Language of document : ECLI:EU:C:2024:63

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fit‑18 ta’ Jannar 2024 (1)

Kawża C766/21 P

IlParlament Ewropew

vs

Axa Assurances Luxembourg SA,

Bâloise Assurances Luxembourg SA,

La Luxembourgeoise SA,

NationaleNederlanden Schadeverzekering Maatschappij NV

“Appell – Artikolu 272 TFUE – Klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt konkluż mill-Unjoni Ewropea – Artikolu 123 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali – Konvenut kontumaċi – Sentenza fil-kontumaċja – Oppożizzjoni għal sentenza fil-kontumaċja – Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 172 u 176 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Risposta għal appell – Appell inċidentali – Żball ta’ interpretazzjoni – Motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja”







I.      Introduzzjoni

1.        It-testi li jirregolaw il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea huma simili għal sistema ferrovjarja. Kull binarju jirrappreżenta mezz proċedurali, filwaqt li l-ferroviji li joperaw fuq dawn il-binarji jissimbolizzaw il-kawżi li jiġu ppreżentati quddiem din l-istituzzjoni ġudizzjarja. Hekk kif il-kawża timxi ’l quddiem, ir-regoli proċedurali jservu ta’ senjalazzjoni ferrovjarja biex jiżguraw li l-kawża tibqa’ fuq il-binarju xieraq lejn id-destinazzjoni finali tagħha.

2.        Madankollu, bħal vjaġġ bil-ferrovija, il-vjaġġ legali ta’ kawża jista’ jiltaqa’ ma’ post b’diversi mogħdijiet. Appelli, appelli inċidentali u mekkaniżmi oħra jistgħu jwasslu għal bidla fid-direzzjoni ta’ każ, billi jipproponu rotot alternattivi għad-destinazzjoni tagħha, filwaqt li jiġu osservati r-regoli proċedurali stabbiliti. F’dan ir-rigward, l-istess bħal ferrovija li tiddependi fuq netwerk ferrovjarju li jaħdem bla xkiel, il-kawżi legali jiddependu fuq regoli proċedurali ddefiniti b’mod preċiż sabiex tiġi ggarantita r-riżoluzzjoni ġusta u adegwata tagħhom.

3.        Din il-kawża tħaddan dawn il-kunsiderazzjonijiet.

4.        Permezz tal-appell tiegħu, il-Parlament Ewropew jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla parzjalment is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża Il-Parlament vs Axa Assurances Luxembourg et (2), li permezz tagħha l-qorti ċaħdet, fil-parti l-kbira, l-azzjoni tiegħu intiża għar-rimbors tal-ispejjeż imġarrba minħabba ħsara bl-ilma lill-bini Konrad Adenauer (iktar ’il quddiem il-“KAD”), fil-Belt tal-Lussemburgu (il-Lussemburgu), f’Mejju 2016.

5.        Fl-istess ħin, din il-kawża tikkonċerna appell inċidentali, ippreżentat minn Nationale-Nederlanden Schadeverzekering Maatschappij NV (iktar ’il quddiem “NN”), waħda mill-konvenuti fl-ewwel istanza, intiż għall-annullament (ta’ partijiet oħra) tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkundannatha, fil-kontumaċja, biex tirrimborsa lill-Parlament parti mill-ispejjeż mitluba, flimkien mal-interessi legali moratorji.

6.        Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq l-appell inċidentali ppreżentat minn NN. Madankollu, il-partikolaritajiet ta’ din il-kawża jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà li tipprovdi iktar ċarezza dwar ċerti aspetti speċifiċi tal-proċeduri fil-kontumaċja, li huwa iktar u iktar importanti f’dan il-każ peress li l-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi, wettqet żball ta’ liġi meta applikat ir-regoli rilevanti f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, dawn il-konklużjonijiet ser jeżaminaw ukoll dawn il-kwistjonijiet.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      LIstatut talQorti talĠustizzja talUnjoni Ewropea

7.        L-Artikolu 41 tal-Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut”) jgħid dan li ġej:

“Meta l-parti konvenuta, regolarment imħarrka, tonqos milli tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub tingħata s-sentenza fil-kontumaċja tagħha. Is-sentenza tkun suġġetta għall-oppożizzjoni fi żmien xahar min-notifika tagħha. […]”

8.        Skont l-Artikolu 56 tal-Istatut:

“Jista’ jiġi ppreżentat appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fi żmien xahrejn li jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni appellata […]

Dan l-appell jista’ jitressaq minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha. […]”

B.      IrRegoli talProċedura talQorti talĠustizzja

9.        L-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem ir-“RPQtĠ”), intitolat “Partijiet li jistgħu jippreżentaw risposta għall-appell”, jipprovdi li “Kull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud tista’ tippreżenta risposta għall-appell f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri min-notifika tal-appell. […]”

10.      L-Artikolu 176 tal-RPQtĠ jirrigwarda l-“Appell inċidentali”. Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tiegħu, il-“partijiet imsemmija fl-Artikolu 172 [tal-RPQtĠ] jistgħu jippreżentaw appell inċidentali fl-istess terminu bħal dak previst għall-preżentata tar-risposta għall-appell”. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 178(1) tal-RPQtĠ, it-talbiet tal-appell inċidentali għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

C.      IrRegoli talProċedura talQorti Ġenerali

11.      Skont l-Artikolu 123 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem ir-“RPQĠ”), intitolat “Sentenzi fil-kontumaċja”

“1. Meta l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-konvenut, regolarment intimat, ma jkunx irrisponda għar-rikors fil-forma u fit-terminu previst […] ir-rikorrent jista’, f’terminu ffissat mill-President, jitlob lill-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talbiet tiegħu.

2. Il-konvenut kontumaċi ma jintervjenix fil-proċedura fil-kontumaċja u ebda att proċedurali ma jiġi nnotifikat lilu, ħlief għad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

3. Fis-sentenza fil-kontumaċja, il-Qorti Ġenerali għandha tilqa’ t-talbiet tar-rikorrent, sakemm manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors jew sakemm dan ir-rikors ma jkunx manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt.

[…]”

12.      Skont l-Artikolu 166 tar-RPQĠ, il-konvenut kontumaċi jista’, skont l-Artikolu 41 tal-Istatut, jippreżenta oppożizzjoni għas-sentenza fil-kontumaċja.

D.      Ilfatti li wasslu għallkawża, irrikors quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

13.      Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fid-dettall fis-sentenza appellata (3). Iċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

14.      Fl‑2011, il-Parlament nieda proċedura ta’ sejħa għal offerti sabiex jikseb polza ta’ assigurazzjoni tous risques chantier (għar-“riskji kollha tas-sit tal-kostruzzjoni”) li tkopri r-rinnovazzjonijiet u x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni kbar fil-kuntest tal-proġett ta’ estensjoni tal-KAD fil-Belt tal-Lussemburgu. Intgħażlet il-proposta ppreżentata minn AXA Assurances Luxembourg SA (iktar ’il quddiem “AXA”), Bâloise Assurances Luxembourg SA, La Luxembourgeoise SA u Delta Lloyd Schadeverzekering NV. Fit‑12 ta’ Diċembru 2018, din l-aħħar kumpannija ġiet assorbita minn NN (iktar ’il quddiem, kollettivament, il-“konvenuti fl-ewwel istanza”).

15.      Fit‑3 ta’ April 2012, l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Parlament, ikkonkludiet il-kuntratt għar-riskji kollha tas-sit tal-kostruzzjoni (iktar ’il quddiem il-“kuntratt CAR”), imsemmi fis-sejħa għal offerti, mal-konvenuti fl-ewwel istanza. Il-kuntratt kien jindika lil AXA bħala l-assiguratur prinċipali (4).

16.      Wara xita qawwija tas‑27 u tat‑30 ta’ Mejju 2016, l-ilma tax-xita mis-sit ta’ kostruzzjoni tal-KAD nixxa għal ġos-sotterran tal-bini. Din l-akkumulazzjoni ta’ ilma ma setgħetx titneħħa, u ħolqot ambjent umduż f’żoni fejn it-tagħmir tekniku kien diġà ġie installat. B’riżultat ta’ dan, it-tagħmir ġarrab ħsara.

17.      Fit‑30 ta’ Mejju 2016, il-kumpannija li kienet qiegħda tissorvelja x-xogħlijiet importanti fuq dan is-sit ta’ kostruzzjoni għamlet pretenzjoni taħt l-assigurazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi. Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Lulju 2016, AXA, bħala assiguratur prinċipali, informat lill-Parlament li, abbażi tal-informazzjoni eżaminata mill-esperti tagħha, iċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq ma kinux koperti mill-kuntratt CAR u, għalhekk, ċaħdet kwalunkwe responsabbiltà.

18.      Minkejja skambju ta’ korrispondenza bil-miktub u laqgħa, in-nuqqas ta’ qbil bejn AXA u l-Parlament ippersista. Dan tal-aħħar bagħat ittra ta’ intimazzjoni lill-konvenuti fl-ewwel istanza, ibbażata fuq stima provviżorja tad-dannu.

19.      Wara din l-ewwel ittra, il-Parlament ġedded din l-intimazzjoni, fit‑28 ta’ Novembru 2018, billi indika li d-dannu mġarrab kien jammonta għal EUR 800 624.33, mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud.

E.      Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

20.      Fl‑20 ta’ Ġunju 2019, il-Parlament għamel azzjoni taħt l-Artikolu 272 TFUE quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn talab li l-konvenuti fl-ewwel istanza jiġu kkundannati jirrimborsaw l-ispejjeż relatati mad-danni tal-ilmijiet ikkawżati lit-tagħmir tal-KAD fix-xahar ta’ Mejju 2016. Insostenn tal-azzjoni tiegħu, il-Parlament invoka sitt motivi.

21.      Fl‑10 ta’ Settembru 2019, AXA, Bâloise Assurances Luxembourg u La Luxembourgeoise ppreżentaw ir-risposta tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali.

22.      Wara li ġie informat li Delta Lloyd Schadeverzekering kienet ġiet assorbita minn NN, permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Jannar 2020, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali nnotifika lil din tal-aħħar bil-preżentata ta’ rikors u indikalha t-terminu sabiex tippreżenta r-risposta tagħha.

23.      NN ma ppreżentatx risposta fit-terminu stabbilit.

24.      Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Ġunju 2020, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali informa lil NN li, skont l-Artikolu 123 tar-RPQĠ, li jikkonċerna s-sentenzi fil-kontumaċja, u fuq talba tal-Parlament, hija ma kinitx se tibqa’ tipparteċipa fil-proċedura fil-kontumaċja u kienet ser tiġi nnotifikata biss bid-deċiżjoni li ttemm din il-proċedura.

25.      Fid‑29 ta’ Settembru 2021, permezz tal-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-azzjoni sa fejn kienet tikkonċerna lill-konvenuti fl-ewwel istanza, bl-eċċezzjoni ta’ NN. Fil-punti 1 u 3 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, din il-qorti kkundannat lil NN tirrimborsa lill-Parlament is-somma ta’ EUR 79 653.89 (li tikkorrispondi għas-somma mitluba mill-Parlament fit-talbiet tiegħu kontra NN), flimkien mal-interessi legali moratorji, kif ukoll għall-ispejjeż tal-proċedura fil-kontumaċja sa fejn dawk il-proċeduri kienu jikkonċernawha.

26.      Fit‑18 ta’ Novembru 2021, konformement mal-Artikolu 41 tal-Istatut u mal-Artikolu 166 tar-RPQĠ, NN ippreżentat oppożizzjoni għall-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Jannar 2022, il-Qorti Ġenerali ssospendiet din il-proċedura sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan l-appell.

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja u ttalbiet talpartijiet

27.      Permezz ta’ nota tat‑8 ta’ Diċembru 2021, il-Parlament ippreżenta dan l-appell mis-sentenza appellata.

28.      Permezz tal-appell tiegħu, il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla l-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        tirriżerva l-ispejjeż, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jifformaw is-suġġett tal-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata; u

–        sussidjarjament, tannulla l-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, u tilqa’ t-talba tal-Parlament kontra l-konvenuti fl-ewwel istanza.

29.      Fir-risposta tagħhom għall-imsemmi appell, il-konvenuti fl-ewwel istanza, fosthom NN, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell tal-Parlament;

–        tiċħad it-talba tal-Parlament li l-ispejjeż jiġu rriżervati;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell tal-Parlament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

–        fuq bażi sussidjarja, tiċħad it-talbiet tal-Parlament kontra AXA, Bâloise Assurances Luxembourg u La Luxembourgeoise fuq il-bażi tal-argumenti li huma ressqu fl-ewwel istanza u li tiddeċiedi, konsegwentement, skont it-talbiet tagħhom.

30.      Permezz tal-appell inċidentali tagħha, ippreżentat fis‑6 ta’ April 2022, NN titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara l-appell inċidentali ammissibbli; u

–        tannulla l-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

31.      Fir-risposta tiegħu għall-appell inċidentali, il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara l-appell inċidentali inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiddikjara l-appell inċidentali infondat; u

–        tikkundanna lil NN għall-ispejjeż tal-appell inċidentali.

IV.    Analiżi

32.      F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’żewġ appelli, wieħed mill-Parlament u l-ieħor minn NN.

33.      Insostenn tal-appell prinċipali, il-Parlament jinvoka tliet aggravji sabiex jikkontesta l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “għargħar” li jinsab fl-Artikolu I.15.1.1 tal-kuntratt CAR. F’dan ir-rigward, il-Parlament jallega (i) ksur tal-prinċipji ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni; (ii) nuqqas ta’ motivazzjoni; u (iii) żnaturament tal-fatti u tal-provi.

34.      Insostenn tal-appell inċidentali tagħha, NN tqajjem żewġ aggravji. Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 45(1)(a) tar-RPQĠ, li jikkonċerna l-mod kif tiġi ddeterminata l-lingwa tal-kawża, billi naqset milli tikkonstata li r-rikors tal-Parlament, ifformulat bil-lingwa Franċiża, kien manifestament inammissibbli sa fejn kien jikkonċerna lil NN.

35.      Fit-tieni lok, u sussidjarjament, hija tallega ksur tal-Artikolu 123(3) tar-RPQĠ (li jikkonċerna l-passi li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu sabiex tagħti sentenza fil-kontumaċja), kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn is-sentenza appellata laqgħet l-azzjoni fir-rigward ta’ NN, filwaqt li ċaħditu fir-rigward tal-konvenuti l-oħra fl-ewwel istanza, minkejja li t-talbiet tal-Parlament kienu bbażati fuq l-istess argumenti ta’ dritt u ta’ fatt.

36.      Kif ġie indikat diġà, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw prinċipalment fuq l-analiżi tal-ammissibbiltà tat-tieni appell, jiġifieri l-appell inċidentali ta’ NN. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-appell inċidentali ta’ NN ma jistax jiġi kkunsidrat b’mod iżolat, mingħajr ma jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kuntestwali iktar wiesgħa – b’mod partikolari l-fatt li NN hija konvenuta kontumaċi u li hija rrikorriet għal żewġ mekkaniżmi proċedurali distinti. Jidhirli li huwa neċessarju wkoll li jiġu eżaminati dawn l-aspetti, anki jekk jestendu xi ftit lil hinn mill-appell inċidentali.

37.      F’dan id-dawl, ser nibda l-konklużjonijiet tiegħi b’xi rimarki preliminari, li jikkonċernaw il-kwalità ta’ NN bħala konvenuta kontumaċi u – kif indikajt fil-punt 26 iktar ’il fuq –l-oppożizzjoni tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali għas-sentenza fil-kontumaċja (A). Imbagħad ser nindirizza l-ammissibbiltà tar-risposta ta’ NN fl-appell prinċipali (B). Sussegwentement, ser neżamina jekk NN tistax tippreżenta appell inċidentali (C). Fl-aħħar nett, ser nikkonkludi billi niffoka fuq ċerti kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni li jirriżultaw mill-formulazzjoni tal-Artikolu 123(3) tar-RPQĠ, kif ukoll fuq il-mod kif ġie applikat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata (D).

A.      Fuq issentenza filkontumaċja u fuq loppożizzjoni magħmula minn NN.

38.      Skont l-Artikolu 41 tal-Istatut, moqri flimkien mal-Artikolu 123 tar-RPQĠ, meta l-konvenut, regolarment innotifikat b’rikors promotur, ma jippreżentax osservazzjonijiet bil-miktub għad-difiża tiegħu fil-forma xierqa jew fit-terminu previst, u meta r-rikorrent fil-kawża jitlob hekk, il-Qorti Ġenerali tista’ tagħti sentenza kontra din il-parti fil-kontumaċja.

39.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali parti jkollha l-kwalità ta’ “konvenut kontumaċi” (5).

40.      Madankollu, konformement mal-Artikolu 41 tal-Istatut u mal-Artikolu 166 tar-RPQĠ, il-konvenut kontumaċi jista’ jqajjem eċċezzjoni permezz ta’ oppożizzjoni, quddiem il-Qorti Ġenerali, bl-għan tal-annullament tas-sentenza fil-kontumaċja f’terminu ta’ xahar mid-data tan-notifika ta’ din is-sentenza (6). Għaldaqstant, it-testi li jirregolaw il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni jipprevedu espressament binarju proċedurali għal tali parti li tinsab fil-kwalità ta’ konvenut kontumaċi. L-eżerċizzju ta’ dan il-binarju proċedurali jippermetti lil tali konvenut jikseb il-ftuħ mill-ġdid tal-kawża u eżami mill-ġdid tal-kwistjoni li tkun ġiet (provviżorjament) deċiża inaudita altera parte.

41.      Fit‑18 ta’ Novembru 2021, NN għamlet użu minn dan il-binarju proċedurali billi ppreżentat oppożizzjoni għas-sentenza fil-kontumaċja tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, fl‑10 ta’ Jannar 2022, din il-qorti ddeċidiet li tissospendi din il-proċedura, fid-dawl tal-fatt li l-Parlament ippreżenta l-appell prinċipali kontra s-sentenza appellata.

42.      Sussegwentement, NN ippreżentat, fis‑6 ta’ April 2022, risposta u appell inċidentali fil-kuntest tal-proċeduri tal-appell ippreżentat mill-Parlament.

43.      F’dan l-isfond, il-Parlament iqis li kemm ir-risposta kif ukoll l-appell inċidentali ppreżentati minn NN huma inammissibbli. Fiż-żewġ taqsimiet li ġejjin, ser nindirizza l-argumenti tal-Parlament f’dan ir-rigward.

B.      Fuq lammissibbiltà tarrisposta ta’ NN għallappell prinċipali

44.      Fl-ewwel lok, il-Parlament isostni li r-risposta ppreżentata kollettivament mill-konvenuti fl-ewwel istanza hija inammissibbli sa fejn tikkonċerna lil NN, peress li din il-kumpannija ma għandhiex interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud.

45.      Il-Parlament ifakkar li l-appell tiegħu jirrigwarda biss il-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tiegħu sa fejn kien dirett kontra l-konvenuti l-oħra fl-ewwel istanza. Konsegwentement, huwa jsostni li l-appell prinċipali ma jaffettwax is-sitwazzjoni legali ta’ NN.

46.      Jiena ma naqbilx ma’ din il-konstatazzjoni.

47.      Infakkar li, skont l-Artikolu 172 tar-RPQtĠ, “[k]ull parti fil-kawża inkwistjoni” quddiem il-Qorti Ġenerali “li jkollha interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud” tista’ tippreżenta risposta f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tal-appell.

48.      Għalhekk, mill-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 172 tar-RPQtĠ jirriżulta li kull persuna li kellha l-kwalità formali ta’ “parti” fil-proċedura tal-ewwel istanza tista’, bħala prinċipju, tipparteċipa fil-proċedura ta’ appell billi tippreżenta risposta għall-appell ippreżentat minn parti oħra, bil-kundizzjoni li jkollha interess li l-appell jintrebaħ jew ifalli. Konsegwentement, minbarra t-terminu applikabbli, il-parteċipazzjoni tiddependi fuq li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi.

49.      Fl-ewwel lok, ir-risposta għandha tiġi ppreżentata minn “parti fil-kawża inkwistjoni”.

50.      Skont id-definizzjoni tat-terminu “parti” u “parti prinċipali”, prevista fl-Artikolu 1(2)(c) u (d) tar-RPQĠ, jiena nifhem din l-espressjoni bħala li tinkludi r-rikorrent(i) u l-konvenut(i), kif ukoll l-intervenjenti, fil-kawża partikolari (7). NN, konvenuta fis-sentenza appellata, tissodisfa din il-kundizzjoni.

51.      Il-klassifikazzjoni ta’ NN bħala “konvenut kontumaċi” ma taffettwax il-kwalità tagħha ta’ “parti”. Fil-fatt, NN żammet il-kwalità tagħha ta’ konvenuta matul il-proċedura kollha quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, huwa għal din ir-raġuni li s-sentenza appellata ġiet innotifikata lilha (8).

52.      Bl-istess mod, l-Artikolu 172 tar-RPQtĠ jindika b’mod ċar li l-partijiet fil-kawża inkwistjoni għandhom ikunu innotifikati b’appell jekk dan jiġi ppreżentat. In-notifika tal-appell lil NN mill-Parlament tikkonferma wkoll b’mod ċar li NN hija parti fil-proċedura (9).

53.      Fit-tieni lok, il-parti li tixtieq tippreżenta risposta għandu jkollha “interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud”.

54.      Huwa stabbilit li parti li tixtieq tippreżenta azzjoni għandha tkun f’pożizzjoni li turi li din l-azzjoni tista’, bl-eżitu ta’ suċċess tagħha, tagħtiha benefiċċju (10). F’dan ir-rigward, l-istess għandu japplika għal parti li tixtieq tippreżenta risposta għal appell, għaliex għandu jkollha wkoll “interess” fl-eżitu tiegħu sabiex tagħmel dan. Għalkemm naqbel li dan il-kunċett jista’ jinkludi firxa wiesgħa ta’ vantaġġi li jmorru lil hinn minn fatturi strettament legali (11), l-eżitu tal-azzjoni partikolari għandu jkun kapaċi jkollu l-konsegwenzi legali għall-parti li tibda din l-azzjoni u, fil-fehma tiegħi, anki għal dawk li jixtiequ jipparteċipaw fiha (12).

55.      Kif indikat iktar ’il fuq, NN ippreżentat oppożizzjoni intiża għall-annullament tas-sentenza appellata, konformement mal-Artikolu 41 tal-Istatut u mal-Artikolu 166 tar-RPQĠ. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ssospendiet dan ir-rikors, sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell prinċipali.

56.      Fis-sentenza li ser tingħata dwar l-appell prinċipali, ibbażat fuq il-motivi mqajma mill-Parlament, il-Qorti tal-Ġustizzja ser teħtieġ teżamina jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ motivazzjoni meta ċaħdet l-azzjoni kontra l-konvenuti l-oħra fl-ewwel istanza.

57.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Parlament invoka l-istess fatti u l-istess argumenti legali kontra l-konvenuti kollha (għalhekk, inkluża NN). Għaldaqstant huwa kompletament ċar li l-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-argumenti tal-Parlament fil-kuntest ta’ appell ser tiddetermina probabbilment l-eżitu tal-azzjoni ta’ NN attwalment pendenti (għalkemm sospiża) quddiem il-Qorti Ġenerali. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tibdel id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u tilqa’ t-talbiet tal-Parlament, l-eżitu tar-rikors ta’ NN quddiem il-Qorti Ġenerali huwa probabbilment ċert. Il-kuntrarju huwa minnu wkoll: kieku l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiċħad l-appell tal-Parlament, NN iżżid bil-kbir il-possibbiltajiet ta’ suċċess tagħha li tiġi annullata s-sentenza mogħtija fil-kontumaċja.

58.      Konsegwentement, jidhirli li huwa għal kollox evidenti li, għall-kuntrarju tal-argumenti mressqa mill-Parlament, NN għandha interess ġuridiku importanti u dirett fl-eżitu ta’ dan l-appell. F’dan ir-rigward, NN tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet rilevanti msemmija fil-punti 49 u 53 iktar ’il fuq u tista’ tippreżenta risposta għal dan l-appell.

59.      Dan premess, fil-fehma tiegħi, jeżistu wkoll raġunijiet ta’ prinċipju sabiex NN, minkejja li konvenuta kontumaċi għandha tkun tista’, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni f’din il-kawża, tippreżenta risposta għall-appell prinċipali.

60.      Il-preżentata tal-appell prinċipali wasslet għas-sospensjoni mill-Qorti Ġenerali tal-oppożizzjoni mressqa minn NN għas-sentenza fil-kontumaċja. F’dan ir-rigward, ir-rimedju inizjalment miftuħ għal NN skont l-Artikolu 41 tal-Istatut u l-Artikolu 166 tar-RPQĠ ġie temporanjament sospiż, filwaqt li r-rimedju użat mill-Parlament, preċiżament dak ta’ appell, ingħata preċedenza.

61.      Fil-fehma tiegħi, ikun kontradittorju kemm għad-dritt għal rimedju effettiv kif ukoll għad-dritt għal smigħ, li parti, minkejja li tkun konvenuta kontumaċi fl-ewwel istanza, tispiċċa maqbuda f’dan il-limbo legali, li fih hija ma tkunx tista’ tuża b’mod utli r-rimedju legali disponibbli għas-sitwazzjoni tagħha, jiġifieri l-oppożizzjoni għas-sentenza fil-kontumaċja, u lanqas tipparteċipa fil-proċeduri ta’ appell li jirrigwardaw preċiżament il-kawża li fiha hija kienet – u għadha — parti.

62.      Id-dritt għal smigħ jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Dan jaqa’ taħt id-drittijiet tad-difiża, kif stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), b’mod partikolari fl-Artikolu 47 tagħha. B’mod ġenerali, dan id-dritt jiggarantixxi lill-partijiet kollha d-dritt li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, bil-miktub jew oralment, qabel kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwa negattivament l-interessi ta’ din il-parti (13).

63.      Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiżgura li kull parti jkollha possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’pożizzjoni nettament inqas vantaġġuża meta mqabbla mal-partijiet l-oħra (14).

64.      Jekk parti bħal NN ma tkunx f’pożizzjoni li tirrispondi għal appell ippreżentat, hija ma tkunx f’pożizzjoni li tesprimi l-pożizzjoni legali tagħha u li tinstema’ fuq il-bażi tal-argumenti legali tagħha stess imressqa fid-difiża tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha debitament teżamina. F’ċirkustanzi bħal dawn, huwa pjuttost diffiċli li wieħed jara kif il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiggarantixxi l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għal smigħ u rimedju effettiv.

65.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li r-risposta kollettiva ppreżentata mill-konvenuti fl-ewwel istanza hija ammissibbli fl-intier tagħha, inkluż fir-rigward ta’ NN.

C.      Lammissibbiltà talappell inċidentali ta’ NN

66.      Fit-tieni lok, il-Parlament jargumenta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara inammissibbli l-appell inċidentali ta’ NN minħabba li, bħala konvenuta kontumaċi, hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex teżerċita dan ir-rimedju proċedurali.

67.      Fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà tal-appell inċidentali ta’ NN, ser neżamina l-ewwel id-dispożizzjonijiet rilevanti li fuqhom huwa bbażat l-użu ta’ dan il-mekkaniżmu legali. Għal dan l-għan, ser neżamina l-Artikolu 176 tar-RPQtĠ fuq l-appelli inċidentali u ser nispjega għaliex jien ukoll inqis li l-Artikolu 56 tal-Istatut, li jikkonċerna l-appelli, huwa rilevanti f’dan il-kuntest speċifiku (1). Sussegwentement, ser indawwar l-attenzjoni tiegħi fuq ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni tal-Istatut u ser nispjega għaliex inqis li NN ma tistax tippreżenta appell inċidentali fil-kuntest ta’ din il-kawża (2). Fl-aħħar nett, ser nipproponi xi riflessjonijiet qosra dwar is-sistema tar-rimedji ġudizzjarji li għandu l-konvenut kontumaċi, b’mod partikolari dwar jekk dan tal-aħħar jistax juża fl-istess ħin diversi mekkaniżmi (3).

1.      Iddispożizzjonijiet rilevanti għallpreżentata ta’ appell inċidentali

68.      L-Artikolu 176 tar-RPQtĠ jistabbilixxi l-kuntest proċedurali tal-appelli inċidentali. Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 172 tar-RPQtĠ jistgħu jippreżentaw appell inċidentali. F’dan ir-rigward, appellant inċidentali jista’ jkun kull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud.

69.      Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li parti li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tippreżenta risposta għal appell u tippreżenta fl-istess ħin appell inċidentali (15). Madankollu, ir-risposta għal appell ma tistax tkun intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għal aggravji distinti u indipendenti minn dawk invokati fl-appell, peress li tali aggravji jistgħu jitqajmu biss bħala parti minn appell inċidentali (16). F’dan ir-rigward, l-appell inċidentali għandu jiġi ppreżentat f’att distint mir-risposta u għandu jinkludi biss aggravji u argumenti distinti u indipendenti minn dawk imqajma fir-risposta ta’ din l-istess parti għall-appell (17).

70.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, kif ġie ppreċiżat preċedentement, NN tista’ tippreżenta risposta għall-appell prinċipali fis-sens tal-Artikolu 172 tar-RPQtĠ. Konsegwentement, abbażi ta’ interpretazzjoni letterali tal-kliem tal-Artikolu 176 tar-RPQtĠ, NN jidher ukoll li għandha d-dritt tippreżenta appell inċidentali skont il-kundizzjonijiet esposti iktar ’il fuq.

71.      Dawn il-kundizzjonijiet jidhru, f’dan il-każ, issodisfatti. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li l-konvenuti fl-ewwel istanza, fosthom NN, ippreżentaw risposta għall-appell prinċipali fl-istess jum li NN ippreżentat l-appell inċidentali tagħha, f’att separat u fit-terminu stabbilit. Dan l-appell inċidentali huwa intiż għall-annullament tal-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, il-kontenut ta’ dan l-appell inċidentali huwa bbażat fuq motivi differenti minn dawk imqajma fl-appell prinċipali (li jirrigwardaw il-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata) u huwa separat u indipendenti minn dawn l-argumenti mressqa fir-risposta għall-appell prinċipali.

72.      F’dan ir-rigward, u kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament fuq dan il-punt, ma nara ebda kwistjoni dwar il-fatt li l-appell inċidentali ta’ NN jippreżenta argumenti differenti minn dawk imressqa, u huwa intiż li jikseb soluzzjoni distinta minn dik imfittxija minn din il-parti fil-kuntest tal-appell prinċipali (18).

73.      Madankollu, l-osservanza tar-rekwiżiti formali tal-Artikoli 172 u 176 tar-RPQtĠ tirrappreżenta biss ostakolu wieħed li parti għandha tegħleb qabel ma tkun tista’ tippreżenta appell inċidentali b’suċċess.

74.      L-Artikolu 56 tal-Istatut jiddefinixxi l-kundizzjonijiet fundamentali li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex parti tippreżenta appell. F’dan ir-rigward, it-tieni paragrafu tiegħu jipprevedi li appell jista’ jitressaq minn “minn kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha”.

75.      F’dan ir-rigward, tqum minnufih mistoqsija f’moħħna: fl-assenza ta’ riferiment espress, l-Artikolu 56 tal-Istatut jinkludi kemm “appell” konvenzjonali kif ukoll “appell inċidentali”?

76.      Fil-fehma tiegħi, it-tweġiba hija pjuttost ċara.

77.      Din id-dispożizzjoni tirreferi għat-terminu “appell”, li jiddeskrivi rimedju li parti tista’ tuża sabiex tikkontesta deċiżjoni ġudizzjarja, jew parti minnha, billi tressaq argumenti legali intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, ta’ din id-deċiżjoni.

78.      “Appell inċidentali” huwa rimedju legali li jikkorrispondi preċiżament ma’ dan l-għan. Fir-realtà, huwa fundamentalment simili, ħlief għad-distinzjoni kruċjali li parti tippreżenta appell inċidentali wara l-preżentata ta’ appell prinċipali u, naturalment, tressaq argumenti legali u aggravji differenti minn dawk ippreżentati fl-appell prinċipali. F’dan ir-rigward, id-differenza bejn appell u appell inċidentali ma tinsabx fl-essenza ta’ dawn il-mekkaniżmi, iżda fid-dimensjoni temporali tagħhom kif ukoll fin-natura awtonoma jew anċillari tagħhom.

79.      Fil-fatt, appell għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni appellata (19), filwaqt li appell inċidentali jista’ jiġi ppreżentat anki wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu. Skont l-Artikoli 172 u 176 tar-RPQtĠ, dan jista’ jiġi ppreżentat “fl-istess terminu bħal dak previst għall-preżentata tar-risposta”, jiġifieri f’terminu ta’ xahrejn wara li l-appell ikun ġie nnotifikat lill-parti (20).

80.      Barra minn hekk, jekk partijiet differenti jippreżentaw appelli distinti kontra l-istess deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, kull wieħed minn dawn l-appelli jkollu “ħajja indipendenti”. Jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tgħaqqad dawn il-kawżi (kollha jew uħud minnhom) għall-finijiet tal-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura jew tas-sentenza (21). Madankollu, jekk waħda minn dawn il-kawżi kellha tiġi rtirata jew miċħuda bħala inammissibbli, il-proċedura fl-appell jew fl-appelli l-oħra ma tkunx affettwata.

81.      B’kuntrast, l-appell inċidentali huwa kawża li hija ttrapjantata fuq kawża eżistenti. Dan ifisser li l-eżami tal-appell inċidentali mill-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiddependi mill-appell prinċipali. Fil-fatt, skont l-Artikolu 183 tar-RPQtĠ, appell inċidentali jista’ jispiċċa mingħajr skop meta l-appellant jirrinunzja għall-appell tiegħu jew tagħha jew l-appell jiġi ddikjarat manifestament inammissibbli għal ċerti raġunijiet speċifiċi (22).

82.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-mekkaniżmu tal-appell inċidentali jidher li tfassal, qabel kollox, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, u b’mod partikolari biex jiskoraġġixxi tilwim mhux meħtieġ u jippermetti l-eżami ta’ kawżi interkonnessi fi ħdan l-istess proċedura.

83.      Ladarba tingħata sentenza (jew deċiżjoni oħra li tista’ tiġi kkontestata) tal-Qorti Ġenerali, l-azzjoni komuni miftuħa għal kull parti insodisfatta tkun li jiġi ppreżentat appell malajr. Madankollu, jista’ jkun hemm okkażjonijiet meta parti tista’ ma tkunx issodisfatta b’ċerti aspetti ta’ deċiżjoni filwaqt li tkun issodisfatta b’aspetti oħra ta’ deċiżjoni. F’dawn il-każijiet, huwa possibbli li parti tkun lesta li taċċetta l-eżitu fl-ewwel istanza, sakemm il-partijiet l-oħra jaċċettawha wkoll, b’tali mod li l-kawża tinqata’ definittivament.

84.      Madankollu, fl-assenza ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 176(1) tar-RPQtĠ, approċċ ta’ “nistennew u naraw” min-naħa ta’ kull parti jkun riskjuż, peress li parti oħra tkun tista’ tippreżenta appell lejn l-aħħar tat-tmiem it-terminu ta’ xahrejn, li jirrendi diffiċli r-reazzjoni tal-ewwel fi żmien xieraq. F’każ bħal dan, ikun hemm probabbiltà ikbar li jiġu ppreżentati appelli frivoli, anki fil-każ fejn il-partijiet setgħu kienu inklinati li jastjenu milli jibdew proċeduri legali oħrajn.

85.      Abbażi tar-raġunijiet preċedenti, nasal għall-konklużjoni li l-appelli inċidentali u l-appelli prinċipali huma biss żewġ speċi tal-istess ġeneru: appelli.

86.      Għaldaqstant, id-diverġenza żgħira terminoloġika użata fir-regoli rilevanti għal kull tip ta’ rikors isservi sempliċement sabiex tikkontribwixxi sabiex issir distinzjoni bejniethom, meta jsir riferiment għal dawn ir-rimedji rispettivi fil-kuntest ta’ proċedura partikolari. Madankollu, dan ma jfissirx li, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti.

87.      Fil-fatt, ikun kuntrarju għall-importanza li tiġi żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-kunċett li l-partijiet għandhom jitqiegħdu fuq livell ugwali, kieku l-Artikolu 56 tal-Istatut ikun applikabbli biss għal parti li tkun tixtieq tippreżenta appell, u mhux għal parti li tkun tixtieq tippreżenta appell inċidentali ladarba l-appell prinċipali jkun diġà ġie ppreżentat.

88.      Konsegwentement, inqis li l-Artikolu 56 tal-Istatut japplika għall-forom kollha ta’ appell disponibbli bis-saħħa tat-testi li jirregolaw il-proċedura quddiem din l-istituzzjoni ġudizzjarja, li tinkludi l-appelli inċidentali.

89.      Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ din il-kawża, għalkemm jien issodisfatt li NN tikkonforma mal-kundizzjonijiet tal-Artikoli 172 u 176 tar-RPQtĠ, għandu jiġi ddeterminat jekk hija tissodisfax ukoll ir-rekwiżiti proċedurali formali speċifikati fl-Artikolu 56 tal-Istatut (23).

2.      Irrekwiżiti taħt lArtikolu 56 talIstatut

90.      Kif semmejt fil-punt 74 iktar ’il fuq, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut jipprovdi li l-appell jista’ jiġi ppreżentat minn “kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha”.

91.      Għalkemm, fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet, għandu jkun relattivament faċli li jiġi vverifikat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, jista’ jkun hemm każijiet fejn dan l-eżerċizzju ma jkunx daqshekk sempliċi. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, għaliex il-kliem “tilfet” (24) u “t-talbiet tagħha” (25) ma jkunux neqsin mill-ambigwità. Tali ambigwità hija parzjalment dovuta għal ċerti diverġenzi fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Istatut (26).

92.      Madankollu, irrispettivament minn dawn id-dubji ta’ interpretazzjoni, fil-fehma tiegħi huwa diffiċli li jiġi kkontestat li konvenut kontumaċi ma jissodisfax dawn il-kriterji. Tali konvenut ma ppreżenta l-ebda sottomissjoni u għalhekk ma għamel ebda talba speċifika. Barra minn hekk, bħala konsegwenza, ma jistax jintqal li tali parti “tilfet”, fis-sens tal-Artikolu 56 tal-Istatut.

93.      Biex noqgħod fuq il-metafora introdotta fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, biex wieħed jasal fid-destinazzjoni tal-ferrovija jeħtieġ li l-ewwel jinxtara biljett, jintalab itinerarju, imbagħad wieħed jitla’ abbord din il-ferrovija.

94.      Din il-pożizzjoni tidher li hija allinjata mal-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni. F’din il-kawża, kemm Bayer CropScience kif ukoll Bayer ippreżentaw appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-ewwel waħda biss kienet parti fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali. Peress li Bayer ma pparteċipatx f’dawk il-proċeduri inizjali u ma invokat ebda ċirkustanza partikolari li setgħet eventwalment tawtorizzaha tippreżenta appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-appell kien inammissibbli sa fejn kien ġie ppreżentat f’isem din il-kumpannija (27).

95.      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal konklużjoni paragunabbli f’ċerti kawżi dwar it-trade marks, li jikkonċernaw intervenjenti potenzjali fil-proċedura ta’ appell. Fil-fatt, fil-każ fejn il-parti li tkun ippreżentat appell tkun naqset milli tirrispondi għar-rikors promotur, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li tali parti ma jistax jitqies li pparteċipa fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali peress li la ressqet it-talbiet tagħha u lanqas ma indikat li kienet qiegħda tappoġġja t-talbiet tal-partijiet l-oħra (28).

96.      F’din il-perspettiva, u l-istess bħall-argumenti mressqa mill-Parlament, nikkunsidra li l-appell inċidentali ta’ NN huwa inammissibbli.

3.      Ilkunsiderazzjonijiet proċedurali iktar wiesa’

97.      Dan premess, għalkemm nasal għall-konklużjoni msemmija iktar ’il fuq mil-lenti ta’ din il-kawża, l-istess loġika tapplika għall-qafas proċedurali iktar wiesa’ li jirregola r-rimedji ġudizzjarji quddiem il-qrati tal-Unjoni.

98.      L-argumenti mressqa mid-diversi partijiet f’dawn il-proċeduri juru ambigwità notevoli fir-rigward tal-użu ta’ mekkaniżmi legali speċifiċi quddiem din l-istituzzjoni ġudizzjarja, kif ukoll il-mument xieraq li fih dawn jistgħu jintużaw.

99.      F’dan ir-rigward, fejn għal mument inwarrbu ftit ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, għandhom jiġu indirizzati żewġ mistoqsijiet li huma ovvjament interkonnessi: (i) jekk il-konvenut kontumaċi jistax jippreżenta appell minn sentenza mogħtija fil-kontumaċja, jew jekk huwiex obbligat jagħmel użu mir-rimedju proċedurali li jippermettilu jippreżenta oppożizzjoni għal dik is-sentenza; u, jekk hu dan tal-aħħar (ii) ikunx jista’ jsegwi ż-żewġ rimedji fl-istess ħin, jew, kif tixhed din il-kawża, jippreżenta tali oppożizzjoni flimkien ma’ appell inċidentali.

100. Fil-fehma tiegħi, it-tweġiba għaż-żewġ mistoqsijiet hija relattivament ċara.

101. Jiġifieri, il-konvenut kontumaċi ma jistax jippreżenta rikors kontra deċiżjoni tal-ewwel istanza għaliex huwa obbligat jagħmel użu mir-rimedju ġudizzjarju speċifiku li jikkonsisti f’talba għall-annullament tas-sentenza fil-kontumaċja. A fortiori, konvenut kontumaċi ma jistax jinvoka ż-żewġ rimedji simultanjament billi jippreżenta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, flimkien ma’ oppożizzjoni għas-sentenza fil-kontumaċja quddiem il-Qorti Ġenerali.

102. Tali interpretazzjoni tidher li ġiet ikkonfermata iktar reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Eulex Kosovo vs SC, mogħtija fl-istess jum ta’ dawn il-konklużjonijiet (29).

103. Iż-żewġ rimedji proċedurali għaldaqstant mhux biss huma alternattivi u reċiprokament esklużivi, iżda lanqas ma huma interkambjabbli.

104. Minn naħa, sabiex tippreżenta appell, parti għandha tissodisfa r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 56 tal-Istatut, fejn, essenzjalment, teħtieġ il-parteċipazzjoni fl-ewwel istanza. Għalhekk, għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq, il-konvenut kontumaċi ma jissodisfax dan il-kriterju. Kull tentattiv sabiex jiġi ppreżentat appell b’suċċess jidher li jkun inutli.

105. Min-naħa l-oħra, jekk parti tkun ipparteċipat fil-proċeduri fl-ewwel istanza, hija ma tistax, mid-definizzjoni tagħha stess, tiġi kklassifikata bħala konvenut kontumaċi. Konsegwentement ma jkunx hemm sentenza fil-kontumaċja li kontriha dik il-parti tista’ titlob l-annullament tagħha.

106. Jekk dan jiġi kkunsidrat b’mod ieħor ikun inkompatibbli mal-loġika tas-sistema ta’ rimedji legali tal-Unjoni.

107. Fil-fatt, dan jevita mhux biss ir-regoli li jipprevedu rimedju proċedurali maħsub speċifikament sabiex tiġi prekluża deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, iżda wkoll tiżvaluta tali rimedju, fid-dawl tat-termini differenti li jirregolaw dawn il-mekkaniżmi u tal-piż deċiżiv li sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tinvolvi fil-kuntest ta’ appell. Bl-istess mod, hija timmina l-essenza stess tad-deċiżjonijiet fil-kontumaċja, li jservu sabiex jinkoraġġixxu parteċipazzjoni attiva fi proċeduri legali billi jillimitaw l-involviment u r-rimedji disponibbli għal parti li ma pparteċipatx fil-proċeduri inizjali, minkejja t-talba biex tagħmel hekk.

108. Barra minn dan, jekk jiġi permess l-użu ta’ żewġ rimedji legali b’mod parallel, dan ikun ifisser li konvenut kontumaċi jkollu opportunità doppja – jew, biex inkompli bil-metafora, jirkeb żewġ ferroviji fl-istess ħin. Dan imur kontra l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet kollha. Ikkunsidrat b’dan il-mod, kif jista’ jkun li parti li naqset milli tipparteċipa fl-ewwel istanza tkun permessa madankollu teżerċita rimedju ġudizzjarju quddiem il-Qorti Ġenerali, u rimedju ġudizzjarju ieħor quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fejn fit-tnejn li huma jintalab, fl-aħħar mill-aħħar, l-istess eżitu?

109. Fl-aħħar nett, tali sitwazzjoni tista’ wkoll tfixkel l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, peress li tippreġudika l-integrità tal-qafas proċedurali billi toħloq konfużjoni fir-rigward tar-rimedju xieraq għall-każ partikolari, filwaqt li aktarx tikkontribwixxi għall-eskalazzjoni tal-ispejjeż għal kull parti involuta fi proċeduri paralleli, kif ukoll dawk ta’ din l-istituzzjoni ġudizzjarja (30).

110. Dawn l-osservazzjonijiet huma wkoll rilevanti f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ appell inċidentali.

111. F’tali ċirkustanzi, l-argumenti mressqa mill-konvenut kontumaċi fl-oppożizzjoni għad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja jistgħu jixbhu dawk imressqa minn dan l-istess konvenut fil-kuntest ta’ appell inċidentali. Madankollu, jista’ jkun ukoll, kif juri l-appell inċidentali ta’ NN, li l-argumenti mressqa fl-appell inċidentali jkunu totalment differenti.

112. Dwar dan il-punt, ma naqbilx mal-fehma ta’ NN li tali ipoteżi jkollha l-effett li tirrazzjonalizza l-proċedura billi tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti sentenza finali, li tiddeċiedi wkoll b’mod definittiv il-kwistjonijiet imqajma fir-rikors għall-annullament tas-sentenza fil-kontumaċja quddiem il-Qorti Ġenerali.

113. Anzi, tali sitwazzjoni tagħti bla ma trid vantaġġ lill-konvenut kontumaċi bl-użu ta’ rimedju proċedurali addizzjonali sabiex iressaq argumenti legali ġodda, mingħajr ma tiggarantixxi li l-argumenti inizjali mressqa fir-rikors għall-annullament tas-sentenza fil-kontumaċja fil-kuntest fattwali tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali jiġu indirizzati b’mod korrett, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt tiddeċiedi li l-appell inċidentali huwa fondat. Dan għaliex, fil-kuntest ta’ appell inċidentali, il-Qorti tal-Ġustizzja hija intrinsikament marbuta li tiddeċiedi biss kwistjonijiet ta’ dritt.

114. Fil-fehma tiegħi, il-konsegwenzi li għadhom kif ġew deskritti ma jirriflettux il-funzjonament mixtieq tas-sistema ta’ rimedji, stabbilita fit-testi li jirregolaw il-proċedura quddiem il-Qrati tal-Unjoni – ferrovija waħda ma tistax tokkupa fl-istess ħin żewġ binarji.

115. Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li r-rimedju proċedurali li jippermetti lil konvenut kontumaċi jippreżenta rikors għall-annullament ta’ sentenza fil-kontumaċja quddiem il-Qorti Ġenerali huwa s-soluzzjoni l-iktar xierqa (rectius, l-unika) li tali parti tista’ tuża f’tali ċirkustanzi.

116. Meta l-Qorti Ġenerali tirċievi talba minn konvenut għall-annullament ta’ sentenza fil-kontumaċja, is-sentenza inizjali tal-ewwel istanza ma titqiesx bħala definittiva. F’termini prattiċi, jekk dan ir-rikors jintlaqa’, deċiżjoni ġdida tissostitwixxi s-sentenza fil-kontumaċja.

117. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ ċaħda ta’ dan ir-rikors, is-sentenza fil-kontumaċja tibqa’ fis-seħħ u ssir, fir-rigward tal-proċeduri tal-ewwel istanza, definittiva. F’dan l-istadju, il-konvenut kontumaċi jista’, jekk ikun jixtieq, jippreżenta appell f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi n-notifika ta’ din is-sentenza. Fil-fehma tiegħi, dan il-proċess hu allinjat mar-rieda tal-funzjonament tas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji prevista mill-qafas proċedurali (31).

118. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nirripeti l-konklużjoni tiegħi li l-appell inċidentali ta’ NN għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Konsegwentement, ma hemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa ż-żewġ aggravji magħmula minn NN fih.

119. Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-evalwazzjoni tiegħi iktar ’il fuq u, għaldaqstant, tasal għall-konklużjoni li l-appell inċidentali ta’ NN huwa ammissibbli, jiena tal-fehma li, għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’l isfel, hija għandha tikkonstata li dan l-appell inċidentali huwa fondat sew u, konsegwentement, tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tikkonċerna lil NN.

D.      Lapproċċ talQorti Ġenerali meta tat issentenza filkontumaċja firrigward ta’ NN

120. Kif semmejt fil-punt 34 iktar ’il fuq, NN tqajjem żewġ aggravji fl-appell inċidentali tagħha. Għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina qabel kollox it-tieni aggravju ta’ NN. Peress li fil-fehma tiegħi dan l-aggravju huwa manifestament fondat, ma huwiex meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-ewwel aggravju ta’ NN.

121. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, NN tallega ksur tal-Artikolu 123(3) tar-RPQĠ, li jikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom il-Qorti Ġenerali tista’ tagħti sentenza fil-kontumaċja, kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn is-sentenza appellata laqgħet l-azzjoni ppreżentata kontriha filwaqt li ċaħdet din l-azzjoni magħmula kontra l-konvenuti l-oħra fl-ewwel istanza, minkejja li t-talbiet tal-Parlament kienu bbażati fuq l-istess argumenti ta’ dritt u ta’ fatt.

122. Fil-punti 45 sa 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk kienx hemm lok li jintlaqa’ r-rikors tal-Parlament sabiex tingħata sentenza fil-kontumaċja kontra NN, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 123(3) tar-RPQĠ. Skont din id-dispożizzjoni, qabel ma l-Qorti Ġenerali tkun f’pożizzjoni li tagħti sentenza fil-kontumaċja favur ir-rikorrent, hija għandha tivverifika li (i) għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni li jkollha quddiemha; (ii) l-azzjoni ma hijiex manifestament inammissibbli; u (iii) l-azzjoni ma hijiex manifestament infondata fid-dritt.

123. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-kundizzjonijiet taħt l-Artikolu 123(3) tar-RPQĠ kienu ssodisfatti.

124. Wara li kkonstatat li kellha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni tal-Parlament u li din l-azzjoni ma kinitx manifestament inammissibbli, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tielet kundizzjoni msemmija iktar ’il fuq. F’paragrafu wieħed qasir, qalet:

“[…] analiżi prima facie tal-argumenti tal-Parlament ma turix li l-azzjoni hija manifestament infondata fid-dritt. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-pretensjoni li tagħha hija titlob kumpens taqax jew le taħt il-kuntratt CAR, mingħajr ma tkun is-suġġett ta’ klawżola ta’ esklużjoni li tirriżulta minn dan il-kuntratt, teħtieġx eżami iktar fil-fond tat-termini ta’ dan il-kuntratt, moqrija fil-kuntest tagħhom u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-intenzjoni tal-partijiet” (32).

125. Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-azzjoni tal-Parlament kontra NN. Madankollu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-mertu tal-azzjoni kontra l-konvenuti l-oħra fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali – wara li wettqet eżami iktar fil-fond tal-argumenti tal-Parlament – ikkonkludiet li dawn l-argumenti ma kinux fondati u għalhekk ċaħdet din il-parti tal-azzjoni (33).

126. Nikkonstata żewġ żbalji ta’ liġi distinti f’dawn is-siltiet tas-sentenza appellata: żball ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 123 tar-RPQĠ u nuqqas ta’ motivazzjoni.

127. L-ewwel, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jirriżulta minn fehim żbaljat tal-għan u tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju impost mill-Artikolu 123 tar-RPQĠ, kif ukoll tat-terminu “manifestament” li jinsab fih.

128. B’żieda mal-ispjegazzjonijiet li pprovdejt fil-konklużjonijiet reċenti tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (sentenza tas-Supreme Court) (34), nixtieq nenfasizza li mir-regoli proċedurali tal-Unjoni dwar il-proċeduri tal-kontumaċja, kif ukoll mill-ġurisprudenza ta’ din l-istituzzjoni ġudizzjarja, jirriżulta b’mod ċar li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ konvenut fil-proċedura ma jwassalx awtomatikament għall-aċċettazzjoni, mill-qorti adita, tat-talbiet tar-rikorrent. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċedura fil-kontumaċja, l-idea stess li l-allegazzjonijiet tar-rikorrent jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ verità hija sempliċement eskluża.

129. Madankollu, fl-istess ħin, il-livell ta’ stħarriġ li għandu jiġi applikat mill-qrati tal-Unjoni huwa wieħed ta’ indulġenza relattiva fir-rigward tat-talbiet tar-rikorrent. Il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata twettaq eżami komplet tal-fatti allegati u tal-argumenti ta’ dritt imressqa mir-rikorrent, u lanqas ma huwa mistenni li hija telabora l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt li l-konvenut seta’ jsostni li kieku pparteċipa fil-proċeduri. Billi jitlef id-dritt tiegħu li jidher, il-konvenut jagħżel li jirrinunzja għall-fakultà tiegħu, b’mod partikolari, li jippreżenta provi li jistgħu jikkontestaw l-eżattezza tal-fatti allegati mir-rikorrent jew li jqajmu linji ta’ difiża li, bħala prinċipju, huwa l-konvenut li għandu jipproduċi u jissostanzja (35).

130. Fi ftit kliem, fil-kuntest ta’ proċedura fil-kontumaċja quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa r-rikorrent li għandu l-oneru li jipprova li l-allegazzjonijiet tiegħu huma “prima facie u mhux infondati” (36). Dan l-oneru huwa ssodisfatt meta l-argumenti mressqa mir-rikorrent insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu jidhru, mingħajr analiżi fil-fond, plawżibbli: jiġifieri dan ikun raġonevoli biżżejjed fid-dritt u fil-fatt u, fejn xieraq, sostnut bi provi suffiċjenti.

131. Għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, ir-regoli proċedurali tal-Unjoni jippermettu lill-qrati tal-Unjoni tevita eżami fil-fond tal-pretensjonijiet tar-rikorrent meta l-konvenut, minkejja li jkun ġie nnotifikat b’mod regolari bir-rikors, ikun għażel li ma jipparteċipax fil-proċeduri.

132. Għall-kuntrarju, dawn ir-regoli ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jimplikaw li ma hemmx lok li jsir kwalunkwe eżami meta l-argumenti mressqa mir-rikorrent ikunu kumplessi. Evidentement, teżisti differenza bejn eżami ħafif u assolutament ebda eżami.

133. Nixtieq ninsisti fuq dan il-punt. Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 123(3) tar-RPQĠ ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrent stabbilixxa każ prima facie għas-sempliċi raġuni li l-kwistjoni mqajma mir-rikorrent hija tant kumplessa (fid-dritt u/jew fil-fatt) li dan jimmerita skrutinju iktar fil-fond. Il-kumplessità, fir-rigward tal-argumenti mressqa, ma hijiex awtorizzazzjoni għall-assenza ta’ kull forma ta’ evalwazzjoni ġudizzjarja ta’ dawn l-argumenti (37).

134. Issa, dan huwa preċiżament dak li ġara f’dan il-każ f’dak li jikkonċerna t-talbiet imressqa mill-Parlament kontra NN. Fil-fatt, il-punt 57 tas-sentenza appellata juri b’mod inkontestabbli li l-Qorti Ġenerali ma għamlet ebda evalwazzjoni sostantiva ta’ dawn il-pretensjonijiet.

135. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 123 tar-RPQĠ. Il-Qorti Ġenerali kellha, tal-inqas, teżamina jekk, fid-dawl tat-termini tal-kuntratt, moqrija fil-kuntest tagħhom, l-interpretazzjoni tiegħu mressqa mill-Parlament kinitx suffiċjentement plawżibbli sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ każ prima facie.

136. Fi kwalunkwe każ, jidhirli li huwa ċar ukoll li argument partikolari ma jibqax plawżibbli jekk, fl-istess deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar il-mertu ta’ dan l-argument u tasal għall-konklużjoni li, wara skrutinju iktar fil-fond, huwa infondat.

137. Kif spjegajt preċedentement, l-Artikolu 123 tar-RPQĠ jippermetti lill-Qorti Ġenerali tirrinunzja għal eżami ddettaljat tat-talbiet tal-appellant fil-kuntest ta’ proċedura fil-kontumaċja. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tobbliga lil din il-qorti tillimita ruħha għal stħarriġ ħafif waqt l-evalwazzjoni tal-argumenti mressqa kontra konvenut kontumaċi meta, għal raġuni jew oħra, dawn l-istess argumenti ser ikollhom jiġu eżaminati iktar fil-fond.

138. Huwa diffiċli li wieħed jifhem l-loġika wara tali deċiżjoni ġudizzjarja, li fiha qorti tqis li l-istess argumenti (kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt) ma humiex manifestament żbaljati f’parti minn din id-deċiżjoni (f’dan il-każ, fl-evalwazzjoni li tikkonċerna lil NN) u mbagħad tikkunsidrahom bħala żbaljati f’parti oħra ta’ din id-deċiżjoni (f’dan il-każ, meta ġiet evalwata fir-rigward tal-konvenuti l-oħra fl-ewwel istanza).

139. L-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 123 tar-RPQĠ tidher li tagħti x’tifhem li, f’ċerti każijiet, hija fil-fatt obbligata tilqa’ argument b’għarfien sħiħ tal-fatt li tali argument huwa żbaljat u – agħar minn hekk – minkejja li rrikonoxxiet dan espressament fl-istess deċiżjoni.

140. Fil-fehma tiegħi, dan ma jistax jitqies bħala eżerċizzju xieraq u ekwu tal-funzjoni ġudizzjarja ta’ din il-qorti. Essenzjalment, qorti tikkundanna lil parti inadempjenti għas-sempliċi raġuni li tkun għażlet li ma tipparteċipax fil-proċeduri. Issa, kif issemma iktar ’il fuq, ma huwiex dan li huwa previst mir-regoli tal-Unjoni dwar il-proċeduri fil-kontumaċja. Dawn ir-regoli dejjem jobbligaw lill-qorti tal-Unjoni twettaq evalwazzjoni tal-kwistjoni: tali obbligu, għalkemm imwettaq f’forma ħafifa, għandu madankollu josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta.

141. F’dan ir-rigward, wieħed ma għandux jinsa li l-għażla li ma tipparteċipax fil-proċeduri, minkejja li hija ta’ dispjaċir, hija kompletament fid-diskrezzjoni tal-parti individwali u, għaldaqstant, leġittima (38). Naturalment, din l-għażla tinvolvi r-riskju li tiġi ttrattata bħala konvenut kontumaċi, kwalità li jista’ jkollha l-konsegwenza li tkun is-suġġett ta’ sentenza fil-kontumaċja, li twassal, kif ġie spjegat, għal ċertu numru ta’ konsegwenzi proċedurali, li wħud minnhom huma sfavorevoli għall-konvenut.

142. Madankollu, ikunu qegħdin inwessgħu l-kliem u l-għan tar-regoli tal-proċedura tal-Unjoni u jkun hemm ir-riskju ta’ konsegwenza eċċessivament punittiva jekk qorti tinterpretahom fis-sens li timponi fuqha nfisha l-obbligu li sempliċiment taċċetta l-argumenti tar-rikorrenti jkunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi.

143. L-opinjoni tiegħi tidher li hija kkorroborata mis-sentenza tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Tomkins, li fiha din ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tnaqqas it-tul tal-aġir antikompetittiv attribwit lil kumpannija, abbażi tal-konstatazzjonijiet li saru fir-rigward ta’ kumpannija oħra, minkejja li l-ewwel kumpannija ma kienet qajmet ebda allegazzjoni dwar it-tul tal-ksur (39). Il-Kummissjoni kienet ikkritikat lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet ultra petita. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell billi rrilevat, essenzjalment, li ż-żewġ kumpanniji kienu relatati (il-kumpannija omm u s-sussidjarja) u li dan ma kienx każ ta’ żewġ istanzi ta’ aġir distint li jikkostitwixxu ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, iżda pjuttost ksur uniku, li għalih iż-żewġ kumpanniji setgħu jinżammu responsabbli.

144. Il-prinċipji li jirriżultaw minn din is-sentenza jidhru li huma rilevanti mutatis mutandis għal din il-kawża. Il-konvenuti fl-ewwel istanza huma relatati peress li huma kollha marbuta bl-istess u uniku kuntratt u ġew imħarrka kollettivament mill-Parlament quddiem il-Qorti Ġenerali għal allegat nuqqas ta’ osservanza ta’ dan il-kuntratt. F’dawn il-proċeduri, l-erba’ assiguraturi kienu f’sitwazzjoni fattwali u legali identika: il-Parlament sostna, abbażi tal-istess raġunijiet legali, li huma kienu responsabbli in solidum għar-rimbors tal-ispejjeż relatati mad-danni kkawżati minn avveniment speċifiku (jiġifieri l-allegat għargħar tal-bini tal-KAD).

145. Bħal fis-sentenza Tomkins, fejn il-qorti tal-Unjoni ma setgħetx tattribwixxi żewġ perijodi differenti għall-istess aġir, skont il-kumpannija kkonċernata, għal raġunijiet marbuta mal-aġir tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji, f’dan il-każ, din l-istituzzjoni ġudizzjarja ma tistax tikkunsidra li l-istess klawżoli tal-istess kuntratt għandhom żewġ tifsiriet differenti, skont il-kumpannija kkonċernata, għal raġunijiet relatati mal-aġir tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji.

146. Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sentenza appellata hija vvizzjata wkoll minn nuqqas ta’ motivazzjoni: il-punt 57 tagħha huwa nieqes minn kull evalwazzjoni prima facie tal-argumenti mressqa mir-rikorrent, u huwa kkontradett mill-punti 62 sa 138 ta’ dik is-sentenza (40).

147. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li s-sentenza appellata hija vvizzjata (i) minn żball ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 123 tar-RPQĠ u minn (ii) motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja dwar ir-raġuni li għaliha t-tielet kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, li tippermetti lill-Qorti Ġenerali tagħti sentenza fil-kontumaċja favur ir-rikorrenti, kienet issodisfatta.

148. Għaldaqstant, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tqis l-appell inċidentali ta’ NN bħala ammissibbli, ikun hemm lok, fil-fehma tiegħi, li tannulla l-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

V.      Konklużjoni

149. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiddeċiedi li r-risposta ta’ Nationale-Nederlanden Schadeverzekering Maatschappij NV għall-appell prinċipali hija ammissibbli;

–        tiċħad l-appell inċidentali ta’ Nationale-Nederlanden Schadeverzekering Maatschappij NV bħala inammissibbli.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2021 (T‑384/19, EU:T:2021:630, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).


3      Ara, b’mod partikolari, il-punti 1 sa 31 tas-sentenza appellata.


4      Fil-qasam tal-assigurazzjoni, meta diversi kumpanniji tal-assigurazzjoni jipparteċipaw fil-kopertura ta’ riskju sostanzjali, prattika komuni tikkonsisti fl-indikazzjoni ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni waħda bħala l-assiguratriċi prinċipali. Din il-kumpannija jkollha rwol ewlieni, għalkemm l-assiguraturi parteċipanti kollha flimkien jaqsmu r-riskju.


5      L-Artikolu 41 tal-Istatut u l-Artikolu 123 tar-RPQĠ jagħmluha ċara li, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ sentenza fil-kontumaċja meta jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, il-konvenut li kontrih issir l-azzjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti formali billi jippreżenta risposta li tinkludi, b’mod partikolari, it-talbiet u l-motivi u l-argumenti invokati bi tweġiba għar-rikors. Għal iktar dettalji, ara l-Artikolu 81 tar-RPQĠ, li jistabbilixxi l-informazzjoni essenzjali li konvenut għandu jinkludi meta jippreżenta d-difiża tiegħu.


6      Għal iktar dettalji, ara l-punti 45 sa 61 tas-sentenza appellata.


7      Skont l-Artikolu 1(2)(c) tar-RPQĠ, “parti” u “partijiet” tfisser “kull parti fl-istanza, inklużi l-intervenjent”. Skont l-Artikolu 1(2)(d) tiegħu, “parti prinċipali” u “partijiet prinċipali” ifissru, “ir-rikorrent jew il-konvenut jew it-tnejn li huma”.


8      Skont l-Artikolu 55 tal-Istatut.


9      Mill-proċess jirriżulta li NN ġiet innotifikata bl-appell fis‑26 ta’ Jannar 2022, skont l-Artikolu 171(1) tar-RPQtĠ


10      Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Il-Kummissjoni vs Jiangsu Seraphim Solar System u Il-Kunsill vs Jiangsu Seraphim Solar System u Il‑Kummissjoni (C‑439/20 P u C‑441/20 P, EU:C:2023:211, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:409, punt 28) u tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawżi magħquda Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce (C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2014:2439, punti 44 u 45).


12      Ara, b’analoġija, dwar il-kunċett li rikors għandu jipproduċi konsegwenzi legali, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni (C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55) u tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill (C‑236/17 P, EU:C:2019:258, punt 91).


13      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, ACRE vs Il-Parlament (T‑107/19, EU:T:2020:560, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata)


14      Ara d-digriet tas‑16 ta’ Lulju 2020, HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni (C‑883/19 P, EU:C:2020:601 u EU:C:2020:561, punt 22). Fil-fehma tiegħi, tista’ tiġi stabbilita analoġija bejn din il-kawża u d-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża li ċerti kumpanniji jingħataw id-dritt li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-kumpanniji HSBC ibbażati fuq l-interess dirett u attwali tagħhom fl-eżitu ta’ dik il-kawża. Id-deċiżjoni enfasizzat li, kieku dawn il-kumpanniji ma jkunux awtorizzati jintervjenu, huma jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jinstemgħu.


15      Ara, pereżempju, is-sentenza reċenti tal‑14 ta’ Settembru 2023, Land Rheinland‑Pfalz vs Il‑Kummissjoni (C‑466/21 P, EU:C:2023:666, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il-Kummissjoni (C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 48).


17      Ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2023, Land Rheinland-Pfalz vs Il‑Kummissjoni (C‑466/21 P, EU:C:2023:666, punt 51), u s-sentenza tat-3 ta’ Settembru, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederland et vs Il‑Kummissjoni (C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 47).


18      F’dan ir-rigward, ara l-ġurisprudenza msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar ’il fuq.


19      Artikolu 56 tal-Istatut.


20      L-allinjament taż-żewġ termini (risposta u appell inċidentali) huwa intiż sabiex jiżgura li parti jkollha perijodu ekwu ta’ opportunità, f’terminu raġonevoli, biex tirreaġixxi wara li tkun irċeviet notifika tal-appell prinċipali mingħand parti oħra.


21      Artikolu 54 tal-RPQtĠ.


22      Madankollu, minkejja li hija marbuta, iċ-ċaħda ta’ appell prinċipali ma tipprekludix neċessarjament lill-Qorti tal-Ġustizzja milli teżamina l-appell inċidentali fuq il-mertu. Pereżempju, fis-sentenza tagħha tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos (C‑301/19 P, EU:C:2021:39), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell prinċipali fl-intier tiegħu, iżda laqgħet l-appell inċidentali. Ara wkoll, għal eżempju iktar reċenti, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il‑Kummissjoni (C‑124/21 P, EU:C:2023:1012). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell tal-International Skating Union, iżda laqgħat l-appell inċidentali ppreżentat mill-konvenuti fl-ewwel istanza, li kien intiż sabiex is-sentenza appellata tiġi parzjalment annullata.


23      Fil-fatt, jista’ jiġi sostnut li tali verifika għandha loġikament issir qabel ma tiġi eżaminata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-RPQtĠ u tar-RPQĠ. Tabilħaqq, l-Istatut, li jinsab fi protokoll separat anness mat-Trattati tal-Unjoni, għandu sinjifikat partikolari bħala test stabbilit fid-dritt primarju (Artikolu 281 TFUE). Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża HF vs Il-Parlament (C‑570/18 P, EU:C:2020:44, punt 34) u tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawżi magħquda Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce (C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2014:2439, punti 50 sa 55).


24      Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-Kawżi magħquda Société des produits Nestlé u Mondelez UK Holdings Services vs EUIPO u EUIPO vs Mondelez UK Holdings & Services (C‑84/17 P, C‑85/17 P u C‑95/17 P, EU:C:2018:266, punti 32 sa 41).


25      Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża British Airways vs Il‑Kummissjoni (C‑122/16 P, EU:C:2017:406, punti 39 sa 42).


26      Ibidem.


27      Sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni (C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 43).


28      Ara d-digrieti tat‑12 ta’ Frar 2015, Enercon vs Gamesa Eólica (C‑35/14 P, EU:C:2015:158), u tal‑24 ta’ Novembru 2015, Sun Mark u Bulldog Energy Drink vs Red Bull (C‑206/15 P, EU:C:2015:773).


29      Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2024, Eulex Kosovo vs SC  (C-785/22 P, punti 31 sa 33).


30      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Electrabel u Dunamenti Erőmű vs Il-Kummissjoni (C‑357/14 P, EU:C:2015:642, punt 30).


31      F’tali ċirkustanzi, jidher li r-rekwiżiti formali previsti fid-dispożizzjonijiet rilevanti, inklużi dawk tal-Artikolu 56 tal-Istatut, huma ssodisfatti.


32      Punt 57 tas-sentenza appellata. Peress li s-sentenza appellata hija disponibbli biss fil-verżjoni Franċiża, jiena pprovdejt din it-traduzzjoni. L-enfasi miżjuda minni.


33      Punti 62 sa 138 tas-sentenza appellata.


34      Konklużjonijiet tiegħi (C‑516/22, EU:C:2023:857, punt 44), li jirreferu wkoll għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (C‑365/99, EU:C:2001:184, punt 16).


35      Ibidem, punti 46 u 47.


36      F’dan il-kuntest, għandi nenfasizza li teżisti differenza żgħira fil-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċeduri fil-kontumaċja quddiem iż-żewġ qrati tal-Unjoni rispettivi. Skont l-Artikolu 152(3) tar-RPQtĠ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina “jekk it-talbiet tar-rikorrent jidhrux li huma fondati”, filwaqt li l-Artikolu 123(3) tar-RPQĠ jafda lill-Qorti Ġenerali bil-kompitu li tivverifika jekk ir-rikors huwiex “manifestament infondat fid-dritt”. Jidhirli li l-limitu ta’ evalwazzjoni tal-argumenti tar-rikorrenti mill-Qorti Ġenerali huwa kemxejn inferjuri minn dak tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan probabbilment huwa spjegat mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja hija, fi ħdan is-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, il-qorti tal-aħħar istanza.


37      Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża BĊE vs Crédit lyonnais (C‑389/21 P, EU:C:2022:844, punti 56 sa 58 u 62).


38      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (sentenza tas-Supreme Court) (C‑516/22, EU:C:2023:857, punt 52).


39      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, EU:C:2013:29).


40      Fil-fatt, li kieku l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet li teżamina l-pretensjonijiet tal-Parlament kontra t-tliet konvenuti l-oħra fl-ewwel istanza qabel il-pretensjonijiet tiegħu kontra NN, in-natura kontradittorja tas-sentenza appellata kienet tkun iktar evidenti. F’dan ir-rigward, niddubita kemm il-Qorti Ġenerali kienet tasal għall-istess konklużjonijiet fir-rigward ta’ NN.