Language of document : ECLI:EU:C:2024:66

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fit‑18 ta’ Jannar 2024 (1)

Kawża C104/23

A GmbH & Co. KG

vs

Hauptzollamt B

(Talba għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali Komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Intestatura tariffarja 9406 – Kunċett ta’ bini prefabbrikat – Gaġeġ għall-għoġġiela – Klassifikazzjoni taħt is-subintestatura 9406 00 80)






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, għall-finijiet tan-Nomenklatura Magħquda, gaġeġ għall-għoġġiela magħmula mill-plastik humiex ikklassifikati bħala “bini prefabbrikat” taħt il-Kapitolu 94 jew bħala “plastik u oġġetti tiegħu” taħt il-Kapitolu 39.

II.    Il-kuntest ġuridiku

2.        In-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (2) tirregola l-klassifikazzjoni ta’ oġġetti importati fl-Unjoni Ewropea għal skopijiet doganali. Skont il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (3) konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983, in-Nomenklatura Magħquda hija bbażata fuq is-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“sistema armonizzata”). Din tikkonsisti f’kapitoli, taqsimiet, intestaturi u subintestaturi, fejn kull intestatura u subintestatura għandha n-numru tal-kodiċi tagħha. L-ewwel sitt ċifri jirreferu għall-intestaturi u s-subintestaturi tan-nomenklatura tas-sistema armonizzata, filwaqt li s-seba’ u t-tmien ċifra jidentifikaw subintestaturi speċifiċi.

3.        In-Nomenklatura Magħquda, kif emendata mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas‑16 ta’ Ottubru 2014, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (4), daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2015 (5). Hija kienet tapplika fil-perijodi kollha materjali għall-kawża prinċipali (6).

4.        Fit-Taqsima I tal-Ewwel Parti tan-Nomenklatura Magħquda, is-Sottotaqsima A hija intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda”. Din tipprovdi, sal-punt li tista’ tkun rilevanti hawnhekk, li:

“1.      It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.      (a) Kwalunkwe referenza f’titlu għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew mitmum (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew mitmum permezz ta’ din ir-regola), preżentat mhux armat jew żarmat.

[…]

3.      Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie f’titlu wieħed jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

(a)      it-titlu li jagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal titli li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali.

(b)      taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

[…]

4.      Oġġetti li ma jistgħux ikunu klassifikati skond ir-regoli ta’ hawn fuq għandhom ikunu klassifikati fit-titlu xieraq għall-oġġetti li huma l-iżjed jixbħu.

[…]

6.      Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

5.        Il-Kapitolu 39 u l-Kapitolu 94 huma d-dispożizzjonijiet tan-Nomenklatura Magħquda rilevanti għad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. L-intestatura 3926 tan-Nomenklatura Magħquda hija intitolata “Oġġetti oħrajn tal-plastiks u oġġetti ta’ materjali oħrajn ta’ titli 3901 sa 3914”. Is-subintestatura 3926 9097 għandha l-intestatura “Oħrajn”. In-Nota 1 għall-Kapitolu 39 tan-Nomenklatura Magħquda tistipula li:

“Matul in-nomenklatura, l-espressjoni ‘plastiks’ tfisser dawk il-materjali ta’ titli 3901 sa 3914 li huma jew li kienu kapaċi, jew waqt il-polimerizzazzjoni inkella waqt xi stadju sussegwenti, li jkunu ffurmati taħt influwenza esterna (spiss sħana jew pressjoni, jekk meħtieġ b’solvent jew plastiċiżżatur) b’immudellar, ikkastjar, estrużjoni, irrumblar jew proċess ieħor f’suriet li jibqgħu wara t-tneħħija ta’ l-influwenza esterna. […]”

6.        In-Nota 2(x) għall-Kapitolu 39 tan-Nomenklatura Magħquda tgħid li dan il-kapitolu ma jkoprix oġġetti li jaqgħu taħt il-Kapitolu 94, inkluż “bini prefabbrikat”. L-intestatura 9406 tan-Nomenklatura Magħquda hija intitolata “Bini prefabbrikat”. In-Nota 4 għall-Kapitolu 94 tan-Nomenklatura Magħquda tipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ titlu 9406, l-espressjoni “bini prefabbrikat” tfisser bini li jitlesta fil-fabbrika jew jittella’ bħala elementi, ippreżentati flimkien, biex jiġu mmuntati fil-post, bħal akkomodazzjoni għal djar jew għal post tax-xogħol, uffiċċji, skejjel, ħwienet, barrakki, garaxxijiet jew bini simili.”

III. Ilfatti talkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

7.        Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti, A Gmbh, tipprovdi dawk li tiddeskrivi bħala gaġeġ għall-għoġġiela jew iglù għall-għoġġiela, ta’ daqsijiet u disinni differenti, biex joqgħodu fihom l-għoġġiela waqt it-trobbija tagħhom. Il-gaġeġ għall-għoġġiela għandhom qoxra tal-plastik, u huma magħmula minn ħitan u saqaf, u, skont il-mudell, art. Huma għandhom fetħiet għall-friex u l-ventilazzjoni. Il-faċċata tikkonsisti f’daħla mingħajr bibien, għalkemm il-bibien huma disponibbli bħala għażla f’xi mudelli. L-ikbar mudell (iktar ’il quddiem il-“gaġġa tal-gruppi”) huwa importat mingħajr art, bil-ħsieb taż-żieda sussegwenti ta’ art magħmula minn injam solidu. Id-dimensjonijiet tal-iżgħar mudell ta’ gaġġa għall-għoġġiela huma 147 ċm (tul), 109 ċm (wisa’) u 117 ċm (għoli). Il-gaġġa tal-gruppi għandha dimensjonijiet ta’ 220 ċm (tul), 273 ċm (wisa’) u 183 ċm (għoli). Il-gaġeġ għall-għoġġiela normalment jitqiegħdu barra bil-ħsieb li jipproteġu l-għoġġiela mill-elementi. Dawn jikkonsistu minn polietilene, li fih 8% dijossidu tat-titanju. Bejn 12% u 21% ta’ kull oġġett jikkonsisti f’bażi tal-metall u frejms tal-bibien.

8.        Fil‑5 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrenti talbet lill-konvenut, Hauptzollamt B (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali B), sabiex joħroġ informazzjoni tariffarja vinkolanti sabiex il-gaġeġ għall-għoġġiela jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 9406 0080 tan-Nomenklatura Magħquda bħala “bini prefabbrikat” magħmul minn “materjali oħrajn”. Fid‑29 ta’ Settembru 2015, il-konvenut ħareġ informazzjoni tariffarja vinkolanti li kklassifikat l-oġġetti taħt is-subintestatura 3926 9097 bħala oġġetti tal-plastik għajr dawk li jaqgħu taħt is-subintestaturi tan-Nomenklatura Magħquda 3926 1000 sa 3926 9092. Bħala konsegwenza, il-gaġeġ għall-għoġġiela attiraw dazju ta’ 6.5%, pjuttost milli r-rata ta’ 2.7% li kienet tapplika kieku ġew ikklassifikati bħala bini prefabbrikat.

9.        Ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja) sabiex tikkontesta l-klassifikazzjoni tal-konvenut u sabiex il-gaġeġ għall-għoġġiela jiġu kklassifikati bħala “bini prefabbrikat”. Il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) ċaħdet dan ir-rikors fuq il-bażi li, peress li kienu komposti minn polietilene, li tahom in-natura essenzjali tagħhom, il-gaġeġ għall-għoġġiela kienu kklassifikati korrettament taħt is-subintestatura 3926 9097. Il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) iddeċidiet li peress li kważi l-faċċata kollha tal-gaġeġ għall-għoġġiela kienet tikkonsisti f’daħla, dawn ma kinux magħluqa u għalhekk ma setgħux jiġu kklassifikati bħala bini prefabbrikat.

10.      Ir-rikorrenti appellat minn din id-deċiżjoni fuq kwistjoni ta’ liġi quddiem il-qorti tar-rinviju.

11.      Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti ssostni li ma huwiex essenzjali li l-gaġeġ għall-għoġġiela jkunu magħluqa minn kull naħa sabiex jaqgħu taħt l-intestatura 9406 tan-Nomenklatura Magħquda. La r-regolament u lanqas in-noti tiegħu ma jistabbilixxu tali rekwiżit u l-eżempji ta’ bini fin-Nota 4 għall-Kapitolu 94 tan-Nomenklatura Magħquda jinkludu “barrakki”, li jista’ jkollhom fetħiet ta’ dħul u ħruġ li ma jistgħux jingħalqu, jew naħa li tkun kompletament miftuħa. Dawn l-eżempji jirriproduċu n-noti ta’ spjega għall-intestatura 9406 tas-sistema armonizzata u n-Nota 4 għall-Kapitolu 94 tal-Iskeda tat-Tariffa Armonizzata tal-Istati Uniti. Ir-rikorrenti tosserva li l-kundizzjonijiet tat-temp f’ħafna Stati Membri huma tali li mhux dejjem ikun meħtieġ li bini jikkonsisti fi spazju kompletament magħluq sabiex jintuża bħala tali. Lanqas ma huwa ovvju li persuni għandhom ikunu jistgħu jidħlu f’“bini prefabbrikat” jew li dawn il-persuni kollha, inkluż individwi twal, għandhom ikunu jistgħu jagħmlu dan waqt li jkunu bilwieqfa.

12.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li, skont il-konvenut, huwa meħtieġ, minħabba l-assenza ta’ definizzjonijiet fl-intestatura, fin-noti u fl-ispjegazzjonijiet, li inizjalment isir riferiment għal lingwaġġ ta’ kuljum sabiex jiġi ddeterminat x’inhu “bini prefabbrikat” għall-għanijiet ta’ klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9406. Il-konvenut josserva li mhux l-oġġetti kollha li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “bini” fil-lingwaġġ ta’ kuljum huma “bini prefabbrikat” għall-finijiet tan-Nota 4 għall-Kapitolu 94 u tal-intestatura tariffarja 9406 tan-Nomenklatura Magħquda. Il-konvenut isostni li l-binjiet li għalihom tirreferi n-Nota 4 għall-Kapitolu 94 huma, inter alia, magħluqa minn kull naħa; intiżi għal użu (immobbli) fit-tul; għandhom kostruzzjoni stabbli; u huma suffiċjentement kbar sabiex jippermettu lil persuna ta’ tul medju tidħol fihom bilwieqfa.

13.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-gaġeġ għall-għoġġiela jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 3926 sakemm ma jiġux esklużi minnha, skont in-Nota 2(x) għall-Kapitolu 39, fuq il-bażi li huma bini prefabbrikat kopert mill-Kapitolu 94. Kuntrarjament għall-pożizzjoni meħuda mill-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) u mill-konvenut, il-qorti tar-rinviju xxaqleb lejn il-fehma li l-intestatura 9406 ma teħtieġx li bini prefabbrikat jifforma spazju magħluq kompletament min-naħat kollha. Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma wkoll li, sabiex jaqa’ taħt l-intestatura 9406, bini prefabbrikat għandu jippermetti lil persuni ta’ tul medju jidħlu u li jkollhom mill-inqas spazju wieħed li fih ikunu jistgħu joqogħdu bilwieqfa. Fid-dawl tad-dubji tagħha dwar il-klassifikazzjoni tal-oġġetti, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) issospendiet il-proċeduri u għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      L-intestatura 9406 tan-Nomenklatura Magħquda tirrikjedi neċessarjament li bini prefabbrikat jifforma spazju magħluq kompletament min-naħat kollha?

(2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: l-intestatura 9406 tan-Nomenklatura Magħquda tirrikjedi li l-bini prefabbrikat ikun suffiċjentement kbir sabiex jippermetti lil persuna ta’ tul medju tidħol fih u, sabiex tagħmel dan, li jkun hemm mill-inqas spazju aċċessibbli li jippermetti lil tali persuna tkun bil-wieqfa, jew huwa biżżejjed li jkun possibbli li hija tidħol billi titbaxxa?”

14.      Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub.

IV.    Evalwazzjoni

 Osservazzjonijiet talKummissjoni Ewropea

15.      Filwaqt li indirizzat flimkien id-domandi magħmula, il-Kummissjoni, konformement mal-approċċ tal-qorti tar-rinviju, tosserva li, fil-klassifikazzjoni tal-gaġeġ għall-għoġġiela inkwistjoni, għandu jiġi ddeterminat jekk humiex “bini prefabbrikat” li, bis-saħħa tan-Nota 2(x) għall-Kapitolu 39 tan-Nomenklatura Magħquda, huma esklużi mill-klassifikazzjoni taħt il-Kapitolu 39. Minn Nota 4 għall-Kapitolu 94 jirriżulta li “bini prefabbrikat” għandu jkun “bini” li jikkorrispondi għall-eżempji fin-nota, li jirreferu għal akkomodazzjoni għal djar jew għal post tax-xogħol, uffiċċji, skejjel, ħwienet, barrakki, garaxxijiet jew bini simili. In-noti ta’ spjega tal‑2022 għas-sistema armonizzata (7) jassenjaw ukoll ċerti tipi ta’ serer u kjoskijiet fit-toroq għall-intestatura “bini prefabbrikat”.

16.      Il-Kummissjoni tosserva li la n-Nomenklatura Magħquda u lanqas is-sistema armonizzata ma jiddefinixxu l-kunċett ta’ “bini”. Id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tal-kliem, li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni, għandha tiġi stabbilita konformement mat-tifsira abitwali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (8). B’riferiment għad-definizzjoni ta’ “building” bl-Ingliż u “Gebäude” bil-Ġermaniż, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, sabiex struttura tiġi kklassifikata bħala “bini prefabbrikat”, għandu jkollha saqaf u ħitan, tkun intiża għall-użu minn persuni li jistgħu jiċċaqilqu fiha sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom, tkun tinsab barra u jkollha ċertu stabbiltà u durabbiltà.

17.      Dwar in-numru ta’ ħitan li għandu jkollu bini u/jew jekk għandux ikollu spazju magħluq, il-Kummissjoni u l-qorti tar-rinviju jirreferu għall-minuti tal‑227 laqgħa tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali. Għalkemm dawn il-konklużjonijiet ma humiex vinkolanti, huma jindikaw li filwaqt li bini mhux bilfors ikollu erba’ ħitan, irid ikollu saqaf u xi ħitan (9). Din il-fehma hija kkonfermata mill-fatt li l-barrakki, iċċitati bħala eżempju fin-Nota 4 għall-Kapitolu 94, mhux dejjem ikollhom erba’ ħitan. Rekwiżit li bini għandu jkollu erba’ ħitan jew ikun magħluq b’xi mod ieħor jista’ jwassal biex oġġetti jiġu kklassifikati taħt subintestaturi differenti skont jekk għandhomx bibien, li jmur kontra l-għan ta’ klassifikazzjoni uniformi.

18.      Ir-rekwiżit li bini għandu jintuża minn persuni li jkunu jistgħu jiċċaqilqu fih sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom huwa kkorroborat mill-fatt li l-oġġetti kollha elenkati taħt il-Kapitolu 94 huma intiżi għall-użu mill-bniedem u li n-Nomenklatura Magħquda tikklassifika oġġetti għall-użu mill-annimali band’oħra. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li “bini prefabbrikat” fis-sens tal-intestatura 9406 għandu jkun intiż għall-użu mill-bniedem, għandu jkun possibbli li l-persuni jiċċaqilqu fih u għandu jkun ta’ daqs li jippermetti li l-persuni jkunu jistgħu jaċċedu għalih u jwettqu attivitajiet fih mingħajr diffikultà. Huwa f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni tirreferi għat-trattament tas-serer u tal-“poly-tunnels” fin-Nomenklatura Magħquda. Biex serra tkun ikklassifikata bħala “bini prefabbrikat”, din trid tkun kbira biżżejjed biex tippermetti lil persuna ta’ tul medju tidħol fiha. Hija tirreferi għar-Regolament (KE) Nru 1655/2005 (10), li jipprovdi li “mini-serra” b’dimensjonijiet ta’ 50 ċm (tul), 24 ċm (wisa’) u 25 ċm (għoli) ma titqiesx bħala “bini prefabbrikat” taħt l-intestatura 9406. Bl-istess mod, skont in-Noti ta’ Spjega tal‑2019 għan-Nomenklatura Magħquda (11), sabiex tkun ikklassifikata bħala “bini prefabbrikat”, “poly-tunnel” trid tkun kbira biżżejjed biex persuna tkun tista’ tidħol fiha. Ikun inkompatibbli wkoll mal-eżempji mogħtija fin-Nota 4 kieku persuna ta’ tul medju setgħet tiċċaqlaq ġewwa strutturi bħal dawn mingħajr ma dik il-persuna tkun tista’ toqgħod bilwieqfa. Il-Kummissjoni tikkonkludi li gaġeġ għall-għoġġiela ma humiex “bini prefabbrikat” taħt l-intestatura 9406 sakemm ma jkunux ta’ daqs li jippermetti lil persuna tiċċaqlaq fihom waqt li tkun bilwieqfa.

19.      Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda dubju li l-gaġeġ għall-għoġġiela inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma għal użu fuq barra.

20.      B’riferiment għall-eżempji fin-Nota 4, il-Kummissjoni għandha dubji dwar jekk l-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ durabbiltà u stabbiltà. Hija tinvoka l-eżempju tal-“poly-tunnels” li, skont in-Noti ta’ Spjega tal‑2019 għan-Nomenklatura Magħquda, ma jaqgħux taħt l-intestatura 9406 jekk jistgħu jiżżarmaw u jiġu mċaqilqa faċilment. Minħabba d-daqs u l-piż apparenti tagħhom, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jista’ jkun possibbli li l-gaġeġ għall-għoġġiela inkwistjoni jiġu mċaqilqa faċilment minn post għall-ieħor, f’liema każ ir-rekwiżit ta’ durabbiltà u stabbiltà ma jkunx issodisfatt.

 Analiżi

21.      Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, huwa li tagħti kjarifika lill-qrati nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom dawn ikunu jistgħu jikklassifikaw b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni skont in-Nomenklatura Magħquda, pjuttost milli tagħmel hija stess din il-klassifikazzjoni (12). Għalkemm il-klassifikazzjoni fl-aħħar mill-aħħar tirriżulta minn evalwazzjoni purament fattwali li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li twettaq fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (13), hija tista’ tagħti indikazzjonijiet u gwida b’riferiment għall-fatti ta’ każ individwali (14).

22.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-Nomenklatura Magħquda u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (15). Għalkemm in-noti ta’ spjega għas-sistema armonizzata u għan-Nomenklatura Magħquda ma għandhomx saħħa vinkolanti, huma jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-Tariffa Doganali Komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (16).

23.      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont ir-regola 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-fatt li dawn huma komposti b’mod predominanti minn polietilene, bħala prinċipju l-gaġeġ għall-għoġġiela inkwistjoni jaqgħu taħt l-intestatura 3926. In-nota 2(x) teskludi “bini prefabbrikat” taħt il-Kapitolu 94 mill-Kapitolu 39. Il-kwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju tista’ għalhekk tiġi solvuta billi jiġi ddeterminat jekk l-oġġetti inkwistjoni humiex “bini prefabbrikat” fis-sens tal-intestatura 9406 peress li, f’dak il-każ, ma jistgħux jaqgħu taħt il-Kapitolu 39. Minn dan isegwi li l-klassifikazzjoni tal-oġġetti inkwistjoni tista’ sseħħ fuq il-bażi ta’ proċess ta’ eliminazzjoni. Jekk “bini prefabbrikat” jeħtieġ jifforma spazju magħluq kompletament min-naħat kollha jew jeħtieġ ikun kbir biżżejjed li jippermetti lil persuna ta’ tul medju tidħol jew toqgħod bilwieqfa ġo fih, il-gaġeġ għall-għoġġiela inkwistjoni ma jaqgħux taħt l-intestatura 9406 u għalhekk għandhom jaqgħu taħt l-intestatura 3926.

24.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-lingwaġġ ta’ kuljum, bini normalment huwa mistenni li jikkonsisti fi strutturi mgħottija iżda mhux neċessarjament li jkollu ħitan fuq in-naħat kollha li jagħlqu kompletament l-ispazju ġewwa fih. Filwaqt li ħafna mill-eżempji ta’ bini fin-Nota 4 tal-Kapitolu 94 jikkonsistu fi spazji magħluqa min-naħat kollha, kif tirrileva b’mod korrett ir-rikorrenti, il-barrakki jistgħu jinbnew b’naħa waħda jew iktar miftuħa. Peress li huwa possibbli li ssir l-għażla li jitwaħħlu bibien fuq xi wħud mill-mudelli, il-gaġeġ għall-għoġġiela jistgħu jifformaw spazju magħluq.

25.      Skont ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-klassifikazzjoni għandha tiġi stabbilita, l-ewwel, skont it-termini tat-titoli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv. L-intestatura 9406 fin-Nomenklatura Magħquda tuża t-terminu “vorgefertigte Gebäude” bil-Ġermaniż, “prefabricated buildings” bl-Ingliż u “constructions préfabriqueés” bil-Franċiż, liema terminu għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-eżempji elenkati fin-Nota 4 għall-Kapitolu 94.

26.      Il-minuti tal‑227 laqgħa tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali jipprovdu evidenza tad-diffikultajiet assoċjati mal-klassifikazzjoni ta’ każijiet ambigwi. F’dik il-laqgħa, ir-rappreżentanti ta’ sittax-il Stat Membru kienu favur il-klassifikazzjoni ta’ kamra tal-ġnien li tikkonsisti f’saqaf u tliet ħitan, mibnija minn qafas tal-aluminju u ħġieġ, bħala “bini prefabbrikat” taħt l-intestatura 9406, filwaqt li r-rappreżentanti ta’ disa’ Stati Membri appoġġjaw il-klassifikazzjoni tagħha bħala struttura tal-aluminju taħt l-intestatura 7610. Il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali huma konformi mal-osservazzjonijiet li għamlet ir-rikorrenti quddiem il-qorti tar-rinviju li l-barrakki jista’ jkollhom naħa waħda jew iktar miftuħa. Il-Kummissjoni u l-qorti tar-rinviju huma tal-istess fehma.

27.      Fid-dawl ta’ dawn is-sottomissjonijiet, jiena tal-fehma li “bini prefabbrikat” taħt l-intestatura 9406 ma huwiex meħtieġ li jifforma spazju magħluq kompletament min-naħat kollha. Minn dan isegwi li naqbel mal-konklużjoni tal-maġġoranza tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali li bini ma għandux għalfejn ikollu erba’ ħitan. Anki jekk huwa minnu li l-binjiet elenkati fin-Nota 4 għall-Kapitolu 94 normalment jifformaw spazju magħluq kompletament min-naħat kollha, dan ma jipprekludix li “bini prefabbrikat” li ma jkunx fih spazju magħluq bħal dan jaqa’ fl-ambitu ta’ dan it-terminu. Fil-lingwaġġ ta’ kuljum, struttura tista’ tikkostitwixxi bini, minkejja li ma tkunx tifforma spazju magħluq. Fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-barrakki tal-ħuxlief u l-barrakki ddisinjati għat-tnixxif tal-injam bl-arja huma eżempji li immedjatament jiġu f’moħħi.

28.      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk “bini prefabbrikat” taħt l-intestatura 9406 għandux ikun ta’ għoli minimu, dan il-kunċett għandu jiġi kkunsidrat fid-dawl tal-eżempji fin-Nota 4 għall-Kapitolu 94. Jekk jittieħed it-terminu “barrakki” waħdu, wieħed jista’ jargumenta li ċerti barrakki jistgħu ma jkunux suffiċjentement kbar li jippermettu lil persuna ta’ tul medju tidħol fihom waqt li tkun bilwieqfa, iżda madankollu xorta waħda jikkostitwixxu bini. L-eżempji fin-Nota 4 għall-Kapitolu 94 ta’ akkomodazzjoni għal djar jew għal post tax-xogħol, uffiċċji, skejjel, ħwienet, garaxxijiet jew bini simili għandhom it-tendenza li jindikaw li “bini prefabbrikat” huma strutturi li persuna ta’ tul medju tista’ tidħol u tiċċaqlaq fihom. Jidher li minn dan jirriżulta li, sabiex “barrakki” jkunu jikkostitwixxu “bini prefabbrikat” għall-finijiet tan-Nota 4 għall-Kapitolu 94, dawn għandhom ikunu suffiċjentement kbar li jippermettu lil persuna ta’ tul medju tidħol u tiċċaqlaq fihom filwaqt li tkun bilwieqfa.

29.      Jiena wasalt għal din il-konklużjoni mingħajr ma bbażajt ruħi fuq tliet sottomissjonijiet li ressqet il-Kummissjoni. L-ewwel, jiena mhux konvint mill-argument li l-esklużjoni fir-Regolament Nru 1655/2005 ta’ mini-serra mill-intestatura 9406 hija indikattiva ta’ approċċ ġenerali fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ għoli ta’ “bini prefabbrikat” li altrimenti kien jaqa’ taħt dik l-intestatura. Id-dimensjonijiet tal-oġġett imsemmi hemmhekk kienu madwar 50 ċm (tul), 24 ċm (wisa’) u 25 ċm (għoli). Kif jirriżulta mir-ritratt li jinsab fl-anness ta’ dan ir-regolament, ipprovdut għal skopijiet ta’ informazzjoni, dan l-oġġett huwa simili għal kaxxa jew kontenitur tal-ħġieġ u ma jistax jiġi konfuż ma’ bini.

30.      It-tieni, is-suġġeriment li “bini prefabbrikat” taħt l-intestatura 9406 għandu jkun suffiċjentement kbir li jippermetti lil persuna ta’ tul medju tidħol fih peress li n-noti ta’ spjega għan-Nomenklatura Magħquda jistipulaw hekk jidher li huwa żbaljat f’ċirkustanzi fejn din id-dikjarazzjoni tidher fil-kuntest ta’ riferiment għal “poly-tunnels” u għalhekk ma kinitx imfassla biex tkun ta’ applikazzjoni ġenerali.

31.      It-tielet, lanqas ma jiena konvint mill-argument tal-Kummissjoni li, bħala konsegwenza tal-indikazzjoni li l-oġġetti kollha fil-Kapitolu 94 huma intiżi għall-użu mill-bniedem, il-barrakki tal-annimali u oġġetti oħra maħsuba għall-użu tal-annimali għandhom bilfors jaqgħu taħt intestatura oħra tan-Nomenklatura Magħquda. Filwaqt li t-titoli tat-taqsimiet u tal-kapitoli huma pprovduti biss għal ħeffa ta’ riferiment, skont l-ewwel regola fir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-Kapitolu 94, li jirreferi, inter alia, għal għamara, friex, sinjali mdawlin u pjanċi tal-ismijiet imdawlin, jaqa’ taħt it-Taqsima XX tan-Nomenklatura Magħquda, intitolata “Oġġetti Manifatturati Varji”. Min-natura tagħha stess, taqsima li tikkonsisti f’oġġetti varji fiha kull tip ta’ oġġetti. Jidhirli li huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li wieħed jagħmel deduzzjoni minn taħlita ta’ oġġetti. Sabiex nasal għal din il-konklużjoni, ninnota li, fl‑1977, l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali kklassifikat taħt l-intestatura 9406 10 silos tal-qamħ, intiżi għall-irziezet, magħmulin minn diversi sezzjonijiet ċirkulari, ta’ dijametru li jonqos, magħmulin minn bords tal-fibra tal-injam, iddisinjati għall-immuntar billi jitqiegħdu waħda fuq l-oħra u miżmuma flimkien b’tubi tal-ħadid, li ma kinux mgħammra b’tagħmir mekkaniku jew termali, bħala bini prefabbrikat magħmul mill-injam (17).

32.      Suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, id-deskrizzjoni tal-gaġeġ għall-għoġġiela fid-deċiżjoni tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni tad-durabbiltà u l-istabbiltà tagħhom li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, huma karatteristiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-istrutturi għandhomx jiġu kklassifikati bħala “bini prefabbrikat”.

33.      Ir-rikorrenti tirreferi wkoll għall-Iskeda tat-Tariffa Armonizzata tal-Istati Uniti. L-intestatura 9406, li tittratta bini prefabbrikat, fiha subintestatura speċifika għal “Barrakki tal-plastik għall-annimali”. Peress li n-Nota 4 tagħha hija kważi identika (18) għal dik fis-sistema armonizzata u fin-Nomenklatura Magħquda, jiena ssodisfatt li ssostni s-sottomissjoni li l-barrakki tal-annimali magħmula mill-plastik ma jaqgħux taħt l-intestatura 9406 skont din in-nota u li tkun meħtieġa entrata speċifika sabiex jaqgħu taħt Kapitolu 94. L-inklużjoni espressa fin-nomenklatura tal-Istati Uniti ta’ barrakki tal-plastik għall-annimali bħala subintestatura taħt l-intestatura 9406 sempliċement turi l-eżistenza ta’ diverġenza fl-approċċi tal-Unjoni u tal-Istati Uniti għal din il-kwistjoni (19).

V.      Konklużjoni

34.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) kif ġej:

In-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas‑16 ta’ Ottubru 2014,

għandha tiġi interpretata fis-sens li bini prefabbrikat taħt l-intestatura 9406 tagħha

–        ma jeħtieġx li jifforma spazju magħluq kompletament min-naħat kollha;

–        jeħtieġ li jkun suffiċjentement kbir sabiex jippermetti lil persuna ta’ tul medju tidħol fih u li jkun hemm mill-inqas spazju aċċessibbli li jippermetti lil tali persuna tkun bilwieqfa; u

–        jeħtieġ li jkun stabbli u durabbli.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382.


3      Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1503, p. 4, Nru. 25910 (1988); ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 3.


4      ĠU 2014, L 312, p. 1.


5      Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni tadotta kull sena, permezz ta’ regolament, verżjoni sħiħa aġġornata tan-Nomenklatura Magħquda flimkien mar-rati awtonomi u konvenzjonali ta’ dazju li jikkorrispondu mat-Tariffa Doganali Komuni, kif joħorġu mill-miżuri adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni.


6      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja: ara, pereżempju, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, Onlineshop (C‑268/18, EU:C:2019:353, punt 22).


7      Il-Kummissjoni tirreferi għan-noti ta’ spjega tal‑2022 peress li l-kodiċijiet taħt is-sistema armonizzata ma għaddew minn ebda bidla materjali minn meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali.


8      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Kreyenhop & Kluge (C‑471/17, EU:C:2018:681, punt 39).


9      Minuti tal‑227 laqgħa tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, p. 10.


10      Ir-Regolament tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Ottubru 2005 li jikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2008, L 348M, p. 278, rettifika fil-ĠU 2009, L 84M, p. 189).


11      ĠU 2019, C 119, p. 1.


12      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Mikrotīkls (C‑542/21, EU:C:2022:814, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Ibid.


14      Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Uroplasty (C‑514/04, EU:C:2006:56, punt 45).


15      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, PRODEX, (C‑72/21, EU:C:2022:312, punt 28).


16      Ibid., punt 29.


17      Din l-informazzjoni dwar opinjoni ta’ klassifikazzjoni hija disponibbli fid-database tal-komoditajiet tas-sistema armonizzata tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana. Ara https://www.wcotradetools.org/en/harmonized-system. L-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni jgawdu l-istess status bħan-noti ta’ spjega, bid-differenza tkun li tal-ewwel jirreferu għal prodotti speċifiċi. Fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Novembru 1975, Douaneagent der Nederlandse Spoorwegen (38/75, EU:C:1975:154, punt 24), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li: “Huwa minnu li […] opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni tal-[Organizzazzjoni Dinjija Doganali] ma jorbtux lill-Partijiet Kontraenti iżda għandhom effett fuq l-interpretazzjoni li hija iktar u iktar deċiżiva peress li joħorġu minn awtorità fdata mill-Partijiet Kontraenti biex tiżgura uniformità fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tan-nomenklatura”.


18      Il-verżjonijiet tal-Istati Uniti tal‑2015 u tal‑2023 jipprovdu li: “Għall-għanijiet ta’ titlu 9406, l-espressjoni ‘bini prefabbrikat’ tfisser bini li jitlesta fil-fabbrika jew jittella’ bħala elementi, imdaħħla flimkien, biex jiġu mmuntati fil-post, bħal akkomodazzjoni għal djar jew għal post tax-xogħol, uffiċċji, skejjel, ħwienet, barrakki, garaxxijiet jew bini simili”. Fit-test tal-Istati Uniti l-kliem “imdaħħla flimkien” jissostitwixxu l-kliem “ippreżentati flimkien” fis-sistema armonizzata u fin-Nomenklatura Magħquda.


19      F’dan il-kuntest, infakkar fil-kliem tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu tat‑28 ta’ Ottubru 1999 fil-kawża Peacock, (C‑339/98, EU:C:1999:540, punt 37): “Il-Qorti tal-Ġustizzja hija qorti ta’ dritt, speċifikament tad-dritt Komunitarju. Ir-rwol tagħha jinkludi b’mod ċar il-kompitu li tinterpreta, bħala kwistjoni ta’ dritt, it-termini tan-[Nomenklatura Magħquda]. Ma hijiex korp tekniku kkwalifikata biex issolvi tilwim dwar kwistjonijiet purament tekniċi, u lanqas ma għandha tintervjeni b’xi mod fi proċess ta’ negozjar tekniku dwar il-kontenut ta’ diversi intestaturi [tas-sistema armonizzata], li dwarhom dawk bl-għarfien espert xieraq ikunu qed jippruvaw jilħqu ftehim internazzjonali fl-ambitu ta’ kwistjoni kjarament problematika u teknika ħafna. Dan il-proċess jista’ jinvolvi emendi li jiċċaraw il-kliem tas-[sistema armonizzata] u huwa l-iktar mezz xieraq biex tinkiseb soluzzjoni fit-tul għad-diverġenza ta’ opinjonijiet involuti. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, tista’ tikkontribwixxi billi tiddikjara kif it-termini rilevanti tan-[Nomenklatura Magħquda] għandhom jiġu interpretati, f’mument partikolari, bħala kwistjoni ta’ dritt Komunitarju”.