiet prinċipali, kif ġie kkonfermat mill-partijiet waqt is-seduta, ma ġiex diskuss mal-awtoritajiet Pollakki matul il-proċedura amministrattiva, ma ġiex assoċjat ma’ raġunament ieħor minn dak li jsemmi l-prinċipju ta’ tassazzjoni progressiva u konsegwentement f’kull każ huwa insuffiċjenti sabiex jikkostitwixxi motivazzjoni li tista’ tistabbilixxi li l-istruttura progressiva magħżula f’dan il-każ għat-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut ma kinitx kompatibbli mal-għan tagħha.

99      Barra minn hekk, il-Kummissjoni, ċertament, esponiet fid-deċiżjonijiet ikkontestati li l-istruttura ta’ ntaxxar progressiv tat-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut kienet twassal għal trattament differenti tal-impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, jiġifieri li hija kienet qed twassal għal trattament diskriminatorju. Madankollu, hija sostniet dan il-fatt, anki jekk urietu b’mod konkret, biss meta semmiet il-fatt li r-rati medji effettivi u r-rata marġinali ta’ ntaxxar tal-impriżi kellhom ivarjaw skont id-dħul mill-bejgħ tagħhom (premessi 24, 25, 27, 28, 32 u 37 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-ewwel deċiżjoni kkontestata, u premessi 47, 49, 53 u 54 tad-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata). Issa, din il-varjazzjoni fir-rata medja effettiva u r-rata marġinali skont id-daqs tal-bażi taxxabbli hija inerenti għal kull sistema ta’ tassazzjoni progressiva, u tali sistema ma hijiex, kif ġie espost fil-punt 92 iktar ’il fuq, bħala tali u minn dan il-fatt fih innifsu, ta’ natura li tista’ toħloq vantaġġi selettivi. Barra minn hekk, meta l-istruttura ta’ ntaxxar progressiv tat-taxxa tirrifletti l-għan imfittex minn din it-taxxa, ma jistax jitqies li żewġ impriżi b’bażi taxxabbli differenti jkunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali komparabbli fid-dawl ta’ dak il-għan.

100    Il-Kummissjoni, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, semmiet ukoll ċirkustanzi li, de facto, it-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut tolqot b’mod iktar qawwi lill-impriżi barranin milli l-impriżi ta’ oriġini Pollakka, u tolqot b’mod iktar qawwi n-netwerks ta’ distribuzzjoni organizzati b’mod integrat milli n-netwerks ta’ distribuzzjoni b’sehem kbir ta’ konċessjonarji.

101    Għal dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi, ikkontestata mill-Gvern Pollakk, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif inhu indikat fil-punt 47 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni nnifisha fakkret waqt is-seduta li d-deċiżjonijiet ikkontestati, fir-rigward tal-prova tan-natura selettiva tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-istruttura tar-rati ta’ din it-taxxa, fuq l-identifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni skont l-oriġini nazzjonali tal-persuni taxxabbli, ma kinux fondati. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, anki jekk jiġu pprovati, għalkemm iċ-ċirkustanzi invokati fil-punt 100 iktar ’il fuq huma biss il-konsegwenza tal-applikazzjoni ta’ struttura ta’ ntaxxar progressiv li tikkorrispondi mal-għan u mal-istruttura tat-taxxa inkwistjoni, u għalkemm il-varji impriżi li jistgħu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa huma liberi li jadottaw il-mod tagħhom ta’ organizzazzjoni, dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux ukoll iwasslu li jitqies li sitwazzjonijiet fattwali u legali komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti, jew viċe versa. Barra minn hekk, kif argumenta l-Gvern Pollakk fir-rikorsi tiegħu, mingħajr ma ġie kkontestat mill-Kummissjoni, l-użu tal-konċessjonijiet huwa pprattikat fil-Polonja kemm mill-ktajjen ta’ distribuzzjoni ta’ oriġini barranija kif ukoll mill-ktajjen ta’ distribuzzjoni ta’ oriġini Pollakka. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni ta’ ħanut konċessjonarju hija differenti minn dik ta’ ħanut integrat. L-ewwel wieħed huwa fil-fatt awtonomu, bħala prinċipju, kemm mil-lat legali kif ukoll mil-lat finanzjarju, mill-konċedent tiegħu, li mhuwiex il-każ ta’ ħanut integrat fir-rigward tal-impriża li l-kontrollah, kemm jekk ikun sussidjarja jew fergħa f’netwerk ta’ distribuzzjoni.

102    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tistabbilixxi fid-deċiżjonijiet ikkontestati l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv li tintroduċi distinzjoni bejn l-operaturi li jinsabu, fid-dawl tal-għan mogħti mil-leġiżlatur Pollakk għat-taxxa fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. L-iżbalji li wettqet fir-rigward tad-definizzjoni tas-sistema fiskali “normali”, fir-rigward tal-għan tiegħu u fir-rigward tal-eżistenza, fil-fehma tagħha, ta’ vantaġġi selettivi fil-kuntest ta’ struttura ta’ ntaxxar progressiv fuq id-dħul mill-bejgħ ma ppermettewlhiex li tivverifika li l-istruttura progressiva konkretament magħżula kienet twassal, fid-dawl tal-għan tat-taxxa inkwistjoni, li jiġu ttrattati b’mod differenti l-impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, pereżempju, li tivverifika b’mod adegwat jekk l-intaxxar settorjali inkwistjoni ma kienx fil-fatt piż fuq parti insuffiċjenti ħafna tal-attività li hija kellha suppost tkopri, li jwassal b’hekk għal vantaġġ selettiv favur impriżi li ma jkunux qed jipparteċipaw f’din il-parti, minkejja li kellhom attività sostanzjali f’dan il-qasam.

103    Għaldaqstant, hemm lok, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra tal-Gvern Pollakk, li tiġi annullata d-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata, skont il-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

104    Fir-rigward tal-istess motiv, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li kien ġie deċiż b’mod kostanti li, meta l-Kummissjoni teżamina l-miżuri ta’ għajnuna fid-dawl tal-Artikolu 107 TFUE sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex kompatibbli mas-suq intern, hija għandha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, jekk, wara l-eżami preliminari, hija ma tkunx setgħet twarrab id-diffikultajiet kollha li jżommu milli tiġi kkonstatata l-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri mas-suq intern. L-istess prinċipji għandhom japplikaw meta l-Kummissjoni jkollha wkoll dubji rigward il-klassifikazzjoni stess bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tal-miżura eżaminata. Bħala prinċipju ma għandux jiġi kkontestat lill-Kummissjoni li tiftaħ l-imsemmija proċedura abbażi, b’mod partikolari, ta’ dubji fuq in-natura ta’ għajnuna, fis-sens imsemmi hawn fuq, tal-miżuri li jkunu s-suġġett tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2005:275, punt 47).

105    Madankollu, fid-dawl tal-konsegwenzi tal-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward ta’ miżuri ttrattati bħala għajnuna ġdida suġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE (iktar ’il quddiem l-“għajnuna ġdida”), meta l-Istat Membru kkonċernat jallega fil-fażi ta’ eżami preliminari li dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni għandha twettaq, qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura, eżami suffiċjenti tal-kwistjoni abbażi tal-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lilha f’dan l-istadju, anki jekk ir-riżultat tal-analiżi jkun klassifikazzjoni mhux definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2005:275, punt 48). Fil-fatt, dan il-ftuħ ta’ proċedura għandu b’mod partikolari bħala konsegwenza normali s-sospensjoni tal-miżuri eżaminati, b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, jiġi ordnat mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat abbażi tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament 2015/1589.

106    F’dan ir-rigward, għalkemm il-klassifikazzjoni provviżorja bħala għajnuna ġdida mill-Kummissjoni tirriżulta f’inċertezzi ta’ natura fattwali jew ekonomika dwar in-natura, il-kontenut u l-effetti tal-miżura inkwistjoni u tal-kuntest tagħha, u anki jekk fl-aħħar nett jidher li din il-klassifikazzjoni kienet żbaljata fid-dawl tal-elementi ġodda pprovduti sussegwentement, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tibqa’ ġġustifikata minħabba d-dubji leġittimi li tkun ħasset il-Kummissjoni fil-mument li tadotta din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2005, L‑Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2005:275, punti 48 u 49). F’dan ir-rigward, ġie deċiż li l-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-Qorti Ġenerali ta’ deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandu neċessarjament ikun limitat u li, meta r-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżura kkontestata bħala għajnuna mill-Istat, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni huwa limitat għall-verifika dwar jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta tkun qieset li hija ma setgħetx tegħleb id-diffikultajiet kollha fuq dan il-punt matul eżami inizjali tal-miżura kkonċernata (sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, C‑194/09 P, EU:C:2011:497, punt 61, u tad-9 ta’ Settembru 2014, Hansestadt Lübeck vs Il-Kummissjoni, T‑461/12, EU:T:2014:758, punt 42).

107    Għalhekk, għalkemm, fid-dawl tal-elementi li diġà kellha l-Kummissjoni fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura, kien jidher li l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna ġdida tal-miżura inkwistjoni kellha evidentement tiġi skartata f’dan l-istadju, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura fir-rigward ta’ din il-miżura għandha tiġi annullata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2005:275, punt 48).

108    L-istess għandu japplika f’din is-sitwazzjoni, fejn il-Kummissjoni bbażat essenzjalment il-klassifikazzjoni provviżorja tagħha bħala għajnuna ġdida fuq analiżi tal-elementi fil-pussess tagħha li kienet tidher manifestament żbaljata. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-ewwel deċiżjoni kkontestata, ma ġietx iġġustifikata, fir-rigward tal-eżistenza tal-għajnuna ġdida, minn dubji leġittimi fid-dawl tal-istat tal-fajl, iżda minn pożizzjoni sostnuta minn raġunament ġuridiku li ma jippermettix li tiġi ġġustifikata legalment din id-deċiżjoni, kif jirriżulta mill-punti 63 sa 102 iktar ’il fuq. In-natura tal-prinċipju ta’ pożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni, li tgħid li, b’mod partikolari, l-intaxxar progressiv applikat għal taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ fih innifsu jwassal għal vantaġġi selettivi, hija barra minn hekk ikkonfermata mill-fatt li r-raġunament tagħha jidher mingħajr differenzi sinjifikattivi fl-imsemmija deċiżjoni u fid-deċiżjoni finali, it-tieni deċiżjoni kkontestata.

109    Id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-ewwel deċiżjoni kkontestata, għandha wkoll tiġi annullata, inkluż l-ordni ta’ sospensjoni tal-“applikazzjoni tar-rata progressiva tat-taxxa” li jidher fih, għaliex tali ordni jippreżumi li l-miżura statali li jsemmi ġiet ġustament ikklassifikata bħala għajnuna ġdida illegali taħt analiżi provviżorja fil-kundizzjonijiet esposti fil-punti 104 sa 108 iktar ’il fuq, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2015/1589, li jipprovdi li “[i]l-Kummissjoni tista’, wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li tissottometti l-kummenti tagħha, tadotta deċiżjoni li teħtieġ lill-Istat Membru li jissospendi kull għajnuna illegali sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibiltà ta’ l-għajnuna mas-suq intern”. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss l-għajnuna ġdida illegali, fis-sens tal-Artikolu 1(f) tal-istess regolament, jiġifieri miżuri li għandhom b’mod partikolari jkunu jistgħu jissodisfaw, fil-kuntest tal-analiżi provviżorja msemmija hawn fuq, id-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ April 2018, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, T‑554/15 u T‑555/15, taħt appell, EU:T:2018:220, punti 30, 153 u 154). Għalhekk, f’dan il-każ, l-eżitu ta’ ordni ta’ sospensjoni ma jistax jiġi diviż mill-eżitu ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura u għandu jiġi annullat mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk, meħud waħdu, il-motiv imressaq mill-Gvern Pollakk ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2015/1589 huwiex, jew le, fondat fid-dawl tal-argumenti li jsostnuh.

110    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, lanqas ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra mressqa mill-Gvern Pollakk kontra d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-ewwel deċiżjoni kkontestata.

111    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, iż-żewġ rikorsi għal annullament tar-Repubblika tal-Polonja għandhom jintlaqgħu.

 Fuq l-ispejjeż

112    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

113    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. L-Ungerija għandha għalhekk tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni C(2016) 5596 finali tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Settembru 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44351 (2016/C) (ex 2016/NN) – il-Polonja – Taxxa Pollakka fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, hija annullata.

2)      Id-Deċiżjoni (UE) 2018/160 tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44351 (2016/C) (ex 2016/NN) implimentata mill-Polonja dwar it-taxxa fuq il-bejgħ bl-imnut, hija annullata.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-Repubblika tal-Polonja fil-Kawżi T836/16 u T624/17.

4)      L-Ungerija għandha tbati l-ispejjeż tagħha fil-Kawżi T836/16 u T624/17.

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Kowalik-Bańczyk

 

      Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Mejju 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.