Language of document : ECLI:EU:C:2024:50

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Jannar 2024 (*)

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

L-Azzjoni Konġunta 2008/124

Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja u s-sentenza appellata

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-appell

Fuq l ammissibbiltà talappell

L argumenti talpartijiet

Il kunsiderazzjonijiet talQorti tal-Ġustizzja

Fuq l ewwel aggravju

L argumenti talpartijiet

Il kunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fuq l ewwel parti tarraba’ aggravju

L argumenti talpartijiet

Il kunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fuq it tielet aggravju

Fuq l ewwel parti tattielet aggravju

– Largumenti talpartijiet

– Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fuq it tieni parti tattielet aggravju

– Largumenti talpartijiet

– Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fuq it tielet parti tattielet aggravju

– Largumenti talpartijiet

– Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fuq it tieni u ttielet ilment tarraba’ parti tattielet aggravju

– Largumenti tal-partijiet

– Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fuq il ħames parti tattielet aggravju

– Largumenti talpartijiet

– Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fuq is sitt parti tattielet aggravju

– Largumenti talpartijiet

– Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fuq it tieni aggravju u lewwel ilment tarraba’ parti tattielet aggravju

L argumenti talpartijiet

Il kunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fuq it tieni parti tarraba’ aggravju

L argumenti talpartijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq il ħames aggravju

L argumenti talpartijiet

Il kunsiderazzjonijiet talQorti tal-Ġustizzja

Fuq is sitt aggravju

L argumenti talpartijiet

Il kunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fuq l-ispejjeż


“Appell – Klawżola ta’ arbitraġġ – Persunal ta’ missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea – Kuntratti ta’ ingaġġ suċċessivi għal żmien determinat – Talba għal riklassifikazzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali kollha bħala kuntratt għal żmien indeterminat – Talba għal kumpens għal tkeċċija abbużiva – Rikors għad-danni – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Prinċipju ta’ ne ultra petita – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żnaturament tad-dritt nazzjonali – Spejjeż”

Fil-Kawża C‑46/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl‑20 ta’ Jannar 2022,

Liam Jenkinson, residenti f’Killarney (l-Irlanda), irrappreżentat minn N. de Montigny, avocate,

rikorrent,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer, J. Rurarz u A. Vitro, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn D. Bianchi, G. Gattinara u B. Mongin, bħala aġenti, sussegwentement minn D. Bianchi, G. Gattinara u L. Hohenecker, bħala aġenti,

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), irrappreżentat minn S. Marquardt, E. Orgován u R. Spac, bħala aġenti,

Eulex Kosovo, irrappreżentat minn E. Raoult, avocate, u N. Reilly, barrister,

konvenuti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, T. von Danwitz, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Marzu 2023,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Mejju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, Liam Jenkinson jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑10 ta’ Novembru 2021, Jenkinson vs Il-Kunsill et (T‑602/15 RENV, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:764), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tiegħu li għandu bħala suġġett, l-ewwel nett, talba bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE u intiża, minn naħa, sabiex il-kuntratti ta’ ingaġġ kollha tar-rikorrent jiġu rrikklassifikati bħala kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u, min-naħa l-oħra, sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu kuntrattwali li huwa allegatament ġarrab u, it-tieni nett, talbiet ibbażati fuq l-Artikoli 268 u 340 TFUE, intiżi sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), kif ukoll tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-“Istat tad-Dritt” fil-Kosovo, imsemmija fl-Artikolu 1 tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESC tal‑4 ta’ Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-“Istat tad-Dritt” fil-Kosovo, Eulex Kosovo (ĠU 2008, L 42, p. 92) (iktar ’il quddiem “Eulex Kosovo”).

 Ilkuntest ġuridiku

 LAzzjoni Konġunta 2008/124

2        L‑Artikolu 9(3) tal‑Azzjoni Konġunta 2008/124 jipprovdi:

“EULEX KOSOVO tista’ wkoll tirrekluta, skond kif ikun meħtieġ, persunal internazzjonali u persunal lokali fuq bażi kuntrattwali.”

3        L-Artikolu 10(3) ta’ din l-azzjoni komuni jipprovdi:

“Il-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ċivili internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membri tal-persunal.”

 IrRegolament (KE) Nru 593/2008

4        Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”) jipprovdi:

“L-eżistenza u l-validità tal-kunsens tal-partijiet fir-rigward ta’ l-għażla tal-liġi applikabbli għandhom jiġu determinati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 10, 11 u 13.”

5        L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Kuntratt individwali ta’ impjieg għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet skond l-Artikolu 3. Madankollu, tali għażla ma tistax twassal li ċċaħħad l-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu permezz ta’ dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ għażla, kienet tkun applikabbli skond il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.      Sa fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt individwali ta’ l-impjieg ma ntgħażlitx mill-partijiet, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih jew, fin-nuqqas ta’ dan, li minnu l-impjegat abitwalment jeżerċita l-impjieg tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Il-pajjiż li fih ix-xogħol abitwalment jitwettaq m’għandux jitqies li nbidel jekk il-persuna tiġi impjegata temporanjament f’pajjiż ieħor.

3.      Fejn il-liġi applikabbli ma tkunx tista’ tiġi determinata skond il-paragrafu 2, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn ikun jinsab in-negozju li fih ġie impjegat.

4.      Fejn mit-totalità taċ-ċirkostanzi jirriżulta li l-kuntratt ta’ impjieg ikun aktar marbut ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 2 jew [3], għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.”

6        L-Artikolu 9(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.            Id-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti huma dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom, irrispettivament mill-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament.

2.      Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-forum.”

7        L-Artikolu 10 tal-istess regolament jipprovdi:

1.            L-eżistenza u l-validità ta’ kuntratt jew ta’ dispożizzjoni ta’ kuntratt għandhom jiġu determinati mil-liġi li tkun applikabbli għalih taħt dan ir-Regolament kieku l-kuntratt jew id-dispożizzjoni kienu validi.

2.      Madankollu, sabiex parti tistabbilixxi li ma tkunx tat il-kunsens tagħha, tista’ tirriferi għal-liġi tal-pajjiż li fih ikollha r-residenza abitwali tagħha jekk miċ-ċirkostanzi jirriżulta li ma jkunx raġonevoli li jiġi determinat l-effett tal-komportament ta’ tali parti skond il-liġi speċifikata fil-paragrafu 1.”

8        L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Ruma I jipprovdi:

“Kuntratt konkluż bejn persuni li jkunu jew li jkollhom l-aġenti tagħhom fl-istess pajjiż fiż-żmien tal-konklużjoni huwa formalment validu jekk jissodisfa l-kondizzjonijiet formali tal-liġi li tirregolah sostantivament taħt dan ir-Regolament jew tal-liġi tal-pajjiż li fih ġie konkluż.”

9        L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“F’kuntratt konkluż bejn persuni li jinsabu fl-istess pajjiż, persuna fiżika li jkollha l-kapaċità skond il-liġi ta’ dak il-pajjiż tista' tinvoka l-inkapaċità tagħha li tirriżulta minn liġi ta’ pajjiż ieħor biss jekk il-parti l-oħra kienet konxja ta’ dik l-inkapaċità fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt jew ma kinitx konxja ta’ dan minħabba negliġenza.”

 Ilfatti li wasslu għall-kawża

10      Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 5 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

11      L. Jenkinson, ċittadin Irlandiż, kien l-ewwel impjegat mill‑20 ta’ Awwissu 1994 sal‑5 ta’ Ġunju 2002, fil-kuntest ta’ diversi kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat (KŻD), fi ħdan il-Missjoni ta’ Sorveljanza tal-Unjoni Ewropea fil-Jugoslavja (iktar ’il quddiem l-“EUMM”).

12      Sussegwentement, huwa kien impjegat mis‑17 ta’ Ġunju 2002 sal‑31 ta’ Diċembru 2009, fil-kuntest ta’ diversi KŻD suċċessivi, fi ħdan il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja-Ħerzegovina (iktar ’il quddiem l-“EUPM”).

13      Fl-aħħar, L. Jenkinson kien impjegat fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo mill‑5 ta’ April 2010 sal‑14 ta’ Novembru 2014, fil-kuntest ta’ ħdax-il KŻD suċċessivi (iktar ’il quddiem il-‘ħdax-il KŻD’) konklużi, fir-rigward tal-ewwel disgħa, mal-Kap tal-Missjoni Eulex Kosovo u, fir-rigward tal-aħħar tnejn, ma’ Eulex Kosovo nnifisha.

14      Matul l-għaxar KŻD, li jkopri l-perijodu bejn il‑15 ta’ Ġunju u l‑14 ta’ Ottubru 2014, L. Jenkinson kien ġie informat, permezz ta’ ittra tal-Kap ta’ Eulex Kosovo tas‑26 ta’ Ġunju 2014, li, wara deċiżjoni ta’ ristrutturazzjoni ta’ Eulex Kosovo meħuda mill-Istati Membri fl‑24 ta’ Ġunju 2014, il-pożizzjoni li huwa kien jokkupa sa mill-ingaġġ tiegħu fi ħdan il-missjoni kienet ser titneħħa wara l‑14 ta’ Novembru 2014 u li, konsegwentement, il-kuntratt tiegħu ma kienx ser jiġġedded lil hinn minn din id-data.

15      Għalhekk, ġie konkluż il-ħdax-il u l-aħħar KŻD bejn L. Jenkinson u Eulex Kosovo għall-perijodu mill‑15 ta’ Ottubru sal‑14 ta’ Novembru 2014 (iktar ’il quddiem l-“aħħar KŻD”).

16      Bl-eċċezzjoni tal-aħħar KŻD, il-KŻD kollha konklużi minn L. Jenkinson li kienu jikkonċernaw l-attivitajiet tiegħu fi ħdan Eulex Kosovo kienu jinkludu klawżola ta’ arbitraġġ li tattribwixxi ġurisdizzjoni lill-“qrati Belġjani”.

17      Fir-rigward tal-aħħar KŻD, huwa kien jinkludi, fl-Artikolu 21, klawżola ta’ arbitraġġ li tattribwixxi ġurisdizzjoni lill-qorti tal-Unjoni Ewropea, abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, għal kull tilwima relatata mal-kuntratt.

 Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u lQorti talĠustizzja u ssentenza appellata

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Ottubru 2015, L. Jenkinson ippreżenta rikors kontra l-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE kif ukoll kontra Eulex Kosovo, fejn talab li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tirrikklassifika r-relazzjoni kuntrattwali tiegħu bħala “kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat”, tikkonstata l-ksur mill-konvenuti fl-ewwel istanza tal-obbligi kuntrattwali tagħhom, b’mod partikolari, tal-obbligu ta’ notifika ta’ preavviż fil-kuntest tat-terminazzjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat (KŻI), tikkonstata li t-tkeċċija tiegħu kienet abbużiva u, konsegwentement, tikkundanna l-imsemmija partijiet iħallsuh kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-użu abbużiv ta’ KŻD suċċessivi, minħabba l-ksur tal-obbligu ta’ notifika ta’ preavviż u minħabba tkeċċija abbużiva (iktar ’il quddiem l-“ewwel kap tat-talbiet”);

–        prinċipalment, tiddikjara li l-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE ttrattawh b’mod diskriminatorju matul il-perijodu ta’ impjieg tiegħu fi ħdan il-missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea msemmija fil-punti 11 sa 13 ta’ din is-sentenza fir-rigward tar-remunerazzjoni tiegħu, tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni u ta’ benefiċċji oħrajn, tikkonstata li huwa kien imissu ġie rreklutat bħala membru tal-persunal temporanju ta’ wieħed minn dawn u konsegwentement tikkundannahom għall-ħlas ta’ kumpens minħabba d-dannu mġarrab minħabba dan (iktar ’il quddiem it-“tieni kap tat-talbiet”), u

–        sussidjarjament, tikkundanna lill-konvenuti fl-ewwel istanza jikkumpensawh għad-dannu li jirriżulta mill-ksur tal-obbligi tagħhom fuq il-bażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom (iktar ’il quddiem it-“tielet kap tat-talbiet”).

19      B’digriet tad‑9 ta’ Novembru 2016, Jenkinson vs Il-Kunsill et (T‑602/15, EU:T:2016:660), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li manifestament hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq l-ewwel u fuq it-tieni kap tat-talbiet imqajma prinċipalment u ċaħdet it-tielet kap tat-talbiet imqajjem sussidjarjament bħala manifestament inammissibbli. Konsegwentement, hija ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu u kkundannat lil L. Jenkinson għall-ispejjeż.

20      Permezz ta’ rikors ippreżentat fil‑25 ta’ Jannar 2017 fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, L. Jenkinson appella minn dan id-digriet.

21      B’sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, Jenkinson vs Il-Kunsill et (C‑43/17 P, EU:C:2018:531), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat l-imsemmi digriet, bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż.

22      B’atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament fil‑31 ta’ Ottubru 2018 mill-Kummissjoni u fid‑19 ta’ Novembru 2018 mill-Kunsill u mis-SEAE, dawn il-partijiet qajmu eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà li permezz tagħhom huma sostnew, b’mod partikolari, li l-fatti, id-deċiżjonijiet u l-irregolaritajiet eventwali invokati mir-rikorrent ma kinux imputabbli fir-rigward tagħhom. Dawn l-eċċezzjoniet ta’ inammissibbiltà ġew ir-riżervati għad-deċiżjoni fuq il-mertu b’digriet tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ Marzu 2019.

23      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ewwel u t-tieni kap tat-talbiet kellhom jiġu miċħuda bħala infondati u li t-tielet kap tat-talbiet kellu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli, b’tali mod li r-rikors kellu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-imsemmija eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

 Ittalbiet talpartijiet quddiem ilQorti talĠustizzja

24      Permezz tal-appell tiegħu, L. Jenkinson jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        taqta’ l-kawża;

–        sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-konvenuti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

25      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lil L. Jenkinson għall-ispejjeż relatati ma’ dawn il-proċeduri.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn dan huwa intiż kontra l-Kummissjoni;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat;

–        tikkundanna lil L. Jenkinson għall-ispejjeż.

27      Is-SEAE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell bħala infondat;

–        fil-każ li tinqata’ l-kawża, tiddikjara r-rikors ta’ L. Jenkinson bħala inammissibbli sa fejn huwa intiż kontra s-SEAE;

–        fil-każ li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, tiddikjara li s-SEAE ma jistax jibqa’ konvenut, u

–        tikkundanna lil L. Jenkinson għall-ispejjeż.

28      Eulex Kosovo titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat u

–        tikkundanna lil L. Jenkinson għall-ispejjeż.

 Fuq lappell

29      L. Jenkinson jinvoka sitt aggravji insostenn tal-appell tiegħu bbażati, essenzjalment, l-ewwel, fuq interpretazzjoni żbaljata tat-talbiet u tal-motivi ppreżentati fl-ewwel istanza, it-tieni, fuq żball ta’ liġi sa fejn, fir-rigward tat-talba għal riklassifikazzjoni tal-KŻD suċċessivi bħala KŻI wieħed, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni esklużivament l-aħħar KŻD, it-tielet, fuq diversi żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest taċ-ċaħda tal-ewwel kap tat-talbiet, ir-raba’, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn membri tal-persunal tal-Unjoni u fuq il-ksur tal-Artikolu 336 TFUE, il-ħames, fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest taċ-ċaħda tat-tielet kap tat-talbiet u, is-sitt, fuq tqassim żbaljat tal-ispejjeż.

30      Preliminarjament, il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE, minkejja li ma ppreżentawx appell inċidentali, jippreċiżaw madankollu li huma jqisu li, fid-dawl tas-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Eulex Kosovo (C‑283/20, EU:C:2022:126), ir-rikors fl-ewwel istanza kellu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn jikkonċernahom.

31      F’dan ir-rigward, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li tiddeċiedi, qabelxejn, fuq l-appell (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il-Kummissjoni (C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq lammissibbiltà talappell

 Largumenti talpartijiet

32      Il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li, fid-dawl tal-punti 40 u 46 tas-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Eulex Kosovo (C‑283/20, EU:C:2022:126), l-unika konvenuta f’din il-kawża għandha tkun Eulex Kosovo u, konsegwentement, li l-appell huwa inammissibbli sa fejn jikkonċernaha. Hija ssostni, barra minn hekk, li l-inammissibbiltà tal-appell fir-rigward tagħha tirriżulta wkoll mill-fatt li hija ma hijiex il-persuna li timpjega lil L. Jenkinson u li għalhekk hija estranja għall-kawża.

33      L. Jenkinson jikkontesta dawn l-argumenti.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti tal-Ġustizzja

34      Skont l-Artikolu 171 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell għandu jiġi nnotifikat lill-partijiet l-oħra fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Madankollu, b’mod partikolari mid-dispożittiv tas-sentenza appellata jirriżulta li l-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kienu, bħala konvenuti, il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-SEAE u Eulex Kosovo. Għalhekk, peress li l-Kummissjoni kienet parti quddiem il-Qorti Ġenerali, L. Jenkinson kien intitolat jippreżenta l-appell tiegħu kontriha wkoll (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2016, SACBO vs Il-Kummissjoni u INEA, C‑281/14 P, EU:C:2016:46, punti 25 u 26, kif ukoll tal‑5 ta’ Lulju 2018, Jenkinson vs Il-Kunsill et, C‑43/17 P, EU:C:2018:531, punt 19).

35      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ġiet adita b’talbiet relatati mal-ingaġġ, fost l-oħrajn, ta’ L. Jenkinson fi ħdan l-EUMM u l-EUPM, b’tali mod li l-argumenti bbażati fuq is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Eulex Kosovo (C‑283/20, EU:C:2022:126), peress li jikkonċernaw biss l-involviment u r-responsabbiltà tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tas-SEAE rigward il-konklużjonijiet li għandhom eventwalment jinsiltu mill-ingaġġ ta’ L. Jenkinson fi ħdan Eulex Kosovo ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jippermettu li tiġi miċħuda l-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

36      Minn dan isegwi li l-appell huwa ammissibbli.

 Fuq lewwel aggravju 

 Largumenti talpartijiet

37      Permezz tal-ewwel aggravju, L. Jenkinson iqis, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li t-talba bbażata fuq l-illegalità tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 ma kienet sostnuta, fir-rikors fl-ewwel istanza, minn ebda argument fid-dritt jew fil-fatt. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, f’dan il-punt, li l-imsemmija illegalità kienet ġiet invokata, l-iktar l-iktar, fil-kuntest tat-tieni kap tat-talbiet. Skont L. Jenkinson, din l-istess illegalità tqajmet ukoll fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors promotur tiegħu.

38      L. Jenkinson isostni li l-motivi ta’ illegalità intiżi kontra l-Azzjoni Konġunta 2008/124 kellhom jiġu interpretati bħala eċċezzjonijiet ta’ illegalità, fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, ibbażati, b’mod partikolari, fuq il-ksur tal-Artikolu 336 TFUE, u kellhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

39      Huwa jqis li l-istess kellu japplika għal dawk intiżi kontra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C (2009) 9502, tat‑30 ta’ Novembru 2009, intitolata “Leġiżlazzjoni dwar il-konsulenti speċjali tal-Kummissjoni inkarigati bl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet operattivi PESK, kif ukoll dwar il-persunal kuntrattwali internazzjonali”. F’dan ir-rigward, L. Jenkinson jindika li, permezz ta’ din il-komunikazzjoni, hija l-Kummissjoni li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-impjieg minflok il-Kunsill, konformement mal-Artikolu 336 TFUE.

40      Fir-replika tiegħu, L. Jenkinson iżid, b’mod partikolari, li l-ksur ta’ dispożizzjoni tat-Trattat FUE u li l-inkompetenza tal-awtur ta’ att huma motivi ta’ ordni pubbliku. L-istess japplika għan-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ proċedura dwar l-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju.

41      Fit-tieni lok, skont L. Jenkinson, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, illimitat illegalment il-partijiet li kontrihom kienu indirizzati t-talbiet imressqa fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet, billi naqset milli ssemmi lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE.

42      Fit-tielet lok, anki jekk jitqies li, fil-punt 110 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali llimitat is-suġġett tat-tilwima għall-qasam tad-dritt industrijali, L. Jenkinson isostni li tali limitazzjoni hija illegali peress li l-imsemmija tilwima taqa’ wkoll taħt l-isfera tas-sigurtà soċjali.

43      Il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-SEAE u Eulex Kosovo jsostnu li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

44      Fl-ewwel lok, L. Jenkinson isostni, fir-replika tiegħu, li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina ex officio l-legalità tal-Azzjoni Konġunta 2008/124. Dan premess, l-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 190 tal-istess regoli, jipprovdi li l-produzzjoni ta’ aggravji ġodda matul il-kawża hija pprojbita sakemm dawn l-aggravji ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura. L-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina ex officio l-legalità ta’ din l-azzjoni konġunta tqajjem mir-rikorrent għall-ewwel darba fir-replika tiegħu, mingħajr ma ntwera li dan l-ilment kien ibbażat fuq punt ta’ liġi jew ta’ fatt li rriżulta matul il-proċedura. Konsegwentement, l-imsemmi lment għandu jitqies li ġie ppreżentat tardivament u għandu, għaldaqstant, jiġi ddikjarat inammissibbli.

45      Fir-rigward tal-argumenti ta’ L. Jenkinson li jikkontestaw in-nuqqas ta’ eżami mill-Qorti Ġenerali tal-legalità tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 46 sa 48 tas-sentenza appellata, jekk ir-rikors tal-ewwel istanza kienx jinkludi eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra din l-azzjoni konġunta.

46      Il-Qorti Ġenerali, minn naħa, irrilevat, fil-punti 44 u 48 ta’ din is-sentenza, li L. Jenkinson kien invoka l-illegalità tal-imsemmija azzjoni konġunta, l-iktar l-iktar, sabiex jikseb il-kumpens għad-dannu mhux kuntrattwali allegat fil-kuntest tat-tieni kap tat-talbiet. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 48 tal-imsemmija sentenza, li, anki jekk jitqies li r-rikorrent kien effettivament qajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Azzjoni Konġunta 2008/124, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, kien hemm lok li jiġi kkonstatat li, fir-rikors fl-ewwel istanza, din l-eċċezzjoni ma kienet sostnuta minn ebda argument fid-dritt jew fil-fatt u li, għaldaqstant, din ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u kellha, konsegwentement, tiġi ddikjarata inammissibbli.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li L. Jenkinson sempliċement isostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod żbaljat, li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra l-Azzjoni Konġunta 2008/124 ma kienet sostnuta la fil-fatt u lanqas fid-dritt. B’dan il-mod, L. Jenkinson ma jirnexxilux jistabbilixxi li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-imsemmija eċċezzjoni ta’ illegalità ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

48      Fir-rigward tal-argument li permezz tiegħu L. Jenkinson isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li huwa kien invoka din l-illegalità tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, l-iktar l-iktar, fil-kuntest tat-tieni kap tat-talbiet, filwaqt li l-imsemmija illegalità kienet ukoll ġiet invokata fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala ineffettiv.

49      Fil-fatt, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li ma kienx hemm lok li tiġi eżaminata l-legalità tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 hija bbażata, b’mod suffiċjenti fid-dritt, fuq il-konstatazzjoni li r-rikors fl-ewwel istanza ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

50      Fir-rigward tal-argument ta’ L. Jenkinson dwar l-illegalità tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502, hemm lok, qabelxejn, li jiġi rrilevat li, fil-punti 112 sa 115 u 119 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-infurzabbiltà ta’ din il-komunikazzjoni, ikkontestata quddiemha, u rrilevat li din tal-aħħar kienet tagħmel parti integrali mid-disa’ KŻD, imsemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, li L. Jenkinson kien ikkonkluda mal-kapijiet suċċessivi ta’ Eulex Kosovo. Minn dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-imsemmija komunikazzjoni setgħet tiġi invokata kontra L. Jenkinson.

51      Sussegwentement, fil-punt 230 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali bbażati fuq din il-komunikazzjoni kinux iwasslu għal ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Għalhekk, indipendentement mill-fondatezza ta’ dan l-eżami, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet stħarriġ tal-legalità tal-kriterju ta’ rabta li jinsab fl-imsemmija komunikazzjoni, li jirreferi għad-dritt tal-pajjiż li l-persuna kkonċernata tkun ċittadina tiegħu, kriterju li l-konformità tiegħu mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kienet ġiet ikkontestata minn L. Jenkinson fl-ewwel istanza.

52      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni, permezz tal-adozzjoni tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502, iffissat, minflok il-Kunsill, il-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ L. Jenkinson, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punt 50 ta’ din is-sentenza, li din il-komunikazzjoni ġiet applikata f’dan il-każ peress li hija kienet “parti integrali” mill-imsemmija disa’ KŻD. Minn dan jirriżulta li l-illegalità tal-imsemmija komunikazzjoni, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tagħha, ma tistax timplika l-annullament tas-sentenza appellata. Għalhekk, l-imsemmi argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

53      Fl-assenza ta’ argument ieħor ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li jippermetti li jitqies li l-Qorti Ġenerali wettqet eżami parzjali tal-legalità tal-istess komunikazzjoni, għandu jitqies li, bl-argumenti tiegħu, li permezz tagħhom huwa jsostni, b’mod partikolari, li huwa kien invoka l-illegalità tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502 sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ infurzabbiltà u l-inapplikabbiltà tagħha, L. Jenkinson ma jirnexxilux jistabbilixxi li l-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi dwar l-illegalità u l-infurzabbiltà tal-imsemmija komunikazzjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

54      Minn dan isegwi li L. Jenkinson ma stabbilixxiex li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli teżamina l-legalità tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 u meta eżaminat bil-mod kif għamlet dik tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502.

55      Peress li tali żball ma ġiex stabbilit, il-Qorti Ġenerali lanqas ma tista’ tiġi kkritikata li ma stħarrġitx il-legalità tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 kif ukoll dik ta’ din il-komunikazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 336 TFUE.

56      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, wettqet żball fid-determinazzjoni tal-konvenuti li fil-konfront tagħhom kienu intiżi t-talbiet imressqa fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet, għandu jitfakkar li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali indikat li “[L. Jenkinson] jitlob lill-Qorti Ġenerali tirriklassifika l-KŻD suċċessivi bħala KŻI u tikkonstata li l-kundizzjonijiet li fihom [Eulex Kosovo] temmet dan il-KŻI jiksru d-dritt industrijali applikabbli għal dan it-tip ta’ kuntratt”.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors kollu kemm hu kellu jitqies li huwa intiż kontra l-Kunsill, il-Kummissjoni, is-SEAE u Eulex Kosovo.

58      Kif iddikjarat fil-punt 78 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet eżami fil-mertu tat-talbiet ifformulati minn L. Jenkinson fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet sabiex tikkonkludi, fil-punt 216 tal-imsemmija sentenza, li dan il-kap ta’ talbiet għandu jiġi miċħud, mingħajr, konsegwentement, ma ddeterminat sa fejn dawn it-talbiet kienu fondati fir-rigward ta’ kull waħda mill-konvenuti.

59      Minn dan isegwi li, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, billi indikat li Eulex Kosovo kienet temmet l-allegat KŻI ta’ L. Jenkinson, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex l-intenzjoni li tidentifika l-partijiet li kontrihom kellu jitqies li kien indirizzat l-ewwel kap tat-talbiet. Konsegwentement, dan l-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti.

60      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu, taħt piena ta’ inammissibbiltà, jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li jkun intalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali speċifikament invokati insostenn ta’ din it-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, PV vs Il-Kummissjoni, C‑640/20 P, EU:C:2023:232, punt 199 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      B’mod partikolari, aggravju li l-argument tiegħu ma huwiex suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti u għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, b’mod partikolari peress li l-elementi essenzjali li fuqhom huwa bbażat l-aggravju ma jirriżultawx b’mod suffiċjentement koerenti u komprensibbli mit-test ta’ dan l-appell, li huwa fformulat b’mod oskur u ambigwu f’dan ir-rigward (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, PV vs Il-Kummissjoni, C‑640/20 P, EU:C:2023:232, point 200 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, illimitat is-suġġett tat-tilwima għall-qasam tad-dritt industrijali, għandu jiġi kkonstatat li L. Jenkinson isostni biss, f’dan ir-rigward, li r-rikors tiegħu kien ikopri wkoll l-isfera tas-sigurtà soċjali, mingħajr ma ppreżenta argumenti speċifiċi li jippermettu li jiġi identifikat liema kienet il-konsegwenza ta’ tali limitazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-rikors magħmula mill-Qorti Ġenerali. Fin-nuqqas ta’ tali argument ġuridiku speċifiku, dan l-argument għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli.

63      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li l-ewwel aggravju jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli, parzjalment irrilevanti u parzjalment infondat.

 Fuq lewwel parti tarraba’ aggravju

 Largumenti talpartijiet

64      Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, L. Jenkinson isostni li l-Qorti Ġenerali naqset, fil-punt 224 tas-sentenza appellata, milli teżamina l-argument tiegħu dwar il-ksur tal-Artikolu 5 TUE, tal-Artikolu 336 TFUE, li rrefera għalih f’nota ta’ qiegħ il-paġna tar-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, u tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”).

65      Barra minn hekk, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 226 sa 228 tas-sentenza appellata, kisret l-Artikolu 336 TFUE, billi ddeċidiet li l-Kunsill kien iddelega legalment lill-kap ta’ Eulex Kosovo s-setgħa li jadotta l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal ċivili internazzjonali. Dan il-ksur tal-Artikolu 336 TFUE jirriżulta wkoll mill-iffissar, ammess mill-Qorti Ġenerali, tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal ċivili internazzjonali fil-kuntratti konklużi bejn il-kap ta’ Eulex Kosovo u l-membri tal-persunal ta’ din il-missjoni, minkejja li dawn għandhom jiġu deċiżi mill-Kunsill. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali kisret dan l-artikolu meta aċċettat li l-Komunikazzjoni C(2009) 9502 tista’ tkun qafas għad-determinazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet, minkejja li dawn għandhom jiġu adottati skont il-proċedura prevista fl-imsemmi artikolu. Skont L. Jenkinson, kien il-Kunsill li kellu jadotta kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-persunal ċivili internazzjonali simili għal dawk li jinsabu fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”).

66      L. Jenkinson iqis li, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż fil-punti 229 u 237 tas-sentenza appellata, il-ksur tal-Artikolu 336 TFUE huwa ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet fuq individwi.

67      Il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-SEAE u Eulex Kosovo jitolbu li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju tiġi miċħuda.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

68      Għandu jitfakkar li, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, jekk parti tiġi awtorizzata tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja lment li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, dan iwassal sabiex tiġi awtorizzata tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, b’tilwima iktar estiża minn dik li tagħha tkun ħadet konjizzjoni l-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant limitata għall-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-motivi u tal-argumenti li jkunu ġew diskussi quddiemha (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, De Masi u Varoufakis vs BĊE, C‑342/19 P, EU:C:2020:1035, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69      F’dan il-każ, għandu, qabelxejn, jiġi kkonstatat li, skont il-punt 217 tas-sentenza appellata, li ma huwiex ikkontestat minn L. Jenkinson, dan tal-aħħar kien, b’mod partikolari, talab lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, tikkonstata li, billi ddeċieda, matul il-perijodu ta’ ingaġġ tiegħu fi ħdan l-EUMM, l-EUMM, l-EUPM u Eulex Kosovo (iktar ’il quddiem, flimkien, it-“tliet missjonijiet ikkonċernati”), li jiġi rreklutat mhux bħala membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, iżda bħala persunal ċivili internazzjonali fuq bażi kuntrattwali, il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE kisru diversi regoli tad-dritt, b’mod partikolari ċerti dispożizzjonijiet tat-“Trattat”, u ttrattawh b’mod diskriminatorju.

70      Sussegwentement, hemm lok li jiġi rrilevat li, fir-rikors fl-ewwel istanza, L. Jenkinson kien sostna li l-kuntratti bħal dawk li huwa kien ikkonkluda ma kellhomx jikkostitwixxu l-mod ta’ reklutaġġ tal-persunal tat-tliet missjonijiet ikkonċernati. Fil-fatt, il-persunal tagħhom ma huwiex preżunt li jiġi rreklutat b’mod ieħor ħlief bħala persunal tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, huwa indikat, f’nota ta’ qiegħ il-paġna ta’ dan ir-rikors, li “[d]an huwa barra minn hekk konformi mal-Artikolu [336] TFUE”.

71      Fl-aħħar nett, ir-riferimenti magħmula fir-rikors fl-ewwel istanza għall-ineżistenza ta’ qafas dwar ir-reklutaġġ tal-persunal ta’ dawn il-missjonijiet simili għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma kinux jinkludu talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata ksur tal-Artikolu 336 TFUE minħabba l-assenza ta’ adozzjoni, abbażi ta’ dan l-artikolu, ta’ skema ta’ reklutaġġ applikabbli għas-sitwazzjonijiet ta’ impjieg bħal dik ta’ L. Jenkinson.

72      Minn dan isegwi li, sa fejn L. Jenkinson isostni, fil-kuntest tal-appell tiegħu, li l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali sostantiv applikabbli għar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu u tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502 tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 336 TFUE minħabba l-assenza ta’ kuntest ġuridiku adottat abbażi ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment ma kienx ġie invokat fil-kuntest tar-rikors fl-ewwel istanza. Peress li l-imsemmi lment ġie ppreżentat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan għandu jitqies bħala inammissibbli fl-istadju tal-appell.

73      Peress li fil-kuntest tar-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, L. Jenkinson ma sostniex li ksur ta’ dan l-artikolu kien jirriżulta mill-assenza ta’ qafas legali adottat abbażi tal-imsemmi artikolu, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi validament ikkritikata talli naqset milli tiddeċiedi dwar dan l-ilment. Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq nuqqas li tingħata deċiżjoni dwar dan il-ksur għandu jiġi miċħud bħala infondat.

74      L-istess jgħodd għall-argumenti bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 5 TUE u tar-Regolament Finanzjarju. Fil-fatt, dawn ma kinux ġew ifformulati fl-ewwel istanza minn L. Jenkinson sabiex tiġi rrikonoxxuta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-konvenuti fl-ewwel istanza u għalhekk il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata tiddeċiedi dwar dawn l-argumenti.

75      Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondata.

 Fuq ittielet aggravju

 Fuq lewwel parti tattielet aggravju

–       Largumenti talpartijiet

76      Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, L. Jenkinson isostni, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-kwistjoni tal-inapplikabbiltà tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502 bħala strument li jiddetermina d-dritt sostantiv applikabbli għall-persunal ta’ Eulex Kosovo u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argument tiegħu li l-kundizzjonijiet tal-impjieg li kienu imposti fuqu ma kinux ġew iddeterminati konformement mal-Artikolu 336 TFUE.

77      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argument li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom il-kwalità ta’ persuna li timpjega fid-dawl tar-Regolament Finanzjarju. Din il-kwalità u dik tal-konvenuta fl-ewwel istanza tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll ir-responsabbiltà tagħhom ġew diskussi estensivament abbażi ta’ dan ir-regolament.

78      It-tielet nett, L. Jenkinson iqis li l-Qorti Ġenerali ma siltitx il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, tan-nuqqas ta’ osservanza mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tal-Artikolu 336 TFUE. Peress li qafas ta’ reklutaġġ ad hoc tal-persunal ta’ Eulex Kosovo ma ġiex adottat abbażi tal-Artikolu 336 TFUE, il-kundizzjonijiet tal-impjieg li kienu japplikaw għal L. Jenkinson kienu illegali. Huwa jqis li l-persunal ċivili internazzjonali tal-missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni għandu, bħal kull persunal tal-Unjoni, ikun suġġett għal dritt sostantiv indikat minn att adottat konformement ma’ dan l-artikolu, u dan jippermetti li tiġi ggarantita l-ugwaljanza fit-trattament ta’ dan il-persunal. L. Jenkinson isostni f’dan ir-rigward, minn naħa, li l-persunal kuntrattwali internazzjonali tar-“Registry-Kosovo Specialist Chambers”, korp maħluq minn Eulex Kosovo, huwa suġġett għal korp ta’ regoli tad-dritt sostantiv speċifiku għal dan il-korp u, min-naħa l-oħra, li, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, billi eskludiet l-applikazzjoni tal-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba, ekwiparat espressament lir-rikorrent mal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni peress li eskludiet l-applikazzjoni ta’ dan il-kodiċi billi rrilevat li ma kienx japplika għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni.

79      L. Jenkinson iżid li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx ippreveda li r-Regolament Ruma I ikun applikabbli għal kuntratti rregolati mid-dritt pubbliku, bħal dawk fil-każ inkwistjoni. Fil-fatt, dan ir-regolament japplika għal tilwim dwar kuntratti rregolati mid-dritt privat, u, mill-kombinament tal-Artikoli 270 u 336 TFUE, dan il-leġiżlatur ippreveda li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jkollha ġurisdizzjoni sabiex tivverifika l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn ingaġġ ta’ membru tal-persunal tal-Unjoni.

80      L. Jenkinson iqis li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali kellha tqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq il-ksur tat-Trattat FUE jew tat-Trattat UE. Fil-fehma tiegħu, l-istess japplika fir-rigward tar-Regolament Finanzjarju.

81      Il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-SEAE u Eulex Kosovo jitolbu li l-ewwel parti tat-tielet aggravju tiġi miċħuda.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

82      L-ewwel nett, kif ġie rrilevat fil-punti 50 sa 55 ta’ din is-sentenza, kuntrarjament għal dak li jsostni L. Jenkinson, il-Qorti Ġenerali wettqet, fis-sentenza appellata, eżami tal-infurzabbiltà u tal-legalità tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502. Barra minn hekk, sa fejn L. Jenkinson isostni li, quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa kien sostna li l-kundizzjonijiet tal-impjieg kif iddeterminati mill-applikazzjoni tal-imsemmija komunikazzjoni kienu illegali peress li ġew stabbiliti bi ksur tal-Artikolu 336 TFUE, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument jikkoinċidi ma’ dak li tressaq fil-kuntest tal-ewwel aggravju ta’ dan l-appell u li ġie miċħud fil-punt 52 ta’ din is-sentenza.

83      It-tieni nett, mill-punti 79 u 216 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ma eżaminatx l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuti fl-ewwel istanza li permezz tagħhom huma sostnew b’mod partikolari li l-fatti, id-deċiżjonijiet u l-irregolaritajiet eventwali invokati mir-rikorrent ma kinux imputabbli lilhom u għalhekk iddeċidiet li tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza mingħajr ma tippreċiża liema konvenut fl-ewwel istanza kellu, skont il-każ, jinżamm responsabbli għal dawn il-fatti, deċiżjonijiet u allegati irregolaritajiet. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ eżami tal-argument ippreżentat fl-ewwel istanza, dwar il-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom il-kwalità ta’ persuna li timpjega u ta’ konvenuta ma jistax, fi kwalunkwe każ, jintlaqa’.

84      Fil-fatt, sa fejn dan l-argument huwa marbut mal-imputabbiltà u mar-responsabbiltà tal-irregolaritajiet allegati minn L. Jenkinson u sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx din il-kwistjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, anki jekk jitqies li dan l-argument huwa fondat, dan ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

85      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li l-ilmenti li jirrigwardaw il-punti 92 u 95 tal-imsemmija sentenza jirriżultaw minn qari żbaljat tal-istess sentenza.

86      Fil-punt 92 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, sabiex tirrispondi għall-argument tas-SEAE u ta’ Eulex Kosovo, li jgħid li, f’dan il-każ, kellu jiġi applikat dritt awtonomu għal Eulex Kosovo, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx adotta, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 336 TFUE, regoli intiżi li jirregolaw il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal kuntrattwali ta’ missjoni bħal Eulex Kosovo. Min-naħa l-oħra, hija bl-ebda mod ma kkonstatat ksur ta’ dan l-artikolu.

87      Fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma identifikatx lil L. Jenkinson bħala li jagħmel parti mill-“membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni” li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Fil-fatt, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba invokat minn L. Jenkinson japplika biss għall-istituzzjonijiet, għall-korpi jew għall-organi tal-Unjoni, kif ukoll għall-amministrazzjonijiet tagħhom u għall-membri tal-persunal tagħhom fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku. Huwa minnu li huwa jirreferi għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi li jistabbilixxu li ma japplikax għar-relazzjonijiet bejn dawn l-entitajiet u l-uffiċjali tagħhom jew membri tal-persunal oħra tal-Unjoni. Madankollu, peress li L. Jenkinson invoka l-imsemmi kodiċi fil-kuntest tal-kawża li tirrigwarda r-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu, il-Qorti Ġenerali setgħet validament tqis li dan l-istess kodiċi ma kienx invokat abbażi ta’ relazzjoni bejn il-konvenuti fl-ewwel istanza u L. Jenkinson bħala “pubbliku”, fis-sens tal-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba, iżda abbażi tal-fatt li dawn il-konvenuti kellhom jitqiesu li huma l-persuni li jimpjegawh.

88      Barra minn hekk, sa fejn L. Jenkinson isostni li, billi kkonstatat, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li ebda regola applikabbli għat-tilwima ma kienet ġiet adottata skont l-Artikolu 336 TFUE, il-Qorti Ġenerali kellha tirrikonoxxi ksur ta’ dan l-artikolu peress li, bħall-persunal suġġett għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg, regola adottata skont dan l-istess artikolu kellha tiġi applikata fil-konfront ta’ L. Jenkinson, għandu jiġi rrilevat li mill-punti 99 u 102 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, peress li l-Qorti Ġenerali ġiet adita fil-kuntest ta’ klawżola ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 272 TFUE, hija qieset li hija kellha, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ dan id-dritt sostantiv nazzjonali f’dan il-kuntratt, tiddeċiedi t-tilwima abbażi tad-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli għall-kuntratt, li hija kellha tidentifika.

89      Barra minn hekk, mill-argument ta’ L. Jenkinson ippreżentat fl-ewwel istanza insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet, kif jidher mill-punt 84 tas-sentenza appellata, jirriżulta li huwa qies li dan il-kap tat-talbiet kellu jiġi deċiż skont id-dritt Belġjan, li, fil-fehma tiegħu, kien applikabbli skont il-kriterji ta’ rabta previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I.

90      Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie rrilevat fil-punti 68 sa 72 ta’ din is-sentenza, L. Jenkinson ma ressaqx, fl-ewwel istanza, ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 336 TFUE minħabba l-assenza ta’ qafas legali dwar ir-reklutaġġ tal-persunal ta’ Eulex Kosovo adottat abbażi ta’ dan l-artikolu. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata tistħarreġ il-legalità tal-assenza ta’ tali qafas legali.

91      Fir-rigward tal-argument ta’ L. Jenkinson ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina ex officio l-ksur tal-atti msemmija fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li motiv li jirrigwarda l-legalità fil-mertu ta’ att jista’ jiġi eżaminat biss jekk jiġi invokat mir-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67, kif ukoll tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 40, u tal‑14 ta’ Jannar 2021, ERCEA vs Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis, C‑280/19 P, EU:C:2021:23, punt 53). Minn dan isegwi li, sa fejn tali ksur ma ġiex allegat quddiem il-Qorti Ġenerali, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

92      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondata.

 Fuq ittieni parti tattielet aggravju

–       Largumenti talpartijiet

93      Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, L. Jenkinson isostni, qabelxejn, li, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eskludiet b’mod żbaljat kull applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni u li hija, b’mod żbaljat, illimitat ruħha li teżamina l-applikazzjoni tal-prinċipji li jirriżultaw mid-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli għall-kuntratt. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali manifestament ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-insenjamenti li jirriżultaw mis-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2020:576), u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il-Kummissjoni (C‑378/16 P, EU:C:2020:575), li minnhom jirriżulta li l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni jibqgħu, meta jeżegwixxu kuntratt, suġġetti għall-obbligi tagħhom skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

94      L-affermazzjoni, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jittrasponu d-direttivi, li jikkostitwixxu biss regoli minimi ta’ protezzjoni, ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika li d-dritt industrijali nazzjonali applikabbli għar-relazzjoni kuntrattwali jipproteġi biżżejjed id-drittijiet li jirriżultaw mill-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni.

95      Sussegwentement, L. Jenkinson isostni wkoll li l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sa fejn timplika tliet inugwaljanzi fit-trattament, jiġifieri, l-ewwel nett, trattament differenti ta’ L. Jenkinson meta mqabbel mal-membri tal-persunal tal-Unjoni li l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ tagħhom għandhom jiġu ddeterminati esklużivament mill-Kunsill u mill-Parlament skont l-Artikolu 336 TFUE, it-tieni nett, trattament identiku ta’ membri tal-persunal tal-Unjoni, bħal L. Jenkinson, u ta’ ħaddiema nazzjonali rregolati mid-dritt privat kif ukoll, it-tielet nett, diskriminazzjoni bejn il-membri tal-persunal internazzjonali ta’ nazzjonalitajiet differenti li jeżerċitaw l-attività tagħhom għall-istess persuna li timpjega taħt l-istess kundizzjonijiet u fl-istess ċirkustanzi. F’dan ir-rigward, L. Jenkinson jippreċiża li, peress li, skont il-Qorti Ġenerali, huwa d-dritt taċ-ċittadinanza jew tar-residenza fiskali qabel ir-reklutaġġ tal-persunal bil-kuntratt fi ħdan il-missjoni tal-Unjoni li huwa applikabbli għal dan il-persunal, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jiġi ppreġudikat, peress li d-dritt sostantiv applikabbli jista’ jkun dak ta’ pajjiż terz li ma jkunx irratifika d-diversi strumenti li jippermettu l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jew tad-drittijiet fundamentali li jirriżultaw mill-Karta.

96      Fl-aħħar nett, L. Jenkinson jirrileva li, f’dan il-każ, il-liġi Belġjana kienet l-unika waħda applikabbli, peress li l-liġi Irlandiża dwar it-tkeċċijiet abbużivi ma tapplikax għall-ħaddiema li jeżerċitaw attività barra mit-territorju Irlandiż.

97      Il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-SEAE u Eulex Kosovo jitolbu li t-tieni parti tat-tielet aggravju tiġi miċħuda.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

98      Kif ġie rrilevat fil-punt 88 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li hija kellha, f’dan il-każ, tiddeċiedi t-tilwima abbażi tad-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli għall-kuntratt.

99      Fil-punt 100 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat, b’mod partikolari, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-implementazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-direttivi, l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri għandhom mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-direttivi, iżda għandhom ukoll ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tkun kunfliġġenti mad-drittijiet fundamentali differenti protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni.

100    Fil-punt 101 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li hija kellha tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ġenerali tal-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, abbażi tal-implimentazzjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli għal din il-kawża.

101    Fil-punt 150 tal-istess sentenza, wara li kkonstatat li l-liġi li ttrasponiet, fl-ordinament ġuridiku Irlandiż, id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), kienet applikabbli f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset li la mill-proċess u lanqas mill-argumenti tal-partijiet ma kien jirriżulta li din il-liġi ma kinitx konformi ma’ din id-direttiva jew mal-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt.

102    Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li hija kellha tistħarreġ jekk dan il-prinċipju kienx ġie osservat. Għalhekk, hija ma ċaħditx li hija kellha l-obbligu li tiżgura l-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, L. Jenkinson ma jurix li l-Qorti Ġenerali, f’dan il-każ, naqset milli tapplika prinċipju ġenerali ta’ dan id-dritt.

103    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma kisritx l-insenjamenti li jirriżultaw mis-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2020:576), u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il-Kummissjoni (C‑378/16 P, EU:C:2020:575), li skonthom, jekk il-partijiet jiddeċiedu, fil-kuntratt li jorbothom, permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, li jagħtu lill-qorti tal-Unjoni l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim relatat ma’ dan il-kuntratt, hija din il-qorti, indipendentement mid-dritt applikabbli indikat mill-imsemmi kuntratt, li għandha teżamina eventwali ksur tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, l-argument ibbażat fuq ksur tal-insenjamenti mislut minn dawn is-sentenzi għandu jiġi miċħud bħala infondat.

104    Sussegwentement, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet, L. Jenkinson ma kienx sostna li l-applikazzjoni tad-dritt sostantiv nazzjonali għar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni kienet ta’ natura li timplika ksur ta’ dan il-prinċipju. Għall-kuntrarju, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 84 tas-sentenza appellata, hija kienet sostniet li l-Qorti Ġenerali kellha, f’dan il-każ, tiddeċiedi dwar it-talbiet imressqa fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet abbażi ta’ dritt nazzjonali, jiġifieri d-dritt Belġjan, identifikat skont ir-Regolament Ruma I.

105    Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 217 tas-sentenza appellata, L. Jenkinson, madankollu, invoka, fil-kuntest tat-tieni kap tat-talbiet, trattament diskriminatorju li kien jirriżulta mill-fatt li kien ġie rreklutat bħala membru tal-persunal ċivili internazzjonali fuq bażi kuntrattwali. Dan l-ilment ġie eżaminat fil-punti 230 sa 232 ta’ din is-sentenza, li ma humiex imsemmija fit-tieni parti tat-tielet aggravju.

106    Għaldaqstant, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar l-ilment imsemmi fil-punt 104 ta’ din is-sentenza, hija jkollha tiddeċiedi fuq motiv li ma jkunx ġie invokat fl-ewwel istanza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-ilment għandu jitqies bħala lment ġdid u, bħala tali, inammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 68 ta’ din is-sentenza.

107    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-inapplikabbiltà, f’dan il-każ, tad-dritt Irlandiż, għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell, għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt, li għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 53; tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑14 ta’ Jannar 2021, ERCEA vs Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis, C‑280/19 P, EU:C:2021:23, punt 67).

108    F’dan il-każ, L. Jenkinson isostni li l-liġi Irlandiża dwar it-tkeċċijiet abbużivi ma tapplikax għall-ħaddiema li jeżerċitaw l-attività tagħhom barra mit-territorju Irlandiż, mingħajr, madankollu, ma tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball li jirriżulta minn żnaturament ta’ din il-liġi. Konsegwentement, dan l-argument huwa inammissibbli.

109    Isegwi li t-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondata.

 Fuq ittielet parti tattielet aggravju

–       Largumenti talpartijiet

110    Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju, L. Jenkinson jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni.

111    Preliminarjament, huwa jsostni, l-ewwel nett, li, billi ddeċidiet li teskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(2) u (3) tar-Regolament Ruma I, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, il-fatt li Eulex Kosovo kellha wkoll post ta’ stabbiliment li jinsab fil-belt ta’ Brussell (il-Belġju).

112    It-tieni nett, fil-punt 111 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, mingħajr motivazzjoni partikolari u b’mod żbaljat, li tibda l-analiżi tagħha bl-ewwel disa’ KŻD imsemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, konklużi bejn L. Jenkinson u l-kapijiet suċċessivi ta’ Eulex Kosovo.

113    It-tielet nett, hija tindika li l-partijiet qatt ma pprevedew li jissuġġettaw ir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom għad-dritt Irlandiż, kif ikkonfermat minn Eulex Kosovo stess. Din tal-aħħar invokat, fl-ewwel istanza, l-applikazzjoni ta’ “dritt sui generis”.

114    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli għall-aħħar żewġ KŻD inkwistjoni, L. Jenkinson jallega, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, ma siltitx konsegwenzi mill-fatt li dawn il-kuntratti ma kinux isemmu l-kundizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ċivili internazzjonali, bi ksur tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, u ma kinux jirreferu għall-Komunikazzjoni C(2009) 9502, li kienet timponi l-adattament tal-imsemmija kuntratti għal-liġi nazzjonali applikabbli għall-kuntratt, kif ukoll ikkonstatat, b’mod manifestament żbaljat, in-natura informata tal-kunsens tal-partijiet. L. Jenkinson isostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rieda tal-partijiet li jħassru, fl-aħħar żewġ kuntratti dwar l-attivitajiet ta’ L. Jenkinson fi ħdan Eulex Kosovo, ir-riferiment għall-Komunikazzjoni C(2009) 9502 sabiex tiġi emendata l-liġi applikabbli għar-relazzjoni kuntrattwali.

115    L. Jenkinson iqis, it-tieni nett, li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, peress li ma ġġustifikatx l-esklużjoni tal-liġi Belġjana bħala liġi applikabbli għall-KŻD skont l-Artikolu 8(3) u (4) tar-Regolament Ruma I.

116    It-tielet nett, huwa jsostni, qabelxejn, li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 130 et seq. tas-sentenza appellata, dwar l-eżistenza ta’ rabtiet eqreb mad-dritt Irlandiż, hija żbaljata, peress li l-Qorti Ġenerali, qabelxejn, fl-evalwazzjoni tagħha, ħadet inkunsiderazzjoni l-kwalità ta’ Eulex Kosovo bħala persuna li timpjega, mingħajr kunsiderazzjoni għall-eventwali kwalità ta’ kopersuna li timpjega tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

117    Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni biss ir-rabtiet tal-KŻD inkwistjoni mal-Irlanda, mingħajr la analizzat iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni sabiex tiddetermina rabtiet eqreb ma’ Stat Membru ieħor u lanqas il-kuntest ġuridiku dwar ir-reklutaġġ tal-persunal ċivili internazzjonali tal-missjonijiet. Hija lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-pajjiż minn fejn kienu ġejjin l-istruzzjonijiet kollha indirizzati lill-kapijiet ta’ missjoni u lill-missjonijiet stess kif ukoll il-fatt li Eulex Kosovo kellha post ta’ stabbiliment fil-bini tas-SEAE li jinsab fil-belt ta’ Brussell. Il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kunsill u l-Parlament, li huma stabbiliti fil-belt ta’ Brussell, huma, bħala prinċipju, kompetenti sabiex jistabbilixxu l-qafas legali ta’ reklutaġġ tal-persunal ċivili internazzjonali tal-missjonijiet kif ukoll tal-fatt li l-Kummissjoni, li għandha wkoll is-sede tagħha fi Brussell, timponi istruzzjonijiet abbażi tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502.

118    Fl-aħħar nett, L. Jenkinson isostni li l-motivi li jiġġustifikaw, skont il-Qorti Ġenerali, l-applikazzjoni tad-dritt Irlandiż skont l-Artikolu 8(3) u (4) tar-Regolament Ruma I, huma manifestament żbaljati. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali kkonfondiet il-kunċetti ta’ kontinwità tal-impjieg u ta’ kontinwità tal-liġi applikabbli. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-KŻD dwar il-liġi applikabbli għall-iskema ta’ sigurtà soċjali u ta’ pensjoni jmorru kontra l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni u tad-direttivi fil-qasam fiskali jew soċjali. Fil-fatt, sistema fiskali nazzjonali tista’ biss tapplika għal impjegat biss jekk ikun fiżikament u effettivament preżenti għal iktar minn 183 jum fis-sena fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, min jimpjega huwa pprojbit milli jimponi fuq l-impjegat il-ħolqien u l-kostituzzjoni ta’ skema ta’ sigurtà soċjali u ta’ pensjoni.

119    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli għall-ewwel disa’ KŻD konklużi bejn L. Jenkinson u l-kapijiet suċċessivi ta’ Eulex Kosovo, imsemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, l-appellant jikkritika, qabelxejn, il-punt 113 tas-sentenza appellata li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali qieset li l-Komunikazzjoni C(2009) 9502 setgħet tiġi invokata kontra L. Jenkinson fuq il-bażi biss tal-fatt li huwa kien jaf biha qabel l-iffirmar tal-ewwel kuntratt konkluż mal-kap ta’ Eulex Kosovo. Huwa jsostni li l-fatt li din il-komunikazzjoni ġiet inkluża fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali permezz tar-rieda komuni tal-partijiet, u minkejja li ġiet abrogata, juri li, fin-nuqqas ta’ inklużjoni espressa tal-kontenut ta’ komunikazzjoni abrogata fil-KŻD, il-mekkaniżmu ta’ determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratt ma jistax ikun ibbażat fuq din il-komunikazzjoni. Fil-fehma tiegħu, il-Qorti Ġenerali, billi għamlet hekk, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza dwar l-infurzabbiltà ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali fil-konfront tal-partijiet l-iktar dgħajfa f’kuntratt kif ukoll id-dritt tal-Unjoni dwar il-validità tal-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti unilateralment minn impriża. F’dan ir-rigward, L. Jenkinson jirreferi għas-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688).

120    Sussegwentement, skont L. Jenkinson, l-analiżi konkreta tal-imsemmija komunikazzjoni saret fil-punti 116 sa 119 tas-sentenza appellata, mingħajr ma ttieħdet inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ eventwali difett tal-kunsens, filwaqt li l-eżistenza ta’ tali difett kellha tiġi evalwata skont il-liġi applikabbli għall-kuntratt, kif previst fl-Artikoli 10, 11 u 12 tar-Regolament Ruma I.

121    L. Jenkinson jikkritika, fl-aħħar nett, il-punt 119 tas-sentenza appellata, billi jsostni li l-partijiet qatt ma kellhom l-intenzjoni li japplikaw id-dritt Irlandiż għar-relazzjoni kuntrattwali kollha. Ir-residenza fiskali qabel l-ingaġġ inizjali tiegħu jew iċ-ċittadinanza kienu rilevanti biss għad-determinazzjoni tad-drittijiet individwali li jirriżultaw mir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar.

122    Fit-tielet lok, filwaqt li jinvoka nuqqas li tingħata deċiżjoni, L. Jenkinson isostni li huwa ma setax jirrinunzja, permezz ta’ reklutaġġ kuntrattwali, l-osservanza tad-dispożizzjonijiet iktar favorevoli jew ta’ ordni pubbliku previsti mil-liġi li kieku kienet tapplika fin-nuqqas ta’ għażla, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Ruma I. Huwa jindika, f’dan ir-rigward, li, fin-nuqqas ta’ qafas simili għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg, din il-liġi hija l-liġi Belġjana. Din il-liġi kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk il-partijiet kinux irrinunzjaw l-osservanza ta’ dispożizzjonijiet iktar favorevoli u ta’ ordni pubbliku. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali kellha tapplika d-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-forum inklużi l-prinċipji identifikati bħala “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti” fis-sens tal-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament. Billi eskludiet l-applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali kisret il-portata tal-imsemmi regolament.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

123    Fir-rigward tal-argumenti mressqa b’mod preliminari minn L. Jenkinson, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement esponiet ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat li hija qieset rilevanti sabiex tiddetermina l-liġi applikabbli f’dan il-każ. Fost dawn ir-regoli, huwa semma dik prevista fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Ruma I, li tipprovdi, b’mod partikolari, li l-kuntratt għandu jkun irregolat mil-liġi tal-pajjiż li fih ikun jinsab il-post ta’ stabbiliment fejn ikun ġie impjegat il-ħaddiem. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi validament ikkritikata li, f’dan il-punt, ma ħaditx inkunsiderazzjoni element fattwali relatat mal-eżistenza ta’ post ta’ stabbiliment ta’ Eulex Kosovo li jinsab fil-belt ta’ Brussell.

124    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi u li għalhekk il-Qorti Ġenerali hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevant kif ukoll il-provi. L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-annessi tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, VG vs Il-Kummissjoni, C‑19/18 P, EU:C:2019:578, punt 47).

125    Billi jsostni, fl-appell tiegħu, li l-partijiet inkwistjoni qatt ma kienu pprevedew li jissuġġettaw ir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom għad-dritt Irlandiż, L. Jenkinson jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ta’ elementi ta’ natura fattwali, jiġifieri li tiddeċiedi dwar l-intenzjoni tal-partijiet fir-rigward tad-dritt applikabbli f’dan il-każ, li, bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament, ma taqax taħt il-kompetenza tagħha meta tiġi adita b’appell. Barra minn hekk, L. Jenkinson ma jallegax li l-evalwazzjoni tal-intenzjoni tal-partijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq żnaturament tal-fatti prodotti quddiemha li tirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess. Konsegwentement, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

126    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli għall-aħħar żewġ KŻD inkwistjoni, għandu, l-ewwel nett, jiġi rrilevat li, b’mod partikolari, mill-punt 128 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li kien meħtieġ, fin-nuqqas ta’ għażla bejn il-partijiet fir-rigward tad-dritt applikabbli f’dan il-każ, li dan id-dritt jiġi ddeterminat abbażi tal-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 8(2) sa (4) tar-Regolament Ruma I.

127    Sa fejn L. Jenkinson isostni li, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kellha tislet konsegwenzi mill-konstatazzjoni tagħha li dawn l-aħħar żewġ KŻD konklużi bejnu u Eulex Kosovo ma kinux isemmu r-rekwiżiti previsti fl-Azzjoni Konġunta 2008/124 u fil-Komunikazzjoni C(2009) 9502, u jindika li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat dwar ir-rieda kif ukoll dwar il-kunsens tal-partijiet għal dawn il-kuntratti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-argument jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, bħall-punt 125 ta’ din is-sentenza, l-imsemmi punt 126 jinkludi biss konstatazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali li tippreċedi l-evalwazzjoni li hija tibda twettaq fil-punt 127 tal-imsemmija sentenza. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ddeċidiet, fl-istess punt 126, fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konstatazzjonijiet fattwali tagħha.

128    Barra minn hekk, fil-punt 127 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, kuntrarjament għall-kuntratti preċedenti dwar l-attivitajiet ta’ L. Jenkinson fi ħdan Eulex Kosovo, l-aħħar żewġ KŻD konklużi bejn dawn il-partijiet ma kinux baqgħu jirreferu għall-Komunikazzjoni C(2009) 9502. Madankollu, minn dan in-nuqqas ta’ riferiment espress għal din il-komunikazzjoni, il-Qorti Ġenerali ma ddeduċietx il-fatt li l-partijiet eskludew l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali li kienet tintgħażel li kieku kien hemm dan ir-riferiment, jiġifieri l-liġi Irlandiża.

129    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali esposta fil-punt 127 tas-sentenza appellata tirrigwarda elementi fattwali, li l-istħarriġ tagħhom ma jaqax, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja meta tiġi adita b’appell. F’dan il-każ, ma ġie allegat l-ebda żnaturament u lanqas, a fortiori, ma ġie pprovat. Għaldaqstant, l-argument ta’ L. Jenkinson għandu jitqies li huwa inammissibbli skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 124 ta’ din is-sentenza.

130    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu, qabelxejn, jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Achemos Grupė u Achema vs Il-Kummissjoni, C‑847/19 P, EU:C:2021:343, punt 62).

131    Għalhekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali tissodisfa dan l-obbligu meta motivazzjoni ta’ sentenza tiżvela b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni meħuda u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. L-obbligu ta’ motivazzjoni ma jeżiġix li l-Qorti Ġenerali tipprovdi espożizzjoni li, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, issegwi l-argumenti kollha mqajma mill-partijiet fil-kawża, u b’hekk il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2022, HIM vs Il-Kummissjoni, C‑500/21 P, EU:C:2022:741, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 129 tas-sentenza appellata, qieset li, skont l-Artikolu 8(2) u (3) tar-Regolament Ruma I, id-dritt Kosovar kien, bħala prinċipju, applikabbli għall-aħħar żewġ KŻD konklużi bejn L. Jenkinson u Eulex Kosovo. Madankollu, hija rrilevat li dan id-dritt kien jeskludi huwa stess l-applikabbiltà tiegħu għar-relazzjonijiet ta’ impjieg ma’ missjonijiet internazzjonali u, fil-punt 130 ta’ din is-sentenza, hija qieset li, fi kwalunkwe każ, dawn l-aħħar żewġ KŻD konklużi bejn L. Jenkinson u Eulex Kosovo kellhom rabtiet iktar mill-qrib mad-dritt Irlandiż, filwaqt li spjegat ir-raġunijiet għal din il-kunsiderazzjoni fil-punti 131 sa 138 tal-imsemmija sentenza.

133    Minn dawn il-punti tal-istess sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, billi rrilevat li dritt differenti mid-dritt Belġjan kien applikabbli f’dan il-każ, eskludiet, kif spjegat fil-punt 139 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni tad-dritt Belġjan f’dan il-każ. Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

134    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument ta’ L. Jenkinson ibbażat fuq l-assenza ta’ eżami mill-Qorti Ġenerali tal-kwalità eventwali ta’ kopersuna li timpjega tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni minnha tal-elementi li jistabbilixxu rabta tal-KŻD inkwistjoni mal-Belġju, sa fejn dan għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Ruma I, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali qieset lil dawn l-istituzzjonijiet bħala li huma, flimkien ma’ Eulex Kosovo, kopersuni li jimpjegaw ta’ L. Jenkinson, din il-kunsiderazzjoni ma tippermettix, waħedha, li tiġi miċħuda l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-post ta’ stabbiliment li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kien dak li, skont il-Qorti Ġenerali, kien jinsab fil-Kosovo.

135    Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-użu tal-kelma “impjegat” fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament jirreferi biss għall-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xogħol u mhux għall-modalitajiet tal-impjieg effettiv tal-ħaddiem (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, EU:C:2011:842, punt 46).

136    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, meta l-kriterju tal-post ta’ stabbiliment tal-impriża li timpjega l-ħaddiem ma jkollux rabta mal-kundizzjonijiet li fihom jitwettaq ix-xogħol, il-fatt li din l-impriża tkun stabbilita f’post jew f’ieħor ma jaffettwax id-determinazzjoni ta’ dan il-post ta’ stabbiliment (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd, C‑384/10, EU:C:2011:842, punt 48).

137    Minn dan jirriżulta li l-post fejn jinsab il-post ta’ stabbiliment li impjega lill-ħaddiem ma huwiex neċessarjament l-istess bħal dak fejn il-persuna li impjegat lill-ħaddiem għandha s-sede tagħha.

138    Huwa minnu li huwa biss jekk elementi li jirrigwardaw il-proċedura ta’ ingaġġar jippermettu li jiġi kkonstatat li l-impriża li kkonkludiet il-kuntratt ta’ xogħol fir-realtà aġixxiet għan-nom ta’ impriża oħra li l-qorti tar-rinviju tista’ tqis li l-kriterju ta’ rabta li jinsab fl-Artikolu 6(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jirreferi għal-liġi tal-pajjiż fejn jinsab il-post ta’ stabbiliment ta’ din l-aħħar impriża (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd, C‑384/10, EU:C:2011:842, punt 49).

139    Madankollu, L. Jenkinson ma jinvokax elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi sostnut li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, mhux il-post ta’ stabbiliment li jinsab fil-Kosovo li L. Jenkinson kien ikkonkluda l-aħħar żewġ KŻD inkwistjoni miegħu iżda s-sede tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

140    Minn dan isegwi li l-argument ta’ L. Jenkinson li jirrigwarda n-neċessità li qabel l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Ruma I tiġi stabbilita l-kwalità ta’ kopersuni li jimpjegaw ta’ dawn l-istituzzjonijiet għandu jitqies li huwa infondat.

141    L-istess japplika għall-elementi l-oħra mressqa minn L. Jenkinson sabiex jikkontesta l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament.

142    Fir-rigward, qabelxejn, tal-argument ta’ L. Jenkinson li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-pajjiż minn fejn kienu ġejjin l-istruzzjonijiet kollha indirizzati lill-kapijiet ta’ missjoni u lill-missjonijiet stess għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li dan l-element ma huwiex marbut ma’ ċirkustanzi relatati mal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ impjieg u li jippermettu għalhekk li tiġi kkonfutata d-determinazzjoni tal-post ta’ reklutaġġ ta’ L. Jenkinson, kif ġie stabbilit mill-Qorti Ġenerali.

143    Sussegwentement, is-sempliċi fatt li Eulex Kosovo kellha post ta’ stabbiliment fil-bini tas-SEAE li jinsab fil-belt ta’ Brussell, anki jekk dan jiġi pprovat, ma jippermettix li jintwera li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-post ta’ stabbiliment rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Ruma I kien dak li jinsab fi Pristina (Kosovo). Fil-fatt, l-indikazzjoni li post ta’ stabbiliment ta’ Eulex Kosovo fil-bini tas-SEAE li jinsab fi Brussell ma hijiex biżżejjed sabiex turi li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat l-post ta’ stabbiliment li kellu jitqies li impjega lil L. Jenkinson.

144    Bl-istess mod, fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-kuntest ġuridiku relatat mal-ingaġġ ta’ L. Jenkinson u tal-post ta’ negozju, fi Brussell, tal-Kunsill u tal-Parlament, għandu jiġi rrilevat li dawn l-elementi, li huma bbażati fuq il-premessa, mhux stabbilita, li dawn l-istituzzjonijiet huma l-uniċi kompetenti sabiex jiddeterminaw il-kuntest ġuridiku relatat mal-ingaġġ ta’ L. Jenkinson, ma jistgħux juru li l-post ta’ negozju tal-imsemmija istituzzjonijiet kien rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post ta’ reklutaġġ tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Ruma I.

145    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-ilmenti tal-appellant dwar l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Ruma I, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni timplika li l-qorti għandha tagħmel evalwazzjoni globali tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ impjieg u tevalwa dak jew dawk li, fil-fehma tagħha, huma l-iktar sinjifikattivi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, Schlecker, C‑64/12, EU:C:2013:551, punt 40).

146    Fost l-elementi sinjifikattivi ta’ konnessjoni, għandu, fl-ewwel lok, jittieħed inkunsiderazzjoni l-pajjiż fejn l-impjegat ikun iħallas it-taxxi fuq id-dħul mill-attività tiegħu kif ukoll dak fejn ikun affiljat mas-sigurtà soċjali u mad-diversi skemi ta’ rtirar, assigurazzjoni għas-saħħa u invalidità. Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, bħalma huma, b’mod partikolari, il-parametri marbuta mal-iffissar tas-salarju jew mal-kundizzjonijiet ta’ impjieg oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, Schlecker, C‑64/12, EU:C:2013:551, punt 41).

147    Fir-rigward, qabelxejn, tal-argument ta’ L. Jenkinson li l-Qorti Ġenerali kkonfondiet il-kunċetti ta’ kontinwità tal-impjieg u ta’ kontinwità tal-liġi applikabbli, mill-punti 131 u 136 tas-sentenza appellata jirriżulta, minn naħa, li kien hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol kontinwa stabbilita sa mill-ewwel wieħed mill-ħdax-il KŻD imsemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għall-aħħar żewġ KŻD ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, mill-punt 137 ta’ din is-sentenza, li l-istess liġi bħal dik applikabbli għad-disa’ KŻD ikkonċernati kellha tapplika għal dawn l-aħħar żewġ KŻD.

148    Madankollu, dan l-argument ta’ L. Jenkinson ma huwiex ta’ natura li juri li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-liġi li kienet applikabbli għal kuntratti li ppreċedew dawk eżaminati mill-Qorti Ġenerali jista’ jikkostitwixxi analiżi żbaljata taċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita permezz ta’ dawn l-aħħar kuntratti u, għaldaqstant, applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Ruma I. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ rabtiet bejn kuntratti bħal dawk imsemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 131 sa 137 tas-sentenza appellata tista’ tiġi aċċettata, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 145 ta’ din is-sentenza, bħala li tikkostitwixxi ċirkustanza sinjifikattiva li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi indikat “pajjiż ieħor”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, l-imsemmi argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

149    Fir-rigward, barra minn hekk, tal-argument ta’ L. Jenkinson li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterju msemmi fl-aħħar żewġ KŻD konklużi bejnu u Eulex Kosovo sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għall-iskemi ta’ sigurtà soċjali u ta’ pensjoni kif ukoll għall-iskema fiskali, peress li dan il-kriterju jmur kontra l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni u tad-direttivi fil-qasam fiskali jew soċjali, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx jekk il-liġi Irlandiża kinitx dik li kienet tirregola validament dawn l-iskemi, iżda rrilevat biss li dawn l-aħħar żewġ KŻD kienu jirreferu, sabiex tiġi ddeterminata l-liġi li tirregola l-imsemmija sistemi, għal-liġi tal-“pajjiż ta’ residenza (fiskali) permanenti” qabel it-teħid tal-kariga ta’ L. Jenkinson fi ħdan Eulex Kosovo.

150    Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 146 ta’ din is-sentenza, l-argumenti ta’ L. Jenkinson ma jistgħux jintlaqgħu peress li, skont din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza eżaminata fil-punti 131 sa 137 tas-sentenza appellata indipendentement mill-applikabbiltà ta’ din il-liġi għall-istess skemi.

151    Minn dan isegwi li L. Jenkinson ma jistax isostni li l-Qorti Ġenerali, bi ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Ruma I, ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi msemmija fil-punti 131 sa 138 tas-sentenza appellata.

152    Barra minn hekk, l-elementi l-oħra mressqa minn L. Jenkinson insostenn tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni parzjali tal-elementi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu fi ħdan Eulex Kosovo għandhom jiġu miċħuda bħala infondati peress li, permezz tagħhom, L. Jenkinson ma jirnexxilux jistabbilixxi li din l-evalwazzjoni hija żbaljata.

153    Fil-fatt, għalkemm dawn l-elementi jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-kwalità allegata ta’ kopersuna li timpjega tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom is-sede tagħhom fi Brussell, it-tieni nett, il-kuntest ġuridiku dwar ir-reklutaġġ tal-persunal ċivili internazzjonali tal-missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni, it-tielet nett, il-post li minnu kienu joriġinaw l-istruzzjonijiet kollha indirizzati lill-kap ta’ Eulex Kosovo u, ir-raba’ nett, din il-missjoni kif ukoll l-eżistenza ta’ post ta’ stabbiliment ta’ Eulex Kosovo fil-bini tas-SEAE li jinsab fi Brussell, jikkontribwixxu sabiex jindikaw pajjiż ieħor għajr l-Irlanda fid-dawl tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Ruma I, L. Jenkinson ma jirnexxilux jistabbilixxi li l-imsemmija elementi kienu sinjifikattivi, fir-rigward tal-aħħar żewġ KŻD konklużi bejnu u Eulex Kosovo, sal-punt li jistabbilixxu li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-eżistenza tar-rabtiet bejn dawn il-KŻD u l-Irlanda billi bbażat ruħha fuq l-elementi msemmija fil-punti 131 sa 138 tas-sentenza appellata.

154    L-allegat qafas legali dwar ir-reklutaġġ tal-persunal ċivili internazzjonali tal-missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni ddefinit mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom is-sede tagħhom fi Brussell, il-post minn fejn kienu joriġinaw l-istruzzjonijiet kollha indirizzati lill-kap ta’ Eulex Kosovo u lil din il-missjoni kif ukoll l-eżistenza ta’ stabbiliment ta’ Eulex Kosovo fil-bini tas-SEAE li jinsab fi Brussell jikkostitwixxu, ċertament, ċirkustanzi tal-kawża li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni globali msemmija fil-punt 145 ta’ din is-sentenza. Madankollu, b’differenza minn dawk analizzati mill-Qorti Ġenerali, dawn iċ-ċirkustanzi jirrigwardaw iktar il-kuntest ġenerali tal-aħħar żewġ KŻD konklużi bejn Eulex Kosovo u L. Jenkinson milli l-karatteristiċi iktar direttament marbuta ma’ dawn il-KŻD. Konsegwentement, l-argument ibbażat fuq l-imsemmija elementi ma jippermettix li jintwera li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni żbaljata tar-rabtiet iktar stretti msemmija fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Ruma I.

155    Bl-istess mod, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-neċessità li jiġi eżaminat jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħux jitqiesu, flimkien ma’ Eulex Kosovo, bħala kopersuni li jimpjegaw lil L. Jenkinson, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li dan l-argument huwa fondat, dan ma jistax juri li l-post ta’ stabbiliment ta’ dawn l-istituzzjonijiet fi Brussell jikkostitwixxi ċirkustanza determinanti fl-identifikazzjoni tal-pajjiż li għandu, fis-sens tal-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament, rabtiet eqreb ma’ dawn iż-żewġ KŻD tal-aħħar.

156    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li L. Jenkinson ma jistabbilixxix li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I sabiex tiddetermina l-liġi li tirregola l-aħħar żewġ KŻD konklużi bejn L. Jenkinson u Eulex Kosovo.

157    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli għall-ewwel disa’ KŻD konklużi bejn L. Jenkinson u l-kap ta’ Eulex Kosovo, imsemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti bbażati fuq allegat ksur tal-ġurisprudenza dwar l-infurzabbiltà tal-indikazzjonijiet kuntrattwali kontra l-partijiet dgħajfa f’kuntratt u tad-dritt tal-Unjoni dwar il-validità tal-kundizzjonijiet ġenerali unilateralment stabbiliti minn impriża kif ukoll l-argumenti b’rabta mal-Artikoli 10, 11 u 12 tar-Regolament Ruma I ma jissodisfawx ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, peress li L. Jenkinson ma jsostnix b’mod suffiċjentement preċiż il-punti ta’ liġi li jsostnu dawn l-argumenti, u għandhom, għaldaqstant, jitqiesu li huma inammissibbli.

158    Barra minn hekk, billi sostniet li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-intenzjoni tal-partijiet b’rabta mal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li L. Jenkinson jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni fattwali li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 124 ta’ din is-sentenza, ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħha meta tiġi adita fil-kuntest ta’ appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament.

159    Għandu jiġi rrilevat, fit-tielet lok, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I teżiġi, l-ewwel nett, li l-qorti nazzjonali adita bit-tilwima tidentifika l-liġi li kienet tkun applikabbli fl-assenza ta’ għażla u tiddetermina, skont din tal-aħħar, ir-regoli li ma jistgħux jiġu dderogati bi ftehim u, it-tieni nett, li din il-qorti tqabbel il-livell ta’ protezzjoni li minnu jibbenefika l-ħaddiem bis-saħħa ta’ dawn ir-regoli ma’ dak previst mil-liġi magħżula mill-partijiet. Jekk il-livell previst mill-imsemmija regoli jiżgura protezzjoni aħjar, hemm lok li dawn l-istess regoli jiġu applikati (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, SC Gruber Logistics, C‑152/20 u C‑218/20, EU:C:2021:600, punt 27).

160    Madankollu, f’dan il-każ, L. Jenkinson jirreferi, b’mod ġenerali, għad-dritt Belġjan, iżda ma jidentifika ebda regola preċiża li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu, b’tali mod li huwa ma jistabbilixxix li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma tatux il-benefiċċju tal-applikazzjoni ta’ din l-allegata regola iktar favorevoli.

161    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta la stħarrġet u lanqas applikat regola iktar favorevoli skont id-dritt li kienet tkun applikabbli f’dan il-każ fl-assenza ta’ għażla. L-istess japplika fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I.

162    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tad-dritt applikabbli għall-ewwel disa’ KŻD imsemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza u għall-aħħar żewġ KŻD, b’tali mod li l-argumenti miġbura fil-qosor fil-punt 112 ta’ din is-sentenza dwar l-ordni magħżula mill-Qorti Ġenerali, fl-eżami ta’ dawn il-KŻD, sabiex jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli għar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jintlaqgħu.

163    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondata.

 Fuq ittieni u ttielet ilment tarraba’ parti tattielet aggravju

–       Largumenti tal-partijiet

164    Permezz tat-tieni lment tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, L. Jenkinson jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli żnaturat id-dritt Irlandiż fil-kuntest tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protection of Employees (Fixed – Term Work) Act 2003 (il-Liġi tal‑2003 dwar il-Protezzjoni tal-Impjegati (Xogħol għal Żmien Determinat), iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2003”).

165    Huwa jsostni, preliminarjament, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 151 tal-istess sentenza, meta ma qisitx li huwa biss il-Kunsill li għandu l-kompetenza li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ tal-persunal tal-missjonijiet. Dan il-punt imur ukoll kontra l-Komunikazzjoni C(2009) 9502 finali, li timponi tipi speċifiċi ta’ kuntratti għal kull funzjoni. Huwa jirrileva wkoll li l-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑2003 jirreferi għall-kunċett ta’ “persuni li jimpjegaw assoċjati”.

166    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-analiżi tal-għan leġittimu invokat minn Eulex Kosovo sabiex jiġġustifika s-suċċessjoni ta’ KŻD, L. Jenkinson iqis li l-Qorti Ġenerali kellha, fil-punti 152, 154 u 155 tas-sentenza appellata, tapplika mhux il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda l-ġurisprudenza tal-qrati Irlandiżi. Il-Qorti Ġenerali għalhekk illimitat il-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema mid-dritt Irlandiż. B’mod partikolari, skont L. Jenkinson, fil-punti 157 sa 175 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat u mingħajr motivazzjoni, illimitat l-analiżi tar-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw l-użu ta’ KŻD suċċessivi għal dik tad-dimensjoni temporanja ta’ Eulex Kosovo, filwaqt li l-qrati Irlandiżi allegatament jirreferu, sabiex jiġġustifikaw is-suċċessjoni ta’ KŻD, għal diversi raġunijiet oġġettivi, jiġifieri ristrutturazzjoni sinjifikattiva li għandha taffaċċja l-persuna li timpjega, bżonn ta’ perizja temporanja f’qasam partikolari, neċessità li jiġu rreklutati ħaddiema għal proġett għal żmien qasir identifikat b’mod ċar u li huwa temporanju kif ukoll assenza ta’ persunal marbut, pereżempju, mal-leave tal-mard ta’ ħaddiem. L-analiżi tal-Qorti Ġenerali għalhekk tmur manifestament kontra l-ġurisprudenza tal-qrati Irlandiżi invokata minn L. Jenkinson quddiemha.

167    B’mod partikolari, fir-rigward, l-ewwel nett, tat-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali tat-tul tal-mandati ta’ Eulex Kosovo, L. Jenkinson isostni li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tax-xogħol li huwa kien iwettaq fi ħdan Eulex Kosovo, li kien jissodisfa bżonnijiet permanenti u durabbli tal-persuna li timpjega, pjuttost milli tirreferi, fil-punti 157 sa 160 tas-sentenza appellata, għall-attività ta’ Eulex Kosovo jew li tieħu inkunsiderazzjoni, fil-punti 177 sa 180 ta’ din is-sentenza, aspetti irrilevanti bħall-prijorità tar-reklutaġġ tal-persunal ikkollokat. Billi pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kunċett ta’ “bżonnijiet permanenti u durabbli tal-persuna li timpjega”. L. Jenkinson jirreferi, f’dan ir-rigward, għal silta minn deċiżjoni ta’ “adjudication officer” (aġent ta’ arbitraġġ).

168    It-tieni nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punti 161 u 162 tas-sentenza appellata, dwar il-perijodi koperti mill-ammonti ta’ referenza finanzjarja, li jinsabu fil-verżjonijiet suċċessivi tal-Artikolu 16 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, L. Jenkinson iqis li t-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura limitata ratione temporis ta’ dawn il-perijodi, sabiex jitqies li l-konklużjoni ta’ KŻD suċċessivi kienet iġġustifikata, imur kontra l-ġurisprudenza tal-qrati Irlandiżi. B’mod partikolari, L. Jenkinson jirreferi għal estratti minn deċiżjonijiet ta’ dawn il-qrati li juru, b’mod manifest, li l-fatt li għandu jkun hemm baġit disponibbli sabiex jitħallas ħaddiem fil-kuntest ta’ attività partikolari ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-konklużjoni ta’ KŻD. Barra minn hekk, li kieku l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu tqiesu, flimkien ma’ Eulex Kosovo, bħala kopersuni li jimpjegaw lil L. Jenkinson, l-argumenti bbażati fuq il-finanzjament ta’ Eulex Kosovo ma kinux jintlaqgħu mill-Qorti Ġenerali.

169    It-tielet nett, L. Jenkinson isostni li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, esposta fil-punti 163 sa 169 tas-sentenza appellata, li l-ġurisdizzjoni u l-kamp ta’ azzjoni ta’ Eulex Kosovo kienu suġġetti għal adattamenti skont l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fuq il-post u tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Kosovo, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-proċeduri operattivi standardizzati (POS), li jipprevedu regoli ta’ riallokazzjoni tal-persunal fi ħdan Eulex Kosovo, jew fi ħdan missjoni internazzjonali oħra tal-Unjoni.

170    Ir-raba’ nett, L. Jenkinson isostni li l-kriterju dwar it-tul tal-mandati tal-kapijiet suċċessivi ta’ Eulex Kosovo, imsemmi fil-punti 170 sa 175 tas-sentenza appellata, għandu jiġi eskluż, peress li jippermetti lill-persuna li timpjega tikkonkludi biss kuntratti għal żmien limitat. Il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx, f’dan ir-rigward, li kien possibbli li jsir rikors, f’dan il-kuntest, għal tali kriterju. Hija għalhekk ċaħħdet lill-ħaddiem minn stħarriġ effettiv tal-legalità ta’ tali użu, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑2003. Barra minn hekk, il-punt 175 ta’ din is-sentenza jikkontradixxi manifestament l-konstatazzjoni tal-assenza ta’ personalità ġuridika ta’ Eulex Kosovo u tal-assenza ta’ setgħa tal-kapijiet ta’ din il-missjoni.

171    Fir-rigward, il-ħames nett, tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali rigward l-aħħar KŻD, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, skont L. Jenkinson, tikkostatata validament, fil-punti 185 u 187 tas-sentenza appellata, li r-raġunijiet tal-evalwazzjoni tagħha kienu l-istess bħal dawk relatati mal-KŻD l-oħra, filwaqt li Eulex Kosovo kienet speċifikat li dan l-aħħar kuntratt kien maħsub li jikkoordina t-tmiem ta’ KŻD konklużi ma’ diversi impjegati ta’ Eulex Kosovo.

172    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali naqset milli tanalizza l-adegwatezza, fid-dawl tad-dritt Irlandiż, tar-rikors għal KŻD suċċessivi. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ġġustifikat il-leġittimità tas-suċċessjoni ta’ KŻD bil-faċilità li twaqqaf dan it-tip ta’ kuntratt mingħajr konsegwenza finanzjarja, minkejja li ebda waħda mill-konvenuti fl-ewwel istanza ma kienet ipprovat l-eżistenza ta’ tali konsegwenzi fil-każ li jiġi konkluż KŻI. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat, fil-punti 181 u 184 tas-sentenza appellata, il-proposta ta’ miżura oħra mressqa minn L. Jenkinson, mingħajr ma analizzat jekk kinitx teżisti possibbiltà inqas detrimentali għall-istabbiltà u għad-drittijiet tal-ħaddiem, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-qrati Irlandiżi. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-persuna li timpjega.

173    Fil-punt 187 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors għall-aħħar KŻD kien neċessarju u xieraq, u dan billi żnaturat id-dritt Irlandiż, peress li ma ġiex iddeterminat fuq il-bażi ta’ eżami konkret tas-sitwazzjoni inkwistjoni u fid-dawl ta’ mezzi oħra inqas żvantaġġużi u prekarji sabiex jiġu ssodisfatti l-interessi taż-żewġ partijiet.

174    Sussidjarjament, L. Jenkinson jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-prinċipju ta’ uniċità tad-dritt. Huwa jinvoka n-neċessità li tiġi eżaminata n-natura permanenti u durabbli tal-bżonnijiet tal-persuna li timpjega fid-dawl tad-dritt Irlandiż, li jirreferi għas-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punti 58 sa 75).  L-eżami ta’ din in-natura għandu jkun ibbażat fuq dak adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tal-adozzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg skont l-Artikolu 336 TFUE. Konsegwentement, L. Jenkinson jikkritika s-sentenza appellata sa fejn din tat interpretazzjoni kunsiderevolment iktar wiesgħa tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70, minn dik adottata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, billi tillimita għal tnejn in-numru ta’ tiġdid tal-KŻD. Insostenn ta’ dan l-argument, L. Jenkinson jirreferi wkoll għas-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1985, Maag vs Il-Kummissjoni (43/84, EU:C:1985:328), u tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223).

175    Permezz tat-tielet ilment tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, L. Jenkinson isostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ personalità ġuridika ta’ Eulex Kosovo kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet imqajma minnu dwar id-delegi ta’ poter, inkluż fil-qasam baġitarju.

176    Il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-SEAE u Eulex Kosovo jitolbu li t-tieni u t-tielet ilment tar-raba’ parti tat-tielet aggravju jiġu miċħuda.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

177    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti mressqa minn L. Jenkinson kontra l-punt 151 tas-sentenza appellata jikkoinċidu ma’ dawk imressqa fil-kuntest tal-ewwel aggravju ta’ dan l-appell, li ġie miċħud fil-punti 45 sa 55 ta’ din is-sentenza, peress li, permezz ta’ dawn l-argumenti, L. Jenkinson għandu l-għan, fir-realtà, li jikkontesta l-legalità tal-Artikolu 9(3) u tal-Artikolu 10(3) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu li Eulex Kosovo tista’ tirrekluta wkoll, fejn meħtieġ, persunal ċivili internazzjonali fuq bażi kuntrattwali u l-kundizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi ta’ dan il-persunal ikunu stabbiliti fil-kuntratti konklużi bejn il-kap ta’ Eulex Kosovo jew minn Eulex Kosovo stess u l-membri tal-persunal tagħha.

178    Barra minn hekk, L. Jenkinson ma jurix li l-Komunikazzjoni C(2009) 9502 kienet tapplika għall-kapijiet suċċessivi ta’ Eulex Kosovo u għal din il-missjoni sabiex jiġi ddeterminat it-tip ta’ kuntratt li ġie propost lilu. Dawn l-argumenti huma, għalhekk, infondati.

179    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argument ibbażat fuq żnaturament tal-ġurisprudenza tal-qrati Irlandiżi dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-konklużjoni ta’ KŻD suċċessivi, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 107 ta’ din is-sentenza, li, fir-rigward tal-istħarriġ tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali adottata mill-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biss, fil-kuntest ta’ appell, li tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt, li għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

180    F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punti 156 sa 187 tas-sentenza appellata, diversi parametri sabiex tqis, permezz ta’ evalwazzjoni globali, li L. Jenkinson kien wettaq, f’kuntest ġuridiku u f’kuntest professjonali speċifiku li huwa kkaratterizzat mid-dimensjoni temporanja tagħhom, il-kompiti fdati lilu fi ħdan Eulex Kosovo, li kienet, barra minn hekk, intiża li ma tibqax teżisti.

181    F’dan il-kuntest, għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li sa fejn għandu jinftiehem l-argument ta’ L. Jenkinson bħala li jinvoka żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, ibbażat fuq ommissjoni li jiġi analizzat jekk, f’dan il-każ, kienx possibbli li jitqies li L. Jenkinson kien ikkonkluda KŻD ma’ “persuni li jimpjegaw assoċjati”, għandu jiġi rrilevat li dan ma jressaq ebda element li jippermetti li jitqies li l-assenza ta’ analiżi ta’ din l-eventwalità tmur kontra l-kontenut u l-portata tad-dritt Irlandiż, b’tali mod li dan l-argument għandu jitqies bħala infondat.

182    Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tad-dimensjoni temporanja ta’ Eulex Kosovo sabiex jiġi kkunsidrat li l-konklużjoni ta’ KŻD suċċessivi kienet iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi, mill-estratti tas-sentenzi li jirreferi għalihom L. Jenkinson, inklużi dawk li jirreferu għall-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw, fid-dritt Irlandiż, is-suċċessjoni ta’ KŻD, ma jirriżultax li tali dimensjoni ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali sabiex tiġġustifika l-konklużjoni ta’ KŻD suċċessivi.

183    B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-estratt tad-deċiżjoni tal-uffiċjal tal-arbitraġġ, invokat minn L. Jenkinson sabiex jipprova li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-ġurisprudenza tal-qrati Irlandiżi, jindika li motivi marbuta mal-eżistenza ta’ proġett speċifiku limitat ratione temporis u suġġett għal finanzjament speċifiku iktar milli għal finanzjament ġenerali ta’ entità permanenti jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi għall-konklużjoni ta’ KŻD suċċessivi.

184    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 157 sa 160 tas-sentenza appellata, li Eulex Kosovo kienet ġiet stabbilita għal perijodu determinat, liema perijodu ġie estiż. Għalhekk, mill-estratt tal-imsemmija deċiżjoni invokata minn L. Jenkinson ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 157 sa 160 tas-sentenza appellata, fehmet b’mod manifestament żbaljat id-dritt Irlandiż u għalhekk żnaturat il-kontenut jew il-portata ta’ dan id-dritt.

185    It-tieni nett, għandu jitqies li, fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat fil-punt 180 ta’ din is-sentenza, l-istess japplika għall-argumenti dwar il-punti 161 u 162 tas-sentenza appellata, imsemmija fil-punt 168 ta’ din is-sentenza.

186    Fil-fatt, l-estratti tad-deċiżjonijiet invokati minn L. Jenkinson jindikaw li l-fatt li jkun hemm baġit disponibbli sabiex jitħallas ħaddiem fil-kuntest ta’ attività partikolari ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-konklużjoni ta’ KŻD suċċessivi. Madankollu, dawn l-estratti ma jippermettux li jitqies li t-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura ċirkonskritta u limitata ratione temporis tal-finanzjamenti ta’ Eulex Kosovo huwa element li ma huwiex rilevanti fil-kuntest ta’ eżami globali taċ-ċirkustanzi li wasslu lil persuna li timpjega tipproponi lill-impjegat tagħha l-konklużjoni ta’ KŻD suċċessivi.

187    Minn dan isegwi li L. Jenkinson ma jirnexxilux jipprova li l-Qorti Ġenerali, sa fejn ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali mfakkra fil-punt 180 ta’ din is-sentenza, in-natura limitata ratione temporis tal-baġit allokat lil Eulex Kosovo, manifestament injorat il-kontenut jew il-portata ta’ dawn is-sentenzi.

188    It-tielet nett, L. Jenkinson ma jressaq ebda element li jippermetti li jiġi stabbilit li, skont id-dritt Irlandiż, la l-evoluzzjoni tal-kompetenzi ta’ Eulex Kosovo u lanqas il-varjazzjonijiet tal-kamp ta’ azzjoni tagħha ma jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-argument imressaq mill-appellant sabiex jikkontesta dan it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali huwa intiż, fir-realtà, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida ta’ ċerti elementi tal-proċess, jiġifieri dawk li jirrigwardaw ir-regoli li jirriżultaw mill-POS. Madankollu, fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward. Minn dan isegwi li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

189    Ir-raba’ nett, l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-aħħar KŻD kellu l-għan li jikkoordina t-terminu tal-KŻD konklużi ma’ diversi impjegati ta’ Eulex Kosovo jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fil-punt 187 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li t-terminu tal-aħħar KŻD kien jikkoinċidi mad-data tat-tneħħija tal-pożizzjoni li L. Jenkinson kien jokkupa sa dak iż-żmien, u dan fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni ta’ Eulex Kosovo deċiża mill-Kunsill. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-kuntest tal-imsemmi KŻD, mingħajr ma bbażat ruħha biss, kif iqis b’mod żbaljat L. Jenkinson, fuq ir-raġunijiet li wasslu għall-konklużjoni tal-KŻD li ppreċedew l-aħħar KŻD. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

190    Fir-rigward, il-ħames nett, tal-motivi tal-Qorti Ġenerali relatati mat-tul tal-mandati tal-kapijiet suċċessivi ta’ Eulex Kosovo, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 170 sa 175 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-analiżi tal-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw il-konklużjoni ta’ KŻD suċċessivi, il-fatt li t-tul tal-mandati tal-kapijiet suċċessivi ta’ Eulex Kosovo kien limitat ratione temporis u stabbilit “għal perijodi differenti u erratiċi” u qieset li dan il-fatt kien juri d-dimensjoni temporanja ta’ Eulex Kosovo.

191    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk dawn il-motivi tas-sentenza appellata huma żbaljati, tali żball ma jistax jimplika l-annullament ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, l-imsemmija motivi jikkostitwixxu biss wieħed mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni globali tagħha, imfakkra fil-punt 180 ta’ din is-sentenza, li wassluha sabiex tqis li l-konklużjoni ta’ KŻD suċċessivi kienet taqa’ f’kuntest ikkaratterizzat minn dimensjoni temporanja ta’ Eulex Kosovo.

192    Fid-dawl tal-evalwazzjoni globali bbażata fuq l-analiżi tal-parametri eżaminati, b’mod partikolari, fil-punti 156 sa 169 tas-sentenza appellata u fil-punti 185 sa 187 tagħha, il-Qorti Ġenerali setgħet validament tikkonkludi li kienu jeżistu raġunijiet oġġettivi sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tal-KŻD eżaminati. Konsegwentement, l-argumenti li jirrigwardaw dawn il-punti għandhom jitqiesu li huma ineffettivi. L-istess japplika għall-argumenti li jirrigwardaw il-punti 177 sa 180 tas-sentenza appellata, imfakkra fil-punt 167 ta’ din is-sentenza.

193    Fit-tieni lok, mill-estratti tas-sentenzi invokati minn L. Jenkinson sabiex isostni l-argument tiegħu dwar l-assenza ta’ stħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tan-natura adegwata tal-miżura ta’ reklutaġġ prevista jirriżulta li, sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw din il-miżura, konvenut għandu juri l-eżistenza ta’ għan leġittimu relatat mal-imsemmija miżura u jistabbilixxi li din hija xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan. Minn dawn is-siltiet jirriżulta wkoll li, sabiex jiġi ddeterminat jekk raġuni tistax titqies bħala oġġettiva, il-qorti għandha tistaqsi jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxix it-trattament l-inqas sfavorevoli għall-ħaddiem filwaqt li tippermetti lill-persuna li timpjega tilħaq l-imsemmi għan.

194    Fi kliem ieħor u essenzjalment, sabiex tkun oġġettiva, ir-raġuni invokata għandha tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet esterni għall-impjegat u t-trattament inqas favorevoli li jimplika l-KŻD għal dan tal-aħħar għandu jkun intiż sabiex jintlaħaq għan leġittimu tal-persuna li timpjega, u dan b’mod xieraq u neċessarju.

195    Fil-kumplament tar-raġunament tagħha, il-Qorti Ġenerali sostniet, b’mod partikolari, fil-punti 181 sa 184 ta’ dik is-sentenza, li n-natura stess ta’ Eulex Kosovo influwenzat inevitabbilment il-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-persunal tagħha u l-prospetti ta’ impjieg tiegħu. F’dan ir-rigward, hija eskludiet il-possibbiltà li tintlaqa’ l-proposta magħmula minn L. Jenkinson, li tgħid li KŻI li jinkludi klawżola ta’ terminazzjoni fil-każ ta’ tmiem il-mandat ta’ Eulex Kosovo seta’ jiġi konkluż, u qieset, essenzjalment, li r-rikors għall-għaxar KŻD kien mezz neċessarju u xieraq sabiex jiggarantixxi lil Eulex Kosovo r-riżorsi neċessarji sabiex iwettaq il-mandat tiegħu li kien ikkaratterizzat minn finanzjament ċirkonskritt u limitat ratione temporis.

196    Barra minn hekk, fil-punt 187 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-kuntest speċifiku marbut, b’mod partikolari, mar-ristrutturazzjoni ta’ Eulex Kosovo, kien jippermetti li jitqies li l-konklużjoni tal-aħħar KŻD kienet mezz neċessarju u xieraq sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet li għalihom kienet ġiet stabbilita r-relazzjoni kuntrattwali.

197    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 154 tal-konklużjonijiet tiegħu, qieset li r-reklutaġġ ta’ L. Jenkinson abbażi ta’ KŻD suċċessivi kien l-uniku mod sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet ta’ Eulex Kosovo, li kienu limitati ratione temporis u kienu jiddependu fuq fatturi esterni għal din il-missjoni.

198    B’dan il-mod, ma jidhirx b’mod manifest li l-Qorti Ġenerali injorat il-kontenut u l-portata tal-obbligu allegat minn L. Jenkinson, li jgħid li l-qorti għandha tivverifika jekk il-miżura kkontestata tikkostitwixxix it-trattament l-inqas sfavorevoli lill-ħaddiem filwaqt li tippermetti lill-persuna li timpjega tilħaq l-għan tagħha. Minn dan isegwi li l-iżnaturament tad-dritt Irlandiż allegat minn L. Jenkinson ma ġiex ipprovat minnu.

199    Għandu jingħad ukoll, fir-rigward tal-argument imressaq minn L. Jenkinson li jgħid li, billi rreferiet biss għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali kisret il-ġurisprudenza tal-qrati Irlandiżi, li, kif jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma żnaturatx din il-ġurisprudenza fl-applikazzjoni tad-dritt Irlandiż f’dan il-każ. Għalhekk, peress li ebda element speċifiku ieħor ma tressaq minn L. Jenkinson fl-appell tiegħu, għandu jitqies li l-imsemmi argument ma jistax jintlaqa’.

200    Fir-rigward tal-ilment imqajjem sussidjarjament minn L. Jenkinson, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-prinċipju ta’ uniċità tad-dritt, għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70, adottata fis-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443), hija riflessa wkoll fis-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2012, Kücük (C‑586/10, EU:C:2012:39), li l-Qorti Ġenerali rreferiet għaliha b’mod partikolari fil-punt 154 tas-sentenza appellata.

201    Barra minn hekk, ir-riferimenti għas-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1985, Maag vs Il-Kummissjoni (43/84, EU:C:1985:328), u tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223), ma humiex ta’ natura li jipprovaw li l-Qorti Ġenerali wettqet xi żball ta’ liġi. Fil-fatt, ir-rilevanza ta’ dawn is-sentenzi għall-analiżi tas-sentenza appellata ma ġietx spjegata minn L. Jenkinson fl-appell tiegħu u ma tirriżultax mill-ewwel mill-kontenut tagħhom.

202    Sa fejn L. Jenkinson isostni li l-Qorti Ġenerali kellha tibbaża l-interpretazzjoni tagħha tal-bżonnijiet li jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti bil-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva 1999/70 fuq dik adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tal-adozzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg skont l-Artikolu 336 TFUE, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument ma jissodisfax ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza.

203    Fl-aħħar nett, L. Jenkinson ma jindikax bi preċiżjoni r-regoli stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

204    B’mod partikolari, fir-rigward tal-evokazzjoni ta’ limitu ta’ żewġ istanzi ta’ tiġdid ta’ KŻD applikabbli għall-membri tal-persunal tal-Unjoni, L. Jenkinson ma jurix li din ir-regola hija applikabbli għal dan il-każ.

205    Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ argument ieħor li jippermetti li jiġi ssostanzjat l-ilment imqajjem minn L. Jenkinson sussidjarjament, dan l-ilment għandu jitqies li huwa, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondat.

206    Fit-tielet lok, peress li l-ilment imsemmi fil-punt 175 ta’ din is-sentenza ma jirrigwarda ebda parti preċiża tas-sentenza appellata u ma jiżviluppax argumenti legali li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-istħarriġ tagħha, sa fejn, b’mod partikolari, ma jesponix il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-għoti lill-Eulex Kosovo tal-personalità ġuridika, dan l-ilment għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn ma jissodisfax ir-rekwiżiti esposti fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza.

207    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni u t-tielet ilment tar-raba’ parti tat-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondati.

 Fuq ilħames parti tattielet aggravju

–       Largumenti talpartijiet

208    Permezz tal-ħames parti tat-tielet aggravju, L. Jenkinson jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punt 197 tas-sentenza appellata, interpretat b’mod żbaljat l-argumenti tiegħu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret il-projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita meta eskludiet l-għoti ta’ kumpens ġust u ekwu lil L. Jenkinson minħabba l-ksur tal-Artikolu 8 tal-Liġi tal‑2003.

209    Filwaqt li minn dan il-punt 197 jirriżulta li L. Jenkinson kien indika espressament li t-talba tiegħu għal kumpens għad-danni kuntrattwali, marbuta mat-terminazzjoni illegali tar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu, kienet ibbażata fuq il-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ din tal-aħħar skont l-Artikolu 9 tal-Liġi tal‑2003, L. Jenkinson iqis li indika espressament, fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati b’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li “[m]adankollu, bħala tali, [l-Artikolu] 8 ta’ [din] il-liġi [...] ma jikkostitwixxix il-bażi legali esklużiva li fuqha huwa bbażat il-kumpens b’rabta mat-terminazzjoni illegali tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu li huwa bbażat prinċipalment fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija ta’ kuntratt li huwa jqis li għandu jiġi kklassifikat mill-ġdid f’[DTA], b’applikazzjoni tal-[Artikolu] 9 [tal-imsemmija liġi]”.

210    Barra minn hekk, L. Jenkinson isostni li indika, billi kkummenta dwar deċiżjoni Irlandiża, li s-sanzjoni tal-ksur tal-Artikolu 8 tal-istess liġi kellha tkun kumpens ġust u ekwu.

211    L. Jenkinson jikkritika, barra minn hekk, lill-Qorti Ġenerali talli ma siltitx il-konsegwenzi kumpensatorji li kienu jirriżultaw mill-invokazzjoni ta’ dan l-artikolu, meta hija kellha, b’mod partikolari, billi tuża l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tipproċedi b’dan il-mod, bħalma kienet tagħmel qorti Irlandiża. Peress li ma ddeċidietx b’dan il-mod, hija kisret il-prinċipju li l-qorti ma tistax tiddeċiedi ultra petita u applikat b’mod żbaljat l-Artikoli 76 u 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

212    Il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-SEAE u Eulex Kosovo jitolbu li l-ħames parti tat-tielet aggravju tiġi miċħuda.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

213    Meta l-Qorti Ġenerali tkun adita bħala qorti kuntrattwali abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, hija għandha tiddeċiedi esklużivament fil-kuntest legali u fattwali li huwa ddeterminat mill-partijiet fil-kawża (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Alfamicro vs Il-Kummissjoni, C‑623/19 P, EU:C:2020:734, punt 41).

214    Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li mir-rikors fl-ewwel istanza jirriżulta li L. Jenkinson kien, fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet, ressaq pretensjonijiet għal kumpens abbażi tal-allowance kumpensatorja ta’ preavviż marbuta mat-terminazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu, li huwa qies li kellu jiġi rrikklassifikat bħala KŻI, bħala konsegwenza tal-illegalità ta’ dan it-tmiem u tal-assenza tat-trasferiment tad-dokumenti relatati mat-tmiem ta’ dan il-kuntratt.

215    Ebda element tar-rikors fl-ewwel istanza ma jissuġġerixxi li L. Jenkinson talab kumpens għal ksur tad-dritt tiegħu li jiġi informat bil-miktub bir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-konklużjoni ta’ KŻD pjuttost milli l-konklużjoni ta’ KŻI.

216    Huwa minnu li, bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Diċembru 2020, L. Jenkinson indika, kif huwa jfakkar fil-kuntest tal-ħames parti tat-tielet aggravju, li l-Artikolu 8 tal-Liġi tal‑2003 ma jikkostitwixxix, bħala tali, il-bażi legali esklużiva li huwa għandu l-intenzjoni li jinvoka insostenn tat-talba tiegħu għal kumpens b’rabta mat-terminazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu, peress li din it-talba kienet ibbażata prinċipalment fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija applikabbli għal din ir-relazzjoni, li huwa jqis li għandha tiġi rrikklassifikata bħala KŻI skont l-Artikolu 9 ta’ din il-liġi.

217    Madankollu, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 87 tas-sentenza appellata, L. Jenkinson, fil-kuntest tar-risposta tiegħu għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Settembru 2019, sostna li l-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-Liġi tal‑2003 kien jimplika ipso facto r-riklassifikazzjoni bħala KŻI tal-KŻD suċċessivi inkwistjoni.

218    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 197 tas-sentenza appellata, ma biddlitx manifestament is-suġġett u s-sustanza tat-talbiet ta’ L. Jenkinson meta indikat li huwa, billi invoka ksur tal-Artikolu 8 tal-Liġi tal‑2003, qies li dan il-ksur kellu jwassal għal riklassifikazzjoni tal-KŻD suċċessivi inkwistjoni bħal KŻI u li t-talba intiża sabiex jiġu kkumpensati l-allegati danni, marbuta mat-terminazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu, kienet ibbażata fuq ir-riklassifikazzjoni tagħha.

219    Għalhekk, peress li talba għad-danni bbażata fuq il-ksur tad-dritt għal informazzjoni bil-miktub, mhux iktar tard mid-data tat-tiġdid tal-KŻD, tar-raġunijiet li jiġġustifikaw il-konklużjoni ta’ KŻD ġdid minflok dik ta’ KŻI ġdid, ma tressqitx fl-ewwel istanza, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx, ħlief jekk tiddeċiedi ultra petita, tagħti kumpens abbażi tal-Artikolu 8 tal-Liġi tal‑2003, anki jekk teżerċita ġurisdizzjoni sħiħa.

220    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali, billi naqset milli tiddeċiedi fuq talba li, kuntrarjament għal dak li jallega L. Jenkinson, ma kinitx tressqet minnha, ma kisritx il-limiti tal-prinċipju li l-qorti ma tistax tiddeċiedi ultra petita.

221    Għaldaqstant, il-ħames parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq issitt parti tattielet aggravju

–       Largumenti talpartijiet

222    Permezz tas-sitt parti tat-tielet aggravju, L. Jenkinson jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tiddeċiedi dwar it-talba għal kumpens għad-dannu kuntrattwali esposta, b’mod partikolari, fil-punti 180 sa 186 tar-rikors fl-ewwel istanza.

223    Il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-SEAE u Eulex Kosovo jitolbu li din is-sitt parti tiġi miċħuda.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

224    Għandu jitfakkar li L. Jenkinson kien ressaq it-talba għal kumpens għad-dannu kuntrattwali, esposta fil-punti 180 sa 186 tar-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet.

225    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 52 u 54 tas-sentenza appellata, li t-talbiet għal kumpens kollha mressqa minn L. Jenkinson fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet, kienu bbażati fuq ir-riklassifikazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu bħala KŻI jew kienu riżultat ta’ din ir-riklassifikazzjoni.

226    Wara li ċaħdet it-talba għal riklassifikazzjoni tal-imsemmija relazzjoni kuntrattwali bħala KŻI, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 215 ta’ din is-sentenza, ċaħdet konsegwentement it-talba għal kumpens għad-danni kuntrattwali allegati minn L. Jenkinson fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet.

227    Għalhekk, peress li huwa fil-kuntest ta’ dan il-kap tat-talbiet li L. Jenkinson kien talab il-ħlas ta’ kumpens ex equo et bono ta’ EUR 50 000 u peress li din it-talba għandha tinftiehem bħala sussegwenti għat-talba għal riklassifikazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu bħala KŻI, fatt li ma huwiex effettivament ikkontestat fil-kuntest tal-appell, għandu jitqies li, fil-punt 215 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar din it-talba għad-danni billi ċaħditha flimkien mal-pretensjonijiet l-oħra għal kumpens imressqa fil-kuntest tal-imsemmi kap tat-talbiet.

228    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma naqsitx milli tiddeċiedi dwar it-talba għal kumpens għad-dannu kuntrattwali esposta, b’mod partikolari, fil-punti 180 sa 186 tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza.

229    Konsegwentement, is-sitt parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ittieni aggravju u lewwel ilment tarraba’ parti tattielet aggravju

 Largumenti talpartijiet

230    Permezz tat-tieni aggravju, L. Jenkinson jikkontesta, fl-ewwel lok, il-punt 82 tas-sentenza appellata li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, mingħajr ma mmotivat din l-għażla, li, sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal riklassifikazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali ta’ L. Jenkinson bħala KŻI, tieħu inkunsiderazzjoni biss il-ħdax-il KŻD, bl-esklużjoni tal-KŻD konklużi preċedentement, għall-finijiet tal-impjieg tiegħu mal-EUMM u mal-EUPM. L. Jenkinson iqis li l-aħħar KŻD għandu jitqies li jagħmel parti minn relazzjoni kuntrattwali itwal stabbilita mal-konvenuti fl-ewwel istanza li tinkludi wkoll dawn il-KŻD.

231    L. Jenkinson essenzjalment isostni li, fid-dawl tad-dritt nazzjonali applikabbli f’dan il-każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-KŻD kollha konklużi għall-finijiet tal-impjieg tiegħu mat-tliet missjonijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, fil-punt 232 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat il-kontinwità tal-impjieg ta’ L. Jenkinson fi ħdan dawn it-tliet missjonijiet ikkonċernati. Għalhekk kien ikun indispensabbli, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu tal-KŻD suċċessivi inkwistjoni kienx abbużiv, li dawn il-KŻD jiġu eżaminati f’ordni kronoloġiku, li l-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq.

232    Barra minn hekk, l-assenza ta’ eżami, minn naħa, tar-relazzjoni kuntrattwali stabbilita bejn L. Jenkinson u l-konvenuti għajr Eulex Kosovo u, min-naħa l-oħra, tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “impjieg kontinwu ma’ persuna li timpjega waħda jew iktar”, fis-sens tad-dritt Irlandiż, twassal sabiex jiġi nnegat l-effett tal-punt 77 tas-sentenza appellata, li jislet ċerti konklużjonijiet mill-assenza ta’ personalità ġuridika attribwita lit-tliet missjonijiet ikkonċernati, inkluż lil Eulex Kosovo qabel din ġiet attribwita lilu.

233    Fit-tieni lok, L. Jenkinson iqis li, fid-dawl tad-dritt Irlandiż, il-Qorti Ġenerali kellha tivverifika, l-ewwel nett, jekk ir-relazzjoni kuntrattwali fi ħdan it-tliet missjonijiet ikkonċernati setgħetx titqies bħala kontinwa u konkluża ma’ “persuni li jimpjegaw assoċjati”, u sussegwentement tistabbilixxi, it-tieni nett, il-konsegwenzi li kienet timplika tali relazzjoni. Fl-assenza ta’ tali analiżi f’żewġ stadji, il-Qorti Ġenerali ma eskludietx li l-KŻD konklużi għall-finijiet tal-impjieg tiegħu fi ħdan l-EUMM u l-EUPM setgħu jitqiesu li jikkostitwixxu relazzjoni kuntrattwali kontinwa u unika konkluża mal-Unjoni.

234    Permezz tal-ewwel ilment tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, L. Jenkinson jinvoka żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, sa fejn hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni, waqt l-eżami tat-talbiet tiegħu mressqa fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet, il-KŻD kollha relatati mal-attivitajiet li huwa kien wettaq fi ħdan it-tliet missjonijiet ikkonċernati. Il-Qorti Ġenerali naqset b’mod żbaljat milli tanalizza, qabel ma eskludiet l-eżami ta’ dawn il-KŻD kollha, jekk, f’dan il-każ, kienx possibbli li jitqies li L. Jenkinson kien ikkonkluda KŻD ma’ “persuni li jimpjegaw assoċjati”, minkejja li din hija kundizzjoni essenzjali fid-dritt Irlandiż.

235    Il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-SEAE u Eulex Kosovo jitolbu li t-tieni aggravju u l-ewwel ilment tar-raba’ parti tat-tielet aggravju jiġu miċħuda.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

236    Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-tieni aggravju, mill-punt 82 tas-sentenza appellata jirriżulta li, sa fejn l-aħħar KŻD, li waħdu kien jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ li tiddenomina lill-qorti tal-Unjoni, kien jagħmel parti mill-ħdax-il KŻD, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li teżamina t-talba ta’ L. Jenkinson intiża għar-riklassifikazzjoni tal-ħdax-il KŻD bħala KŻI wieħed. Hija ppreċiżat li, fil-każ li din it-talba tiġi miċħuda, hija ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina t-talba intiża għar-riklassifikazzjoni bħala KŻI tal-KŻD suċċessivi, relatati mal-impjieg ta’ L. Jenkinson fi ħdan l-EUMM u l-EUPM, peress li dawn il-KŻD ma kinux jinkludu klawżola ta’ arbitraġġ li tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti tal-Unjoni.

237    Dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li saru fil-kuntest ta’ raġunament iktar estensiv, kienu intiżi li jiddefinixxu l-qafas li fih kellha ssir l-evalwazzjoni tal-imsemmija talba għal riklassifikazzjoni.

238    Minn naħa, kuntrarjament għal dak li jallega L. Jenkinson, din il-motivazzjoni tippermettilu u lill-Qorti tal-Ġustizzja jifhmu r-raġunijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, mhux il-KŻD relatati mal-impjieg ta’ L. Jenkinson fi ħdan l-EUMM u l-EUPM iżda biss il-ħdax-il KŻD.

239    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fondatezza ta’ dan l-approċċ tal-Qorti Ġenerali, mill-imsemmija motivazzjoni jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li, permezz tal-ewwel kap tat-talbiet, L. Jenkinson talab li jinsiltu konsegwenzi mit-terminazzjoni tal-aħħar KŻD sa fejn dan il-kuntratt kellu jitqies li jagħmel parti minn relazzjoni kuntrattwali li bdiet bir-reklutaġġ ta’ L. Jenkinson fi ħdan l-EUMM u, għalhekk, li t-talbiet ta’ L. Jenkinson imressqa fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet kienu jiddependu mill-kwistjoni dwar jekk l-aħħar KŻD kienx jagħmel parti minn sensiela ta’ KŻD li għandhom, fl-intier tagħhom, jitqiesu li jifformaw KŻI wieħed.

240    Fil-fatt, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fir-rigward tas-suġġett tat-talbiet ifformulati fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet, li L. Jenkinson talab lill-Qorti Ġenerali tirriklassifika l-KŻD suċċessivi, li huwa kien ikkonkluda sabiex jidħol f’relazzjoni kuntrattwali mat-tliet missjonijiet ikkonċernati, bħala KŻI wieħed, u tikkonstata li l-kundizzjonijiet li fihom dan il-KŻI kien intemm kienu jiksru d-dritt industrijali applikabbli għal dan it-tip ta’ kuntratt.

241    Fil-punt 66 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li, fir-rigward tat-talbiet li jidhru fl-ewwel kap tat-talbiet, il-Qorti Ġenerali għandha teżaminahom billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntratti ta’ xogħol li ppreċedew l-aħħar KŻD.

242    Fil-punt 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, madankollu, indikat li l-ġurisdizzjoni tagħha kienet tirriżulta mill-klawżola ta’ arbitraġġ li tagħti ġurisdizzjoni lill-qorti tal-Unjoni, li kienet tinsab esklużivament fl-aħħar KŻD.

243    Barra minn hekk, sa fejn it-talba fformulata fil-kuntest tal-ewwel kap ta’ talba, dwar it-terminazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu li seħħet fi tmiem dan l-aħħar KŻD, kienet ibbażata fuq il-premessa li l-imsemmi KŻD tal-aħħar kien jagħmel parti minn sensiela ta’ KŻD, il-Qorti Ġenerali kellha neċessarjament tiddeċiedi wkoll dwar il-KŻD li ppreċeda l-aħħar KŻD.

244    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li hija kellha tiddeċiedi billi tieħu inkunsiderazzjoni t-terminazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali li seħħet fi tmiem l-aħħar KŻD, li L. Jenkinson iqis li huwa parti minn KŻI wieħed, ma jidhirx li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bdiet l-analiżi tagħha bl-eżami tal-allegati rabtiet bejn il-ħdax-il KŻD pjuttost milli teżamina mill-bidu l-KŻD kollha konklużi minn L. Jenkinson, inklużi dawk relatati mal-impjieg tiegħu mal-EUMM u mal-EUPM.

245    Peress li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 188 tas-sentenza appellata, li kienu jeżistu raġunijiet oġġettivi li jippermettu li tiġi ġġustifikata l-konklużjoni ta’ kull wieħed mill-ħdax-il KŻD u li, għaldaqstant, it-talba għal riklassifikazzjoni ta’ dawn il-ħdax-il KŻD bħala KŻI uniku kellha tiġi miċħuda, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi validament ikkritikata talli, sabiex tiddeċiedi dwar l-ewwel kap tat-talbiet, ma estendietx l-eżami tagħha għall-KŻD relatati mal-impjieg tiegħu fi ħdan l-EUMM u l-EUPM.

246    Fil-fatt, peress li l-Qorti Ġenerali qieset, mingħajr ma dan ġie validament ikkontestat, li l-aħħar kuntratt konkluż bejn L. Jenkinson u Eulex Kosovo seta’ jiġi legalment konkluż għal żmien determinat, minn dan setgħet tiddeduċi li dan il-kuntratt ma kienx jinsab fi ħdan relazzjoni kuntrattwali għal żmien indeterminat. Peress li din l-evalwazzjoni kienet suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li t-tmiem ta’ dan l-aħħar kuntratt seta’ jikkostitwixxi terminazzjoni ta’ KŻI, l-evalwazzjoni li setgħet issir fuq il-KŻD relatati mal-attivitajiet ta’ L. Jenkinson fi ħdan l-EUMM u l-EUPM ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, tbiddel din il-konstatazzjoni.

247    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li L. Jenkinson ma jirnexxilux jistabbilixxi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-KŻD, sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet imressqa fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet.

248    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument ta’ L. Jenkinson li jgħid li, fil-punt 232 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat kontinwità tal-impjieg fi ħdan it-tliet missjonijiet ikkonċernati. Fil-fatt, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ma għamlitx tali konstatazzjoni. Għaldaqstant, dan l-argument, li jirriżulta minn qari żbaljat tal-imsemmi punt, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

249    Fir-rigward tal-argument ta’ L. Jenkinson imsemmi fil-punt 232 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan sempliċement jafferma li l-assenza ta’ eżami, minn naħa, tar-relazzjoni kuntrattwali konkluża bejnu u bejn il-konvenuti għajr Eulex Kosovo kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-kunċett ta’ “impjieg kontinwu ma’ persuna li timpjega waħda jew iktar” iwassal sabiex jiġi nnegat l-effett tal-punt 77 tas-sentenza appellata, mingħajr ma jiġi żviluppat ebda argument insostenn ta’ din il-konstatatazzjoni. Minn dan isegwi li dan l-argument ma jissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

250    Fit-tieni lok, fir-rigward, minn naħa, tal-argument dwar l-assenza ta’ eżami, mill-Qorti Ġenerali, tal-kwistjoni dwar jekk ir-relazzjoni kuntrattwali fi ħdan it-tliet missjonijiet ikkonċernati kellhiex titqies bħala kontinwa u konkluża ma’ “persuni li jimpjegaw assoċjati” u, min-naħa l-oħra, tal-ewwel ilment tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 247 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament kkonstatat li ma kienx il-kompitu tagħha li tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni ta’ relazzjoni kuntrattwali kontinwa u unika tal-KŻD suċċessivi kollha relatati mal-attività ta’ L. Jenkinson fi ħdan l-EUMM u l-EUPM, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma eżaminatx din il-kwistjoni u li ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn il-KŻD fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel kap tat-talbiet, inkluż fil-punt 153 tas-sentenza appellata.

251    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tevalwa, qabel ma tidentifika d-dritt nazzjonali applikabbli, jekk il-konvenuti fl-ewwel istanza kellhomx jitqiesu bħala “persuni li jimpjegaw assoċjati”, peress li dan il-kunċett jirriżulta mid-dritt sostantiv nazzjonali.

252    Konsegwentement, it-tieni aggravju u l-ewwel ilment tar-raba’ parti tat-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondati.

 Fuq ittieni parti tarraba’ aggravju

 Largumenti talpartijiet

253    Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, L. Jenkinson jikkritika, fl-ewwel lok, lill-Qorti Ġenerali talli ma eżaminatx, fil-punt 230 tas-sentenza appellata, jekk il-persunal ta’ Eulex Kosovo kienx suġġett għall-istess drittijiet u għall-istess obbligi, mhux fir-rigward tal-modalitajiet ta’ determinazzjoni tal-liġi applikabbli, iżda fir-rigward tar-regoli tad-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli. Skont L. Jenkinson, li tiġi stabbilita l-applikabbiltà ta’ drittijiet nazzjonali differenti joħloq inugwaljanzi manifesti, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni u tal-Karta. Billi pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-għan imfittex minn din l-inugwaljanza fit-trattament u ma stħarrġitx l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità konformement mal-Artikolu 52 tal-Karta.

254    Fit-tieni lok, billi aċċettat li tapplika dritt nazzjonali għar-riżoluzzjoni ta’ kunflitt li jirriżulta minn kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku konkluż bejn membru tal-persunal u l-Unjoni, il-Qorti Ġenerali imponiet fuq l-Unjoni inqas obbligi li hija stess timponi fuqha fir-rigward tal-membri tal-persunal suġġetti għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Għalhekk hemm kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-punt 95 tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, il-punti 231 u 232 ta’ din is-sentenza.

255    Fit-tielet lok, L. Jenkinson iqis li s-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il-Kummissjoni (T‑45/01, EU:T:2004:289), u s-sentenza tat-tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) tat‑30 ta’ Ġunju 2014, li huwa kien invoka quddiem il-Qorti Ġenerali u li ġew eżaminati fil-punti 233 sa 236 tas-sentenza appellata, kienu rilevanti, b’mod partikolari sa fejn juru l-limiti tal-mandat baġitarju mogħti lil Eulex Kosovo. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali eskludiet b’mod żbaljat kull analoġija ta’ din il-kawża ma’ dik li tat lok għas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il-Kummissjoni (T‑45/01, EU:T:2004:289), peress li, skont L. Jenkinson, dan tal-aħħar kellu jiġi rreklutat bl-istess kundizzjonijiet bħal membru tal-persunal temporanju. Din it-talba kienet l-istess bħal dik ifformulata mir-rikorrenti f’din l-aħħar kawża.

256    Il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-SEAE u Eulex Kosovo jitolbu li t-tieni parti tar-raba’ aggravju tiġi miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

257    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 65, kif ukoll tal‑15 ta’ Settembru 2022, Brown vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C‑675/20 P, EU:C:2022:686, punt 66).

258    Fil-punt 230 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, li ma kinitx teżisti diskriminazzjoni bejn il-membri tal-persunal bil-kuntratt ta’ Eulex Kosovo, minħabba l-applikazzjoni ta’ drittijiet nazzjonali differenti li kienu jirreferu għalihom id-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirriżultaw mill-Komunikazzjoni C(2009) 9502, peress li dawn il-membri tal-persunal huma ttrattati skont l-istess modalitajiet, li huma stabbiliti b’mod identiku fil-kuntratti li jikkonċernawhom.

259    Għandu jiġi rrilevat li, meta ddeċidiet hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

260    Fil-fatt, minn dan il-punt 230 jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset, mingħajr ma indikat jekk kinitx tqis li l-membri tal-persunal bil-kuntratt ta’ Eulex Kosovo kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli jew differenti, li, fid-dawl tan-natura identika tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratti kollha ta’ dawn il-membri tal-persunal, li kienu jirreferu għal din il-komunikazzjoni sabiex tiġi identifikata l-liġi applikabbli għall-kuntratt, l-imsemmija membri kellhom jitqiesu bħala ttrattati b’mod identiku.

261    Il-Qorti Ġenerali għalhekk qieset li kien suffiċjenti, sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li jiġu previsti l-istess modalitajiet ta’ determinazzjoni tad-dritt applikabbli għall-imsemmija membri tal-persunal.

262    Anki jekk jitqies li l-membri tal-persunal bil-kuntratt ta’ Eulex Kosovo kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni ta’ diversi drittijiet nazzjonali tista’, fil-prattika, timplika trattament differenti tal-persuni kkonċernati fir-rigward tad-drittijiet mogħtija lilhom u tal-obbligi imposti fuqhom f’sitwazzjoni partikolari. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma ċċaħħad il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minn kull effett konkret u b’hekk mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tillimita ruħha li tikkonstata li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jippermettu li jiġu identifikati r-regoli sostantivi applikabbli kienu l-istess għall-membri kollha tal-persunal bil-kuntratt ta’ Eulex Kosovo.

263    Dan premess, l-iżball ta’ liġi kkonstatat fil-punt 259 ta’ din is-sentenza ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

264    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jkunu jinkludu ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni jkun jidher li huwa fondat fuq motivi oħra ta’ dritt, tali ksur ma jistax iwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivi (sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il-Kummissjoni, C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

265    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li L. Jenkinson jinvoka allegat ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn id-diversi membri tal-persunal ċivili internazzjonali ta’ Eulex Kosovo minħabba l-applikazzjoni, għal dawn il-membri tal-persunal, ta’ drittijiet nazzjonali differenti indikati skont il-kriterju ta’ konnessjoni li jirriżulta mill-Komunikazzjoni C(2009) 9502 li tirreferi għad-dritt tal-pajjiż li l-persuna kkonċernata hija ċittadina tiegħu.

266    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali qieset, mingħajr ma dan ġie validament ikkontestat f’dan l-appell, li kien espliċitament permess, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u sekondarju msemmija fil-punti 226 sa 228 ta’ din is-sentenza, lill-kapijiet suċċessivi ta’ Eulex Kosovo, u sussegwentement lil Eulex Kosovo stess, li jirreklutaw persunal ċivili internazzjonali fuq bażi kuntrattwali.

267    Min-natura kuntrattwali tar-relazzjonijiet hekk stabbiliti jirriżulta li, fl-assenza ta’ sistema Ewropea komuni applikabbli għall-persunal ta’ Eulex Kosovo, ir-regoli sostantivi meħtieġa sabiex jikkompletaw l-istipulazzjonijiet kuntrattwali jirriżultaw minn dritt nazzjonali li jkun ġie identifikat abbażi tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat u bi ftehim bejn il-partijiet fil-kuntratt.

268    F’dan il-każ, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 119 tas-sentenza appellata, li ma ġiex ikkontestat minn L. Jenkinson fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-kriterju ta’ konnessjoni li jirriżulta mill-Komunikazzjoni C(2009) 9502, li jirreferi għad-dritt tal-pajjiż li l-persuna kkonċernata hija ċittadina tiegħu, kien issemma fid-disa’ KŻD li jorbtu lil L. Jenkinson ma’ Eulex Kosovo, konformement mar-regoli tad-dritt internazzjonali privat applikabbli għal dawn il-kuntratti u bi ftehim bejn il-partijiet fl-imsemmija kuntratti.

269    Minn dan jirriżulta li l-membri tal-persunal bil-kuntratt ta’ Eulex Kosovo li joriġinaw minn Stati Membri differenti ma kinux jinsabu, għall-finijiet tal-konklużjoni tal-kuntratti tagħhom, f’sitwazzjoni paragunabbli, iżda f’sitwazzjonijiet differenti fid-dritt u fil-fatt, b’mod partikolari minħabba leġiżlazzjonijiet differenti li kienu applikabbli għalihom, bis-saħħa tal-oriġini tagħhom, fil-mument tal-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti.

270    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni ta’ regoli sostantivi differenti għall-membri tal-persunal ċivili internazzjonali ta’ Eulex Kosovo għandha titqies, minn naħa, bħala li tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi oġġettivi ddefiniti mid-dritt internazzjonali privat rilevanti u, min-naħa l-oħra, bħala konsegwenza tal-fatt li dawn kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet li ma kinux paragunabbli.

271    Konsegwentement, L. Jenkinson ma jirnexxilux juri li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-applikazzjoni ta’ drittijiet sostantivi nazzjonali differenti għall-membri tal-persunal ċivili internazzjonali ta’ Eulex Kosovo tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

272    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 231 tas-sentenza appellata, li huwa b’mod żbaljat li L. Jenkinson allega li ġarrab dannu minħabba d-diskriminazzjoni li allegatament kien suġġett għaliha meta mqabbel mal-membri tal-persunal suġġetti għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li kellu jiġi applikat għalih bħala membru tal-persunal impjegat fi ħdan is-SEAE, filwaqt li żied li, konformement mal-memorandum ta’ ftehim iffirmat f’Belgrad fit‑13 ta’ Lulju 1991 li jistabbilixxi l-ECMM, li ġiet sussegwentement imsemmija EUMM, il-persunal ma kellux jiġi rreklutat b’mod ieħor ħlief bħala “persunal Ewropew”.

273    Fil-punt 232 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, li la dan il-memorandum u lanqas ebda element ta’ informazzjoni ieħor ma kienu ġie prodott minn L. Jenkinson insostenn tal-argumenti tiegħu u li, fi kwalunkwe każ, l-imsemmi memorandum ma kienx jinkludi dispożizzjoni li tista’ tistabbilixxi l-illegalità tar-reklutaġġ tal-persunal ċivili internazzjonali fi ħdan Eulex Kosovo.

274    Min-naħa l-oħra, f’dan il-punt 232, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ippreveda, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar Eulex Kosovo, bażi legali li tippermetti lill-kap tal-missjoni, u sussegwentement lil din il-missjoni, jirreklutaw persunal ċivili internazzjonali fuq bażi kuntrattwali.

275    Kif ġie rrilevat fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li l-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba li jinvoka L. Jenkinson japplika biss għall-istituzzjonijiet, għall-korpi jew għall-organi tal-Unjoni, kif ukoll għall-amministrazzjonijiet tagħhom u għall-membri tal-persunal tagħhom fir-relazzjoni tagħhom mal-pubbliku, b’tali mod li kien eskluż li L. Jenkinson jista’ jinvokah fir-rigward tar-relazzjoni ta’ inpjieg tiegħu.

276    Minn dan isegwi li ma teżisti ebda kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-punt 95 tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, il-punti 231 u 232 ta’ din is-sentenza.

277    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, billi jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta imponiet fuq l-Unjoni inqas obbligi minn dawk li timponi fuqha stess fir-rigward tal-membri tal-persunal suġġetti għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg, L. Jenkinson iressaq ilment li jirrigwarda l-assenza ta’ qafas ġuridiku li jirregola s-sitwazzjoni tiegħu bħala membru tal-persunal ċivili internazzjonali ta’ Eulex Kosovo li, kif ġie rrilevat fil-punti 68 sa 72 ta’ din is-sentenza, ma ġiex invokat fl-ewwel istanza. Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

278    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ir-rilevanza, fil-każ ineżami, tas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il-Kummissjoni (T‑45/01, EU:T:2004:289), u tas-sentenza tat-tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) tat‑30 ta’ Ġunju 2014, invokati minn L. Jenkinson quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jistabbilixxix kif dawn id-deċiżjonijiet huma rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża fis-sens li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx, fil-punti 234 u 236 tas-sentenza appellata, teskludi kull analoġija magħhom. Fil-fatt, minkejja li jargumenta li din is-sentenza u din id-deċiżjoni jippermettu li jiġi rrilevat li Eulex Kosovo kellha l-possibbiltà li tiġi allokata somom supplimentari u li, konsegwentement, l-argumenti li jirrigwardaw ir-Regolament Finanzjarju kellhom jiġu eżaminati, L. Jenkinson ma jistabbilixxix, b’dan l-argument, liema konklużjonijiet kellhom jinsiltu mill-imsemmija sentenza u mill-imsemmija deċiżjoni f’din il-kawża. Konsegwentement, l-imsemmi argumenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

279    Fir-rigward tal-argument ta’ L. Jenkinson li l-Qorti Ġenerali skartat b’mod żbaljat kull analoġija bejn din il-kawża u l-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il-Kummissjoni (T‑45/01, EU:T:2004:289), peress li, fil-fehma tiegħu, huwa kellu jiġi impjegat fi ħdan it-tliet missjonijiet ikkonċernati skont ir-regoli tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju, għandu jitfakkar li għalkemm, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Unjoni tista’ tikkonkludi kuntratti ta’ xogħol irregolati mid-dritt ta’ Stat Membru, hija għandha madankollu tiddefinixxi l-kundizzjonijiet kuntrattwali skont il-bżonnijiet tas-servizz, u mhux sabiex tevita l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u/jew tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 1989, Mulfinger et vs Il-Kummissjoni, C‑249/87, EU:C:1989:614, punti 10 u 11).

280    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni L. Jenkinson, mill-Artikolu 336 TFUE ma jistax jiġi dedott dritt li jagħti lok għal reklutaġġ skont l-istess modalitajiet bħal dawk applikabbli għal membru tal-persunal suġġett għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Barra minn hekk, L. Jenkinson ma jistabbilixxix li, f’dan il-każ, ir-reklutaġġ tiegħu seħħ fuq din il-bażi jew li l-kundizzjonijiet tal-impjieg tiegħu kienu ġew iddefiniti sabiex jevitaw l-applikazzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Konsegwentement, l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ dan l-allegat dritt għandu jiġi miċħud bħala infondat.

281    Minn dan isegwi li L. Jenkinson ma jistax isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 231 sa 235 tas-sentenza appellata.

282    Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ilħames aggravju

 Largumenti talpartijiet

283    Permezz tal-ħames aggravju, L. Jenkinson jikkritika l-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-ammissibbiltà tat-tielet kap tat-talbiet.

284    Huwa jqis li n-nuqqas ta’ ċarezza, ta’ prevedibbiltà, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament jirriżulta manifestament mill-iskambji li seħħew bejn il-partijiet fil-proċedura fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet u li dan huwa inevitabbilment marbuta magħhom. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi ppreżentati fl-ewwel istanza kif ukoll milli tivverifika l-legalità tal-prattika dwar ir-reklutaġġ tal-persunal ċivili internazzjonali fi ħdan Eulex Kosovo. B’hekk hija naqqset illegalment il-kamp ta’ stħarriġ tal-legalità tal-azzjoni tal-konvenuti fl-ewwel istanza u kisret l-Artikolu 5 TUE.

285    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, fil-punt 244 tas-sentenza appellata, li ebda waħda mill-kwistjonijiet imressqa minn L. Jenkinson ma kienet ġiet esposta b’mod ċar u, fil-punt 245 ta’ din is-sentenza, li t-talba mressqa fil-kuntest tat-tielet kap tat-talbiet kienet marbuta mal-aġir tal-Qorti Ġenerali.

286    Il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-SEAE u Eulex Kosovo jitolbu li l-ħames aggravju jiġi miċħud.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti tal-Ġustizzja

287    Fil-punti 244 sa 247 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali esponiet ir-raġunijiet li wassluha sabiex tqis li t-tielet kap tat-talbiet ma kienx ċar u kellu, konsegwentement, jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli. B’mod partikolari, fil-punti 245 u 246 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li L. Jenkinson invoka fl-ewwel istanza l-eżistenza ta’ dannu li jirriżulta miċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel u tat-tieni kap tat-talbiet, li saru prinċipalment, li kien imputabbli lill-konvenuti.

288    L. Jenkinson iressaq, fil-kuntest tal-ħames aggravju, numru ta’ affermazzjonijiet ġenerali li jirrigwardaw is-sitwazzjoni legali u fattwali tar-rikors fl-ewwel istanza u jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma eżaminatx id-diversi problemi legali li huwa kien qajjem, mingħajr madankollu ma spjega b’mod suffiċjenti fid-dritt liema kien l-iżball li wettqet il-Qorti Ġenerali meta qieset li t-tielet kap tat-talbiet ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza li hija rrilevat fil-punt 243 tas-sentenza appellata.

289    B’mod partikolari, għalkemm huwa jsostni li dan il-kap tat-talbiet ma kienx intiż li jistabbilixxi ksur li jirriżulta mill-aġir tal-Qorti Ġenerali fl-analiżi tal-ewwel u tat-tieni kap tat-talbiet, huwa jenfasizza wkoll li ċ-ċaħda tal-ewwel żewġ kapijiet tat-talbiet setgħet titqies bħala eżempju tal-problemi legali kollha mqajma fil-kuntest tat-tielet kap tat-talbiet.

290    Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistabbilixxux li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li L. Jenkinson ma kienx sostna b’mod ċar it-talba għad-danni mressqa fil-kuntest ta’ dan it-tielet kap tat-talbiet.

291    Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq issitt aggravju

 Largumenti talpartijiet

292    Permezz tas-sitt aggravju, L. Jenkinson isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet tqassim żbaljat tal-ispejjeż relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza. L. Jenkinson iqis, b’mod partikolari, li, minn tal-inqas, l-assenza ta’ trasparenza fir-rigward tar-raġunijiet għal rikors għal KŻD suċċessivi kellha tiġġustifika l-fatt li huwa ma jsostnix l-ispejjeż marbuta mal-proċedura fl-ewwel istanza.

293    Il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-SEAE u Eulex Kosovo jitolbu li dan l-aggravju jiġi miċħud.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

294    Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ l-aggravji kollha ta’ appell ikunu ġew miċħuda, it-talbiet dwar l-allegata irregolarità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fuq l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdi li appell ma jistax jirrigwarda biss l-attribuzzjoni u l-ammont tal-ispejjeż (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, BP vs FRA, C‑601/19 P, EU:C:2020:1048, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

295    Peress li L. Jenkinson tilef fuq l-aggravji kollha tiegħu invokati insostenn tal-appell, dan l-aggravju, dwar it-tqassim tal-ispejjeż, għandu, għaldaqstant, jiġi ddikjarat inammissibbli.

296    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati insostenn tal-appell ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

297    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-oġġezzjonijiet tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tas-SEAE dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza, imsemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza.

 Fuq lispejjeż

298    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 84(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li L. Jenkinson tilef, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż marbuta ma’ dan l-appell, kif mitlub mill-Kunsill, mill-Kummissjoni, mis-SEAE u minn Eulex Kosovo.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Liam Jenkinson għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mill-Kummissjoni Ewropea, mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u minn Eulex Kosovo fil-kuntest ta’ dan l-appell.

Firem



*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.