Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta' Marzu 2021 minn Giacomo Santini et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) fl-10 ta’ Frar 2021 fil-Kawżi Magħquda T-345/19, T-346/19, minn T-364/19 sa T-366/19, minn T-372/19 sa T-375/19, T-385/19, Santini et vs Il-Parlament

(Kawża C-198/21 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Giacomo Santini, Marco Cellai, Domenico Ceravolo, Natalino Gatti, Antonio Mazzone, Luigi Moretti, Gabriele Sboarina, Lina Wuhrer, Patrizia Capraro, Luciana Meneghini (rappreżentant: M. Paniz, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata abbażi tal-iżball imwettaq fl-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità, kif ukoll tad-drittijiet żgurati mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea minħabba l-ksur mhux iġġustifikat u sproporzjonat tad-dritt tal-proprjetà; abbażi tal-fatt li qieset b’mod żbaljat li d-dispożizzjonijiet ikkontestati setgħu leġittimament ikunu fondati fuq l-Anness III tar-Regoli dwar il-ħlas tal-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem ir-“Regoli SAM”); abbażi tal-fatt li inkludiethom b’mod żbaljat fost l-atti ta’ amministrazzjoni ordinarja delegati u/jew delegabbli għall-Kap tad-Diviżjoni; abbażi tas-serjetà fin-nuqqas ta’ preċiżjoni, fl-inkompletezza u fir-raġunament ħażin relattiv għall-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni;

tannulla l-atti, il-komunikazzjonijiet u/jew id-deċiżjonijiet appellati kollha;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż relattivi għaż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw sitt aggravji.

1.    L-ewwel aggravju: Żball ta’ liġi u/jew ta’ dritt peress li qieset li d-dispożizzjoni kkontestata kellha biss impatt fuq id-dħul mill-pensjoni u mhux fuq id-dritt għall-pensjoni u fuq il-fażi li twassal għaliha, u b’hekk ikkunsidratha b’mod żbaljat bħala konformi mal-prinċipji ġenerali tal-Unjoni u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-appellanti jinvokaw l-illeġittimità tas-sentenza appellata għaliex din ħalltet id-dritt għall-pensjoni mad-dritt għad-dħul mill-pensjoni, u eskludiet l-applikazzjoni tal-prinċipju tan-natura mhux modifikabbli tad-dritt għall-pensjoni realment applikabbli; għaliex naqset b’mod żbaljat milli tqis li l-intervent fuq l-allowances tal-appellanti ma kkonkretizzax ruħu f’sempliċi tnaqqis tad-dħul relattiv, iżda kien riforma kumplessiva ta’ sistema li kellha impatt retroattiv u permanenti fuq il-fażi li wasslet għad-dritt għall-allowances diġà maħruġa u miksuba snin ilu u li daħlu b’mod definittiv fil-patrimonju tal-persuni interessati; għaliex naqset b’mod żbaljat milli tqis li l-Parlament ma wettaq ebda verifika dwar il-konformità tal-atti kkontestati mad-dritt tal-Unjoni u li ma kien hemm ebda motivazzjoni fuq dan il-punt.

2.    It-tieni aggravju: Żballji ta’ dritt fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ applikazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAS”), tal-Artikolu 28 tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, tal-Annessi I, II u III tar-Regoli SAM. Ksur tad-dritt għall-pensjoni, tal-prinċipji ġenerali u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-appellanti jinvokaw l-illeġittimità tas-sentenza appellata għaliex din interpretat b’mod żbaljat ir-regoli ta’ referenza, billi attribwixxiet lill-Anness III tar-Regoli SAM validità u effettività estiżi minkejja li dan tħassar b’mod espliċitu u minkejja li ebda dispożizzjoni espressa ma tipprevedi l-persistenza fiż-żmien ta’ dan l-Anness lil hinn mit-tħassir tiegħu; għaliex injorat b’mod illeġittimu li f’dan il-każ ġew emendati l-kundizzjonijiet għad-dritt għall-pensjoni lil hinn mill-Artikolu 2 tal-Anness III kif ukoll bi ksur tal-prinċipji ġenerali tal-Unjoni u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

3.    It-tielet aggravju: Żball ta’ dritt u/jew ta’ fatt meta qieset id-dispożizzjoni kkontestata bħala konformi mal-prinċipji ġenerali tal-Unjoni u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-aspettattivi leġittimi, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza, u tad-dritt għall-proprjetà. L-appellanti jinvokaw l-illeġittimità tas-sentenza appellata għaliex din, billi naqset milli tevalwa l-pekuljaritajiet konkreti tal-każ inkwistjoni u billi interpretat b’mod żbaljat ir-regoli ta’ referenza, qieset li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma konformi mad-dritt tal-Unjoni u mal-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; għaliex naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-provi anki dokumentali li jipprovaw il-varji assigurazzjonijiet mogħtija lill-appellanti fir-rigward taż-żamma tad-dritt kweżit u fir-rigward tal-immutabbiltà tiegħu; għaliex ma ħaditx inkunsiderazzjoni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma kellhomx motivazzjoni u raġunament u li dawn kienu jirriżultaw f’intervent manifestament sproporzjonat u totalment mhux iġġustifikat.

4.    Ir-raba’ aggravju: Żball ta’ dritt fl-interpretazzjoni tal-Artikoli 74 sa 75 tal-MAS kif ukoll tal-Anness III tar-Regoli SAM. L-appellanti jinvokaw l-illeġittimità tas-sentenza appellata għaliex din qieset b’mod żbaljat li d-dispożizzjoni kkontestata setgħet leġittimament tkun ibbażata fuq l-Anness III tar-Regoli SAM meta l-Anness imsemmi ma kienx għadu fis-seħħ peress li kien tħassar sadanittant.

5.    Il-ħames aggravju: Żball ta’ dritt fl-evalwazzjoni tal-ksur proċedurali: kompetenza. L-appellanti jinvokaw l-illeġittimità tas-sentenza appellata għaliex din qieset b’mod żbaljat li l-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjonijiet u Drittijiet Soċjali tal-Membri Parlamentari” kien kompetenti biex jadotta d-dispożizzjonijiet ikkontestati, meta fil-fatt, dawn huma atti mhux delegabbli peress li jaqgħu taħt amministrazzjoni straordinarja li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Uffiċċju tal-President tal-Parlament Ewropew.

6.    Is-sitt aggravju: Żball ta’ dritt fl-evalwazzjoni tal-ksur proċedurali: motivazzjoni. L-appellanti jinvokaw l-illeġittimità tas-sentenza appellata għaliex din qieset b’mod żbaljat bħala eżistenti u xierqa motivazzjoni li fir-realtà ma teżistix; naqset milli tqis li l-Parlament Ewropew kellu l-obbligu li jwettaq kontroll tal-konformità, u jagħti motivazzjoni xierqa lil dan il-kontroll, u li tali kontroll u tali motivazzjoni ma seħħewx; invokat il-paragrafu 7 tal-Artikolu 1 tad-Delibera Nru 14/2018 bħala element ta’ garanzija peress li hija inkwistjoni dispożizzjoni li ma għadhiex teżisti peress li ġiet annullata mill-istess Kamra tad-Deputati bis-sentenza Nru 2/2020 li tinsab fl-atti tal-proċess.

____________