Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Lulju 2009 - Val'hor vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-306/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Val'hor (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: V. Ledoux u B. Néouze, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 7846 finali1, tal-10 ta' Diċembru 2008, li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-iskema qafas ta' azzjonijiet li jistgħu jiġu mwettqa mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali agrikoli Franċiżi, li jikkonsistu f'għajnuna għall-assistenza teknika, għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli ta' kwalità, għar-riċerka u l-iżvilupp, u għar-reklamar favur produtturi primarji u impriżi attivi fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti agrikoli, finanzjati permezz ta' kontribuzzjonijiet volontarji li saru obbligatorji permezz ta' digriet interministerjali, li għandhom jinġabru mingħand il-membri ta' dawn l-organizzazzjonijiet interprofessjonali tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni.

Il-motivi u l-argumenti prinċipali invokati mir-rikorrenti huma essenzjalment identiċi jew simili għal dawk invokati fil-kuntest tal-Kawża T-293/09, CNIEL vs Il-Kummissjoni, u T-302/09, CNIPT vs Il-Kummissjoni.

____________

1 - ĠU 2009, C 116, p. 14.