Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (Ir-Repubblika ta' l-Estonja) fil-21 ta' Mejju 2007 - JK Otsa Talu OÜ vs Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (PRIA)

(Kawża C-241/07)

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Qorti tar-rinviju

Riigikohus (l-Estonja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: JK Otsa Talu OÜ

Konvenuta: Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (PRIA)

Domandi preliminari

Huwa konformi ma' l-għan ta' l-għajnuna għal metodi ta' produzzjoni agrikola li jħarsu l-ambjent, fis-sens ta' l-Artikoli 22 sa 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/19991, tas-17 ta' Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u li jemenda u jħassar ċerti Regolamenti:

li tkompli tingħata għajnuna biss lil dawk l-applikanti li, fil-kuntest ta' dan il-programm ta' għajnuna, diġà bbenifikaw minn deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna għal miżuri ta' agrikoltura ambjentali matul is-sena finanzjarja preċedenti u li impenjaw irwieħhom li jeżerċitaw agrikoltura ambjentali,

jew

li, f'kull sena finanzjarja, tingħata għajnuna anki lill-applikanti l-ġodda li jkunu lesti li jimpenjaw irwieħhom li jeżerċitaw agrikoltura ambjentali u li, għaldaqstant, jibdlu l-metodi ta' produzzjoni tagħhom skond il-kundizzjonijiet meħtieġa?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens ta' l-alternattiva (b) u jekk fil-kuntest tal-programm ta' għajnuna, ma jkunx hemm fondi disponibbli biżżejjed għall-għoti ta' l-ewwel għajnuna, l-Artikoli 24(1), 37(4), u 39 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, ikkunsidrati flimkien, jippermettu lil Stat Membru sabiex:

jemenda l-leġiżlazzjoni u l-kundizzjonijiet dwar l-applikazzjoni għal u l-għoti ta' l-għajnuna għal miżuri ta' agrikoltura ambjentali u sabiex jistabbilixxi li l-għajnuna tista' tintalab biss mill-applikanti li, fis-sena finanzjarja preċedenti, ibbenifikaw minn deċiżjoni ta' għoti ta' għajnuna u, għaldaqstant, ikunu marbuta b'impenn li jeżerċitaw metodi ta' produzzjoni li jħarsu l-ambjent,

jew

inaqqas proporzjonalment l-għajnuna mogħtija lill-applikanti kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal għajnuna għal miżuri ta' agrikoltura ambjentali?

____________

1 - ĠU L 160, p. 80.