Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Awwissu 2009 - CIVR et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-303/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Conseil interprofessionnel des vins du Roussillon - CIVR (Perpignan, Franza), Comité national des interprofessions des vins à appellation d'origine et à indication géographique - CNIV (Pariġi, Franza), Interprofession nationale porcine - Inaporc (Pariġi) (rappreżentanti: H. Calvet, O. Billard u Y. Trifounovitch, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-10 ta' Diċembru 2008, għajnuna mill-Istat Nru 561/2008 - Franza - Azzjonijiet imwettqa mill-interprofessjonali, C (2008) 7846 finali, sa fejn tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat l-azzjonijiet imwettqa minn organizzazzjonjiet interprofessjonali agrikoli fil-qasam tal-assistenza teknika, tal-għajnuna għall-produzzjoni u għall-bejgħ ta' prodotti ta' kwalità, tar-riċerka u żvilupp kif ukoll tar-reklamar u safejn tikklassifika bħala riżorsi tal-Istat il-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji li jiffinanzjaw tali azzjonijiet;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 7846 finali1, tal-10 ta' Diċembru 2008, li permezz tagħha l-Kummissjoni qieset li l-iskema qafas ta' azzjonijiet li jistgħu jitwettqu minn interprofessjonijiet agrikoli Franċiżi, li jikkonsistu f'għajnuna għall-assistenza teknika, għall-produzzjoni u għall-bejgħ ta' prodotti agrikoli ta' kwalità, għar-riċerka u għall-iżvilupp u għar-reklamar favur il-produtturi primarji u l-impriżi attivi fl-ipproċessar u l-bejgħ ta' prodotti agrikoli, iffinanzjati minn taxxi volontarji li jsiru obbligatorji permezz ta' digriet interministerjali u li huma imposti fuq il-membri ta' dawn l-organizzazzjonjiet interprofessjonali, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni.

Il-motivi u l-argumenti prinċipali invokati mir-rikorrenti huma essenzjalment identiċi jew simili għal dawk invokati fil-kuntest tal-Kawża T-293/09, CNIEL vs Il-Kummissjoni.

____________

1 - ĠU 2009 C 116 p. 14.