Language of document : ECLI:EU:C:2009:337

Kawża C-241/07

JK Otsa Talu OÜ

vs

Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (PRIA)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus)

“FAEGG — Regolament (KE) Nru 1257/1999 — Sostenn Komunitarju għall-iżvilupp rurali — Sostenn għall-metodi ta’ produzzjoni agroambjentali”

Sommarju tas-sentenza

Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Finanzjament mill-FAEGG — Sostenn għall-iżvilupp rurali — Sostenn għall-metodi ta’ produzzjoni agroambjentali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1257/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 2223/2004, Artikoli 24(1), 37(4), u 39(3))

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1257/1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG), kif emendat bir-Regolament Nru 2223/2004, moqrija flimkien mal-Artikoli 37(4) u 39 ta’ dan ir-regolament, ma jipprekludux Stat Membru milli jillimita, minħabba li ma jkunx hemm biżżejjed mezzi finanzjarji, il-kategorija ta’ benefiċjarji tas-sostenn għall-iżvilupp rurali għall-bdiewa li jkunu diġà bbenefikaw minn deċiżjoni tal-għoti ta’ sostenn bħal dan matul is-sena finanzjarja ta’ qabel.

Fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 1257/1999 li jippromwovi l-iżvilupp agroambjentali u rurali inġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-aħjar li jistgħu sabiex jamministraw b’mod xieraq ir-riżorsi finanzjarji tagħhom b’mod li kull applikant eliġibbli fis-sens tal-istess regolament ikun jista’ jibbenefika mis-sostenn għall-iżvilupp rurali. Madankollu, fi kliem l-Artikoli 37(4) u 39(3) ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet addizzjonali jew iktar restrittivi fil-qasam tal-għoti tas-sostenn Komunitarju għall-iżvilupp rurali, sakemm dawn ikunu koerenti mal-għanijiet u l-ħtiġijiet iffissati fl-imsemmi regolamenti u li, fejn meħtieġ, il-miżuri ta’ sostenn ikunu jistgħu jiġu riveduti iktar tard mill-Istati Membri bil-għan li jiżguraw il-kompatibbiltà u l-koerenza. B’dan il-mod, l-ipprogrammar tal-iskema ta’ għajnuna agroambjentali tista’ tiżviluppa, filwaqt li l-adattament tal-imsemmija skema għandu jsir b’mod li josserva l-għanijiet tal-imsemmi regolament.

Fl-isfont marbut mal-insuffiċjenza ta’ mezzi finanzjarji fl-Istat Membru inkwistjoni, l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali li jipprevedi l-limitazzjoni tal-kategorija ta’ bdiewa li jistgħu jibbenefikaw mis-sostenn għall-iżvilupp rurali għall-bdiewa li, matul is-sena finanzjarja ta’ qabel, kienu diġà assumew impenji agroambjentali, taqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom skont ir-Regolament Nru 1257/1999.

(ara l-punti 38-40, 48, 54 u d-dispożittiv)